EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0279

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 2 ta' Settembru 2010.
DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft mbH vs Bundesrepublik Deutschland.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Kammergericht - il-Ġermanja.
Protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni - Dritt ta’ aċċess għal qorti - Għajnuna legali - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta l-għajnuna legali lil persuni ġuridiċi fin-nuqqas ta’ ‘interessi ġenerali’.
Kawża C-279/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13849

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:489

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit-2 ta’ Settembru 2010 1(1)

Kawża C‑279/09

DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft mbH

vs

Bundesrepublik Deutschland

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kammergericht Berlin (il-Ġermanja)]

“Protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni – Dritt għal qorti – Garanziji proċedurali – Persuna ġuridika –Prinċipju ta’ effettività – Rifjut ta’ għajnuna legali lil persuna ġuridika biex tippreżenta rikors bil-għan li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ ‘interessi ġenerali’”





I –    Introduzzjoni

1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza fid-dawl tar-regoli applikabbli, fis-sistema legali Ġermaniża, għat-talbiet għal għajnuna legali, meta dawn jitressqu minn persuna ġuridika fil-kuntest ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

2.        Għall-ewwel darba, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa l-konformità ta’ mekkaniżmu ta’ għajnuna legali, li għandu b’mod speċjali l-għan li jeżenta l-ħlas tat-taxxa proċedurali, fejn il-kundizzjonijiet tal-għoti huma iktar restrittivi fir-rigward tal-persuni ġuridiċi milli fir-rigward tal-persuni fiżiċi, u, għaldaqstant, tagħti deċiżjoni dwar il-portata tal-garanziji proċedurali li għandhom jiġu offruti lill-persuni ġuridiċi.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

3.        Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1 ta’ Marzu 1954 dwar il-proċedura ċivili, li sa issa huma partijiet għaliha 21 Stat Membru tal-Unjoni, tiddedika t-Titolu IV lill-għajnuna legali mingħajr ħlas. B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 20 tal-imsemmija Konvenzjoni jipprevedi li “f’materji ċivili u kummerċjali, iċ-ċittadini ta’ kull wieħed mill-Istati kontraenti għandhom jitħallew, fl-Istati kontraenti l-oħra kollha, igawdu minn għajnuna legali mingħajr ħlas, l-istess bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat stess, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istat fejn tintalab l-għajnuna legali mingħajr ħlas [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

4.        L-Artikolu 1 tal-Ftehim Ewropew dwar it-trasmissjoni ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna legali, iffirmat fi Strasbourg fis-27 ta’ Jannar 1977, taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa, u li huma partijiet għalih 21 Stat Membru tal-Unjoni, jistipula li “[k]ull persuna, li jkollha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju ta’ waħda mill-partijiet kontraenti, li tixtieq titlob l-għajnuna legali f’materji ċivili, kummerċjali jew amministrattivi fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra tista’ tressaq it-talba tagħha fl-Istat tar-residenza abitwali tagħha. Dan l-Istat huwa obbligat jittrażmetti t-talba lill-Istat l-ieħor [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

5.        Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aċċess internazzjonali għall-ġustizzja, li huma partijiet għaliha 19-il Stat Membru, tipprevedi, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tagħha li “[i]ċ-ċittadini ta’ Stat kontraenti għandhom jitħallew igawdu minn għajnuna legali f’materji ċivili u kummerċjali f’kull Stat kontraenti fl-istess kundizzjonijiet bħallikieku kienu huma stess ċittadini ta’ dak l-Istat u jirrisjedu hemmhekk b’mod abitwali [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. It-tieni paragrafu jippreċiża li “[i]l-persuni li fir-rigward tagħhom ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti, iżda li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat kontraenti fejn qed jew se ssir proċedura ġudizzjarja, madankollu għandhom jitħallew igawdu mill-għajnuna legali skont il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, jekk il-kawża tal-azzjoni tirriżulta minn dik li qabel kienet ir-residenza abitwali tagħhom [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

B –    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 6(2) UE jistabbilixxi l-prinċipju li “[l]-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fondamentali ffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.

7.        L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi dan li ġej:

“Artikolu 47 – Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali

Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja”.

8.        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 KE jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirrizultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità”. It-tieni paragrafu jkompli: “[h]uma m’għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanjiet ta’ dan it-Trattat”.

9.        Il-premessa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, biex ittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini [transkonfinali] billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/8/KE”) (2), tfakkar li l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u li l-materji li tirreferi għalihom id-Direttiva 2003/8 għandhom jiġu ttrattati b’konformità ma’ din il-konvenzjoni.

10.      Il-premessa 5 tiddefinixxi l-għan tad-Direttiva b’dan il-mod: “Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni ta’ għajnuna legali f’tilwimiet bejn konfini [transkonfinali] għal persuni li m’għandhomx riżorsi biżżejjed fejn għajnuna tkun meħtieġa biex ikun żgurat aċċess effettiv għal ġustizzja. Id-dritt ġeneralment irrikonoxxut għal aċċess għal ġustizzja huwa wkoll irriaffermat bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea”.

11.      Il-premessa 11 tad-Direttiva 2003/8 tiddefinixxi l-għajnuna legali filwaqt li tistipula li din “għandha tkopri parir qabel il-litigazzjoni bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim qabel jinbdew proċedimenti ġudizzjarji, assistenza [għajnuna] legali biex jinġieb każ quddiem qorti u rappreżentanza fil-qorti u assistenza fl-ispiża tal-proċeduri jew eżenzjoni minnhom.”

12.      Il-premessa 13 tal-istess direttiva tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kif ġej:

“Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, kull fejn huma ddomiċiljati jew residenti abitwalment fit-territorju ta’ Stat Membru, għandhom ikunu eliġibbli għal għajnuna legali f’tilwimiet bejn konfini [transkonfinali] jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet ipprovduti b’din id-Direttiva. L-istess japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li abitwalment u legalment jirresjedu fi Stat Membru”.

13.      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/8/KE jipprovdi li din tal-aħħar “għandha tapplika, f’tilwimiet ta’ bejn konfini [transkonfinali], għal materji ċivili u kummerċjali tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tribunal. Hija ma testendix ruħha, b’mod partikolari, għal materji ta’ introjtu, doganali jew amministrattivi”.

14.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/8/KE jippreċiża li “[p]ersuni naturali involuti f’tilwima koperta b’din id-Direttiva għandhom ikunu intitolati biex jirċievu għajnuna legali xierqa biex jiżguraw l-aċċess effettiv għal ġustizzja tagħhom skond il-kondizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva”.

15.      L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet konnessi mas-sustanza tat-tilwima”, u preċiżament l-Artikolu 6(1) jipprovdi li “Stati Membri jistgħu jipprovdu li applikazzjonijiet għal għajnuna legali għal azzjonijijiet li evidentement jidhru li huma bla bażi jistgħu jkunu rrifjutati mill-awtoritajiet kompetenti”.

16.      L-Artikolu 6(3) ikompli:

“Meta jkunu qegħdin jieħdu deċiżjoni fuq il-meriti ta’ applikazzjoni u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, [l-i]Stati Membri għandhom iqisu l-importanza tal-każ individwali għall-applikant imma jistgħu wkoll iqisu n-natura tal-każ meta l-applikant ikun qiegħed jitlob danni għar-reputazzjoni tiegħu jew tagħha imma ma jkunx ġarrab telf materjali jew finanzjarju jew meta l-applikazzjoni tikkonċerna pretensjoni kkawżata direttament min-negozju jew il-professsjoni ta’ min jaħdem għal rasu ta’ l-applikant”.

17.      L-Artikolu 94(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Unjoni Ewropea, li d-diċitura tiegħu hija l-istess bħad-diċitura tal-Artikolu 95(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, jistipula li:

“2.      Kull persuna fiżika li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tistax, totalment jew parzjalment, tkopri l-ispejjeż msemmija fil-paragrafu 1, għandha d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna legali.

Is-sitwazzjoni ekonomika tiġi evalwata billi jiġu kkunsidrati elementi oġġettivi bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni familjari.

3.      L-għajnuna legali tiġi miċħuda jekk l-azzjoni, li għaliha hi mitluba, tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata”.

18.      Min-naħa tiegħu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi dan li ġej: “Jekk parti ma tkunx tista’ tħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża jew parti minnhom, hija tista’, f’kull stadju, titlob il-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali bla ħlas”.

C –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

19.      L-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar l-ispejjeż ġudizzjarji (Gerichtkostengesetz, iktar ’il quddiem il-“GKG”) jipprovdi li:

“Fil-kawżi ċivili, ir-rikors għandu jiġi nnotifikat biss wara l-ħlas tat-taxxa proċedurali ġenerali. Fil-każ ta’ estensjoni tar-rikors, ma għandu jsir l-ebda att ġudizzjarju qabel ma titħallas it-taxxa proċedurali ġenerali, anki fil-kuntest ta’ appell”.

20.      L-Artikolu 839 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch), jikklassifika, fost il-kawżi tad-dritt ċivili, l-azzjonijiet għal kumpens għad-danni mressqa kontra l-Istat Ġermaniż.

21.      L-Artikolu 78(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung, iktar ’il quddiem iż-“ŻPO”) jistipula li, “quddiem il-Landgerichte u l-Oberlandesgerichte, il-partijiet għandhom ikunu rrappreżentanti minn avukat […]”.

22.      L-Artikolu 114 taż-ŻPO jipprovdi dan li ġej:

“Parti li, minħabba s-sitwazzjoni personali u finanzjarja tagħha, ma tistax tħallas l-ispejjeż ta’ kawża, jew li tista’ tħallashom biss parzjalment jew f’diversi rati, għandha tikseb l-għajnuna legali meta titlobha jekk l-azzjoni jew id-difiża f’azzjoni legali prevista toffri possibbiltajiet suffiċjenti ta’ suċċess u ma tidhirx li tkun ħela ta’ ħin […]”.

23.      L-Artikolu 116(2) taż- ŻPO jipprevedi li jiksbu l-għajnuna legali meta jitolbuha “persuna ġuridika jew assoċjazzjoni li jkollha locus standi u li tkun twaqqfet u ġiet stabbilita […] fil-Ġermanja, meta la hija u lanqas il-persuni li jkollhom sehem ekonomiku fis-suġġett tal-kawża ma jkunu jistgħu jħallsu l-ispejjeż u li r-rinunzja tal-azzjoni jew tad-difiża f’azzjoni legali tmur kontra xi interessi ġenerali [...]”.

24.      L-Artikolu 122 taż-ŻPO jippreċiża li:

“(1) L-għoti tal-għajnuna legali għandha bħala effett li

1.      is-sistema fiskali tal-Istat Federali jew tal-Land tista’ teżiġi mingħand il-parti kkonċernata l-ħlas

a)      tal-ispejjeż ġudizzjarji u tal-marixxal li saru jew li għad irid jsiru

b)      tad-djun tal-avukati maħtura mill-qorti, li ġew ittrasferiti lilha,

biss skont id-dispożizzjonijiet tal-qorti,

2.      il-parti għandha tinħeles mill-obbligu li tipprovdi garanzija għall-ispejjeż tal-proċedura,

3.      l-avukati maħtura mill-qorti ma jistgħux jitolbu drittijiet mingħand il-parti kkonċernata.

[…]”

25.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 123 taż-ŻPO jippreċiża li “[l]-għoti tal-għajnuna legali ma għandux ikollu effett fuq l-obbligu tar-rifużjoni tal-ispejjeż sostnuti mill-parti opposta”.

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

26.      DEB Deutsche Energiehandels- und Beratungsgesellschaft (iktar ’il quddiem “DEB”) hija impriża Ġermaniża, stabbilita fl-1998, li ġiet awtorizzata mill-Ministeru tal-Ekonomija tal-Land ta’ Brandebourg biex teżerċita attività ta’ grossista indipendenti fil-qasam tal-enerġija u biex tipprovdi l-enerġija fit-territorju Ġermaniż. Billi hija sofriet dannu minħabba t-traspożizzjoni tardiva fil-Ġermanja tad-Direttivi 98/30/KE (3) u 2003/55/KE (4), li kellhom jippermettu li hija jkollha aċċess mingħajr diskriminazzjoni għan-netwerks tal-gass nazzjonali, DEB ressqet azzjoni għal dikjarazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali. Fil-mument meta hija ressqet l-azzjoni legali tagħha, DEB la kellha impjegati u lanqas patrimonju.

27.      In-nuqqas ta’ osservanza mir-Repubblika Federal tal-Ġermanja tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 98/30/KE, inċidentalment, ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja meta tat sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (5).

28.      DEB tallega li sofriet dannu, u titlob kumpens għad-danni li jlaħħaq ftit iktar minn EUR 3.7 biljun. Waqt is-seduta, DEB ippreċiżat li fl-1998 hija kienet timpjega kważi 200 persuna, li hija kellha tagħtihom is-sensja gradwalment minħabba n-nuqqas ta’ attività tagħha, u li hija kellha patrimonju proprju li tilfet minħabba din l-istess raġuni. Hija sostniet li, għaldaqstant, hija ma setgħetx teżerċita iktar l-attività li ngħatat liċenzja għaliha, ladarba kien jingħatalha aċċess effettiv għan-netwerks tal-gass.

29.      DEB tikkunsidra li l-fatt li ma setax ikollha aċċess għan-netwerks tal-gass tellifha mill-inqas sitt kuntratti. Hija tiġġustifika l-ammont mitlub bħala kumpens għad-danni bl-argument li dan jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ statistiku medju lill-klijenti industrijali Ġermaniżi l-kbar u l-prezz tax-xiri fir-Russja, fejn tnaqqsu l-ħlas għat-tranżitu u l-ispejjeż tat-trasport. Sussegwentement, DEB naqqset minn din iċ-ċifra inizjali tnaqqis prekawzjonali ta’ 50 %, skont kif inhu preskritt mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża f’dan il-qasam.

30.      Skont il-kalkoli ta’ DEB, l-ammont tat-taxxa proċedurali li hija għandha tħallas, li tiġi kkalkolata skont il-valur tal-kawża, jitla’ għal madwar EUR 275 000. Barra minn hekk, peress li r-rappreżentanza minn avukat hija obbligatorja, DEB tqis li l-ispejjeż marbuta mar-rappreżentazzjoni huma ta’ ftit iktar minn EUR 990 000. Sabiex l-azzjoni tagħha jkollha eżitu pożittiv, u fin-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti, DEB, li la tista’ tħallas it-taxxa imposta mill-Artikolu 12(1) tal-GKG, u lanqas l-ispejjeż ta’ avukat, li r-rappreżentanza tiegħu hija obbligatorja, qed titlob l-għajnuna legali quddiem il-Landgericht Berlin.

31.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2008, din tal-aħħar irrifjutat li tagħti l-għajnuna legali, minħabba li DEB ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 116(2) taż-ŻPO. Għalkemm ma hemmx dubju dwar in-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji ta’ DEB, jidher li r-rinunzja tal-azzjoni ma tmurx kontra interessi ġenerali kif huma interpretati mill-qrati Ġermaniżi u mill-Bundesverfassungsgericht. Barra minn hekk, il-Landgericht Berlin ma ddeċidietx dwar il-mertu tat-talba fil-kawża prinċipali.

32.      DEB immedjatament ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Kammergericht Berlin. Skont din tal-aħħar, jekk hija għandha tagħti deċiżjoni biss billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt Ġermaniż, hija tista’ tikkonstata biss li l-Landgericht Berlin tat interpretazzjoni korretta tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 116(2) taż-ŻPO. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-qrati Ġermaniżi aċċettaw biss ftit każijiet fejn ir-rinunzja għall-azzjoni tabilħaqq kienet tippreġudika xi interessi ġenerali. Dan ikun il-każ jekk id-deċiżjoni tikkonċerna parti sinjifikattiva mill-popolazzjoni, jew jekk ikollha konsegwenzi soċjali. Ikun hemm ukoll preġudizzju għall-interessi ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 116(2) taż-ŻPO, jekk ir-rinunzja għall-azzjoni tostakola lill-persuna ġuridika milli tkompli taqdi missjoni ta’ interess ġenerali jew meta l-eżistenza stess ta’ din il-persuna ġuridika tiddependi mir-rikors, u jkunu involuti impjiegi jew il-persuna ġuridika jkollha għadd kbir ta’ kredituri.

33.      Il-Kammergericht Berlin tippreċiża wkoll li, fis-sens tal-ġurisprudenza Ġermaniża, u b’mod speċjali dik tal-Bundesgerichtshof, li mhuwiex suffiċjenti li l-għoti ta’ deċiżjoni korretta tikkorrispondi għall-interess ġenerali, u lanqas li biex tiġi deċiża kawża, għandhom jingħataw risposti għal kwistjonijiet tad-dritt ta’ interess ġenerali biex il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 116(2) taż-ŻPO jiġu sodisfatti.

34.      Fil-każ ta’ DEB, hija la għandha dħul, la patrimonju, la impjegati u lanqas kredituri. Ir-rinunzja tal-azzjoni per se ma theddidx is-sopravvivenza tagħha. Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkunsidrat li hija taqdi xi missjoni ta’ interess ġenerali. Kif minn dejjem kien meħtieġ, minbarra mill-persuni li jkollhom sehem ekonomiku f’kawża, għandu jkun hemm kategorija sinjifikattiva ta’ persuni li jbatu minn rinunzja għal azzjoni legali, u peress li dan mhux il-każ ta’ DEB, id-deċiżjoni tal-Landgericht li tiċħad it-talba tagħha għall-għajnuna legali għandha tiġi kkonfermata.

35.      Il-Kammergericht Berlin tfakkar ukoll li l-Bundesverfassungsgericht iddeċidiet li l-mod differenti li bih iż-ŻPO jittratta lill-persuni fiżiċi u lil dawk dawk ġuridiċi huwa konformi mal-Kostituzzjoni Ġermaniża. Fil-fatt, il-Bundesverfassungsgericht ikkunsidrat li l-għoti tal-għajnuna legali jista’ jiġi mxebbah ma’ għajnuna soċjali bbażata fuq il-prinċipju tal-Istat soċjali, u li hija neċessarja għar-rispett tad-dinjità tal-bniedem. Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ddeduċiet li tali solidarjetà ma tistax tiġi imposta fir-rigward tal-persuni ġuridiċi mingħajr mezzi finanzjarji. Fir-rigward tal-persuni ġuridiċi, il-fatt li jkollhom patrimonju suffiċjenti hija kundizzjoni biex jiġu stabbiliti u biex jeżistu, u dawn il-persuni ġuridiċi għandhom jiġu rikonoxxuti mis-sistema legali nazzjonali biss jekk ikunu jistgħu jilħqu l-għan li għalih ġew stabbiliti u jekk ikunu jistgħu jissodisfaw il-missjonijiet tagħhom bil-mezzi tagħhom stess.

36.      Madankollu, il-Kammergericht Berlin tistaqsi jekk l-Artikolu 116(2) taż-ŻPO, kif ġie interpetat sa issa mill-qrati nazzjonali, imurx kontra d-dritt tal-Unjoni. Il-kundizzjonijiet biex tingħata l-għajnuna legali, li jirriżulta li huma iktar restrittivi għall-persuni ġuridiċi milli għall-persuni fiżiċi, u li, barra minn hekk, jiġu interpretati b’mod strett mill-qorti nazzjonali Ġermaniża, għandhom l-effett reali, fil-każ ta’ DEB, li jċaħħdu lil din tal-aħħar minn kwalunkwe possibbiltà li tfittex lill-Istat Ġermaniż minħabba responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, ir-rifjut tal-għajnuna legali jagħmel impossibbli, jew għall-inqas ferm diffiċli, li jinkiseb, jekk ikun il-każ, kumpens min-naħa tal-Istat minħabba r-responsabbiltà tiegħu għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju għalhekk għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tal-miżura nazzjonali mal-prinċipji marbuta mar-responsabbiltà tal-Istat, u b’mod speċjali mal-prinċipju ta’ effettività kif ġie stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

37.      Għaldaqstant, il-Kammergericht Berlin, ikkonfrontata b’interpretazzjoni diffiċli tad-dritt tal-Unjoni u fil-kapaċità tagħha bħala qorti tal-aħħar istanza dwar dan il-punt, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u, permezz ta’ deċiżjoni tar-rinviju tat-30 ta’ Ġunju 2009, tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, fuq il-bażi tal-Artikolu 234 KE.

“Peress li l-istruttura nazzjonali tal-kundizzjonijiet legali għall-għoti ta’ kumpens għal danni u tal-proċedura għal kawża għad-danni kontra l-Istat abbażi tad-dritt Komunitarju, ma tistax tagħmel il-kisba ta’ kumpens għad-danni, abbażi tal-prinċipju tar-responsabbilità tal-[I]stat, prattikament impossibbli jew eċċezzjonalment diffiċli, huwa problematiku li leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ rimedju legali għall-ħlas ta’ [taxxa] u tipprovdi li ma tistax tingħata għajnuna legali lil persuna ġuridika li ma tkunx tinsab f’pożizzjoni li tħallas dan [il-ħlas]?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, u tal-Polonja, il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA lkoll ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

39.      Waqt is-seduta, li saret fit-3 ta’ Ġunju 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V –    L-analiżi ġuridika

A –    Sommarju tal-osservazzjonijiet

40.      Qabel xejn, għandu jitfakkar li l-Gvern Ġermaniż, l-istess bħall-Gvern Daniż, Franċiż u dak Taljan flimkien mal-Kummissjoni, jikkonkludu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex problematika fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Essenzjalment, huma jikkunsidraw li, għalkemm l-individwi għandhom effettivament ikunu jistgħu jfittxu lill-Istat minħabba responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ma jistgħux jaslu sa li jimponu lill-Istati Membri biex jagħtu għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi, li mhumiex ħlief ħlejjaq artifiċjali tas-sistemi legali nazzjonali, u li b’mod speċjali r-rikonoxximent tagħhom huwa suġġett għall-kundizzjoni li jkollhom riżorsi suffiċjenti biex tkun żgurata s-sopravvivenza tagħhom. Fin-nuqqas ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni adottata fuq il-livell tal-Unjoni, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-Regoli tal-Proċedura quddiem il-qrati tagħha u n-natura stess tal-għajnuna legali, li ċerti gvernijiet enfasizzaw in-natura essenzjalment soċjali tagħha marbuta mad-dinjità tal-bniedem, huwa għalkollox iġġustifikat u leġittimu li l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi jiġu suġġetti, meta jeżistu, għal kundizzjonijiet ferm iktar restrittivi minn meta l-għajnuna legali tintalab minn persuna fiżika.

41.      Bil-kontra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandhom xi riżervi fir-rigward tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni. DEB issostni li, sa fejn hija jkollha tirrinunzja għall-azzjoni għal kumpens għad-danni jekk l-għajnuna legali ma tingħatalhiex, il-ksur tal-prinċipju ta’ effettività huwa evidenti, peress li hija tabilħaqq qed tiġi mfixkla milli tinvoka fil-qorti d-drittijiet li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni, evalwazzjoni li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA taqbel magħha, anki jekk hija qed tesprimi ruħha b’mod iktar sottili. Il-Gvern Pollakk jikkontesta l-interpretazzjoni wisq restrittiva li taw il-qrati Ġermaniżi tal-kunċett ta’ “interessi ġenerali” u jikkunsidra li dan il-preġudizzju għall-prinċipju ta’ effettività ma għandux natura proporzjonata. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jikkonkludu li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ effettività.

B –    Protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għall-ksur ta’ dan id-dritt

42.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (6), il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet rikonoxxuti lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, stabbilit mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertaijiet Fundamentali, u, iktar reċenti, mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (7).

43.      Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva hekk stabbilita tikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-individwi jkollhom il-possibbiltà li jinvokaw id-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. Anki meta d-drittijiet tagħhom ikunu nksiru mill-Istat, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jiksbu kumpens għad-danni quddiem il-qorti nazzjonali.

44.      Fil-fatt, mil-loġika stess tat-trattati u mill-impenji li ħadu l-Istati Membri stess wara d-deċiżjoni tagħhom li jissieħbu fl-Unjoni jirriżulta li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jfittxu lill-Istati Membri għal responsabbiltà, meta jikkunsidraw li kienu vittmi ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa tal-Istat.

45.      Għaldaqstant, hemm sforz biex jintlaħqu kemm l-għanijiet tal-osservanza tal-obbligi li ħadu l-Istati Membri fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-garanzija għall-individwi tal-effettività sħiħa tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom id-dmir, f’isem il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE, li jiżguraw l-effett sħiħ tar-regoli tal-Unjoni u li jipproteġu d-drittijiet li huma jagħtu lill-individwi (8).

46.      Id-dritt għal kumpens għad-danni tal-persuni leżi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni huwa prinċipju kardinali tad-dritt tal-Unjoni stabbilit mit-trattati, u varjazzjoni partikolari tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fl-istess ħin, il-Karta Kostituzzjonali Fundamentali tal-Unjoni, ikkostitwita mit-trattati, hija animata minn spirtu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. B’hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja, loġikament, stabbilixxiet il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, hija indikat, ukoll loġikament, li l-azzjonijiet biex ikun invokat dan il-prinċipju għandhom ikunu jistgħu jitressqu quddiem il-qrati nazzjonali, il-qrati tal-Unjoni tad-dritt komuni, u li għaldaqstant għandhom ikunu s-sistemi legali nazzjonali li jiddeterminaw il-qrati kompetenti kif ukoll il-kundizzjonijiet formali u sostantivi ta’ dawn l-azzjonijiet. L-awtonomija proċedurali u ġudizzjarja tal-Istati Membri tikkmandalhom biex jirrikonoxxu, f’dan il-qasam, marġni ta’ diskrezzjoni.

47.      Madankollu, din il-libertà għandha titqiegħed f’kuntest. Jekk huwa tabilħaqq fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà li l-individwi għandhom ikunu jistgħu jfittxu lill-Istat minħabba responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, “il-kundizzjonijiet [...] stabbiliti mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kumpens għad-danni ma jistgħux ikunu inqas favorevoli minn dawk dwar talbiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jistgħux ikunu tali li jrendu l-ksib tal-kumpens impossibbli jew diffiċli ħafna fil-prattika (prinċipju ta’ effettività)” (9).

48.      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li teżisti l-possibbiltà li individwi jressqu azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat Ġermaniż għal ksur tad-dritt tal-Unjoni. Kull ma fadal issa huwa li jiġi ddeterminat jekk il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività humiex osservati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

C –    Fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza

49.      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza, li jeħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk simili bbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (10), huwa tabilħaqq osservat f’dan il-każ. Il-ħlas tat-taxxa proċedurali jintalab kull darba li titressaq azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà kontra l-Istat, kemm jekk dan ikun fuq il-bażi ta’ allegat ksur tad-dritt nazzjonali kif ukoll jekk l-allegat ksur ikun tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna legali għall-persuni ġuridiċi huma l-istess kemm meta dawn il-persuni ġuridiċi jressqu azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt nazzjonali kif ukoll meta dawn ifittxu lill-Istat Ġermaniż minħabba responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

D –    Fuq il-prinċipju ta’ effettività

50.      Kif ġustament qalet il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni li nqalgħet f’din il-kawża hija wkoll dik tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni u b’mod speċjali mal-prinċipju ta’ effettività ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’dan il-każ partikolari li llum tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kellha l-konsegwenza li ma ngħatatx għajnuna sabiex tingħeleb id-diffikultà li ltaqgħet magħha persuna ġuridika fl-aċċess tagħha għal qorti biex issostni d-drittijiet tagħha li hija qed tallega li siltet mid-dritt tal-Unjoni.

51.      Is-sitwazzjoni li għadni kemm iddeskrivejt tirriżulta mill-kombinazzjoni ta’ żewġ dispożizzjonijiet.

52.      Qabel xejn, l-Artikolu 12 tal-GKG jissuġġetta lill-partijiet, ikunu min ikunu, għall-ħlas ta’ taxxa li l-ammont tagħha huwa pproporzjonat għall-ammont stmat tal-kawża. Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma tipprevedix limitu. It-tieni nett, l-Artikolu 116(2) taż-ŻPO jagħti lok għall-possibbiltà li l-persuni ġuridiċi jibbenefikaw mill-għajnuna legali sakemm, b’mod speċjali, ir-rinunzja ta’ din l-azzjoni ma tkunx kontra l-interessi ġenerali, kundizzjoni li tiġi interpretata b’mod strett mill-qrati Ġermaniżi.

53.      Fil-linja tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jidhirli li huwa importanti li l-Artikolu 116(2) taż-ŻPO jitqiegħed fil-kuntest usa’ tar-Regoli tal-Proċedura Ġermaniżi. Fi kliem ieħor, anki jekk l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet ikkonċernati ffokaw fuq il-problematika tar-rifjut tal-għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi, il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna legali għandhom jiġu analizzati fil-kuntest usa’ tal-organizzazzjoni ġenerali tal-proċedura kif ġiet iddefinita mill-Istat Membru inkwistjoni.

1.      Fuq il-possibbiltà li l-proċedura ta’ ħlas ta’ taxxa tkun suġġetta għall-kundizzjoni li din it-taxxa ma tkunx sproporzjonata

54.      F’dan l-istadju tar-riflessjoni, nixtieq infakkar lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri, bl-implementazzjoni tal-awtonomija proċedurali tagħhom, jistgħu jistabbilixxu li biex jitressqu azzjonijiet legali għandhom jitħallsu l-ispejjeż tal-proċedura. Dawn l-ispejjeż ġeneralment jieħdu żewġ forom pjuttost differenti: jew taxxa li tinġabar mill-Istat skont is-sehem tal-partijiet fil-proċess tal-finanzjament tas-servizzi pubbliċi tal-qrati, jew depożitu għall-ispejjeż tal-kawża, garanzija ddepożitata mill-parti rikorrenti, b’tali mod li l-parti konvenuta tkun żgura li, f’każ li titlef, il-parti rikorrenti se tieħu sehem fil-ħlas tal-ispejjeż li saru għad-difiża tagħha.

55.      S’issa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tressqu biss dawk il-mekkaniżmi msejħa de cautio judicatum solvi, li jikkorrispondu għat-tieni forma ta’ spejjeż imsemmija iktar ’il fuq. Il-karatteristika partikolari tal-mekkaniżmi li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tevalwa l-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni qiegħda fil-fatt li din il-kawzjoni, ġeneralment imsejħa “kawzjoni tal-barrani”, għandha titħallas mill-parti rikorrenti meta hija ma tkunx residenti fit-territorju u lanqas ma jkollha n-nazzjonalità tal-Istat Membru li l-azzjoni qed titressaq quddiem il-qrati tiegħu, anki jekk tali kawzjoni ma tintalabx liċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni, minkejja li huma ma jkunux residenti fit-territorju tal-Istat ta’ oriġini tagħhom, u lanqas ma jkollhom assi jew proprjetà f’dan it-territorju. Għaldaqstant, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet l-eżami tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 12 KE, u tal-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjonijiet (11), u mhux fuq dak tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

56.      Matul is-seduta, il-Gvern Ġermaniż ġie mistieden jippreċiża l-kundizzjonijiet li fihom it-taxxa proċedurali tiġi kkalkolata. F’dik l-okkażjoni, huwa spjega li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża f’dan il-qasam stabbilixxiet skala b’tali mod li, skont il-valur stmat tal-kawża, l-individwu jkun jista’ jsir jaf bil-quddiem, b’mod għalkollox trasparenti, l-ammont tat-taxxa li se jkollu jħallas. Skont dan il-valur, għall-kalkolu tat-taxxa tiġi applikata ċerta perċentwali. Il-Gvern Ġermaniż ippreċiża li t-taxxa għandha essenzjalment l-għan li l-utenti tas-servizzi pubbliċi tal-qrati jagħtu sehemhom fil-finanzjament ta’ dawn is-servizzi. It-taxxa miġbura fuq kawżi li ma tantx huma sinjifikattivi mil-lat finanzjarju mhijiex suffiċjenti biex tkopri l-ispiża reali tal-kawża, u għaldaqstant it-taxxa miġbura għall-kawżi li jinvolvu ammont iktar sinjifikattiv hija ogħla. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li t-taxxa proċedurali li DEB kellha tħallas laħqet madwar EUR 275 000.

57.      Issa, iktar mal-ispejjeż tal-proċedura jkunu kbar, iktar ikun hemm riskju li r-rikorrenti ma tkunx tista’ tħallashom u jkollha titlob li tingħata l-għajnuna legali. L-iffissar ta’ spejjeż tal-proċedura għoljin flimkien ma’ kundizzjonijiet ferm restrittivi biex tingħata l-għajnuna legali jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li kapaċi jwasslu biex jiġi ppreġudikat id-dritt ta’ aċċess għal qorti, u dan iktar u iktar jekk ikun mitlub li titħallas taxxa, kif inhi s-sitwazzjoni f’dan il-każ, qabel ma jingħata bidu għall-kawża. Il-kwistjoni li tinqala’ hawnhekk hija dik li jiġi stabbilit jekk it-tqassim tal-ispejjeż tas-servizz pubbliku tal-qrati bejn l-Istat u l-utenti ta’ dawn is-servizzi, kif inhu organizzat mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, huwiex adegwat jew jekk imurx lil hinn minn dak li huwa raġonevoli jew xieraq meta jissarraf, f’sitwazzjoni reali bħal dik ta’ dan il-każ, f’limitu inaċċettabbli għall-aċċess għall-qrati. Din il-kwistjoni tista’ tiġi mifhuma b’mod xieraq biss mill-qorti tal-kawża prinċipali, fid-dawl anki tal-fumus boni juris tal-azzjoni li l-parti rikorrenti fil-kawża prinċipali tipprevedi li tressaq u li fuqha la l-Landgericht Berlin, kif ingħad fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u lanqas il-Kammergericht Berlin ma taw id-deċiżjoni tagħhom.

58.      Il-Gvern Ġermaniż ippreċiża, ukoll waqt is-seduta li, mingħajr ma jiġi tabilħaqq interpretat bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tal-azzjoni, in-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa għandu bħala konsegwenza li l-proċedura ma tinbediex. Ikolli nammetti li fil-fehma tiegħi l-kwalifika hija sottili, iżda, f’kull każ, l-aċċess għal qorti isir iktar diffiċli meta, bil-kontra ta’ ċerti sistemi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ffissat l-ebda limitu u ma toffri l-ebda possibbiltà għal ħlas a posteriori tat-taxxa (12). Din hija r-raġuni għaliex nikkunsidra li l-analiżi tas-sitwazzjoni ta’ DEB teżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi iżda wkoll is-sistema proċedurali Ġermaniża li timponi l-ħlas ta’ taxxa proċedurali. Min-naħa l-oħra, dan jikkorrispondi għad-domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju li, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tistaqsi jekk huwiex problematiku li leġiżlazzjoni nazzjonali, l-ewwel nett, tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ azzjoni legali għall-ħlas ta’ taxxa, u, it-tieni nett, tipprevedi li l-għajnuna legali ma tistax tingħata lil persuna ġuridika li ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas tali ħlas u li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet restrittivi li hija timponi.

59.      Preċiżament, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ għajnuna legali għandu importanza partikolari fl-Istati li għażlu li jissuġġettaw il-proċeduri ġudizzjarji għal spejjeż peress li hemmhekk hija ġeneralment tiġi interpretata bħala korrispettiv. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tan-natura adegwata tal-ispejjeż ġudizzjarji huwa ħjiel supplimentari li jippermetti li jitkejjel il-grad ta’ preġudizzju għall-prinċipju tad-dritt ta’ aċċess għal qorti li jirriżulta mir-rifjut li tingħata l-għajnuna legali (13). Fil-fatt, bla ebda pretensjoni li se nantiċipa r-risposta li l-qorti tar-rinviju se tagħti dwar dan il-punt, nemmen li wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh li, fis-sitwazzjoni ta’ DEB, jekk it-taxxa proċedurali kienet tkun inqas għolja, DEB kien ikollha oġġettivament iktar possibbiltajiet li l-azzjoni legali tagħha jkollha eżitu pożittiv għaliex il-possibbiltajiet li titlob finanzjament estern (pereżempju, self minn bank) kienu jkunu iktar.

2.      Fuq il-kwisjoni tal-portata tad-dritt għall-għajnuna legali għall-persuni ġuridiċi

a)      Is-serje ta’ indizzji

60.      Diġà għidt li din hija l-ewwel darba li qed issir din id-domanda delikata lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-risposta hija ferm iktar delikata meta jiġi kkunsidrat li ftit mir-regoli pożittivi huma effettivament applikabbli għal din il-kawża. Din hija r-raġuni għaliex se jkolli nagħmel użu minn dak li se nsejjaħ “serje ta’ indizzji”. Din hija magħmula mill-prattika internazzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, mill-istat tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam u mill-prattika individwali tal-Istati Membri.

i)      Il-prattika internazzjonali

61.      Il-prattika internazzjonali ma jidhirx li teżiġi li l-Istati jagħtu għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi. La l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1 ta’ Marzu 1954 dwar il-proċedura ċivili, la l-Artikolu 1 tal-Ftehim Ewropew dwar it-trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna legali u lanqas l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aċċess internazzjonali għall-ġustizzja ma jagħtu lok biex wieħed jikkonkludi li qed jiġi rikonoxxut li l-persuni ġuridiċi għandhom dritt għall-għajnuna legali ekwivalenti għad-dritt rikonoxxut lill-persuni fiżiċi. Fil-fatt, dan il-ftehim u dawn il-konvenzjonijiet differenti jsemmu biss, bħala benefiċjari tal-għajnuna, “iċ-ċittadini ta’ kull wieħed mill-Istati kontraenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali], “[k]ull persuna, li jkollha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju ta’ waħda mill-partijiet kontraenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jew “[i]ċ-ċittadini ta’ Stat kontraenti [u] l-persuni […] li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat kontraenti fejn qed jew se ssir proċedura ġudizzjarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (14). Issa, jidhirli li t-termini ta’ ċittadini u ta’ residenti abitwali qed jintużaw biex jindikaw persuni fiżiċi.

62.      Għandu jiġi osservat ukoll li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 qatt ma ssemmi persuni ġuridiċi fil-Kapitolu 1 tagħha dwar l-għajnuna legali. Madankollu, huma jissemmew b’mod espliċitu fid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 dwar il-kawzjoni judicatum solvi u dwar l-eżekuzzjoni tal-kundanni għall-ispejjeż. Fi kliem ieħor, dan ifisser li n-nuqqas ta’ referenza għal persuni ġuridiċi fil-Kapitolu 1 mhux ġej minħabba li dawk li abbozzaw l-imsemmija konvenzjoni nsew jirreferu għalihom jew ma għamlux dan bi traskuraġni. Iktar sinjifikattiv minn hekk, il-prattika internazzjonali b’hekk tammetti l-possibbiltà li l-persuni ġuridiċi jkunu suġġetti għall-ħlas tal-ispejjeż ġudizzjarji (sakemm dawn ma jintalbux lill-applikanti minħabba l-unika raġuni li jkunu barranin) mingħajr ma tipprevedi, fir-rigward tagħhom u bħala korrispettiv, sistema ta’ għajnuna legali.

ii)    Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB

63.      Fejn għandha x’taqsam il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertaijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) li, ilha tikkostitwixxi l-uniku sors tal-iprem importanza għas-sistema legali tal-Unjoni u li, mill-perspettiva tal-adeżjoni mal-Unjoni, issir uffiċjalment legalment vinkolanti fir-rigward tagħha fuq il-bażi ta’ ftehim internazzjonali li jorbotha, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 6(3)(c) tagħha jsemmi l-għoti tal-għajnuna legali biss fil-kuntest ta’ kawżi kriminali. Minn dan, il-Qorti EDB ddeduċiet differenza fundamentali, peress li hija ddeċidiet li “il-Konvenzjoni ma tobbligax li tingħata l-għajnuna legali fil-kawżi kollha f’materji ċivili. Fil-fatt, hemm distinzjoni ċara bejn it-termini tal-Artikolu 6(3)(c), li jiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna legali mingħajr ħlas f’ċerti kundizzjonijiet fil-proċeduri kriminali, u dawk tal-Artikolu 6(1) li bl-ebda mod ma jirreferi għall-għajnuna legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (15). Fi kliem ieħor, l-Artikolu 6(3)(c) tal-KEDB ma jistax jiġi interpretat b’mod daqstant wiesa’ li l-Istati li huma partijiet għall-Konvenzjoni jiġu obbligati jagħtu b’mod sistematiku l-għajnuna legali.

64.      Ir-rifjut tal-għajnuna legali fil-proċeduri ċivili għalhekk huwa previst mill-Qorti EDB biss permezz tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li miegħu l-imsemmija Qorti tal-Ġustizzja rabtet id-dritt ta’ aċċess għal qorti (16). Fil-kawża Airey vs L-Irlanda, li jirreferu għaliha l-ispjegazzjonijiet taħt l-Artikolu 47(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, ċittadina Irlandiża pprovat tiftaħ kawża sabiex tikseb is-separazzjoni legali minn mar-raġel tagħha. Minkejja li r-rappreżentanza minn avukat ma kinitx obbligatorja, jidher li l-partijiet kollha għal proċedura simili, li bilfors trid tiġi mgħarrfa lill-High Court, kienu assistiti minn avukat. Barra minn hekk, f’dak iż-żmien fl-Irlanda ma kienet prevista l-ebda sistema ta’ għajnuna legali għall-kawżi ċivili. Il-Qorti EDB ddeċidiet li kellu “jiġi mistħarreġ jekk id-dehra quddiem il-High Court mingħajr l-assistenza ta’ avukat tkunx effettiva, fis-sens li [r-rikorrenti] tkun tista’ tippreżenta l-argumenti tagħha b’mod adegwat u sodisfaċenti” (17). Il-Qorti EDB tirrikonoxxi li l-Konvenzjoni ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi b’mod ġeneralizzat sistema ta’ għajnuna legali, iżda li “kulma tagħmel huwa li teżiġi li l-individwu jgawdi mid-dritt effettiv tiegħu li jkollu aċċess għall-qrati skont metodi li ma jmorrux kontra l-Artikolu 6(1)” (18). Il-Qorti EDB taċċetta li “il-[Konvenzjoni] ma tinkludi l-ebda klawżola dwar l-għajnuna legali” (19) għall-kawżi ta’ natura ċivili iżda li “l-Artikolu 6(1) jista’, xi drabi, jobbliga lill-Istat jipprovdi għall-assistenza minn membru tal-avukatura meta din tkun indispensabbli għal aċċess effettiv għall-qorti jew peress li l-liġi tippreskrivi r-rappreżentazzjoni minn avukat, bħalma tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ ċerti Stati kontraenti għal diversi kategoriji ta’ kawżi, jew minħabba l-kumplessità tal-proċedura jew tal-kawża” (20).

65.      L-evalwazzjoni li tagħmel il-Qorti EDB evidentement tiddependi ferm miċ-ċirkustanzi tal-każ. Fil-kawża Del Sol vs Franza, ir-rikorrenti (li anki f’dan il-każ kienet persuna fiżika) ikkunsidrat li r-rifjut li tingħatalha għajnuna legali kellu bħala konsegwenza li jċaħħadha minn aċċess għall-Cour de Cassation (Qorti ta’ Kassazzjoni) Franċiża u b’hekk inkiser l-Artikolu 6(1). Issa, il-Qorti EDB ma aċċettatx dan l-approċċ, billi għamlet analiżi in concreto tas-sistema Franċiża tal-għajnuna legali u kkunsidrat li “is-sistema stabbilita mil-leġiżlatur Franċiż toffri garanziji sostanzjali lill-individwi, tali li jipproteġu minn deċiżjonijiet arbitrarji”, garanziji mogħtija, min-naħa l-waħda, mill-mod kif inhu kompost l-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali stabbilit fil-Cour de Cassation u, mill-oħra, mill-fatt li d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-imsemmi uffiċċju jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem l-ewwel President tal-Cour de Cassation (21). Barra minn hekk, il-Qorti EDB osservat li r-rikorrenti setgħet tressaq il-kawża tagħha fl-ewwel istanza, imbagħad f’sede ta’ appell (22). Il-Qorti EDB kienet qagħdet attenta sabiex preliminarjament tosserva li, “kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkontestabbilment, sistema ta’ għajnuna legali ma tistax tiffunzjona mingħajr ma jkun stabbilit mekkaniżmu li jippermetti li jintgħażlu l-kawżi li jistgħu jibbenefikaw minnha” (23). Fl-aħħar nett, minn dan hija ddeduċiet li l-istess kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal qorti tar-rikorrenti ma ġiex ippreġudikat bir-rifjut tal-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali jagħtiha l-għajnuna legali.

66.      Iktar reċenti, il-Qorti EDB ippreċiżat il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta ssir evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ mekkaniżmu tal-għajnuna legali mal-Konvenzjoni. B’hekk, il-kwistjoni għandha tkun “deċiża fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ u tiddependi b’mod speċjali mill-gravità tal-kwistjoni għar-rikorrent, mill-kumplessità tad-dritt u tal-proċedura applikabbli, kif ukoll mill-kapaċità tar-rikorrent li jiddefendi b’mod effettiv il-każ tiegħu” (24). Hija tammetti, fl-istess ħin, li d-dritt ta’ aċċess għal qorti ma huwiex assolut u li jista’ jkun limitat “sakemm dawn il-limiti jkollhom għan leġittimu u jkunu proporzjonati” (25). B’hekk, il-Qorti EDB kkunsidrat li l-għoti tal-għajnuna legali jista’ jkun limitat skont is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ min qed jagħmel l-ilment, jew tal-possibbiltajiet li jkollu suċċess fil-proċedura (26). Il-Qorti EDB tirrikonoxxi wkoll li l-Istati ma għandhomx l-obbligu li jippruvaw jiggarantixxu, permezz ta’ fondi pubbliċi, trattament ugwali totali bejn il-persuna assistita u l-avversarju tagħha, peress li kull parti tkun offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-każ tagħha (27).

67.      Mingħajr dubju, l-użu mill-Qorti EDB tat-terminu “individwu” għandu importanza partikolari għal din il-kawża peress li jistipula li l-Konvenzjoni EDB “kull ma tagħmel huwa li teżiġi li l-individwu jgawdi mid-dritt effettiv tiegħu li jkollu aċċess għall-qrati” (28). Madankollu, il-Qorti EDB kellha għarfien ta’ rifjut li tingħata għajnuna legali fil-konfront ta’ persuna ġuridika fil-Kawża VP Diffusion Sarl (29). Ir-rifjut ħareġ ukoll mill-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali tal-Cour de Cassation Franċiża. Il-Gvern Franċiż argumenta li minħabba li l-Konvenzjoni ma tipprovdix għall-obbligu li tingħata l-għajnuna legali fil-kawżi ċivili kollha, ir-rifjut li tingħata l-għajnuna ma jippreġudikax il-kontenut stess tal-Artikolu 6(1) għaliex kien jissodisfa għan leġittimu u kien josserva relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imsemmi. Għal darb’oħra, il-Qorti EDB kkunsidrat li l-kontenut tal-Artikolu 6(1) ma kienx ippreġudikat b’mod speċjali peress li d-dritt għal qorti ġie sodisfatt fl-ewwel istanza u fis-sede ta’ appell. Iżda lil hinn minn dan, hija fakkret ukoll li “il-Konvenzjoni ma tagħtix lil min jagħmel l-ilment, fi proċedura li tirrigwarda d-drittijiet ċivili tiegħu, l-ebda dritt awtomatiku li jibbenefika minn għajnuna legali jew li jiġi rrappreżentant minn avukat” (30). Barra minn hekk, il-Qorti EDB tirrikonoxxi li “is-sistema ġudizzjarja tista’ tinvolvi proċedura ta’ selezzjoni għall-kawżi ċivili, imma li għandha tiffunzjona b’mod mhux arbitrarju, mhux sproporzjonat u mingħajr ma tippreġudika l-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għal qorti”. Il-Qorti EDB osservat ukoll li “fuq il-livell Ewropew, ma hemmx kunsens jew għall-inqas tendenza stabbilita fil-qasam tal-għoti tal-għajnuna legali. Il-leġiżlazzjoni ta’ numru kbir ta’ Stati ma tipprevedix il-benefiċċju ta’ din l-għajnuna għall-persuni ġuridiċi, ikun xi jkun l-għan tagħhom, kummerċjali jew mingħajr skop ta’ lukru. F’dan il-każ, il-Qorti tikkunsidra li d-distinzjoni ġuridika, fis-sistema Franċiża tal-għajnuna legali bejn il-persuni fiżiċi u dawk ġuridiċi li jkollhom skop ta’ lukru jew le, ibbażata fuq is-sistema fiskali tal-għajnuna legali, mhijiex arbitrarja. […] fid-dritt Franċiż, teżisti bażi oġettiva – ir-regoli dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji – li tippermetti li l-kumpanniji kummerċjali, anki jekk ikunu jinsabu f’diffikultajiet finanzjarji, ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż marbuta ma’ proċedura ġudizzjarja”. Il-Qorti EDB tikkunsidra anki bħala nondiskriminatorja d-differenza fit-trattament, fejn għandha x’taqsam l-għajnuna legali, bejn il-kumpanniji kummerċjali, min-naħa l-waħda, u l-persuni fiżiċi u l-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru mill-oħra, għaliex din id-differenza hija msejsa fuq ġustifikazzjoni oġġettiva u raġonevoli li hija s-sistema fiskali tal-għajnuna legali.

68.      Jidhirli li minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li l-Konvenzjoni EDB, kif inhi interpretata mill-Qorti EDB, ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tobbliga espressament lill-Istati partijiet biex jistabbilixxu sistema ta’ għajnuna legali għall-benefiċċju inkundizzjonali kemm tal-persuni fiċiżi kif ukoll tal-persuni ġuridiċi. Huwa minnu li xejn ma jista’ jipprekludi li s-sistema legali tal-Unjoni toffri protezzjoni ikbar mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni (31). Madankollu, lanqas ma teżisti bażi ġuridika espliċita u reali li tippermetti li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tintalab tikkunsidra mill-ġdid, per se, il-mekkaniżmu ta’ għajnuna legali tagħha favur il-persuni ġuridiċi.

iii) Fuq il-livell tal-Unjoni

69.      L-Artikolu 47(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tirreferi għalih id-Direttiva 2003/8/KE, iżda li ma kienx vinkolanti fiż-żmien li seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi li l-għajnuna legali tingħata “lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed”. Iż-żewġ subparagrafi l-oħra ta’ dan l-istess artikolu jirreferu, min-naħa tagħhom, għal “[k]ull persuna”. L-ispjegazzjonijiet tal-Karta (32) jirreferu kemm għas-sentenza tal-Qorti EDB, Airey vs L-Irlanda (33) kif ukoll għas-sistema ta’ għajnuna stabbilita quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’tali mod li mill-istabbiliment, min-naħa tal-Karta, ta’ dritt għall-għajnuna legali, li barra minn hekk huwa prinċipalment mislut mill-KEDB, ma tista’ tinġibed l-ebda konklużjoni definittiva.

70.      Barra minn hekk, ma setgħet tiġi elenkata l-ebda regola li tarmonizza l-kundizzjonijiet li fihom għandha tingħata l-għajnuna legali u li hija applikabbli għal din il-kawża. Madankollu, u minkejja li mhumiex applikabbli f’dan il-każ, id-Direttiva 2003/8/KE tinkludi elementi li jistgħu jkunu utli biex jiċċaraw il-mod li bih il-leġiżlatur tal-Unjoni interpreta, f’dak iż-żmien, l-għajnuna legali.

71.      Id-Direttiva 2003/8/KE għandha t-tendenza li torganizza l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna legali għall-kawżi transkonfinali. Issa, f’dawn il-każijiet, il-benefiċċju tal-għajnuna legali huwa rikonoxxut biss għall-persuni fiżiċi, bil-premessa 13 tal-imsemmija direttiva tirreferi għal “[i]ċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni, kull fejn huma ddomiċiljati jew residenti abitwalment fit-territorju ta’ Stat Membru” u l-Artikolu 3 jistabbilixxi l-prinċipju li l-“[p]ersuni naturali [ġuridiċi]” għandhom ikunu intitolati biex jirċievu għajnuna legali xierqa skont il-kundizzjonijiet preskritti fid-direttiva.

72.      Ir-Regoli tal-Proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni lanqas ma jiffavorixxu lill-persuni ġuridiċi. Kemm jekk il-kawża tkun quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (fejn il-possibbiltà li titressaq kawża quddiem din il-qorti minn persuna ġuridika hija iktar limitata) jew quddiem il-Qorti Ġenerali, l-għajnuna legali hija rriżervata strettament għall-persuni fiżiċi (34), u dan anki meta t-talba għal għajnuna legali ssir mill-amministratur ta’ proċedura ta’ falliment ta’ kumpannija kummerċjali (35).

73.      Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni hija probabbilment iktar ambigwa. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 76(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha jagħmlu użu mhux mit-terminu “persuna” iżda minn “parti”. B’hekk, jista’ jiġi interpretat b’mod iktar wiesa’, fejn il-partijiet jistgħu jkunu jew persuni fiżiċi jew persuni ġuridiċi.

74.      Madankollu, il-prattika jidher li tikkonsisti fiċ-ċaħda sistematika tat-talbiet għal għajnuna legali mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-persuni ġuridiċi. Minkejja li, għal ħafna żmien il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx obbligata li timmotiva d-digrieti ta’ ċaħda tal-għajnuna legali tagħha (36), wieħed jista’ jippreżumi, meta tittieħed inkunsiderazzjoni kemm hija kostanti l-prattika, li dawn ir-rifjuti kienu bbażati fuq il-fatt li l-applikanta kienet persuna ġuridika (37).

75.      Ir-rifjut li tingħata l-għajnuna legali quddiem il-Qorti Ġenerali, inkluż fil-każ ta’ rikors dirett, huwa l-prova li, anki fi ħdan il-qrati tal-Unjoni, il-prinċipju tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt ta’ aċċess għal qorti li minnhom jibbenefikaw l-individwi mhumiex assoluti, u jistgħu jkunu limitati. Huwa minnu li l-ispejjeż sostnuti quddiem il-qrati tal-Unjoni huma dawk marbuta mal-għajnuna u mar-rappreżentanza legali, peress li r-Regoli tal-Proċedura differenti ma jimponu l-ebda taxxa paragunabbli ma’ dik li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali u lanqas xi kawzjoni. Madankollu, l-ipoteżi fejn persuna ġuridika, nieqsa minn kwalunkwe possibbiltà li tikseb għajnuna legali quddiem il-Qorti Ġenerali, u meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont ġeneralment mitlub, b’mod speċjali fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, mill-avukati, ikollha tirrinunzja għall-azzjoni tagħha, ma tistax tiġi eskluża.

iv)    Il-prassi individwali tal-Istati Membri

76.      Mingħajr ma nippretendi li se nkun eżawrjenti, se nillimita ruħi biex insemmi ċertu għadd ta’ Stati Membri tal-Unjoni sabiex nuri li minn eżami komparattiv tal-prassi nazzjonali fil-qasam tal-għoti tal-għajnuna legali ma tista’ tinġibed l-ebda konklużjoni definittiva.

77.      Diġà semmejt il-każ Franċiż li jipprevedi l-possibbiltà – eċċezzjonali – li tingħata għajnuna legali biss lill-persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza u li ma jkollhomx riżorsi suffiċjenti (38). Il-persuni ġuridiċi l-oħra ma jistgħux jitolbu l-għajnuna legali iżda jistgħu jnaqqsu għal finijiet ta’ taxxi l-ispejjeż marbuta ma’ proċedura ġudizzjarja. Ir-Repubblika Taljana, min-naħa tagħha, adottat skema qrib din inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li hija teżiġi l-ħlas ta’ taxxa għar-reġistrazzjoni ta’ kawża fir-reġistru fi proporzjon għall-valur tal-kawża. Huma biss iċ-“ċittadini mingħajr mezzi finanzjarji”, skont it-termini stess użati fil-leġiżlazzjoni Taljana, li jistgħu eventwalment jiġu eżentati mill-ħlas tat-taxxa (39). Fir-rigward tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-għajnuna legali hija rriżervata għall-persuni fiżiċi iżda wħud minnhom ma jistgħux madankollu jitolbuha: dan japplika għan-negozjanti, għall-industrijalisti, għall-artiġjani u għall-membri tal-professjonijiet privati għal kawża li jkollha x’taqsam mal-attività kummerċjali jew professjonali tagħhom. Bl-istess mod, l-għajnuna legali ma tistax tingħata għal kawża li tirriżulta minn attività ta’ natura spekulattiva (40). Ir-Renju tad-Danimarka jirriżerva l-benefiċċju tal-għajnuna legali għall-persuni fiżiċi, ħlief każijiet għal kollox eċċezzjonali f’kawżi li jkollhom portata ta’ prinċipju jew ta’ interess ġenerali; il-kawżi li jaqgħu fil-kamp industrijali u kummerċjali fil-prinċipju huma esklużi mid-dritt għall-għajnuna legali (41).

78.      Dan il-kampjun żgħir ta’ prattiki nazzjonali jippermettili niġbed żewġ gruppi ta’ konklużjonijiet.

79.      Qabel xejn, huwa jenfasizza n-nuqqas ta’ prinċipju tassew komuni li huwa kondiviż mill-Istati Membri fil-qasam tal-għoti tal-għajnuna legali, u li jista’, skont il-każ, ikun rifless u stabbilit fuq il-livell tal-Unjoni.

80.      It-tieni nett, id-distinzjoni bejn persuni ġuridiċi bi skop ta’ lukru u persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru, fis-sens ta’ ammissjoni iktar faċli ta’ dawn tal-aħħar għall-għajnuna legali, hija relattivament mifruxa fil-prattika tal-Istati Membri.

b)      Applikazzjoni għal dan il-każ

81.      Fil-linja ta’ dak li tippreskrivi l-Qorti EDB meta hija jkollha tagħti deċiżjoni dwar jekk kienx hemm ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont ġurisprudenza stabbilita, ikkunsidrat li meta hija kellha tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ effettività, hija kellha tanalizzaha mhux b’mod astratt iżda b’relazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ inkwistjoni biex tivverifika li r-rikors ma jsirx wisq diffiċli u “billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, fl-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura” (42). Biex tali limitu għall-prinċipju ta’ effettività jkun aċċettat, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi ġustifikazzjoni raġonevoli (43). Għaldaqstant, issa għandu jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni mogħtija mill-qrati Ġermaniżi tal-Artikolu 116(2) taż-ŻPO tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-protezzjoni ta’ wieħed mill-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

82.      Minkejja li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li mhijiex kompetenza ta’ din tal-aħħar li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt intern, peress li din hija kompetenza esklużiva tal-qorti tar-rinviju, li għandha, f’dan il-każ, tiddetermina jekk ir-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività humiex sodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdi kjarifiki intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħha (44), u dan huwa dak li biħsiebni nagħmel issa.

83.      Id-diffikultà li sabet DEB biex ikollha aċċess għal qorti tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet iktar restrittivi biex tinkiseb l-għajnuna legali fir-rigward tal-persuni ġuridiċi. Id-domanda li saret għandha l-għan li tiddetermina jekk id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, flimkien mal-prinċipju tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni, għandhomx jiġu protetti bl-istess intensità meta jirrigwardaw persuni ġuridiċi u meta jirrigwardaw persuni fiżiċi.

84.      Fis-sistema legali Ġermaniża, li jiġi ggarantit l-aċċess għal qorti ta’ persuna ġuridika, tant li tingħata għajnuna legali li l-finanzjament tagħha huwa sostnut mill-pubbliku, huwa previst biss jekk il-kawża inkwistjoni jkollha dimensjoni ikbar mill-interessi ekonomiċi tal-imsemmija persuna ġuridika biss. F’kull każ, hija l-interpretazzjoni li ngħatat mill-qrati nazzjonali tal-Artikolu 116(2) taż-ŻPO, u b’mod iktar preċiż tal-kunċett ta’ “interessi ġenerali”.

85.      Jidhirli li wieħed għandu joqgħod ferm attent meta jevalwa l-interessi ġenerali inkwistjoni. Uħud jistgħu jikkunsidraw li l-interpretazzjoni restrittiva mogħtija lil din id-dispożizzjoni nazzjonali għandha l-konsegwenza li jintilef l-iskop tal-Artikolu 116 taż-ŻPO, u tikkostitwixxi l-bażi għal ċaħda sistematika moħbija tat-talbiet għal għajnuna legali mressqa mill-persuni ġuridiċi.

86.      Din ir-rimarka tal-aħħar twassalni għal żewġ riflessjonijiet.

87.      Qabel xejn, jekk il-leġiżlazzjoni Ġermaniża f’dan il-qasam jirriżulta li hija tabilħaqq restrittiva, għalkemm hija probabbilment tagħmilha iktar diffiċli għall-persuni ġuridiċi milli għall-persuni fiżiċi li jressqu azzjoni, madankollu għandu jiġi rikonoxxut li l-għajnuna legali tista’ tingħata, fl-Istat Ġermaniż, lil persuni ġuridiċi, li mhux il-każ tas-sistemi legali kollha ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni (45).

88.      L-għajnuna legali, fil-każijiet kollha, qatt ma tiġi interpretata bħala dritt inkundizzjonali (46). Anki meta tikkonċerna lil persuni fiżiċi, hija naturalment tkun suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ riżorsi, u xi drabi għan-natura fondata tat-talba.

89.      Sussegwentement, jidhirli li, meta wieħed jirrifletti dwar il-protezzjoni ġudizzjarja offruta lill-individwi fejn għandhom x’jaqsmu d-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, għandha ssir distinzjoni doppja, li ma ssirx espliċitament mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, iżda li tista’ tiġi faċilment dedotta. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni skont jekk ikunux involuti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, imbagħad skont jekk il-persuna ġuridika involuta jkollhiex skop ta’ lukru jew le. Il-ġurisprudenza nazzjonali dwar l-Artikolu 116(2) taż-ŻPO fil-fatt għandha t-tendenza li tikkumbatti l-azzjonijiet abużivi li jistgħu eventwalment jitressqu minn persuni ġuridiċi li jkollhom skop ta’ lukru, u li għalhekk l-uniku skop li għalih ġew ikkostitwiti huwa li jiġġeneraw ċertu profitt mis-sempliċi fatt tal-azzjoni legali. F’dawn il-kundizzjonijiet, li jkun żgurat li dawn l-entitajiet ġuridiċi jkollhom aċċess effettiv għal qorti, anki jekk il-prezz ta’ dan ikollu jiġi sostnut mill-pubbliku, u anki f’isem l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, ma jidhirlix li hija xi ħaġa li wieħed jista’ jeżiġi mingħand l-Istati Membri.

90.      L-Artikolu 116(2) taż-ŻPO, kif inhu interpretat mill-qrati Ġermaniżi, għalhekk donnu għandu bħala għan il-possibbiltà li mill-benefiċċju tal-għajnuna legali jiġu esklużi l-persuni ġuridiċi li għandhom skop ta’ lukru u li għandhom l-intenzjoni li jressqu kawżi quddiem il-qrati għall-protezzjoni tal-interesi ekonomiċi u kummerċjali tagħhom biss. Sa ċertu punt, il-persuna ġuridika għandha tieħu responsabbiltà għar-riskju ekonomiku relatat mal-attività tagħha, li hija ssostni, sa u inkluż fil-proċeduri ġudizzjarji.

91.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li skont it-termini tad-Direttiva 2003/8/KE, li madankollu hija applikabbli biss fir-rigward tal-persuni fiżiċi, l-għoti tal-għajnuna legali jista’ jiġi rrifjutat “jekk persuna fiżika tressaq azzjoni li tirriżulta direttament mill-attivitajiet kummerċjali tal-applikant jew mill-attivitajiet tiegħu bħala ħaddiem għal rasu” (47). Kemm fuq il-livell internazzjonali kif ukoll fuq il-livell tal-Unjoni, huwa aċċettat li l-benefiċċju tal-għajnuna legali jista’ jiġi rrifjutat, anki lil persuni fiżiċi, f’każijiet ta’ din ix-xorta. Għaldaqstant, huwa proprju f’dawn il-każijiet preċiżi li jkun assunt ir-riskju li parti privata tiċċaħħad mid-dritt tagħha ta’ aċċess għal qorti minħabba l-ibbilanċjar ta’ interessi kontradittorji, jiġifieri dak tal-partijiet li jressqu l-kawża tagħhom quddiem qorti u dak tal-Istati li jiżguraw amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja fl-istess ħin li jiżguraw kontroll tal-ispejjeż pubbliċi tagħhom.

92.      Fil-Ġermanja, din ir-rigorożità fil-konfront tal-persuni ġuridiċi, madankollu, hija kkumpensata, min-naħa l-waħda, mill-fatt li, meta kumpannija b’responsabbiltà limitata tinsab f’diffikultajiet serji u jrid jingħata bidu għal proċedura ta’ likwidazzjoni, f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tipprevedi li l-likwidatur jingħata awtomatikament l-għajnuna legali (48), u, min-naħa l-oħra, meta l-azzjoni mressqa mill-persuna ġuridika jista’ jkollha riperkussjonijiet soċjali serji, jiġifieri konsegwenzi ekonomiċi li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-persuna ġuridika rikorrenti biss, allura l-qrati Ġermaniżi jikkunsidraw li r-rinunzja tal-azzjoni tmur kontra l-interessi ġenerali, u l-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 116(2) taż-ŻPO tkun sodisfatta.

93.      Jekk issa wieħed jikkunsidra l-kategorija l-oħra tal-persuni ġuridiċi, jiġiferi dawk mingħajr skop ta’ lukru, dawn essenzjalment għandhom l-għan li jiddefendu interessi komuni (bħal assoċjazzjoni għall-ħarsien tal-konsumaturi, għall-ħarsien tal-ambjent, eċċ.) u jista’ jkollhom diversi forom, bħal dik ta’ assoċjazzjoni jew ta’ fondazzjoni. F’dak il-każ, jidhirli li huwa evidenti li l-kundizzjoni tal-interessi ġenerali tkun sodisfatta, jekk id-dimensjoni tal-kawża tmur lil hinn mill-kuntest biss tal-membri jew tas-sħab tal-imsemmija persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru, u allura huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna legali u jressqu mingħajr diffikultà azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni.

94.      B’hekk, mhuwiex tant id-dritt ta’ aċċess tal-persuni ġuridiċi għal qorti u, b’hekk, il-prinċipju tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tagħhom, li huma llimitati mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, iżda biss dak tal-persuni ġuridiċi li għandhom skop ta’ lukru.

95.      Din il-konstatazzjoni titlob żewġ gruppi ta’ preċiżazzjonijiet.

96.      L-ewwel nett, din id-distinzjoni fl-għoti tal-għajnuna legali jidher li diġà ġiet aċċettata impliċitament mill-Qorti EDB (49). Għaldaqstant, li l-persuni ġuridiċi li jkollhom għan ekonomiku jiġu suġġetti għal kundizzjonjiet iktar restrittivi biex jingħataw l-għajnuna legali jagħmel l-aċċess għal din l-għajnuna iktar diffiċli, jimmultiplika l-possibbiltajiet ta’ ċaħda, u b’hekk is-sitwazzjonijiet li fihom il-persuni ġuridiċi ma jkunux jistgħu tabilħaqq ikollhom aċċess għal qorti. Madankollu, jista’ jiġi kkunsidrat li, f’dawn il-kundizzjonijiet u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-limitu li jinsab fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża huwa limitu raġonevolment iġġustifikat (50).

97.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà aċċettat li x-xewqa ta’ żvolġiment tajjeb tal-proċedura, li għaliha jidhirli li jirrispondi r-rekwiżit Ġermaniż tal-ħlas tat-taxxa flimkien mal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna legali, inkluż fil-każ ta’ proċedura mressqa kontra l-Istat, tista’ tikkostitwixxi limitu leġittimu għall-prinċipju ta’ effettività (51). L-Istat, bħal kull parti konvenuta oħra, għandu jkun jista’ jiddefendi lilu nnifsu minn azzjonijiet abbużivi, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispiża li tirrappreżenta għall-pubbliku l-okkupazzjoni tal-qrati tagħha kif ukoll id-difiża tal-Istat. Jekk l-Istat ikun obbligat itaffi n-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji ta’ kull persuna, fiżika u ġuridika, li ma tkunx tista’ tħallas l-ispejjeż ġudizzjarji, dan se jkollu eżitu kontroproduċenti.

98.      La l-Konvenzjoni EDB u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma jagħtu lok li wieħed isostni li jeżisti dritt inkundizzjonali għall-għajnuna legali u li l-persuni ġuridiċi huma fost dawk li huma intitolati għalih. Naturalment, l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (52), jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li f’dan il-każ huwa jista’ jiġi applikat tabilħaqq b’mod vinkolanti, jista’ jippermetti li wieħed imur lil hinn mill-garanzija offruta sa dak iż-żmien mill-Konvenzjoni EDB u mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. L-Artikolu 47(3) ikun jista’ jiġi interpretat b’mod wiesa’, jiġifieri li jobbliga lill-Istati Membri jagħtu għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi. Madankollu, interpretazzjoni ta’ din ix-xorta jidhirli li hi, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, eċċessiva.

99.      Tabilħaqq, il-preambolu għall-Karta jistipula li: “Din il-Karta tafferma mill-ġdid, fir-rispett tal-kompetenzi u l-kompiti ta’ l-Unjoni, kif ukoll tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, id-drittijiet kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri”. Issa, kif ippruvajt nuri, huwa impossibbli li mill-prattika tal-Istati Membri tiġi dedotta kwalunkwe tradizzjoni kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Fir-rigward tal-prattika internazzjonali, ir-riżultat tal-analiżi tagħha anzi jista’ jwassal għall-konklużjoni li ma hemmx obbligu internazzjonali min-naħa tal-Istat li jagħti għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi.

100. L-adozzjoni, fit-trattament ta’ kawża li l-fatti tagħha seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u, għaldaqstant, tal-Karta, ta’ interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-Artikolu 47(3) naħseb li tmur kontra l-ispirtu ta’ kooperazzjoni leali li għandu janima lill-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri tagħha.

101. Il-prinċipju tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri, f’konfigurazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri fl-azzjonijiet kollha għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mressqa kontra l-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, biex jagħtu b’mod sistematiku għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi, ħlief billi tiġi interpetata b’mod żbaljat in-natura għaldaqstant bilfors ikkundizzjonata tal-għajnuna legali. Barra minn hekk, jekk tali approċċ jiġi aċċettat, ir-riskju li d-dritt tal-Unjoni jiġi strumentalizzat minn entitajiet ġuridiċi li l-azzjonijiet ġudizzjarji tagħhom ikollhom għan strettament ekonomiku jkun kbir.

102. It-tieni nett, id-differenza fit-trattament bejn persuni ġuridiċi (li jkollhom skop ta’ lukru) u persuni fiżiċi, fis-sistema legali Ġermaniża, fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna legali, hija ferm imnaqqsa minħabba li l-Gvern Ġermaniż ammetta waqt is-seduta li l-protezzjoni tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jistgħu jisiltu minnhom, jistgħu jikkostitwixxu “interessi ġenerali” li għandhom ikunu protetti billi tingħata għajnuna legali lill-persuna ġuridika li tkun talbitha. F’dawn il-kundizzjonijiet, jidhirli li d-domanda li saret fl-aħħar mill-aħħar taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-qrati nazzjonali Ġermaniżi li issa għandhom l-elementi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex ikunu jistgħu jadottaw interpretazzjoni tal-Artikolu 116(2) taż-ŻPO li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

VI – Konklużjoni

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tal-Kammergericht Berlin fit-termini li ġejjin:

“Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma jeżisti l-ebda prinċipju ġenerali li jeżiġi li l-Istati Membri jagħtu għajnuna legali lill-persuni ġuridiċi fl-istess kundizzjonijiet li jagħtuha lill-persuni fiżiċi, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni għall-ħlas ta’ taxxa u filwaqt li jkun ipprovdut li l-għajnuna legali, li għandha b’mod speċjali l-għan li teżenta lill-parti rikorrenti mill-ħlas tat-taxxa, ma tistax tingħata lil persuna ġuridika li, mingħajr ma jkollha l-mezzi biex tagħmel l-imsemmija ħlas, jidher li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet restrittivi previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni, għandha tiġi eżaminata filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni li għandha din il-leġiżlazzjoni fil-proċedura kollha.

Għaldaqstant, għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika jekk l-ammont tat-taxxa mitlub huwiex adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, u b’mod partikolari tal-fumus boni juris tal-azzjoni prevista u ta’ tqassim xieraq, bejn l-Istat u l-utent, tal-ispejjeż tas-servizzi tal-qrati li tqis debitament is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar, inkluża l-oriġini tad-danni li huwa qed jallega li ssubixxa.

Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Gvern Ġermaniż jaċċetta li l-protezzjoni tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni – u għaldaqstant, il-protezzjoni tad-drittijiet li jislet minnu l-individwu – tista’ tkun wieħed mill-‘interessi ġenerali’ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-mument li tingħata deċiżjoni dwar talba għal għajnuna legali mressqa minn persuna ġuridika.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 26, p. 41 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6 p. 90).


3 – Direttiva 98/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali, ĠU L 204, p. 1, (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 28).


4 – Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE, ĠU L 176, p. 57, (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Volum 2, p. 230).


5 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-64/03, Ġabra p. I‑3551).


6 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).


7 – Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, nixtieq nirrimarka li, minkejja li ma kinitx vinkolanti meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, bla ebda dubju hija tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’din il-kawża, b’mod speċjali meta jitqies il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa b’mod espliċitu l-importanza tagħha fil-premessa 5 tad-Direttiva 2003/8/KE [għal sitwazzjoni simili, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 38)].


8 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629, punt 16); tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 19); tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 32).


9 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani (C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 27).


10 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, Ġabra p. I-635, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 1993, Hubbard (C-20/92, Ġabra p. I-3777); tas-26 ta’ Settembru 1996, Data Delecta u Forsberg (C‑43/95, Ġabra p. I‑4661); tal-20 ta’ Marzu 1997, Hayes (C-323/95, Ġabra p. I-1711), u tat-2 ta’ Ottubru 1997, Saldanha u MTS (C-122/96, Ġabra p. I-5325).


12 – Bil-kontra ta’ dak li tipprevedi l-leġiżlazzjoni Taljana, pereżempju, li tawtorizza l-irkupru forzat a posteriori tat-taxxa li ma tkunx tħallset qabel ma tibda l-proċedura.


13 – Kif il-Qorti Ewropea għad-Drittjiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) diġà kellha l-okkażjoni li tivverifika, peress li hija tikkunsidra wkoll li “ir-rekwiżit tal-ħlas lill-qrati ċivili tal-ispejjeż relatati mat-talbiet li jitressqu quddiemhom ma jistax jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal qorti li mhuwiex kompatibbli per se mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB” sakemm, però, ikun hemm “bilanċ xieraq bejn, min-naħa l-waħda, l-interess tal-Istat li jiġbor l-ispejjeż tal-proċedura biex jittratta t-talbiet u, mill-oħra, l-interess tar-rikorrent li jsostni l-pretensjonijiet tiegħu quddiem il-qrati” (sentenza tal-Qorti EDB, Kreuz vs Il-Polonja, tad-19 ta’ Ġunju 2001, rikors Nru 28249/95, rispettivament il-punti 60 u 66). Għandu jiġi nnotat li r-rikorrent, f’dan il-każ, kien persuna fiżika.


14 – Ara, rispettivament, l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-proċedura ċivili, l-Artikolu 1 tal-Ftehim Ewropew dwar it-trażmissjoni ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna legali, u l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar l-aċċess internazzjonali għall-ġustizzja.


15 – Qorti EDB, sentenza Del Sol vs Franza tas-26 ta’ Frar 2002, (rikors Nru 46800/99, punt 20).


16 – Ara l-Qorti EDH, sentenza Golder vs Ir-Renju Unit tal-21 ta’ Frar 1975, (rikors Nru 4451/70).


17 – Qorti EDB, Airey vs L-Irlanda tad-9 ta’ Ottubru 1979, rikors Nru 6289/73, punt 24.


18 – Ibid., punt 26.


19 – Ibid.


20 – Ibid.


21 – Qorti EDB, Del Sol vs France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26.


22 – Ibid.


23 – Qorti EDB, Del Sol vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23.


24 – Qorti EDB, il-15 ta’ Frar 2005, Steel u Morris vs Ir-Renju Unit (rikors Nru 68416/01, punt 61).


25 – Ibid., (punt 62).


26 – Ibid., ( punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Ibid.


28 – Ara l-punt 26 tas-sentenza Airey, iċċitata iktar ’il fuq.


29 – Qorti EDB, VP Diffusion SARL vs Franza tas-26 ta’ Awwissu 2008, (rikors Nru 14565/04).


30 – Ibid..


31 – Biħsiebni nerġa’ nittratta dan il-punt meta nsemmi l-Karta: ara, iktar ’l isfel, il- punti 98 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32 – ĠU 2007, C 303, p. 30.


33 – Qorti EDB, Airey, iċċitata iktar ’il fuq.


34 – Għal eżempju reċenti quddiem il-Qorti Ġenerali, ara d-digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni Ewropea vs Edificios Inteco S. L. (AJ: T-235/09 AJ) fejn jingħad li “jekk it-talba għandha tiġi kkunsidrata bħala li tressqet f’isem Edificios Inteco, hija għandha tiġi miċħuda minħabba li persuna ġuridika […] ma tistax tibbenefika mill-għajnuna legali meta jirriżulta mill-Artikolu 94(2) tar-Regoli tal-Proċedura li l-persuni fiżiċi biss li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, ma jistgħux, totalment jew parzjalment, ikopru l-ispejjeż marbuta mal-għajnuna u mar-rappreżentazzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom id-dritt li jibbenefikaw mill-għajnuna legali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 3 tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq).


35 – Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI–easyGroup IP Licensing (easyHotel) (T-316/07, Ġabra p. II-43, punti 16 sa 30).


36 – Ara l-emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2005, li jemendaw b’mod speċjali t-tieni paragrafu tal-Artikolu 76(3), li issa jipprovdi li fil-każ ta’ ċaħda totali jew parzjali tal-benefiċċju ta’ għajnuna legali bla ħlas, id-digriet għandu jinkludi r-raġunijiet għal din iċ-ċaħda. (ĠU L 203, p. 19).


37 – Ara d-digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 1980, Jenkins vs Kingsgate (96/80 AJ); tas-7 ta’ Mejju 1992, Emerald Meats Limited vs Il-Kummissjoni (C-106/90 AJ, 317/90 AJ u C-129/91 AJ); tal-4 ta’ Marzu 1994, IRACO vs Il-Kummissjoni (C-3/94 AJ); tad-29 ta’ Frar 1996, Merck u Beecham (C-267/95 u C-268/95 AJ); tat-3 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs IRACO (C-337/96 AJ); u tat-23 ta’ Settembru 1999, Sindicato de Médicos de Asistencia Pública (C-303/98 AJ). Sa fejn naf jiena, il-Qorti tal-Ġustizzja ħarġet biss digriet motivat wieħed biss ta’ ċaħda għal talba għal għajnuna legali mressqa minn assoċjazzjoni; b’mod sorprendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat, f’dan il-każ, li l-applikanta kienet tissodisfa tassew il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura. B’hekk, hija vverifikat jekk il-persuna ġuridika rikorrenti setgħetx tiġġustifika n-nuqqas ta’ mezzi finanzjarji tagħha u jekk l-azzjoni tagħha kinitx tidher manifestament infondata. Huwa minħabba li f’dan il-każ iż-żewġ kundizzjonijiet ma ġewx sodisfatti li hija rrifjutat li tagħti l-għajnuna legali [ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ottubru 1995, Amicale des résidents du square d’Auvergne (C-133/95 AJ)].


38 – Ara l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 91-647 tal-10 ta’ Lulju 1991 dwar l-għajnuna legali, emendata bil-Liġi Nru 2007-210 tad-19 ta’ Frar 2007 dwar riforma tal-assigurazzjoni tal-protezzjoni legali (JORF tal-21 ta’ Frar 2007, p. 3051).


39 – Testo unico in materia di spese di giustizia 115/2002, Artikolu 74(2).


40 – Għal dawn ir-restrizzjonijiet kollha għall-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni fiżiċi fil-Lussemburgu, ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Liġi tat-18 ta’ Awwissu 1995 dwar l-għajnuna legali (Mémorial A Nru 81, p. 1914).


41 – Artikoli 325 sa 336 tar-Retsplejeloven (Kodiċi tal-Proċedura Daniż).


42 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C-312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 14); u van Schijndel u van Veen (C-430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I-4705, punt 19), kif ukoll is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C-2/08, Ġabra p. I-7501, punt 27).


43 – Sentenza Fallimento Olimpiclub, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31. Din l-espressjoni tfakkar in-natura tat-test tal-kompatibbiltà li l-Qorti EDB tagħmel fid-dawl tal-KEDB, peress li hija tikkunsidra li “limitu għall-aċċess għal qorti jew għal tribunal jista’ jiġi kkonċiljat mal-Artikolu 6(1) biss jekk dan ikollu għan leġittmu u jekk ikun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan mixtieq” (ara s-sentenza tal-Qorti EDB, Kreuz vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C-63/08, Ġabra p. I-467, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


45 – Ara, iktar ’il fuq, il-punti 76 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


46 – Ara, b’mod speċjali, il-Qorti EDB, id-19 ta’ Ġunju 2001, Kreuz vs Il-Polonja (rikors Nru 28249/95, punt 59).


47 – Ara l-premessa 17 u l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 2003/8/KE ċċitata iktar ’il fuq. Dan il-limitu jidher li huwa wkoll aċċettat fil-prinċipju tiegħu mill-Qorti EDB: ara l-Qorti EDB, Kreuz vs Il-Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63.


48 – Artikolu 116(1) taż-ŻPO; inċidentalment, din l-ipoteżi ma għandhiex x’taqsam mal-kwistjoni tal-effettività tad-dritt tal-Unjoni.


49 – Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, VP Diffusion SARL vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq.


50 – Skont l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Peterbroeck, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20.


51 – Sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, iċċitata iktar ’il fuq.


52 – Li jipprovdi li: “Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”.

Top