This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008TJ0193
Judgment of the Court of First Instance (Appeal Chamber) of 30 September 2009. # Carina Skareby v Commission of the European Communities. # Appeal - Public service - Officials. # Case T-193/08 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Awla ta' l-Appelli) ta' 30 ta' Settembru 2009.
Carina Skareby vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Servizz pubbliku - Uffiċjali.
Kawża T-193/08 P.
Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (l-Awla ta' l-Appelli) ta' 30 ta' Settembru 2009.
Carina Skareby vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Servizz pubbliku - Uffiċjali.
Kawża T-193/08 P.
Ġabra tal-Ġurisprudenza – Servizz Pubbliku 2009 I-B-1-00083; II-B-1-00515
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:377
SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
30 ta’ Settembru 2009
Kawża T-193/08 P
Carina Skareby
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2004 – Iffissar tal-għanijiet u komunikazzjoni tal-kriterji għall-evalwazzjoni”
Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla), tas-6 ta’ Marzu 2008, Skareby vs Il-Kummissjoni (F-46/06, ĠabraSP p. I-A-1-69, II-A-1-337), u intiż għall‑annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Marzu 2008, Skareby vs Il-Kummissjoni (F-46/06, ĠabraSP p. I-A-1-69, II-A-1-337), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ffissar minn qabel tal-għanijiet, ta’ komunikazzjoni minn qabel tal-kriterji għall-evalwazzjoni u ta’ deskrizzjoni tal-pożizzjoni ta’ Carina Skareby. Id-deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2005 li tistabbilixxi r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera ta’ C. Skareby għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2004 hija annullata, sa fejn din tirrigwarda l-punt 6.1, intitolat “Effiċjenza”. Il-kumplament tar-rikors ippreżentat quddiem it‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku bir-referenza F-46/06 huwa miċħud. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż kollha marbuta ma’ din l-istanza u ma’ dik quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
Sommarju
1. Appell – Aggravji – Żnaturament tal-provi – Ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-fatti li tirriżulta mill-atti tal-proċess – Ammissibbiltà – Eżami inkomplet tal-fatti – Ammissibbiltà
(Artikolu 225 KE)
2. Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Sunt tal-motivi invokati
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1))
3. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Setgħa diskrezzjonalii tal-evalwaturi
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
4. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Delega lill-persuna evalwata tal-funzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-evalwaturi – Inammissibiltà
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
5. Appell – Aggravji – Żnaturament tal-provi – Ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-fatti li tirriżulta mill-atti tal-proċess – Oneru tal-prova
(Artikolu 225 KE)
1. Ilmenti dwar il-konstatazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma ammissibbli fl-istadju tal-appell meta dawn l-ilmenti jkunu intiżi sabiex isostnu li l-ineżattezza ta’ din il-konstatazzjoni li tirriżulta mill-atti tal-proċess jew minn eżami inkomplet tal-fatti.
(ara l-punt 48)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 392 sa 405;
Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Settembru 2008, Chassagne vs Il-Kummissjoni, T‑253/06 P, ĠabraSP p. I-B-1-43, II-B-1-295, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata
2. Fl-eżami tal-konformità ta’ talba mar-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ippreżentati fi stadju sussegwenti tal-proċedura huwa, bħala ipoteżi, irrilevanti.
(ara l-punt 61)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 19 ta’ Mejju 2008, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑144/04, Ġabra p. II‑761, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata
3. Fir-rigward ta’ evalwazzjoni tal-uffiċjali, l-evalwaturi jgawdu minn setgħa diskrezzjonali iktar wiesgħa fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ix-xogħol tal-persuni li huma inkarigati li jevalwaw u l-qorti ma għandhiex id-dritt li tintervjeni f’din l‑evalwazzjoni u li tistħarreġ il-fondatezza tagħha, peress li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq il-kontenut tar-rapporti magħmula mill-evalwaturi huwa limitat, b’mod partikolari, għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali.
Għal dak li jirrigwarda dan l-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, fil-każ li istituzzjoni tal-Komunità jkollha setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji proċedurali kkonferiti mis-sistema legali Komunitarja għandha importanza iktar fundamentali.
Is-setgħa diskrezzjonali partikolarment wiesgħa li jgawdu minnha l-evalwauri għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ uffiċjal għandha, għaldaqstant, tkun ikkumpensata mill-osservanza partikolarment skrupluża tar-regoli li jirregolaw l‑organizzazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni u l-iżvolġiment tal-proċedura prevista għal dan il-għan.
(ara l-punti 68 sa 70)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; 6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra p. I‑8301, punti 56 u 57;
Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Ottubru 1992, Maurissen vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑23/91, Ġabra p. II‑2377, punt 41; 26 ta’ Ottubru 1994, Marcato vs Il‑Kummissjoni, T‑18/93, Ġabra SP p. I‑A‑215 u II‑681, punt 45; 9 ta’ Novembru 1995, France-aviation vs Il‑Kummissjoni, T‑346/94, Ġabra p. II‑2841, punti 32 sa 34; 23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs Il-Kummissjoni, T‑95/98, Ġabra SP p. I‑A‑51 u II‑219, punt 37; 4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑465, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata
4. Id-delega lill-persuna evalwata ta’ funzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza intrinsika tal-evalwatur biss, bħall-iffissar tal-għanijiet tal-persuna evalwata, tikkontradixxi mhux biss il-punt (b) tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni skont l‑Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll il-prinċipju li jimponi ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali fir-rigward ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, ir-rapporti tal‑iżvilupp tal-karriera jikkostitwixxu elementi importanti fil-proċeduri ta’ promozzjoni, peress li l-għażla tal-uffiċjal promoss issir b’mod partikolari abbażi ta’ eżami komparattiv tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera. Fid-dawl tal-għan tal‑imsemmija rapporti, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżigi, f’kull każ, separazzjoni stretta bejn il-funzjonijiet tal-evalwatur u dawk tal-persuna evalwata.
(ara l-punti 80 u 81)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Marzu 2003, Tsarnavas vs Il-Kummissjoni, T‑188/01 sa T‑190/01, Ġabra SP p. I‑A‑95 u II‑495, punti 97 u 98; 17 ta’ Marzu 2004, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T‑175/02, Ġabra SP p. I‑A‑73 u II‑313, punti 25 u 26
5. Billi kkonferiet lil sempliċi dikjarazzjonijiet unilaterali, barra minn hekk impreċiżi, ta’ istituzzjoni Komunitarja supremazija fir-rigward taċ-ċaħdiet espressi ta’ rikorrenti fuq kwistjoni li l-istituzzjoni hija inkarigata bil-oneru tal-prova tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet eżami inkomplet tal-fatti, b’tali mod li s‑sentenza appellata hija vvizzjata minn eżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula, li tirriżulta mill-atti tal-proċess.
(ara l-punt 87)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P, Ġabra p. I-182, punti 67, 68 u 70