EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0016

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 15 ta' April 2010.
Gudrun Schwemmer vs Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Sigurtà soċjali - Regolament (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 - Benefiċċji tal-familja - Regoli "kontra l-akkumulazzjoni"- Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 - Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 - Tfal li jirresjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa il-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa , a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.
Kawża C-16/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09717

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:195

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-15 ta’ April 2010 1(1)

      Kawża C‑16/09      

Gudrun Schwemmer

vs

Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Sigurtà soċjali – Allowances tal-familja wara d-divorzju – Nuqqas mill-ex konjuġi biex japplika għall-benefiċċju tat-tfal fl-Istat ta’ impjieg – Sospensjoni tal‑benefiċċju tat-tfal fl-Istat ta’ residenza – Artikolu 76 tar-Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72”





I –    Introduzzjoni

1.        B’digriet tat-30 ta’ Ottubru 2008, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2009, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi) (il-Ġermanja) ressqet domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tingħata deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”) (3) u tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 (4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 574/72”) (5).

2.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari sar fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija minn G. Schwemmer, li hija ċittadina Ġermaniża divorzjata u residenti fil-Ġermanja li l-ex raġel tagħha jaħdem l-Isvizzera, kontra l-Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse (Aġenzija tal-Impjieg, Villingen-Schwenningen – Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja”) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja”), dwar ir-rifjut ta’ dan l-uffiċċju milli jagħtiha l-ammont sħiħ ta’ benefiċċji tal-familja fir-rigward taż-żewġt itfal tagħha.

3.        Prinċipalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika jekk, f’sitwazzjoni wara d-divorzju, fejn il-missier tat-tfal jastjeni intenzjonalment milli japplika għall-benefiċċju tat-tfal fil-pajjiż li jaħdem fih, l-Istat Membru ta’ residenza tal-omm għandux iħallas l-benefiċċju tat-tfal biss sa dak l-ammont dovuti li f’dak l-Istat jeċċedi l-ammont tal-benefiċċju tat-tfal li l-missier seta’ jikseb fl-Istat ta’ impjieg tiegħu.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

1.      Il-Ftehim bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Svizzera

4.        Bis-saħħa tal-Anness II tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (6), ir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 japplikaw għar-relazzjonijiet bejn il-kontraenti f’dan il-ftehim.

2.      Ir-Regolament Nru 1408/71

5.        Sa fejn huwa rilevanti għal din il-kawża, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Regoli Ġenerali”, jipprovdi dan li ġej fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli:

“1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

(a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[...]”

6.        L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”, jipprovdi li:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat [...]”

7.        L-Artikolu 75(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“2. [...] jekk il-benefiċċji tal-familja ma jintużawx mill-persuna li lilha suppost ikunu pprovduti għall-manteniment tal-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti tuża l-obbligi legali tagħha billi tipprovdi l-imsemmija benefiċċji lill-persuna naturali jew legali li attwalment tkun tmantni l-membri tal-familja, fuq it-talba ta’, u permezz ta’aġenzija, l-istituzzjoni tal-post tagħhom ta’ abitazzjoni jew ta’ l-istituzzjoni ddisinjata jew ta’[] korp maħtur għal dan l-iskop mill-awtorità kompetenti tal-pajjiżi ta’ l-abitazzjoni tagħhom”.

8.        L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi regoli ta’ prijorità fil-każijiet ta’ akkumulazzjoni ta’ drittijiet għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat kompetenti u taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja, jipprovdi li:

“1. Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l-intitolament [dritt] tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l-ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.

2. Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l-ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru”.

3.      Ir-Regolament Nru 574/72

9.        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72, bit-titolu “Regoli applikabbli fil-każ ta’ dħul fuq xulxin (overlapping) [akkumulazzjoni] tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja jew ta’ l-allowances tal-familja għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom”, jipprovdi li:

“(a)      L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg [ta’ persuna għal rasha], ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament, sas-somma ta’dawk il-benefiċċji.

(b)      Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

(i)      fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament [Nru 1408/71] lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

[...]”

B –    Id-dritt nazzjonali

10.      Id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja huwa rregolat bil-Paragrafi 62 u 63 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EstG”).

11.      Il-Paragrafu 62.1.1 tal-EStG jipprovdi li:

“Fir-rigward ta’ tfal fis-sens tal-paragrafu 63, persuna tkun intitolata għall-benefiċċju tat-tfal taħt din il-liġi jekk hija jkollha r-residenza fil-Ġermanja jew normalment tirrisjedi hemmhekk”.

12.      Il-Paragrafu 63.1.1 jipprovdi li:

“‘Tfal’ tfisser: tfal fis-sens tal-Paragrafu 32.1”.

13.      Il-Paragrafu 32.1.1 jipprovdi li:

“It-tfal huma dawk li huma relatati fl-ewwel grad mal-persuna li tħallas it-taxxa”.

14.      Il-Paragrafu 65.1 tal-EstG jipprovdi li ma għandu jitħallas ebda benefiċċju tat-tfal li għalih hemm jew, jekk jiġi mitlub, ikun hemm id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal f’pajjiż ieħor.

III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi magħmula

15.      Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, G. Schwemmer toqgħod il-Ġermanja flimkien maż-żewġt itfal tagħha, li twieldu fl-1992 u fl-1995. Fl-2005 hija qabdet taħdem għal rasha fil-qasam tas-servizzi tal-immaniġġjar, sorveljanza u tindif tal-proprjetà. Minn Mejju 2006 hija kellha impjieg marġinali ma’ ditta. Matul il-perijodu inkwistjoni, G. Schwemmer ħallset kontribuzzjonijiet volontarji lid-Deutsche Rentenversicherung (Fond Ġermaniż tal-Assigurazzjoni tal-Pensjoni) (iktar ’il quddiem id-“DRV”) u kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-assigurazzjoni tas-saħħa u tad-dipendenza lid-Deutsche Angestelltenkrankenkasse (Fond tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa għall-Impjegati, iktar ’il quddiem id-“DAK”).

16.      Missier it-tfal, li G. Schwemmer kienet ilha li ddivorzjat minn miegħu mill-1997, jaħdem fl-Isvizzera. Huwa ma applikax għall-benefiċċji tal-familja li għalihom huwa intitolat taħt il-liġi Svizzera għall-ammont ta’ EUR 109.75 għal kull wild.

17.      B’deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2006, l-Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja ffissa l-benefiċċju tat-tfal għall-ammont parzjali ta’ EUR 44.25 għal kull wild minn Jannar 2006, inkwantu l-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja ta’ EUR 154 kien jeċċedi l-benefiċċju tal-familja ta’ EUR 109.75 għal kull wild li għaliha kien intitolat il-missier fl-Isvizzera.

18.      L-Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja ħa l-pożizzjoni, li ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi), li d-dritt ta’ G. Schwemmer għall-benefiċċju tat-tfal irid jiġi ddeterminat b’riferiment għad-dispożizzjonijiet dwar l-akkumulazzjoni ta’ allowances stabbiliti fir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72. Peress li G. Schwemmer ma wettqitx attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-Isvizzera jieħu l-prijorità fuq id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja, skont l-Artikolu 10(1)(a) ta’ dan ir-regolament. Skont il-Finanzgericht u l-Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja, il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċji tal-familja ġewx effettivament mitluba jew le fl-Isvizzera hija irrilevanti, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li japplika mutatis mutandis. Is-setgħa diskrezzjoni mogħtija taħt din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata li tfisser biss li huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u ġustifikati li jista’ jitqies li l-ebda benefiċċju tal-familja ma jkun ingħata fil-pajjiż tal-impjieg, bil-konsegwenza li l-pajjiż tar-residenza jkun meħtieġ li jħallas il-benefiċċji tal-familja fl-integralità tagħhom.

19.      Fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, G. Schwemmer tikkontesta din il-fehma, u targumenta li hija diġà għandha dritt għall-benefiċċju kollu tat-tfal fil-Ġermanja u dan minħabba l-attività professjonali tagħha hemmhekk. Skont G. Schwemmer, il-ħaddiema f’impjieg b’kundizzjonijiet minimi għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-ħaddiema suġġetti għall-assigurazzjoni obbligatorja. Fi kwalunkwe każ, missier it-tfal kien astjena intenzjonalment milli japplika għall-benefiċċji tal-familja fl-Isvizzera, li huwa l-pajjiż tal-impjieg kompetenti, u dan sabiex jikkaġunalha ħsara. Din is-sitwazzjoni mhijiex prevista mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72.

20.      Il-qorti tar-rinviju ddikjara li fil-kawża prinċipali, il-problema tal-akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja għandha tiġi rregolata b’riferiment għall-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, peress li, fil-fehma tagħha, G. Schwemmer ma wettqitx attività professjonali jew kummerċjali fil-Ġermanja fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont id-diċitura tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-pajjiż tar-residenza ikun sospiż biss meta l-benefiċċji tal-familja jkunu dovuti fil-pajjiż tal-impjieg. Madankollu, fil-kawża prinċipali l-ebda benefiċċju tal-familja mhuwa dovut mill-pajjiż tal-impjieg: fl-Isvizzera, il-benefiċċji tal-familja jistgħu jingħataw biss jekk issir talba għalihom, u missier it-tfal, minkejja li kien intitolat għall-benefiċċji inkwistjoni, ma applikax għalihom.

21.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk, fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux japplika mutatis mutandis, kif sostniet G. Schwemmer.

22.      F’dan il-kuntest, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tapplika mutatis mutandis għall-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 fil-każijiet meta l-ġenitur li jkollu dritt li jitlob għall-benefiċċji tal-familja li għalihom jkun intitolat ma japplikax għalihom fil-pajjiż ta’ impjieg?

2.      Fil-każ li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu japplika mutatis mutandis: liema kunsiderazzjonijiet ta’ diskrezzjoni tista’ tibbaża fuqhom l-istituzzjoni responsabbli għall-benefiċċji tal-familja fil-pajjiż ta’ residenza biex tapplika l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 bħallikieku l-benefiċċji kienu ngħataw fil-pajjiż ta’ impjieg? Is-setgħa diskrezzjonali biex wieħed jippreżumi li l-benefiċċji tal-familja jkunu tħallsu fil-pajjiż ta’ impjieg tista’ tiġi limitata meta l-persuna li tkun intitolata għalihom, intenzjonalment ma tapplikax għall-benefiċċji tal-familja u dan sabiex tikkaġuna ħsara lill-persuna intitolata għall-benefiċċju tat-tfal fil-pajjiż ta’ residenza?”

IV – Analiżi ġuridika

A –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

23.      F’dawn il-proċeduri, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Litwan u minn dak Awstrijak u mill-Kummissjoni Ewropea. G. Schwemmer, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2010.

24.      Skont is-sottomissjonijiet ta’ G. Schwemmer fis-seduta, hija għandha titqies bħala persuna koperta bl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 minkejja l-fatt li hija kienet biss f’impjieg b’kundizzjonijiet minimi u ma kinitx f’assigurazzjoni obbligatorja kontra l-qgħad kif meħtieġ taħt il-punt I.E tal-Anness I ta’ dan ir-regolament. Dan l-anness mhuwiex rilevanti f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, skont G. Schwemmer, l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 1408/71 japplika mutatis mutandis għal ċirkustanzi bħal dawn, fejn il-persuna li hija impjegata fi Stat Membru ieħor ma tkunx talbet u rċeviet il-benefiċċji tal-familja għall-manteniment tal-membri tal-familja kkonċernata.

25.      Il-Gvern Ġermaniż jirrileva li, taħt il-paragrafu 65 tal-EstG, m’hemmx dritt għall-benefiċċji tal-familja fil-Ġermanja jekk ikun hemm dritt għal benefiċċji simili fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, fil-każ ta’ G. Schwemmer, lanqas għandha dan id-dritt abbażi tar-Regolament Nru 1408/71 peress li, skont il-punt I.E tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, il-Kapitolu 7 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax. Minn naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, fil-prinċipju, japplika għas-sitwazzjoni ta’ G. Schwemmer, sakemm hija ma kinitx qed twettaq attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, hija l-Isvizzera li għandha l-kompetenza prinċipali fir-rigward tal-ħlas tal-allowances tal-familja.

26.      Fir-rigward tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Gvern Ġermaniż isostni li din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis, b’mod li l-benefiċċji inkwistjoni jistgħu jitqiesu li kienu ngħataw fl-Isvizzera. Il-Gvern Ġermaniż isostni, madankollu, li għandu jintuża l-Artikolu 75(2) tal-istess regolament biex tinstab soluzzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip, fejn ġenitur jirrifjuta milli japplika għall-benefiċċji tal-familja.

27.      Il-Gvern Litwan iqis ukoll li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 japplika għaċ-ċirkustanzi tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li huma rregolati bl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 u li għaldaqstant huwa irrilevanti jekk il-benefiċċji inkwistjoni ntalbux jew le. Huwa jargumenta li l-korrettezza ta’ din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-għan ewlieni tas-sistema implementata mir-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72, li jikkonsisti li tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-benefiċċji. Kieku kellha tingħata interpretazzjoni differenti, din tkun tmur kontra wkoll il-prinċipju li fil-qasam tal-assistenza soċjali għandu jkun hemm tqassim xieraq tal-piżijiet bejn l-Istati Membri (7) u tkun ukoll diffiċli li timplementaha fil-prattika minħabba l-limitazzjonijiet li għadhom jeżistu fir-rigward tal-bdil tal-informazzjoni neċessarja bejn l-Istati Membri.

28.      Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-Gvern Litwan iqis li, peress li s-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jidher li jagħti lill-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ partikolari, jekk dik id-dispożizzjoni għandhiex tapplika u jekk il-benefiċċji inkwistjoni jistgħux għalhekk jitqiesu li kienu ngħataw fl-Istat Membru l-ieħor.

29.      Skont il-Gvern Awstrijak, huwa impossibbli abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, li G. Schwemmer titqies jew bħala persuna impjegata fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt I.E tal-Anness I tiegħu, jew inkella bħala persuna li twettaq attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72.

30.      Il-Gvern Awstrijak jargumenta, madankollu, li fil-prinċipju, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 japplika f’każ bħal dan, peress li din id-dispożizzjoni hija intiża b’mod ġenerali biex tipprevjeni li jinqalbu l-kompetenzi, għad-detriment tal-Istat membru li għandu biss kompetenza sekondarja, u dan minħabba biss li l-persuna tkun naqset intenzjonalment milli tapplika għall-benefiċċju. Għaldaqstant, huwa rrilevanti jekk l-ex raġel ta’ G. Schwemmer naqasx intenzjonalment milli japplika għall-benefiċċji tat-tfal u jekk huwa għamilx hekk sabiex jikkaġunalha ħsara.

31.      Madankollu, peress li, kif jammetti l-Gvern Awstrijak, din l-interpretazzjoni tista’ twassal għal riżultat pjuttost insodisfaċenti, għandu jitqies jekk ir-regoli dwar l-akkumulazzjoni tal-benefiċċji japplikawx mingħajr ebda limitazzjoni għall-ġenituri ddivorzjati jew isseparati. Fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, jista’ jiġi argumentat b’mod raġonevoli li ir-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax assolutament peress li l-missier irid jitqies li huwa separat minn mat-tfal u, konsegwentement, ma għadux membru tal-familja fis-sens tar-regolament. Konsegwentement, id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal għandu jiġi eżaminat biss fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza.

32.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 japplika biss meta tkun sodisfatta l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 76(1) tal-istess regolament, jiġifieri, japplika biss meta l-benefiċċji tal-familja jiġu pprovduti mill-Istat Membru ta’ residenza minħabba li l-persuna tkun qed teżerċita attività professjonali. Peress li G. Schwemmer mhijiex persuna impjegata fis-sens tal-punt I.E tal-Anness I tar-Regolament Nru 1408/71 u, għaldaqstant, taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament, fil-prinċipju, l-Artikolu 76(2) tar-Regolament ma japplikax għaliha.

33.      Fi kwalunkwe każ, skont il-Kummissjoni, m’hemm ebda lakuna li tiġġustifika li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu japplika mutatis mutandis. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar ukoll li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-benefiċċji ma jistax jiġi sospiż abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, jekk l-allowances ma jkunux dovuti fl-Istat Membru kkonċernat minħabba li ma jkunux sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru sabiex effettivament jingħataw dawn l-allowances, bħall-kundizzjoni li l-allowances trid issir applikazzjoni għalihom minn qabel (8). Għalkemm dan il-prinċipju ġie stabbilit f’każijiet fejn ma kienet saret ebda applikazzjoni fl-Istat ta’ residenza, huwa għandu japplika ukoll fil-każ fejn ma tkunx saret applikazzjoni għall-benefiċċji fl-Istat ta’ impjieg.

34.      Sussegwentement, il-Kummissjoni tinnota li, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċji tat-tfal jiġi sospiż biss meta l-allowances tal-familja jkunu dovuti fil-pajjiż tal-impjieg. Fil-fehma tagħha, peress li l-missier ma applikax għall-benefiċċji tal-familja li għalihom huwa intitolat fl-Isvizzera u peress li, konsegwentement, ma ġewx sodisfatti r-rekwiżiti kollha li jirregolaw il-ħlas ta’ dawn l-allowances, m’hemm ebda allowances tal-familja “dovuti” lilu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-pajjiż tal-impjieg. Għaldaqstant, lanqas m’hemm akkumulazzjoni ta’ benefiċċji.

35.      Iktar minn hekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament Nru 574/72 ma jidhirx li huwa rilevanti peress li G. Schwemmer ma teżerċitax attività professjonali jew kummerċjali fil-Ġermanja.

36.      Finalment, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Ġermaniżi jistgħu jevitaw li jbatu l-ispejjeż tal-benefiċċji tat-tfal waħidhom billi jirrikorru għall-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 1408/71.

B –    Evalwazzjoni

37.      Bid-domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika essenzjalment jekk, fid-dawl tar-regoli dwar l-akkumulazzjoni tad-drittijiet fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal dovut taħt il-liġi ta’ Stat Membru meta l-ġenitur jirresjedi mat-tfal ikkonċernati jistax jiġi sospiż (parzjalment) f’sitwazzjoni, bħalma hija dik fil-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, fejn l-ex konjuġi, li jiġi l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikun intitolat għall-benefiċċji tal-familja skont il-liġi tal-Istat ta’ impjieg, iżda fil-fatt ma jirċevix l-imsemmija benefiċċji minħabba li ma jkunx applika għalihom b’mod intenzjonali.

38.      Qabel xejn għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li huwa paċifiku li l-benefiċċju tat-tfal tal-Ġermanja inkwistjoni jissodisfa l-kundizzjonijiet biex huwa jitqies bħala “benefiċċji tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71 (9). Għaldaqstant, dan ir-regolament japplika ratione materiae għas-sitwazzjoni inkwistjoni.

39.      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71, huwa paċifiku li, fi kwalunkwe każ, l-ex konjuġi ta’ G. Schwemmer iwettaq attività fl-Isvizzera, li hija l-pajjiż tar-residenza tiegħu, bħala “persuna impjegata” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-regolament imsemmi.

40.      Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, mhuwiex meħtieġ li jiġi stabbilit jekk G. Schwemmer, ukoll, tistax titqies bħala persuna impjegata fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt I.E tal-Anness I tiegħu, peress li, skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 1408/71 ikopri ukoll, fil-prinċipju, is-sitwazzjonijiet ta’ membri tal-familja jew, bħalma huwa f’dan il-każ, tal-ex konjuġi ta’ persuni impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom (10).

41.      F’dan ir-rigward, peress li r-Regolament Nru 1408/71 jkopri wkoll is-sitwazzjonijiet ta’ familji wara d-divorzju (11), ma jistax jingħad, b’kuntrast mad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Gvern Awstrjak, li s-sitwazzjoni ta’ G. Schwemmer tista’ titqies bħala purament interna u li taqa’ kompletament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament minħabba li missier it-tfal ikkonċernati huwa ddivorzjat minn ma’ G. Schwemmer u huwa sseparat mit-tfal tagħhom.

42.      Għaldaqstant, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 1408/71 japplika ratione materiae u ratione personae għal sitwazzjoni bħalma hija dik ta’ G. Schwemmer, li issa ser neżaminaha fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72.

43.      Fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru A tkun intitolata, għall-membri tal-familja tagħha li jirresjedu fi Stat Membru B, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat A, bħallikieku huma kienu jirresjedu fl-Istat A. L-għan speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiggarantixxi lill-membri tal-familja li jirresjedu fi Stat Membru li huwa differenti mill-Istat Membru A li jingħataw il-benefiċċji tal-familja pprovduti taħt il-leġiżlazzjoni applikabbli (12).

44.      Għaldaqstant, l-istess bħalma qalet il-qorti tar-rinviju u fuqha ma kien hemm ebda kontestazzjoni fil-proċeduri quddiem din l-istess qorti, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fir-rigward tat-tfal ta’ G. Schwemmer, fil-prinċipju, jirriżulta bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, skont il-leġiżlazzjoni tal-Isvizzera, li hija l-Istat ta’ impjieg tal-ex konjuġi tagħha.

45.      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li, fil-Ġermanja, fejn hija tirresjedi flimkien maż-żewġt itfal tagħha, G. Schwemmer hija intitolata għall-benefiċċju tat-tfal tal-Ġermanja fir-rigward tat-tfal tagħha u dan peress li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, dan il-benefiċċju jitħallas abbażi tar-residenza fil-Ġermanja kemm tal-ġenitur kif ukoll tfal ikkonċernati (13).

46.      Għaldaqstant, peress li d-dritt għall-allowances tal-familja huwa possibbli kemm taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat tar-residenza ta’ G. Schwemmer u taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg u residenza tal-ex konjuġi tagħha, il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-akkumulazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċji kif stabbiliti fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72.

47.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa intiż li jsolvi kwistjonijiet fejn, minħabba l-fatt li l-membru tal-familja jkollu xogħol, tkun teżisti akkumulazzjoni ta’ drittijiet għall-benefiċċji tal-familja dovuti skont, minn naħa, l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament, u min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza ta’ dan il-membru tal-familja (14).

48.      Madankollu, peress li l-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja inkwistjoni huwa suġġett biss għall-kundizzjoni li r-residenza tkun stabbilita fil-Ġermanja u ma jingħatax abbażi tal-fatt li wieħed ikollu xogħol, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 huwa irrilevanti fil-każ ineżami.

49.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 japplika meta jkun hemm riskju ta’ akkumulazzjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja li jirriżulta mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 u d-dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza li jingħata irrispettivament minn jekk wieħed ikunx iwettaq attività professjonali jew kummerċjali (15).

50.      Għaldaqstant, jidher li, f’dan il-każ, id-dispożizzjoni rilevanti li tipprojbixxi l-akkumulazzjoni hija l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 57.

51.      L-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 jipprovdi, b’mod partikolari, li meta l-benefiċċji tal-familja inkwistjoni jkunu dovuti fl-Istat ta’ residenza mingħajr ma jkunu suġġetti għall-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni jew impjieg, id-dritt għalihom ikun sospiż meta l-benefiċċji jkunu dovuti skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71.

52.      Konsegwentement, skont din id-dispożizzjoni, l-allowances dovuti mill-Istat ta’ impjieg jieħdu prijorità fuq l-allowances dovuti mill-Istat ta’ residenza, li jiġu b’hekk sospiżi (16).

53.      Madankollu, meta l-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja inkwistjoni, jew il-persuna li jitħallsu lilha l-istess allowances, twettaq ukoll attività professjonali jew kummerċjali fl-Istat Membru ta’ residenza, l-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 jaqleb l-ordni tal-prijoritajiet favur il-kompetenza tal-Istat Membru ta’ residenza, inkwantu dan jipprovdi li jiġi sospiż id-dritt għall-benefiċċji fl-Istat ta’ impjieg taħt l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 (17).

54.      Minn dan isegwi li kif fil-fatt G. Schwemmer sostniet fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, kieku jiġi pprovat li hija wettqet attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72 fil-Ġermanja, li hija l-Istat ta’ residenza, hija tkun xorta waħda intitolata għall-ammont kollu tal-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja.

55.      Madankollu, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dan mhuwiex il-każ, u r-raġuni prinċipali hija li G. Schwemmer ma tistax titqies bħala persuna “impjegata” jew persuna li “taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt I.E tal-Anness I tiegħu, peress li hija ma kinitx assigurata b’mod obbligatorju u għaldaqstant ma tissodisfax wieħed mir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-anness fir-rigward tal-Ġermanja.

56.      F’dan ir-rigward, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tqajmet il-kwistjoni dwar jekk, b’kuntrast ma’ dak li jidher li assumiet il-qorti tar-rinviju, G. Schwemmer setatx, fid-dawl tax-xogħol għal rasha tagħha fil-qasam tas-servizzi tal-immaniġġjar, sorveljanza u tindif tal-proprjetà fl-2005 u l-impjieg marġinali tagħha mill-2006, titqies bħala li twettaq attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10 (1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, filwaqt li fl-istess ħin, ma tikklassifikax bħala persuna “impjegata” jew li “taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-punt I.E tal-Anness I tiegħu.

57.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax issolvi l-kwistjoni sempliċement abbażi ta’ din l-ipotesi. Anki kieku l-qorti tar-rinviju kellha tirrevedi l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett tal-“attività professjonali jew kummerċjali”, kif użat fl-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, xorta waħda jkollha tistabbilixxi jekk dawk il-kundizzjonijiet ikunux sodisfatti fil-każ ta’ G. Schwemmer. Iktar minn hekk, fid-dawl tar-risposta li fil-fehma tiegħi għandha tingħata għad-domandi li saru, ma jidhirlix li huwa meħtieġ li titqies din il-kwistjoni (18).

58.      Għaldaqstant, fid-dawl tas-suppożizzjoni li G. Schwemmer ma wettqitx attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, għandu jiġi eżaminat jekk taħt l-Artikolu 10(1)(a) tal-istess regolament, l-benefiċċju tat-tfal dovut fl-Istat ta’ residenza għandux jiġi sospiż fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn l-ex konjuġi, bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, huwa intitolat għall-benefiċċji tal-familja simili fl-Istat ta’ impjieg iżda li ma jingħatax l-istess benefiċċji peress li ma tkunx saret applikazzjoni għalihom.

59.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li fis-sentenzi Salzano (19), Ferraioli (20) u Kracht (21), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkunsidera l-każ inverż, jiġifieri, il-kwistjoni dwar jekk l-allowances dovuti fl-Istat ta’ impjieg skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx ikunu sospiżi f’sitwazzjoni fejn l-allowances korrispondenti li huma dovuti fl-Istat ta’ residenza ma ntalbux u, konsegwentement, fir-realtà ma tħallsux. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma jissospendix l-allowances fl-Istat Membru kompetenti, li f’dawk il-każijiet kien l-Istat ta’ impjieg, jekk ma jkunux tħallsu allowances fl-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat minħabba li ma jkunux sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru sabiex jitħallsu tali allowances, inkluża l-kundizzjoni li dawn trid issir applikazzjoni għalihom (22).

60.      Għaldaqstant, f’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja mxiet fuq il-prinċipju li d-drittijiet dovuti bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu sospiżi biss jekk ikunu tħallsu allowances fl-Istat ta’ residenza (23). Għalkemm din l-interpretazzjoni ġiet adottata fir-rigward tal-akkumulazzjoni tal-benefiċċji li jaqgħu taħt l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-fehma tiegħi, ma teżisti ebda raġuni għalfejn dan m’għandux japplika wkoll f’dan il-każ, fejn is-sitwazzjoni tinsab irregolata mill-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 u fejn jeżisti d-dritt għall-allowances fl-Istat ta’ impjieg, iżda fejn l-istess allowances fil-verità ma tħallsux għax ma saritx applikazzjoni għalihom.

61.      Huwa minnu li, wara ż-żmien inkwistjoni fil-każijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 ġie emendat biex jinkludi fih il-paragrafu 2 il-ġdid li jgħid li jekk l-applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru ta’ residenza, l-Istat Membru ta’ impjieg ikun jista’ jissospendi d-dritt għall-benefiċċji tal-familja u, konsegwentement, ma jsir ebda ħlas minn dan l-Istat Membru.

62.      Madankollu, ebda regola simili ma ġiet adottata fil-każ tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li fis-sentenza Kracht, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tirrevedi l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq fid-dawl tal-verżjoni l-ġdida tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 minkejja li l-paragrafu 2 il-ġdid (għalkemm kien għadu ma japplikax) kien ġie adottat diġà. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat, inter alia, li l-interpretazzjoni preċedenti tagħha tal-Artikolu 76 tar-regolament imsemmi kien konformi mal-għan tat-Trattat li jistabbilixxi l-moviment liberu tal-ħaddiema (24). Iktar minn hekk, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argumenti simili ta’ dawk li tressqu f’din il-kawża fejn ingħad li għandha tiġi eskluża kwalunkwe possibbiltà ta’ għażla f’idejn il-persuni intitolati għall-benefiċċju – jew tibdil fit-tqassim tal-piżijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri kkonċernati (25).

63.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li huwa xieraq li tiġi applikata r-regola stabbilita fl-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 b’analoġija mal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, li hija d-dispożizzjoni inkwistjoni f’dan il-każ (26).

64.      Fl-aħħar nett, l-approċċ li bih f’ċirkustanzi bħal ta’ dan il-każ, id-dritt għall-benefiċċji fl-Istat Membru ta’ residenza ma jiġix sospiż, huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li regola intiża li tevita li jkun hemm akkumulazzjoni ta’ benefiċċji tal-familja – bħalma huwa l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 – m’għandhiex tiġi applikata b’mod li ċċaħħad, mingħajr ebda raġuni, lill-persuni kkonċernati mid-dritt għall-benefiċċji mogħtija lilhom skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru (27).

65.      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali għandha tkun li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għall-benefiċċju tat-tfal dovut skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fejn ikun residenti l-ġenitur flimkien mat-tfal ikkonċernati ma għandux jiġi sospiż f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju fejn, l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal inkwistjoni, ikun intitolat, bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg iżda li, fil-fatt, ma jirċevix dawn il-benefiċċji minħabba li ma tkunx saret applikazzjoni għalihom.

V –    Konklużjoni

66.      Għal dawn il-motivi, nipproponi li tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-Bundesfinanzhof bil-mod kif ġej:

L-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għall-benefiċċju tat-tfal dovut skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fejn ikun residenti l-ġenitur flimkien mat-tfal ikkonċernati ma għandux jiġi sospiż f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju fejn, l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal inkwistjoni, ikun intitolat, bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg iżda li, fil-fatt, ma jirċevix dawn il-benefiċċji minħabba li ma tkunx saret applikazzjoni għalihom.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3.


3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35.


4 – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu ġewwa l-Komunità u (KEE) Nru 574/72 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU 2005 L 117, p. 1).


5 – ĠU 1972, L 74, p. 1.


6 – ĠU 2002 L 114, p. 6.


7 – F’dan il-kuntest, il-Gvern Litwan qed jirreferi għas-sentenzi Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra I‑6193, punt 44), u Bidar (C‑209/03, Ġabra I‑2119, punti 56 et seq).


8 – Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 1984, Salzano (191/83, Ġabra p. 3741, punt 10; Ferraioli (153/84, Ġabra p. 1401, punt 15) u tal-4 ta’ Lulju 1990, Kracht (C‑117/89, Ġabra p. I‑2781, punt 18).


9 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann (C‑352/06, Ġabra I‑3827) li kienet tirrigwarda wkoll il-benefiċċju tat-tfal tal-Ġermanja.


10 – Ara, f’dan ir-rigward, inter alia, is-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1983, Robards (149/82, Ġabra p. 171, punt 15), tal-5 ta’ Marzu 1998, Kulzer (C‑194/96, Ġabra p. I‑895, punt 32) u tal-5 ta’ Frar 2002, Humer (C‑255/99, Ġabra p.I‑1205, punt 42).


11 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2009, Slanina (C‑363/08, Ġabra p. I-11111, punt 30).


12 – Sentenzi tal-10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow (C‑245/94 u C‑312/94, Ġabra p. I‑4895, punt 32) u Humer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt  39.


13 – Fil-fehma tiegħi, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti li, kif argumenta l-Gvern Ġermaniż fis-seduta, l-Artikolu 65 tal-EStG jeskludi kwalunkwe dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja jekk ikun dovut xi benefiċċju korrispondenti fi Stat Membru ieħor. Huwa ċar li dik id-dispożizzjoni hija intiża li ssolvi l-kunflitti bejn il-kompetenzi jew, b’mod iktar speċifiku, li tevita l-akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja. Effettivament, din hija d-dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tikkorrispondi għar-Regolament Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72 u – minħabba s-supremazija tad-dritt Komunitarju – għandha tiġi interpretata u applikata b’mod li huwa konformi ma’ dawk ir-regolamenti. Kieku kellha tiġi aċċettata l-linja ta’ argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż u jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 65 tal-EStG biex jiġi stabbilit jekk G. Schwemmer hijiex intitolata, fil-prinċipju, għall-benefiċċju tat-tfal taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, dan ikun ifisser li, b’xi mod, tkun qed tinqaleb ta’ taħt fuq ir-relazzjoni bejn ir-regolamenti u d-dritt nazzjonali.


14 – Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C‑543/03, Ġabra p. I‑5049, punt 53), u Slanina, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 36.


15 – Sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54).


16 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1992, McMenamin (C‑119/91, Ġabra p. I‑6393, punt 17).


17 – Ara, b’mod partikolari s-sentenzi McMenamin, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 17, u Bosmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 22.


18 – Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


20 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


21 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.


22 – Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi Salzano, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, Ferraioli, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 14, u Kracht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 11 u 18.


23 – Ara wkoll is-sentenza McMenamin, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 26.


24 – Ara s-sentenza Kracht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 12 sa 14.


25 – Ara s-sentenza Kracht, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 12 u 13.


26 – Bl-istess mod, minix konvint li l-Artikolu 75(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li jirreferi għas-sitwazzjoni fejn il-benefiċċji tal-familja “ma jintużawx” mill-persuna li attwalment ma tkunx qed tieħu ħsieb il-membri tal-familja għall-finijiet li tmantnihom, jista’ jiġi applikat b’analoġija f’ċirkustanzi bħalma huma dawk li huma ineżami f’din il-kawża fejn il-benefiċċji tal-familja inkwistjoni ma ntalbux u, konsegwentement, lanqas irċevewhom.


27 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 1981, Beeck (104/80, Ġabra p. 503, punt 12).

Top