EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0350

Kawża T-350/08: Rikors ippreżentat fit- 22 ta' Awwissu 2008 — Papierfabrik Hamburger-Spremberg vs Il-Kummissjoni

ĠU C 272, 25.10.2008, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.10.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 272/43


Rikors ippreżentat fit-22 ta' Awwissu 2008 — Papierfabrik Hamburger-Spremberg vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-350/08)

(2008/C 272/86)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Papierfabrik Hamburger-Spremberg GmbH & Co KG (Spremberg, il-Ġermanja) (rappreżentant: S. Polster, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2008, C(2008) 1107 finali, fil-kawża Għajnuna mill-Istat N 582/2007 — Ġermanja, li tipprovdi li l-għajnuna reġjonali favur Propapier PM 2 GmbH & Co KG hija inkompatibbli mat-Trattat KE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2008, C(2008) 1107 finali, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mat-Trattat KE l-għajnuna reġjonali mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Propapier PM 2.

In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tressaq tliet motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li hija kisret l-Artikolu 88(2) KE, l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (1) kif ukoll il-punti 68 et seq. tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b'għan reġjonali għall-perijodu 2007-2013 (2), meta ma bdietx il-proċedura formali ta' investigazzjoni.

Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni fir-rigward tan-natura esklużiva tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b'għan reġjonali, tal-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni s-suq tal-iskart ta' karti, li huwa fis-suq upstream tal-kartun korrugat mhux maħdum u tal-evalwazzjoni tal-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju tal-għajnuna, Propapier PM 2, f'dawn is-swieq u fis-suq sussegwenti għal dan tal-kartun korrugat.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinvoka l-inkompatibbiltà tal-għajnuna reġjonali mogħtija lil Propapier PM 2 mas-suq komuni billi tfakkar li l-proġett ta' investiment jimplika distorsjoni tal-kompetizzjoni fit-total tat-tliet swieq ikkonċernati.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1).

(2)  ĠU 2006, C 54, p. 13.


Top