Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0343

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-8 ta' Lulju 2010.
    Afton Chemical Limited vs Secretary of State for Transport.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: High Court of Justice (England & Wales), Queen's Bench Division (Administrative Court) - ir-Renju Unit.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Validità - Direttiva 2009/30/KE - Artikolu 1(8) - Direttiva 98/70/KE - Artikolu 8a - Tniġġis atmosferiku - Karburanti - Użu ta’ addittivi metalliċi fil-karburanti - Kontenut massimu permess ta’ methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) - Ittikkettjar - Studju tal-impatt - Żball manifest ta’ evalwazzjoni - Prinċipju ta’ prekawzjoni - Proporzjonalità - Trattament ugwali - Ċertezza legali - Ammissibbiltà.
    Kawża C-343/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-07027

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:419

    Kawża C-343/09

    Afton Chemical Limited

    vs

    Secretary of State for Transport

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Validità — Direttiva 2009/30/KE — Artikolu 1(8) — Direttiva 98/70/KE — Artikolu 8a — Tniġġis atmosferiku — Karburanti — Użu ta’ addittivi metalliċi fil-karburanti — Kontenut massimu permess ta’ methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) — Ittikkettjar — Studju tal-impatt — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Prinċipju ta’ prekawzjoni — Proporzjonalità — Trattament ugwali — Ċertezza legali — Ammissibbiltà”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Eċċezzjoni ta’ illegalità — Natura inċidentali

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/30, Artikolu 1(8))

    2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Karburanti — Direttiva 2009/30

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/30, Artikolu 1(8))

    3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Karburanti — Direttiva 2009/30

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/30, Artikolu 1(8))

    4.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Karburanti — Direttiva 2009/30

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/30, Artikolu 1(8))

    1.        Kumpannija li tipproduċi l-methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) ma tistax tiġi kkunsidrata li hija mingħajr l-ebda dubju individwalment ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mill-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, li temenda d-Direttiva 98/70 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva 1999/32 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12, li jillimita l-preżenza tal-addittiv MMT fil-karburanti, peress li dan l-Artikolu 1(8) ma jsemmihiex b’mod speċifiku u jikkonċernaha biss fir-rigward tal-kwalità oġġettiva tagħha bħala produttriċi ta’ dan l-addittiv bl-istess mod bħalma huma l-operaturi ekonomiċi l-oħra li jinsabu attwalment jew potenzjalment f’sitwazzjoni identika. Il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura kemm-il darba jiġi kkonstatat li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni. Barra minn hekk, għaldaqstant, din il-kumpannija produttriċi ċertament ma għandhiex locus standi sabiex tippreżenta rikors għal annullament fuq il-bażi tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 230 KE kontra l-Artikolu 1(8), iċċitat iktar ’il fuq, u tista’ tinvoka, fil-kuntest ta’ rikors magħmul skont id-dritt nazzjonali, l-invalidità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk ma ppreżentatx rikors għal annullament ta’ dawn tal-aħħar quddiem il-qorti Komunitarja fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE.

    (ara l-punti 20, 23-25)

    2.        F’kuntest tekniku ta’ natura evoluttiva bħalma huwa dak tal-addittivi fil-karburanti, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. F’kuntest bħal dan, il-qorti Komunitarja ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur li lilu biss it-trattat ta dan il-kompitu. Din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika. Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-istituzzjonijiet Komunitarji, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola.

    Għalhekk, meta, matul l-iter leġiżlattiv tal-adozzjoni tad-Direttiva 2009/30, li temenda d-Direttiva 98/70, rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva 1999/32 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12, il-Kumitat tal-Ambjent, tas-Saħħa Pubblika u tas-Sigurtà Alimentari tal-Parlament Ewropew organizza gruppi ta’ ħidma ġenerali u speċifiċi u meta mill-proċess jirriżulta li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni qiesu d-data xjentifika disponibbli li tikkonċerna kemm l-effetti tal-methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) fuq is-saħħa tal-bniedem kif ukoll tal-ambjent u l-impatt tiegħu fuq il-vetturi, il-Parlament u l-Kunsill ma wettqu l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ddeċidew li jistabbilixxu, fl-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, kontenut massimu ta’ MMT fil-karburanti.

    (ara l-punti 28, 33, 34, 36, 41, 42)

    3.        L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, li temenda d-Direttiva 98/70 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva 1999/32 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12 inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2) fid-Direttiva 98/70 u jillimita l-preżenza tal-methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) fil-karburanti, la huwa invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas minħabba ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-fatt, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam li jimplika għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista’ jolqot il-validità ta’ miżura bħal din. F’dan ir-rigward, l-iffissar ta’ limitu massimu permess ta’ MMT fil-karburanti, li jippermetti t-tnaqqis ta’ kwantitajiet ta’ din is-sostanza li tista’ potenzjalment tikkawża dannu lis-saħħa, ma huwiex manifestament inadegwat sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent imfittxa mil-leġiżlatur Komunitarju. Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskji għas-saħħa u tad-dannu għall-magni tal-vetturi kif ukoll fid-dawl tad-diffikultajiet li jiġu żviluppati metodoloġiji tal-ittestjar, miżura restrittiva bħalma hija l-limitazzjoni tal-preżenza tal-MMT fil-karburanti ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet tad-Direttiva 2009/30.

    Isegwi, fir-rigward tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li meta jirriżulta li huwa impossibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, l-imsemmi prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi. Issa, il-kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti stabbilit bl-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30 ma huwiex diskriminatorju, għaliex japplika fl-Unjoni kollha u għall-produtturi u importaturi kollha tal-MMT. Barra minn hekk, fid-dawl tal-inċertezzi li jirrigwardaw kemm id-dannu kkawżat mill-użu tal-MMT kif ukoll ir-riskju rrappreżentat mill-użu tal-MMT, l-iffissar tal-kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti ma jidhirx li huwa manifestament sproporzjonat fir-rigward tal-interessi tal-produtturi tal-MMT, sabiex tiġi żgurata protezzjoni għolja tas-saħħa u tal-ambjent.

    Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-addittivi l-oħra metalliċi li huma bbażati fuq l-manganiż, li r-restrizzjoni imposta fuq l-MMT ma tirrigwardhomx, la huma użati u lanqas importati fl-Unjoni Ewropea. B’hekk, jirriżulta li l-MMT ma jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-addittiv l-oħra bbażati fuq il-manganiż u li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma kienx obbligat jiddefinixxi l-limiti massimi permessi għall-imsemmija addittivi.

    Fl-aħħar nett, l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jista’ jiġi kkonstatat peress li minn kliem l-Artikolu 8a(2) tad-Direttiva 98/70 ma jirriżulta li hemm l-ebda ambigwità dwar ir-rabta bejn il-valur massimu permess ta’ MMT fil-karburanti u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji tal-ittestjar.

    (ara l-punti 46, 50, 55, 61, 63, 68, 69, 75-77, 82, 83)

    4.        Billi adotta l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, li temenda d-Direttiva 98/70 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva 1999/32 rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12, inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(4) sa (6) fid-Direttiva 98/70 u jimponi ttikkettjar għall-karburanti li għandhom l-addittivi metalliċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, l-iskop tal-obbligu tal-ittikkettjar huwa li jipproteġi lill-konsumaturi li, skont l-Artikolu 153 KE, huwa għan tal-Unjoni Ewropea. Dan tal-aħħar għandu jitwettaq permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni. Il-fatt li titqiegħed b’mod li tidher sew tikketta li tinkludi l-kliem segwenti, “Fih addittivi metalliċi”, huwa mezz xieraq għal kisba ta’ dan l-għan. Barra minn hekk, l-ittikkettjar huwa meħtieġ biss għall-bejgħ ta’ karburanti li jkollhom l-addittivi metalliċi u mhux għall-bejgħ tal-MMT bħala addittiv u dan ma jistax jitqies li jżied b’mod sostanzjali l-ispiża tal-produtturi u tad-distributuri tal-karburanti peress li l-volum ta’ karburant li għandu t-tali addittivi huwa minimu. Għalhekk, dan l-obbligu tal-ittikkettjar ma jikkostitwixxix obbligu li huwa manifestament inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur kif stabbilit bid-Direttiva 2009/30.

    (ara l-punti 88, 89, 94-96)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    8 ta’ Lulju 2010 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Validità – Direttiva 2009/30/KE – Artikolu 1(8) – Direttiva 98/70/KE – Artikolu 8a – Tniġġis atmosferiku – Karburanti – Użu ta’ addittivi metalliċi fil-karburanti – Kontenut massimu permess ta’ methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) – Ittikkettjar – Studju tal-impatt – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Proporzjonalità – Trattament ugwali – Ċertezza legali – Ammissibbiltà”

    Fil-Kawża C‑343/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Awwissu 2009, fil-proċedura

    Afton Chemical Limited

    vs

    Secretary of State for Transport,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Afton Chemical Limited, minn J. Stratford u R. Blakeley, barristers, kif ukoll minn J. Flynn, QC, f’isem M. Lohn, solicitor,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

    –        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Moore u M. Simm, bħala aġenti,

    –        għall-Parlament Ewropew, minn I. Anagnostopoulou u R. Kaškina, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Alcover San Pedro, E. White u D. Kukovec, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 140, p. 88) inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2), u (4) sa (6) ġdid fid-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 182)

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata fit-2 ta’ Lulju 2009 minn Afton Chemical Limited (iktar ’il quddiem “Afton”) intiża li tiġi awtorizzata tippreżenta rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judicial review”) “tal-intenzjoni jew/u tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2009/30.

     Il-kuntest ġuridiku

    3        Il-premessa 35 tad-Direttiva 2009/30 tistabbilixxi:

    “L-użu ta’ addittivi metalliċi speċifiċi, u b’mod partikolari l-użu tal-Methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT), jista’ jgħolli r-riskju ta’ ħsara lis-saħħa tal-bniedem u jista’ jikkawża ħsara lill-magni tal-vetturi u lit-tagħmir tal-kontroll tal-emissjonijiet. Bosta manifatturi tal-vetturi jwissu kontra l-użu ta’ karburanti li jkun fihom additivi metalliċi u l-użu ta’ karburant bħal dan jista’ jannulla l-validità tal-garanziji tal-vetturi. Għalhekk huwa xieraq li l-effetti tal-użu ta’ additivi metalliċi MMT fil-karburant jiġi rivedut kostantement b’konsultazzjoni ma’ dawk kollha interessati. Sakemm issir aktar reviżjoni huwa neċessarju li jittieħdu passi biex tiġi limitata s-serjetà ta’ kwalunkwe ħsara li tista’ ssir. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi ffissat limitu massimu għall-użu tal-MMT fil-karburant, ibbażat fuq l-għarfien xjentifiku attwalment disponibbli. Dan il-limitu għandu jiġi rivedut ’il fuq biss jekk l-użu ta’ rati ogħla ta’ dożaġġ jista’ jintwera li ma jikkawżax effetti negattivi. Sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi jinvalidaw il-garanziji tal-vetturi tagħhom mingħajr ma jkunu jafu, huwa neċessarju wkoll li jintalab li karburant li jkun fih additivi metalliċi jkollu dan indikat”.

    4        L-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30 jintroduċi fid-Direttiva 98/70 Artikolu 8a li jipprovdi s-segwenti:

    “Additivi metalliċi

    1.      Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa u għall-ambjent mill-użu ta’ additivi metalliċi fil-karburanti u għandha, għal dan l-għan, tiżviluppa metodoloġija għall-ittestjar. Hija għandha tirrapporta il-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    2.      Sakemm tiġi żviluppata l-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija fil-paragrafu 1, il-preżenza tal-additiv metalliku methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl (MMT) fil-karburant għandha tkun limitata għal 6 mg ta’ manjeżju kull litru mill-1 ta’ Jannar 2011. Il-limitu għandu jkun ta’ 2 mg ta’ manjeżju kull litru mill-1 ta’ Jannar 2014.

    3.      Il-limitu tal-kontenut ta’ MMT fil-karburanti speċifikati fil-paragarafu 2 għandu jiġi rivedut fuq il-bażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni li tkun saret bil-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija fil-paragrafu 1. Dan jista’ jitnaqqas għal żero jekk dan ikun ġustifikat mill-evalwazzjoni tar-riskju. Dan ma jistax jiżdied sakemm ma jkunx ġustifikat mill-evalwazzjoni tar-riskju. Din il-miżura, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva għandha tiġi adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(4).

    4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tikketta rigward il-kontenut tal-additiv metalliku fil-karburanti tkun esposta kull fejn xi karburant b’additivi metalliċi jkun disponibbli għall-konsumaturi.

    5.      It-tikketta għandu jkollha l-kliem li ġej: ‘Fih additivi metalliċi’.

    6.      It-tikketta għandha titwaħħal fuq il-post fejn ikun hemm it-tagħrif li jindika t-tip ta’ karburant, f’pożizzjoni viżibbli b’mod ċar. It-tikketta għandha tkun ta’ daqs u ta’ font li tkun ċarament viżibbli u li tkun tista’ tinqara tajjeb”.

     Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    5        Afton hija stabbilita fir-Renju Unit u tagħmel parti mill-grupp Afton Chemical li tipproduċi u tikkummerċjalizza l-MMT għal użu fuq skala mondjali.

    6        Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-MMT huwa addittiv metalliku għall-karburanti bbażat fuq il-manganiż, li jservi sabiex iżied in-numru ta’ ottani fil-karburanti mingħajr ċomb u/jew jipproteġi l-valvoli tal-vetturi li jaħdmu bil-petrol li fih addittivi minflok iċ-ċomb.

    7        Skont Afton, l-introduzzjoni tal-Artikolu 8a(2) u (4) sa (6) fid-Direttiva 98/70 mid-Direttiva 2009/30 huwa illegali. L-ewwel nett, meta ġiet adottata din l-aħħar direttiva, la kien hemm limitu massimu permess għall-użu tal-MMT u lanqas l-obbligu tal-ittikkettjar għall-addittivi metalliċi u, b’mod partikolari, għall-MMT.

    8        Afton ressqet quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) talba intiża sabiex tiġi awtorizzata teżerċita rikors għal stħarriġ ġudizzjarju (“judiċial review”) “tal-intenzjoni jew/u tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2009/30.

    9        Il-High Court of Justice (England & Wales) Queen’s Bench Division (Administrative Court) tat din l-awtorizzazzjoni u ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar l-addittivi metalliċi fid-Direttiva 2009/30 […]:

    1.      B’riferiment għal dik il-parti tal-Artikolu 1(8) li tintoduċi Artikolu 8a(2) ġdid fid-Direttiva 98/70 li jillimita l-użu tal-methylcyclopentadienyl manganese tricarbonyl fil-karburant għal 6 mg Mn kull litru mill-1 ta’ Jannar 2011 u għal 2 mg mill-1 ta’ Jannar 2014, l-impożizzjoni ta’ tali limiti hija:

    a)      Illegali minħabba li hija bbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni?

    b)      Illegali minħabba li tikser ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ prekawzjoni?

    ċ)      Illegali minħabba li hija nieqsa minn proporzjonalità?

    d)      Illegali minħabba li tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali?

    e)      Illegali minħabba li tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali?

    2.      B’riferiment għal dik il-parti tal-Artikolu 1(8) li tintroduċi Artikolu 8a(4), (5) u (6) ġdid fid-Direttiva 98/70 li jeħtieġ l-ittikettjar tal-karburanti kollha li fihom additivi metalliċi bil-frażi ‘fih additivi metalliċi’, tali rekwiżit ta’ tikettjar huwa:

    a)      Illegali minħabba li huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni?

    b)      Illegali minħabba li huwa nieqes minn proporzjonalità?”

     Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

    10      Il-Parlament u l-Kummissjoni jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

    11      Fil-fehma tagħhom, din l-inammissibbiltà tirriżulta mill-fatt li, minn naħa, ma hemm l-ebda kawża bejn il-partijiet peress li s-Secretary of State for Transport adotta pożizzjoni newtrali fir-rigward tal-fondatezza tal-azzjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-uniku għan tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju huwa li jinkiseb l-annullament tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30.

    12      Il-Kummissjoni ssostni li Afton probabbilment tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tippreżenta rikors dirett quddiem il-qorti Komunitarja skont l-Artikolu 230 KE.

    13      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, meta tqum domanda dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea quddiem qorti nazzjonali, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni dwar dan il-punt hijiex neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha u, għaldaqstant, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din id-domanda. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ regola tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala regola, li tiddeċiedi [sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01 Ġabra p. I‑11453, punt 34, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, Ġabra p. I‑4057, punt 31].

    14      Huwa biss possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta, b’mod partikolari, jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola Komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika [sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 35 kif ukoll Intertanko et, punt 32].

    15      Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Afton ippreżentat, quddiem il-High Court, rikors għal stħarriġ ġudizzjarju “tal-intenzjoni jew/u tal-obbligu” tal-Gvern tar-Renju Unit li jittrasponi d-Direttiva 2009/30 minkejja li, fid-data li fiha ppreżentat dan ir-rikors, it-terminu previst għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma kienx għadu skada u ebda miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija ma kienet ġiet adottata. Barra minn hekk, il-fatt waħdieni li s-Secretary of State for Transport kien wera l-intenzjoni tiegħu li jittrasponi d-Direttiva 2009/30 huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li hemm nuqqas ta’ ftehim bejn Afton u l-imsemmi Secretary [ara f’dan is-sens is-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36].

    16      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi magħmula huma rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali, għaliex l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali intiżi sabiex jittrasponu direttiva fis-sistema legali tar-Renju Unit tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li din id-direttiva tkun valida (sentenza British Intertanko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

    17      Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2009/30, mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

    18      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-fatt li tiġi aċċettata l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali jista’ jikkostitwixxi mezz sabiex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 230 KE, għandu jiġi rrilevat li, fis-sistema kompluta ta’ rimedji legali u ta’ proċeduri stabbiliti mit-Trattat KE bil-għan li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, fejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stipulati fir-raba’ paragrafu ta’ dan l-Artikolu, direttament jikkontestaw atti Komunitarji ta’ applikazzjoni ġenerali, huma jistgħu, skont il-każ, isostnu l-invalidità ta’ dawn l-atti jew, b’mod indirett taħt l-Artikolu 241 KE, quddiem il-qorti Komunitarja, jew quddiem il-qrati nazzjonali, u jitolbuhom, peress li ma għandhomx il-ġurisdizzjoni sabiex huma stess jikkonstataw l-invalidità tal-imsemmija atti, jistaqsu f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari [ara s-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39].

    19      Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Afton, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE kontra d-dispożizzjonijiet ikkontestati, kienx ikun mingħajr ebda dubju ammissibbli minħabba li l-imsemmija dispożizzjonijiet kienu jikkonċernawha direttament u individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, Accrington Beef et, C‑241/95, Ġabra p. I‑6699, punt 15, kif ukoll tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, Ġabra p. I‑5491, punt 40).

    20      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li Afton ma tistax tiġi kkunsidrata li kienet mingħajr l-ebda dubju “individwalment [ikkonċernata]” mid-dispożizzjonijiet ikkontestati, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE (sentenza Bavaria u Bavaria Italia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

    21      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex operaturi ekonomiċi jkun jistgħu jitqiesu bħala individwalment ikkonċernati mill-att li huma jitolbu l-annullazzjoni tiegħu, hemm bżonn li l-pożizzjoni legali tagħhom tkun ġiet ippreġudikata minn sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom, meta mqabbla ma’ kull persuna oħra, u tindividwahom b’mod simili għas-sitwazzjoni tad-destinatarju (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu vs Il-Kunsill, C‑309/89, Ġabra p. I‑1853, punt 20).

    22      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/30, li qed tintalab l-invalidità tagħhom, jirrigwardaw il-produtturi kollha tal-MMT.

    23      Fil-fatt, l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30 ma jirrigwardax speċifikament lil Afton u jirrigwardha biss fil-kwalità oġġettiva tagħha ta’ produttriċi tal-MMT, bl-istess mod bħalma kull operatur ekonomiku ieħor li attwalment jew potenzjalment jinsab fis-sitwazzjoni identika.

    24      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, kemm-il darba jiġi kkonstatat, bħalma huwa fil-kawża preżenti, li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, C‑451/98, Ġabra p. I‑8949, punt 52, kif ukoll id-Digriet tat-8 ta’ April 2008 Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑503/07 P, Ġabra p. I‑2217, punt 70).

    25      Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li ma kienx hemm ċertezza li Afton kellha locus standi fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE sabiex tippreżenta rikors għall-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Konsegwentement, hija għandha d-dritt li, fil-kuntest ta’ rikors magħmul skont id-dritt nazzjonali, tinvoka l-invalidità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, anki jekk ma ppreżentatx rikors għal annullament ta’ dawn tal-aħħar quddiem il-qorti Komunitarja fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bavaria u Bavaria Italia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

    26      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ewwel domanda

    27      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, li jintroduċi Artikolu 8a(2) fid-Direttiva 98/70, huwiex validu inkwantu jillimita l-użu tal-MMT fil-karburanti, mill-1 ta’ Jannar 2011.

     Fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni

    28      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, f’kuntest tekniku ta’ natura evoluttiva, bħal dak fil-kawża prinċipali, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jiġu stabbiliti n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, filwaqt li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għal eżami tal-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk il-leġiżlatur eċċediex b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. F’kuntest bħal dan, il-qorti Komunitarja ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-leġiżlatur li lilu biss it-trattat ta dan il-kompitu [ara f’dan is-sens is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe), C‑425/08, Ġabra p. I‑10035, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata].

    29      Afton issostni li l-kontenut massimu permess tal-MMT ġie impost wara żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti mwettaq mill-Kunsill u mill-Parlament. Għal dan l-għan, Afton tosserva li l-imponiment ta’ dan il-limitu massimu permess ma huwiex sostnut mill-konklużjoni tal-Kummissjoni li hija fformulat fl-istudju tal-impatt mehmuż mal-proposta għal direttiva u li l-imsemmi massimu permess huwa imprattikabbli u arbitrarju.

    30      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-istudju tal-impatt imwettaq mill-Kummissjoni, li huwa mehmuż mal-proposta tagħha għal direttiva u li ma jipprevedi la l-projbizzjoni tal-addittivi metalliċi u lanqas l-iffissar ta’ valur massimu permess ta’ MMT fil-karburanti, ma jorbot la lill-Kunsill u lanqas lill-Parlament li, fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva tal-kodeċiżjoni stabbilita fl-Artikolu 251 KE, setgħu jemendaw l-imsemmija proposta.

    31      It-tieni nett, skont l-Artikolu 95(3) KE, il-Kummissjoni tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni u tqis, b’mod partikolari, kull evoluzzjoni ġdida li hija bbażata fuq fatti xjentifiċi. Fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Parlament u l-Kunsill jimpenjaw ruħhom ukoll sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    32      Barra minn hekk, l-Artikolu 174(1) KE jipprovdi li l-politika tal-[Unjoni] fil-qasam tal-ambjent tikkontribwixxi għal kisba ta’ ċerti għanijiet, fosthom il-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmien. Il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jipprovdi li fl-iżvilupp tal-politika tagħha fil-qasam tal-ambjent, l-[Unjoni] tikkunsidra d-data xjentifika u teknika disponibbli. Dan l-obbligu jgħodd b’mod partikolari għall-proċedura skont l-Artikolu 95(3) KE, li għaliha t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data ġdida hija meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 61).

    33      Madanakollu, għandu jiġi speċifikat li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C‑120/99, Ġabra p. I‑7997, punt 44 u tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 121).

    34      Madankollu, tali stħarriġ ġudizzjarju, anki jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-istituzzjonijiet Komunitarji, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola (sentenza Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 122).

    35      Fil-kawża prinċipali, mill-qari tal-abbozz tar-rapport stabbilit mill-Kumitat tal-Ambjent, tas-Saħħa Pubblika u tas-Sigurtà Alimentari tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Lulju 2007, jidher li dan tal-aħħar ippreveda l-projbizzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2010, tal-użu tal-MMT fil-karburanti minħabba l-fatt li l-użu ta’ dan l-addittiv u addittivi metalliċi oħra jikkawżaw ħsara kbira lill-ambjent; madankollu, dan il-kumitat ma speċifikax il-bażi xjentifika ta’ din l-opinjoni.

    36      Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament ippreċiża li l-imsemmi kumitat organizza mhux biss “gruppi ta’ ħidma ġenerali” dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2003/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Marzu 2003, li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 160), iżda wkoll “gruppi ta’ ħidma speċifiċi” dwar l-MMT fit-3 ta’ April 2008, li matulhom, b’mod partikolari, Afton kien ġie mismugħ. Il-kumitat Parlamentari kkunsidra wkoll bosta studji li jqiegħdu fid-dubju n-nuqqas ta’ ħsara tal-MMT, fosthom ir-rapport “Sierra research”, tad-29 ta’ Awwissu 2008, magħmul fil-Kanada mill-Canadian Vehicle Manufacturers’ Association and Association of International Automobile Manufacturers of Canada, li, fi kwalunkwe każ, peress li huwa studju li sar wara, ma setax jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni meta ppubblikat l-istudju tal-impatt.

    37      Il-Kunsill isostni li kkunsidra, matul il-proċeudra leġiżlattiva, studji magħmula fl-2004 mill-International Council on Clean Transportation [Il-Kunsill Internazzjonali għal Trasport Nadif, (ICCT)] li juri li l-użu tal-MMT jikkawża ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, kif ukoll id-dikjarazzjoni msejħa ta’ Brescia dwar il-prevenzjoni ta’ newrotossiċi ta’ metalli tas-17 u tat-18 ta’ Ġunju 2006, li tirrikkomanda, b’mod partikolari, il-waqfien fiż-żieda tat-taħlit organiku bbażat fuq il-manganiż fil-karburanti.

    38      Huwa minnu li Afton, fid-29 ta’ Diċembru 2008, bagħtet lill-Kunsill, lill-Parlament u lill-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol 3, p. 331) talba intiża sabiex jintbagħtulha d-dokumenti xjentifiċi u l-provi li ġew ikkunsidrati meta ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi ffissat il-kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti u li l-ebda mid-dokumenti mibgħuta ma jirrigwardaw informazzjoni xjentifika dwar ir-riskji marbuta mal-użu tal-MMT.

    39      Madankollu, għandu jiġi osservat li, minbarra l-fatt li l-Kunsill ma huwiex neċessarjament il-proprjetarju tad-dokumenti xjentifiċi użati mill-Istati Membri matul il-laqgħat, id-dokumenti kollha msemmija iktar ’il fuq jaqgħu taħt l-isfera pubblika u huma, għalhekk, aċċessibbli għal kull persuna jew impriża li hija interessata f’dan is-suġġett.

    40      Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li dawn id-dokumenti xjentifiċi ma ġewx ikkunsidrati matul il-proċedura leġiżlattiva.

    41      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, matul l-iter leġiżlattiv, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkunsidraw id-data xjentifika disponibbli, inkluża dik li dehret matul din il-proċedura, sabiex jeżerċitaw effettivament s-setgħa diskrezzjonali tagħhom.

    42      Fid-dawl tad-dokumenti xjentifiċi li jirrigwardaw kemm l-effetti tal-MMT fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kif ukoll l-effetti tal-MMT fuq il-vetturi, il-Parlament u l-Kunsill ma wettqu l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta deċidew li jiffissaw kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti. Għaldaqstant, l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2) fid-Direttiva 98/70, ma huwiex invalidu.

     Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni

    43      Afton issostni li l-kontenut massimu permess tal-MMT ġie adottat bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-ebda element ma jista’ jiġġustifika limitazzjoni tant severa li twassal sabiex l-użu tal-MMT isir de facto pprojbit mill-petrol bla ċomb mill-2014 u mill-petrol minflok mill-petrol biċ-ċomb mill-2011.

    44      Barra minn hekk, Afton tipprova turi li ma hemm l-ebda prova li tiġġustifika l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li għandha bħala suġġett l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-qasam tal-MMT għaliex la twettaq eżami fuq l-effetti tal-MMT u lanqas fuq is-saħħa jew fuq l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li jikkonċernaw l-impatt negattiv tal-MMT, fuq it-teknoloġiji għal tnaqqis tat-tniġġis u fuq l-ambjent. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ prekawzjoni huwa inġustament invokat bħala ġustifikazzjoni.

    45      Skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81; tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 41, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    46      Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam li jimplika għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih huwa jkollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista’ jolqot il-validità ta’ miżura bħal din (sentenza S.P.C.M. et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    47      F’din il-kawża, għandu jiġi eżaminat jekk l-iffissar ta’ kontenut massimu permess ta’ manganiż, kif stabbilit fl-Artikolu 8a(2) tad-Direttiva 98/70, jikkostitwixxi mezz proporzjonat sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

    48      Skont il-premessa 35 tad-Direttiva 2009/30, l-għanijiet tal-limiti massimi permessi huma bbażati fuq il-fatt li l-użu ta’ din is-sostanza tippreżenta riskji għas-saħħa tal-bniedem u tista’ tikkawża ħsara fil-magni tal-vetturi u lit-tagħmir tal-kontroll tal-emissjonijiet. Hija tipprovdi għall-ittikkettjar tal-karburanti kollha u tistabbilixxi l-obbligu li l-konsumaturi jiġu informati.

    49      L-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa, tal-ambjent u tal-konsumatur huma msemmija fl-Artikolu 95(3) KE, li għalihom il-leġiżlatur jieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni billi jqis, b’mod partikolari, kull evoluzzjoni ġdida bbażata fuq fatti xjentifiċi, bħalma japplika għall-Artikolu 174(1) u (2) KE, li jistabbilixxi li l-politika tal-Komunità fil-qasam tal-ambjent hija bbażata b’mod partikolari fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

    50      L-iffissar ta’ limitu massimu permess ta’ MMT fil-karburanti, li jippermetti t-tnaqqis ta’ kwantitajiet ta’ din is-sostanza li tista’ potenzjalment tikkawża dannu lis-saħħa, ma huwiex manifestament inadegwat sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent imfittxa mil-leġiżlatur Komunitarju. Madankollu, jibqa’ l-fatt li hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk dan imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

    51      F’din il-kawża, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-abbozz tad-direttiva tal-Kummissjoni ma jistabbilixxi la projbizzjoni u lanqas limitazzjoni tal-MMT fil-karburant. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat tal-Ambjent, tas-Saħħa Pubblika u tas-Sigurtà Alimentari tal-Parlament Ewropew esprima x-xewqa li l-MMT jiġi totalment ipprojbit. F’dan ir-rigward, fir-rigward tad-Direttiva 2003/17, għandu jiġi kkonstatat li, meta d-Direttiva 2009/30 ġiet adottata, l-istadju tal-għarfien xjentifiku ma kienx jippermetti, jew kien limitatament jippermetti, l-iżvilupp ta’ metodoloġija tal-ittestjar.

    52      Barra minn hekk, l-Artikolu 8a(1) tad-Direttiva 98/70 jistabbilixxi l-iżvilupp ta’ metodoloġija tal-ittestjar u l-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet quddiem il-Parlament u l-Kunsill qabel il-31 ta’ Diċembru 2012.

    53      B’hekk, il-kontenut massimu permess tal-MMT fil-karburanti ġie ffissat sakemm tiġi żviluppata l-imsemmija metodoloġija tal-ittestjar. Għalhekk, dan huwa ta’ natura temporanja u jista’ jinbidel skont ir-riżultati tal-iżvilupp li ser jiġu osservati.

    54      Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni kkonċernata tidħol fil-kuntest iktar globali tad-Direttiva 2009/30, li l-għan tagħha huwa li tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet minimi marbuta mal-karburanti sabiex tipproteġi s-saħħa u l-ambjent fil-kuntest tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

    55      Konsegwentement, fid-dawl tar-riskji għas-saħħa u tad-dannu għall-magni tal-vetturi kif ukoll fid-dawl tad-diffikultajiet li jiġu żviluppati metodoloġiji tal-ittestjar, miżura restrittiva bħalma hija l-limitazzjoni tal-preżenza tal-MMT fil-karburanti ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu sodisfatti l-għanijiet tad-Direttiva 2009/30.

    56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat jekk, meta eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ppruvax jiżgura ċertu ekwilibriju bejn, minn naħa, il-protezzjoni tas-saħħa, tal-ambjent, u tal-konusmaturi u, min-naħa l-oħra, l-interessi ekonomiċi tal-operaturi, fil-kisba tal-għan li ngħatalu mit-trattat li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent.

    57      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-istudju tal-impatt tal-Kummissjoni ma jorbot la lill-Parlament u lanqas lill-Kunsill.

    58      F’dan ir-rigward, mid-dokumenti xjentifiċi u mid-diskussjonijiet bejn il-partijiet jirriżulta li, meta ġiet adottata d-Direttiva 2009/30, l-MMT ma kienx is-suġġett ta’ evalwazzjoni xjentifika, magħmula minn korp pubbliku jew entità indipendenti, dwar l-effetti tiegħu fuq is-saħħa. Issa, fir-rigward tal-istudji pprovduti mill-professjonisti tas-settur, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjonijiet li huma jifformulaw f’dan ir-rigward huma bil-bosta diverġenti, skont jekk l-istudju invokat sarx mill-industrija tal-vetturi jew mill-produtturi tal-MMT.

    59      Isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, fin-nuqqas ta’ data xjentifika affidabbli u suffiċjenti, kellu dubji serji dwar in-natura inoffensiva tal-MMT fuq is-saħħa u fuq l-ambjent.

    60      Applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ prekawzjoni tippresupponi, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni tal-konsegwenzi potenzjalment negattivi li l-użu propost tal-MMT jista’ jkollu fuq is-saħħa, u, it-tieni nett, evalwazzjoni kompluta tar-riskju għas-saħħa bbażata fuq l-iktar data xjentifika affidabbli disponibbli u fuq l-iktar riżultati reċenti tar-riċerka internazzjonali (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/08, Ġabra p. I‑757, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    61      Meta d-determinazzjoni b’ċertezza tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju allegat tirriżulta impossibbli minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi (ara s-sentenza, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    62      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jista’, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jieħu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollu għalfejn jistenna li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu kompletament stabbiliti (ara s-sentenza, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91).

    63      F’kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, il-kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti ma huwiex diskriminatorju, għaliex japplika fl-Unjoni kollha u għall-produtturi u importaturi kollha tal-MMT.

    64      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ ġustament iqis li l-mod xieraq ta’ kif jikkonċilja l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent u l-interessi ekonomiċi tal-produtturi tal-MMT kien jikkonsisti fil-fatt li jillimita l-kontenut tal-MMT fil-karburanti b’mod digressiv u billi jistabbilixxi l-possibbiltà, fl-Artikolu 8a(3) tad-Direttiva 98/70, li jirrevedi dawn il-limiti massimi permessi billi jibbaża ruħu fuq ir-riżultat ta’ evalwazzjoni.

    65      Fl-aħħar nett, Afton tikkontesta l-livell tal-limiti massimi permessi billi tqis li dan ma huwiex imfassal fuq bażi xjentifika, li jiżviluppa ċerti inkonvenjenti fir-rigward ta’ vetturi antiki u li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma pproċediex b’eżami ta’ dawn l-inkonvenjenti. Hija żżied li dawn il-limiti massimi permessi jwasslu għal projbizzjoni de facto tal-MMT.

    66      Madankollu, peress li jeżistu inċertezzi dwar id-dannu li l-MMT jista’ jikkawża, ma jistax ikun hemm informazzjoni iktar preċiża li tippermetti li jiġi ddefinit il-kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti li tkun tista’ tippreveni b’mod adegwat dawn l-istess danni.

    67      Barra minn hekk, Afton tikkummerċjalizza fl-Unjoni inqas mill-0.5 % tal-bejgħ dinji totali ta’ MMT fl-2008, mibjugħ f’diversi pajjiż. Fl-istess ħin, Stati Membri oħra bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja pprojbixxu l-preżenza tal-MMT fil-karburanti.

    68      Konsegwentement, fid-dawl tal-inċertezzi li jirrigwardaw kemm id-dannu kkawżat mill-użu tal-MMT kif ukoll ir-riskju rrappreżentat mill-użu tal-MMT, l-iffissar tal-kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti ma jidhirx li huwa manifestament sproporzjonat fir-rigward tal-interessi tal-produtturi tal-MMT, sabiex tiġi żgurata protezzjoni għolja tas-saħħa u tal-ambjent.

    69      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2) fid-Direttiva 98/70, ma huwiex invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

     Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

    70      Afton tallega illi ma huwiex iġġustifikat li jiġu stabbiliti limiti massimi permessi għall-MMT mingħajr ma jiġu stabbiliti restrizzjonijiet għall-użu ta’ addittivi metalliċi oħra, fosthom dawk li għandhom il-manganiż.

    71      Fil-fehma tagħha, l-MMT taqdi funzjoni simili bħal dik ta’ addittivi metalliċi oħra u ma hemmx riskju supplimentari għas-saħħa u għall-ambjent. Hija tirreferi għas-cyclopentadienyl manganese tricarbonyl (CMT) li fir-rigward tiegħu l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tistabbilixxi l-ebda limitu ta’ użu.

    72      L-istituzzjonijiet li intervjenew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment isostnu li l-addittivi l-oħra li huma bbażati fuq il-manganiż ma humiex użati jew importati fl-Unjoni Ewropea.

    73      Il-Parlament jispeċifika li l-MMT huwa s-suġġett ta’ studji u analiżi tar-riskju minn żmien ilu u li l-użu tiegħu bħala addittiv metalliku jmur lura għal ħafna snin filwaqt li ma hemm l-ebda studju dwar l-addittivi l-oħra.

    74      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza S.P.C.M. et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    75      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Afton ma tikkontradixxix id-dikjarazzjoni li tipprovdi li l-addittivi l-oħra metalliċi li huma bbażati fuq l-manganiż, fosthom is-CMT, la huma użati u lanqas importati fl-Unjoni Ewropea.

    76      B’hekk, jirriżulta li l-MMT ma jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-addittiv l-oħra metalliċi u li għalhekk il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma kienx obbligat jiddefinixxi l-limiti massimi permessi għall-imsemmija addittivi.

    77      Għaldaqstant, peress li l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġie kkonstatat, l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2) fid-Direttiva 98/70, ma huwiex invalidu minħabba ksur ta’ dan il-prinċipju.

     Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċpiju ta’ ċertezza legali

    78      Afton issostni li l-Artikolu 8a(2) ġdid tad-Direttiva 98/70 ma huwiex preċiż biżżejjed f’dak li jikkonċerna r-rabta li suppost hemm bejn il-kontentu massimu permess ta’ MMT fil-karburanti u l-iżvilupp ta’ metodoloġija tal-ittestjar.

    79      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi, b’mod partikolari, li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif (ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 30, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 68, kif ukoll Intertanko et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

    80      Kuntrarjament għal dak li ssostni Afton, l-evalwazzjoni tar-rabta bejn il-kontenut massimu permess ta’ MMT fil-karburanti u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji tal-ittestjar jirrigwardaw biss l-Artikolu 8a(2) tad-Direttiva 98/70.

    81      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 8a(3) tad-Direttiva 98/70 espressament tistabbilixxi li “[I]l-limitu tal-kontenut ta’ MMT fil-karburanti speċifikati fil-paragarafu 2 għandu jiġi rivedut fuq il-bażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni li tkun saret bil-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija fil-paragrafu 1”.

    82      Isegwi li minn kliem l-Artikolu 8a(2) tad-Direttiva 98/70 ma jirriżulta li hemm l-ebda ambigwità dwar ir-rabta bejn il-valur massimu permess ta’ MMT fil-karburanti u l-iżvilupp ta’ metodoloġiji tal-ittestjar.

    83      Għaldaqstant, l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jista’ jiġi kkonstatat u, għaldaqstant, l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2) tad-Direttiva 98/70 ma huwiex invalidu minħabba ksur ta’ dan il-prinċipju.

    84      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30 inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2) fid-Direttiva 98/70.

     Fuq it-tieni domanda

    85      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, li jintroduċi l-Artikolu 8a(4) sa (6), huwiex invalidu inkwantu jimponi l-ittikkettjar tal-karburanti li jkollhom addittivi metalliċi.

    86      Afton issostni li l-obbligu tal-ittikkettjar ġie impost wara żball manifest ta’ evalwazzjoni u li dan huwa sproporzjonat inkwantu jwassal għal projbizzjoni de facto tal-użu tal-MMT u tal-addittivi metalliċi l-oħra.

    87      Skont il-premessa 35 tad-Direttiva 2009/30, l-użu tal-addittivi metalliċi u, b’mod partikolari tal-MMT, jista’ jgħolli r-riskju ta’ ħsara lis-saħħa tal-bniedem u jista’ jikkawża ħsara lill-magni tal-vetturi u lit-tagħmir tal-kontroll tal-emissjonijiet. Wara li rrefera għat-twissijiet mill-manifatturi tal-vetturi, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, fl-aħħar sentenza tal-imsemmija premessa, ipprova jevita li l-konsumaturi jinvalidaw il-garanziji tal-vetturi tagħhom mingħajr ma jkunu jafu.

    88      Għaldaqstant, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 123 tal-konklużjonijiet tagħha, l-għan tal-obbligu tal-ittikkettjar huwa li jipproteġi lill-konsumaturi li, skont l-Artikolu 153 KE, huwa għan tal-Unjoni Ewropea. Dan tal-aħħar għandu jitwettaq permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għall-informazzjoni.

    89      It-tqegħid ta’ tikketta, b’mod sew viżibbli u li jkollu t-test “Fih additivi metalliċi” huwa mezz xieraq għal kisba ta’ dan l-għan.

    90      Kuntrarjament għal dak li ssostni Afton, il-fatt li l-messaġġ huwa qasir u n-nuqqas ta’ riferiment għall-garanzija tal-manifatturi jissodisfaw l-għan imsemmi.

    91      Fil-fatt, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jevita r-riskji kemm għal saħħtu kif ukoll għall-vettur tiegħu, huwa għandu jiġi informat bil-preżenza tat-tali addittivi fil-karburant.

    92      Barra minn hekk, l-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur ma jistax jintlaħaq biss permezz tal-iffissar tal-limiti massimi permessi stabbiliti mill-Artikolu 8a(2) tad-Direttiva 98/70 li għandu bħala għan li jissodisfa l-livell għoli tas-saħħa u tal-ambjent li huwa mitlub mit-trattat u li jirrigwarda biss l-MMT.

    93      Barra minn hekk, Afton issostni li l-obbligu tal-ittikkettjar iwassal fil-prattika għal projbizzjoni tal-addittivi metalliċi fil-karburanti.

    94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, minn naħa, l-ittikkettjar huwa meħtieġ biss għall-bejgħ ta’ karburanti li jkollhom l-addittivi metalliċi u mhux għall-bejgħ tal-MMT bħala addittiv u, min-naħa l-oħra, dan ma jistax iżid b’mod sostanzjali l-ispiża tal-produtturi u tad-distributuri tal-karburanti peress li l-volum ta’ karburant li għandu t-tali addittivi huwa minimu; f’dan il-każ, il-volum huwa inqas minn 0.1 % tal-volum ta’ bejgħ tal-karburant li seħħ fl-Unjoni Ewropea.

    95      Isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta stabbilixxa li l-obbligu tal-ittikkettjar, previst fl-Artikolu 8a(4) sa (6) tad-Direttiva 98/70, ma jikkostitwixxix obbligu manifestament mhux xieraq għal kisba tal-għan tal-protezzjoni tal-konsumatur previst mid-Direttiva 2009/30.

    96      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tat-tieni domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30, li jintroduċi Artikolu 8a(4) sa (6) fid-Direttiva 98/70.

    97      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eżami tad-domandi ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30 inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2) u (4) sa (6) ġdid fid-Direttiva 98/70.

     Fuq l-ispejjeż

    98      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-eżami tad-domandi ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(8) tad-Direttiva 2009/30 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d-Direttiva 98/70/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-petrol, tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE rigward l-ispeċifikazzjoni tal-karburant użat mill-bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE, inkwantu jintroduċi Artikolu 8a(2) u (4) sa (6) ġdid fid-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top