Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CA0509

Kawżi magħquda C-509/09 u C-161/10: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal- 25 ta’ Ottubru 2011 (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) u mit-Tribunal de grande instance de Paris (Franza)) — eDate Advertising GmbH vs X, Olivier Martinez, Robert Martinez vs MGN Limited (Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” — Direttiva 2000/31/KE — Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-internet — Ksur tad-drittijiet tal-personalità — Post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq — Dritt applikabbli għas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni)

ĠU C 370, 17.12.2011, pp. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 370/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-25 ta’ Ottubru 2011 (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) u mit-Tribunal de grande instance de Paris (Franza)) — eDate Advertising GmbH vs X, Olivier Martinez, Robert Martinez vs MGN Limited

(Kawżi magħquda C-509/09 u C-161/10) (1)

(Regolament (KE) Nru 44/2001 - Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali - Ġurisdizzjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt” - Direttiva 2000/31/KE - Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-internet - Ksur tad-drittijiet tal-personalità - Post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq - Dritt applikabbli għas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni)

2011/C 370/13

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż u l-Franċiż

Qrati tar-rinviju

Bundesgerichtshof, Tribunal de grande instance de Paris

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: eDate Advertising GmbH, Olivier Martinez, Robert Martinez

Konvenuti: X, MGN Limited

Suġġett

(C-509/09)

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesgerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4 p. 42) u tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25 p. 399) — Determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni u tal-liġi applikabbli għal kawża mressqa abbażi ta’ ksur tad-drittijiet tal-personalità li seta’ twettaq permezz tal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fuq l-Internet — Kriterji sabiex jiġi ddeterminat “il-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”

(C-161/10)

Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunal de grande instance de Paris — Interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 9, Vol. 4, p. 42) — Qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors ibbażat fuq ksur tad-dritt għal ħajja privata u tad-dritt għal immaġni, minħabba li informazzjoni u ritratti tqiegħdu online fuq sit tal-nternet imxandra minn server li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn hija rreġistrata r-rikorrenti — Determinazzjoni tal-post fejn seħħ il fatt li jikkawża ħsara — Rilevanza, sabiex jiġi ddeterminat dan il-post, tan-numru ta’ konnessjonijiet għall-paġna internet inkwistjoni li saru mill-Istat fejn ir-rikorrenti hija rreġistrata, tan-nazzjonalità tagħha u, jekk ikun il-każ, tal-lingwa li fiha hija mxandra l-informazzjoni inkwistjoni

Dispożittiv

(1)

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ kontenuti mqegħda online fuq sit tal-internet, il-persuna li tqis lilha nnifisha leża għandha l-għażla li tressaq azzjoni għad-danni, abbażi tad-dannu kkawżat kollu kemm hu, jew quddiem il-qrati tal-Istat Membru tal-post ta’ fejn huwa stabbilit ix-xandar ta’ dawn il-kontenuti, jew inkella quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha. Din il-persuna tista’ wkoll tressaq, minflok azzjoni għad-danni abbażi tad-dannu kkawżat kollu kemm hu, l-azzjoni tagħha quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu huwa, jew kien, aċċessibbli kontenut imqiegħed online. Dawn għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu biss dwar id-danni kkawżati fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita.

(2)

L-Artikolu tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), għandu jiġi interpretat fis sens li ma jimponix traspożizzjoni fil-forma ta’ regola speċifika ta’ kunflitt ta’ liġijiet. Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-qasam ikkordinat, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, bla ħsara għad-derogi awtorizzati skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31, il-fornitur ta’ servizz ta’ kummerċ eletroniku ma jiġix suġġett għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk previsti mid-dritt sostantiv fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ fejn huwa stabbilit l-imsemmi fornitur.


(1)  ĠU C 134, 22.05.2010.

ĠU C 148, 05.06.2010


Top