EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CA0396

Kawża C-396/09: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal- 20 ta’ Ottubru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale ordinario di Bari — l-Italja) — Interedil Srl fi stralċ vs Fallimento Interedil Srl, Intesa Gestione Crediti Spa (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Setgħa ta’ qorti inferjuri li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ falliment — Ġurisdizzjoni internazzjonali — Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur — Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru ieħor — Kunċett ta’ stabbiliment)

ĠU C 362, 10.12.2011, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 362/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Ottubru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale ordinario di Bari — l-Italja) — Interedil Srl fi stralċ vs Fallimento Interedil Srl, Intesa Gestione Crediti Spa

(Kawża C-396/09) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Setgħa ta’ qorti inferjuri li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja - Regolament (KE) Nru 1346/2000 - Proċeduri ta’ falliment - Ġurisdizzjoni internazzjonali - Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur - Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru ieħor - Kunċett ta’ stabbiliment)

2011/C 362/04

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale ordinario di Bari

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Interedil Srl fi stralċ

Konvenuti: Fallimento Interedil Srl, Intesa Gestione Crediti Spa

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale ordinario di Bari — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191) — Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur — Preżunzjoni tal-post tal-uffiċju rreġistrat — Stabbiliment fi Stat Membru ieħor — Kunċetti Komunitarji jew nazzjonali

Dispożittiv

(1)

Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali tkun marbuta b’regola tal-proċedura nazzjonali, li tipprovdi li l-kunsiderazzjonijiet magħmula minn qorti superjuri nazzjonali huma imposti fuqha, meta jidher li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-qorti superjuri ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, kif intepretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(2)

Il-kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali” tad-debitur, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni.

(3)

Sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandha tiġi interpretata b’dan il-mod:

iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi għandu jiġi ddeterminat billi jiġi pprivileġġat il-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ din il-kumpannija, kif jista’ jiġi stabbilit minn elementi oġġettivi u aċċertabbli mit-terzi. Fil-każ li l-korpi tal-amministrazzjoni u ta’ kontroll jinsabu fl-uffiċċju rreġistrat tagħha u li d-deċiżjonijiet ta’ tmexxija ta’ din il-kumpannnija huma meħuda, b’mod aċċertabbli mit-terzi, f’dan il-post, il preżunzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkonfutata. Fil-każ li l-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ kumpannija ma jinsabx fl-uffiċċju rreġistrat tagħha, il-preżenza ta’ attivi tal-kumpannija bħall-eżistenza ta’ kuntratti li jirrigwardaw l-operat finanzjarju tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak tal-uffiċċju rreġistrat ta’ din il-kumpannija jistgħu jitqiesu bħala elementi biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni biss jekk evalwazzjoni globali tal-elementi kollha rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod aċċertabbli mit-terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-imsemmija kumpannija kif ukoll tat-tmexxija tal-interessi tagħha jinsabu f’dan l-Istat Membru l-ieħor;

fil-każ ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija debitriċi qabel it-tressiq ta’ talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-kumpannija huwa preżunt li jinsab fl-uffiċċju rreġistrat il-ġdid tagħha.

(4)

Il-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-istess regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeħtieġ il-preżenza ta’ struttura li tinkludi livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika. Il-preżenza biss ta’ beni individwali jew ta’ kontijiet bankarji ma tissodisfax, fil-prinċipju, din id-definizzjoni.


(1)  ĠU C 312, 19.12.2009.


Top