Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008FJ0035

    Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tal-15 ta' Ġunju 2010.
    Dimitrios Pachtitis vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06.
    Kawża F-35/08.

    Court reports – Reports of Staff Cases

    ECLI identifier: ECLI:EU:F:2010:51

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-Kawża F-35/08,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

    Dimitrios Pachtitis , kandidat fil-Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/77/06, residenti f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentat minn P. Giatagantzidis u S. Stavropoulou, avukati,

    rikorrent,

    sostnut minn

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), irrappreżentat minn H. Hijmans u M. V. Pérez Asinari, bħala aġenti,

    intervenjent,

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea , irrappreżentata minn J. Currall u I. Hadjiyiannis, bħala aġenti,

    konvenuta,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

    komposta minn S. Gervasoni, President, H. Tagaras (Relatur) u H. Kreppel, Imħallfin,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-14 ta’ Marzu 2008 b’faks (l-oriġinali ġie ppreżentat fid-19 ta’ Marzu 2008), D. Pachtitis talab l-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunità Ewropea (EPSO), tal-31 ta’ Mejju 2007, li tinformah dwar il-falliment tiegħu mit-test ta’ ammissjoni tal-Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/77/06, it-tieni nett, tad-deċiżjoni tal-EPSO, tas-6 ta’ Diċembru 2007, li tirrifjuta l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007, it-tielet nett, ta’ kull att relatat.

    Il-kuntest ġuridiku

    2. Skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar il-quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”):

    “Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-oġħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet.”

    3. L-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

    “Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

    (a) huwa ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet, sakemm eċċezzjoni ma tkunx awtorizzata mill-awtorità tal-ħatra, u jgawdi mid-drittijiet kollha tiegħu bħala ċittadin;

    (b) huwa jkun wettaq kull obbligu mpost fuqu mill-liġijiet dwar is-servizz militari;

    (ċ) huwa jipproduċi r-riferenzi ta’ karattru xierqa li juru li huwa tajjeb biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu;

    (d) huwa, suġġett għall-Artikolu 29(2), għadda minn kompetizzjoni bbażata fuq jew kwalifiki jew eżamijiet, jew kemm kwalifiki kif ukoll eżamijiet, kif provdut fl-Anness III;

    (e) huwa fil-forma fiżika xierqa biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu; u

    (f) huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Komunitajiet u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Komunitajiet sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu.”

    4. L-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

    “1. Qabel ma jimtela posizzjoni battala f’istituzzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-ewwel tikkunsidra:

    (a) jekk il-posizzjoni tistax timtela bi:

    […]

    ġewwa l-istituzzjoni;

    (b) jekk talbiet għal trasferiment kienux riċevuti mill-uffiċjali ta’ l-istess grad f’istituzzjonijiet oħra, u/jew jekk tinżammx kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, […]:

    jimxu mal-proċedura tal-kompetizzjonijiet, fuq il bażi jew ta’ kwalifikazzjonijiet jew ta’ eżamijiet, […] Il-proċedura tista’ l-istess tkun segwita għall-iskop biex tkun kostitwita riserva għall reklutaġġ futur.

    2. Proċedura oħra barra l-proċedura tal-kompetizzjoni tista’ tkun adottata mill-Awtorità tal-Ħatra għar-reklutaġġ ta’ l-uffiċjali għolja […], f’każijiet ta’ eċċezzjoni, ukoll għar-reklutaġġ għal posizzjonijiet li jeħtieġu kwalifiki speċjali.

    3. L-istituzzjonijiet jistgħu jorganizzaw kompetizzjonijiet interni għal kull grupp tal-funzjoni fuq il-bażi tal-kwalifiki u l-eżamijiet għall-istituzzjonijiet ikkonċernati, li għandhom ikunu fil-livell tal-grad AST jew ogħla, u f’livell tal grad AD 9 jew ogħla […]

    4. Darba kull ħames snin il Parlament Ewropew għandu jorganizza kompetizzjoni interna fuq il bażi tal kwalifiki u l eżamijiet għal kull grupp tal funzjoni, li jkunu ta’ livell tal grad AST 6 jew ogħla, u l livell tal grad AD 9 jew ogħla […].”

    5. L-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Persunal jgħid:-

    “Għal kull kompetizzoni, kumitat ta’ l-għażla jinħatar mill-awtorità tal-ħatra. Dan il-kumitat għandu jħejji lista ta’ kandidati xierqa.

    […]”

    6. L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Il-Proċedura tal-Kompetizzjoni”, jipprovdi fl-Artikolu 3 tiegħu:

    “Il-Bord ta’ l-Għażla għandu jkun magħmul minn president innominat mill-Awtorità tal-Ħatra u minn membri nnominati mill-Awtorità tal-Ħatra u l-Kumitat tal-Persunal, kull wieħed jinnomina l-istess numru.

    Għall-kompetizzjonijiet miftuħa komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar, il-Bord ta’ l-Għażla jkun magħmul minn president maħtur mill-awtorità tal-ħatra imsemmija l-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-membri maħtura mill-awtorità tal-ħatra imsemmija l-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fuq proposta mill-istituzzjonijiet, kif ukoll mill-membri maħtura bi ftehim bejn il-Kumitati tal-Persunal ta’ l-istituzzjonijiet, b’tali mod li jiżguraw rappreżentanza ndaqs.

    Għal ċerti eżamijiet, il-Bord ta’ l-Għażla jista’ jkun assistit minn eżaminatur wieħed jew aktar li jservi f’kapaċità ta’ konsulenza.

    Il-membri tal-Bord ta’ l-Għażla għandhom jintgħażlu mill-uffiċjali li grupp tal-funzjoni u l-grad tagħhom huw mill-anqas daqs dak tal-posizzjoni li għandha timtela.

    Jekk il-bord ta’ l-għażla jikkonsiti minn aktar minn erba’ membri, ikun magħmul minn mill-anqas żewġ membri ta’ kull sess.”

    7. Skont l-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal:

    “Wara li teżamina dawn il-fajls, il-Bord ta’ l-Għażla għandha tħejji lista ta’ kandidati, li jħarsu l-ħtiġiet ippreżentati fl-avviż tal-kompetizzjoni.

    […]

    Meta jkunu lesti l-proċeduri tagħha, il-Bord ta’ l-Għażla għndha tħejji lista ta’ kandidati xierqa pprovduti fl-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal; kulmeta possibbli l-lista għandu jkun fiha mill-anqas ismijiet id-doppju tan-numru tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew.

    Il-Bord ta’ l-Għażla għandha tgħaddi din il-lista lill-awtorità tal-ħatra, flimkienma’ rapport bir-raġunijiet mill-Bord ta’ l-Għażla, inklużi xi kummenti li l-membri tagħha jitgħu jixtieq jagħmlu.”

    8. L-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

    “1. L-istituzzjoniet għandhom, wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jafdaw lill-[EPSO] bir-responsabbiltà biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi huma applikati fil-proċeduri ta’ l-għażla ta’ l-uffiċjali tal-[Unjoni], u fl-istima u fil-proċeduri ta’ l-eżami, riferuti fl-Artikoli 45 u 45a tar-Regolamenti tal-Persunal.

    2. Il-kompitu ta’ l-[EPSO] jkun li:

    (a) jorganizza, fuq talba ta’ l-istituzzjonijiet individwali, kompetizzjonijiet individwali [miftuħa];

    (b) jipprovdi, fuq it talba ta’ l-istituzzjonijiet individwali, appoġġ tekniku għall kompetizzjonijiet interni, organizzati minnhom;

    (ċ) jistabbilixxi l-kontenut ta’ l eżamijiet kollha, organizzati mill istituzzjonijiet sabiex jiżgura li l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 45a (1)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal jitħarsu b’mod armoniżżat u konsistenti.

    (d) jassumi responsabbiltà ġenerali għad-definizzjoni u l-organizzazzjoni ta’ listima ta’ l-abiltà lingwista, sabiex jiżgura li l-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jitħarsu b’mod armoniżżat u konsistenti.

    3. L-[EPSO] jista’, fuq it-talba ta’ istituzzjonijiet individwali, iwettaq kompiti oħra konnessi ma’ l-għażla ta’ l-uffiċjali.

    4. L-[EPSO] għandu, fuq it-talba tagħhom, jipprovdi assistenza lill-istituzzjonijiet differenti bil-għan li jintgħażel persunal temporanju u persunal bil-kuntratt, partikolarment billi jkun definit il-kontenut ta’ l-eżami u li jkunu organizzati l-proċedura ta’ l-għażla fil-qafas ta’ l-Artikoli 12 u 82 tal-Kondizzjonijiet ta’ ħaddiema oħra.”

    9. Skont il-premessi tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u tal-Ombudsman Ewropew tal-25 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Uffiċċju għas-Selezzjoni tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni li tistabilixxi l-EPSO”):

    “(1) Fl-interess li jagħmlu użu effiċjenti u ekonomiku tar-rizorsi, korp interistituzzjonali komuni għandu jkun inkarigat li jagħzel uffiċjali u aġenti oħra biex iservu l-Komunitajiet Ewropej

    (2) Il-korp interistituzzjonali hekk stabbilit għandu jkollu l-kompitu li jfassal listi ta’ riservi minn fost kandidati f’kompetizzjonijiet miftuħa skond il-ħtiġijiet indikati minn kull istituzzjoni u konformi mar-Regolamenti tal-Persunal, bid-deċiżjonijiet li jinħatru kandidati li jirnexxu jittieħdu minn kull awtorità ta’ ħatra.

    [...]”

    10. L-Artikolu 2(1), tad-Deċiżjoni li tistabilixxi l-EPSO, jgħid:

    “L-Uffiċċju għandu jeserċita s-setgħa ta’ l-għażla mogħti lilu taħt l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u taħt l-Anness III tagħhom meta l-awtoritajiet tal-ħatra ta’ l-istituzzjonijiet jiffirmaw din id-deċiżjoni.[…]”

    11. Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni li tistabilixxi l-EPSO:

    “1. B’rispons għat-talbiet magħmula lilu mill-awtoritajiet tal-ħatra msemmijja fl-Artikolu 2, l-Uffiċċju għandu jfassal listi ta’ riserva minn fost kandidati f’kompetizzjonijiet miftuħa kif imsemmi fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u skond l-Anness III tagħhom.

    2. L-[EPSO] jista’ jgħin lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji stabbiliti minn jew skond it-Trattati f’kompetizzjonijiet interni u fl-għażla ta’ aġenti oħrajn.”

    12. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2002/621/KE tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-Segretarjat Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, il-Kumitat tar-Reġjuni, u r-Rappreżentant tal-Ombudsman Ewropew tal-25 ta’ Lulju 2002 dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-Uffiċċju għas-selezzjoni tal-persunal tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1 Vol. 4 p. 48) (iktar il-quddiem id-“Deċiżjoni dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-EPSO”) jipprovdi:

    “1. L-[EPSO] għandu jorganizza kompetizzjonijiet miftuħa bil-għan li jiġu garantiti lill-istituzjonijiet tal-Kominatajiet Ewropej, is-servizzi ta’ l-uffiċjali fl-aħjar kondizzjonijiet professjonali u finanzjarji. L-[EPSO] għandu joħloq lista riservata li tgħin l-istituzzjoni, fir-reklutaġġ ta’ persunal bi kwalifiki għolja skond il-bżonnijiet determinati mill-istess istituzzjonijiet.

    2. Iktar fid-dettal, il-kompiti ta’ l-[EPSO] għandhom ikunu li:

    (a) jorganizza kompetizzjonijiet ġenerali fuq it-talba ta’ l-istituzzjonijiet individwali, bl-iskop li jinħolqu listi riservati għall-kandidati tajba biex jinħatru uffiċjali. Il-Kompetizzjoni għandha tiġi organizzata skond ir-Regolamenti tal-Persunal, fuq il-bażi ta’ kriterja armonizzata stabbiliti fl-Artikolu 6(ċ) u skond il-programm ta’ ħidma approvat mil-Bord Amministrattiv;

    (b) jikkopera fil-qrib ma’ l-istituzzjonijiet bil-għan li ssir stima tal-bżonnijiet futuri indikati mill-istituzzjonijiet kif ukoll jipprepara u jimplimenta l-programm ta’ kompetizzjoni sabiex jintlaħqu dawn il-bżonnijiet fiż-żmien opportun.

    (ċ) jiżviluppa metodi u teknika ta’ selezzjoni skond prassi tajba u skond profili ta’ abilita’ kif rikjesti mill-istituzzjonijiet f’diversi kategoriji tal-persunal;

    (d) jamministra u jikkontrolla l-użu tal-listi riservati stabbiliti abbażi ta’ kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet;

    (e) jippreżenta, kull sena, rapporti dwar l-attivitajiet ta’ kull sena lil istituzzjonijiet.”

    13. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-EPSO:

    “L-awtorita li għandha l-poter li tinnomina f’kull istituzzjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ l-[EPSO] numru suffiċjenti ta’ membri, eżaminaturi u inviġilaturi tal-bord tas-selezzjoni [Bord tal-Għażla], abbażi ta’ kwota approvata mill-Bord ta’ l-amminsitrazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(i), sabiex tiffaċilita il-proċeduri ta’ selezzjoni skond l-Artikolu 3 ta’ l-Anness III tar-Regolamenti tal-Personal.”

    14. L-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-EPSO jipprovdi:

    “Għandu jittwaqqaf Bord ta’ l-amministrazzjoni għall-[EPSO], li jikkonsisti f’membru maħtur minn kull istituzzjoni u tliet rappreżentati tal-persunal bl-istat ta’ osservaturi b’kunsens komuni tal-kumintati tal-persunal ta’ l-istituzzjonijiet.”

    15. L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni dwar l-organizzazzjonijiet u l-ħidma tal-EPSO jgħid:

    “Għall-interess komuni ta’ l-istituzjonijiet, il-Bord ta’ l-amministrazzjoni għandu: [...]

    (ċ) [...] japprova il-prinċipji li jirregolaw il-politika tas-selezzjoni li l-[EPSO] għandu jimxi magħha

    [...]

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    16. Fil-15 ta’ Novembru 2006, l-EPSO ippubblika l-avviż tal-Kompetizzjoni Ġenerali EPSO/AD/77/06 (ĠU C 277 A, p. 3, iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni kkontestata”) li kellu jistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ amministraturi lingwisti ta’ grad AD 5, tal-lingwa Griega, fil-qasam tat-traduzzjoni. Skont l-avviż tal-kompetizzjoni, il-kandidati kellhom jagħżlu, bejn żewġ għażliet, imsemmija għażla 1 u għażla 2, dik li tikkorispondi mal-konoxxenzi lingwistiċi tagħhom. Kemm it-tieni kif ukoll it-tielet lingwa tal-kandidati kellha tkun il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż.

    17. Wara li ħadem minn Jannar 1982 sa Diċembru 1991 bħala traduttur mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-rikorrent, ta’ nazzjonalità Ellenika, kien kandidat fil-kompetizzjoni msemmija iktar ’il fuq għall-għażla 1.

    18. Il-kompetizzjoni kienet tikkonsisti fi tliet fażijiet. Skont it-taqsima B tal-avviż tal-kompetizzjoni, l-ewwel fażi, jew il-fażi preliminari, kienet tikkonsisti f’żewġ testijiet ta’ ammissjoni, ta’ 30 mistoqsija b’għażla multipla kull wieħed, l-ewwel wieħed sabiex jevalwa l-konoxxenzi relatati mal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tagħha u l-politika tagħha (iktar ’il quddiem it-“test a”) u t-tieni sabiex jevalwa l-ħiliet u l-kapaċità ġenerali tal-kandidati fil-qasam ta’ raġunament verbali u numeriku (iktar ’il quddiem it-“test b”). Skont it-taqsima Ċ tal-avviż tal-kompetizzjoni, it-tieni fażi kienet tikkonsisti fi prova bil-miktub u t-tielet fi prova orali. Skont it-taqsima B tal-avviż tal-kompetizzjoni, u dik li tirrigwarda l-għażla 1, il-110 kandidat biss li jkunu kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni, u fi kwalunkwe każ, il-minimu meħtieġ, jiġifieri ħames punti fuq għaxra fit-test a) u għaxar punti fuq għoxrin fit-test b), kellhom jiġu mistiedna sabiex jissottomettu applikazzjoni kompleta għall-ammissjoni tagħhom għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni; in-numru tal-kandidati tal-għażla 2 li setgħu jiġu ammessi għat-tieni fażi ġie ffissat għal 30.

    19. Mit-taqsima D tal-avviż tal-kompetizzjoni jirriżulta li l-applikazzjonijiet kellhom jiġu sottomessi b’mod elettroniku. B’mod iktar speċifiku, kull kandidat ġie mistieden sabiex l-ewwel jikkrea fajl elettroniku bid-dettalji personali permezz tas-sistema informatika tal-EPSO. Wara li jirreġistra l-fajl tiegħu, il-kandidat seta’ jippreżenta applikazzjoni elettronika għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni. Jekk l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata fil-ħin, l-EPSO jibgħatlu avviż elettroniku sabiex jipparteċipa għall-fa żi preliminari tal-kompetizzjoni, wara jiddiriġih lejn sit internet ta’ sieħeb kuntrattwali estern, li l-EPSO kien fdalu l-organizzazzjoni u l-implementazzjoni tal-fażi preliminari tal-kompetizzjoni. Fuq is-sit ta’ dan is-sieħeb kuntrattwali, il-kandidat kellu jirriżerva elettronikament data u ħin ta’ eżami fil-perijodu bejn l-10 ta’ April u l-4 ta’ Mejju 2007, matul liema perijodu t-testijiet ta’ ammissjoni kellhom isiru f’diversi ċentri ta’ eżamijiet.

    20. Dawn it-testijiet, li, kif kienet pprovdiet it-taqsima B tal-avviż tal-kompetizzjoni, kienu mwettqa fuq kompjuter, saru għaldaqstant f’postijiet u dati li kienu differenti għal kull kandidat. Il-mistoqsijiet, li kienu wkoll differenti għal kull kandidat, intgħażlu b’mod każwali minn bażi ta’ data li kien fiha ammont ta’ mistoqsijiet, ipprovduti lill-EPSO minn sieħeb kuntrattwali estern. Il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kkontestata ma interveniex ħlief wara l-eżitu tat-testijiet ta’ ammissjoni u għaldaqstant fil-fażi tal-provi bil-miktub u orali biss. Skont il-punt 2 tat-taqsima E, tal-avviż tal-kompetizzjoni, l-ismijiet tal-membri tal-Bord tal-Għażla ġew ippublikati fuq is-sit internet tal-EPSO ħmistax-il ġurnata qabel ma bdew il-provi bil-miktub.

    21. Wara l-parteċipazzjoni tar-rikorrent fit-test ta’ ammissjoni, l-EPSO bagħtlu, fil-31 ta’ Mejju 2007, b’mod elettroniku, il-marki li huwa kien kiseb fit-testijiet a) u b), filwaqt li informah li dawn il-marki “għalkemm iktar jew daqs il-minimu meħtieġ (kienu) insuffiċjenti sabiex huwa jiġi inkluż mal-kandidati li kisbu l-aħjar 110 marka skont ir-regoli ddettaljati stabbiliti fit-taqsima B tal-avviż tal-kompetizzjoni”. Fil-fatt, ġie indikat f’din il-posta elettronika li r-rikorrent kien kiseb 18.334/30 punti, filwaqt li l-aħjar 110 kandidat kienu kisbu minn l-inqas 21.333/30.

    22. Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Ġunju 2007, ir-rikorrent talab lill-EPSO kopja tat-tweġibiet tiegħu tat-testijiet a) u b) kif ukoll kopja tal-mistoqsijiet b’għażla multipla ta’ dawn it-testijiet, flimkien mal-lista ta’ tweġibiet korretti.

    23. Fis-27 ta’ Ġunju 2007, l-EPSO ta risposta negattiva, filwaqt li rriżerva li jagħti spjegazzjoni f’“Gwida għall-applikanti” futura. B’mod iktar partikolari, l-EPSO għamel distinzjoni bejn “it-testijiet preliminari”, li kienu seħħew f’kompetizzjonijiet preċedenti u għal-liema l-komunikazzjoni tal-mistoqsijiet u tar-risposti kienet awtorizzata, u “it-testijiet ta’ ammissjoni”, bħal dawk tal-kompetizzjoni kkontestata, għal-liema l-komunikazzjoni tal-mistoqsijiet u tar-risposti kellha tiġi eskluża.

    24. Ir-rikorrent ikkontesta “il-validità u l-kontenut” tad-deċiżjoni tal-EPSO, tal-31 ta’ Mejju 2007, billi ppreżenta lment skont l-Artikolu 90(2), tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn, billi lmenta, minn naħa, il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ oġġettività u ta’ trasparenza kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007 u, min-naħa l-oħra, ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni li “il-Bord tal-Għażla tat-testijiet ta’ ammissjoni (jiġifieri l-kompjuter)” bilfors wettaq matul il-korrezzjoni tat-testijiet ta’ ammissjoni tiegħu fid-dawl tal-esperjenza professjonali tiegħu, huwa talab li l-EPSO jirrevedi l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni wara reviżjoni tat-testijiet ta’ ammissjoni tiegħu u jinformah jekk, u fil-pożittiv, liema, mill-mistoqsijiet fit-testijiet ta’ ammissjoni kienu ġew “newtralizzati” mill-Bord tal-Għażla.

    25. Permezz ta’ posta elettronika tas-26 ta’ Novembru 2007, l-EPSO bagħat lir-rikorrent, għal dak li jirrigwarda t-testijiet a) u b), dikjarazzjoni li fiha kienu jinsabu n-numri tal-mistoqsijiet b’għażla multipla li ġew mistoqsija, l-ittri li jikkorispondu għat-tweġibiet tar-rikorrent u dawk li jikkorrispondu għat-tweġibiet korretti, mingħajr madankollu ma ġew żvelati t-testi ta’ dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet. Minn dan id-dokument jirriżulta li, minn 30 mistoqsija b’għażla multipla fil-qasam ta’ raġunament verbali u numeriku, ir-rikorrent wieġeb b’mod korrett 16-il mistoqsija, filwaqt li, minn 30 mistoqsija fil-qasam ta’ konoxxenza relatata mal-Unjoni Ewropea, huwa wieġeb b’mod korrett 23 mistoqsija.

    26. Permezz ta’deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007, li fiha ddikjara li kien irreveda, minn naħa, il-fajl tar-rikorrent dwar l-ipproċessar awtomatizzat tat-testijiet ta’ ammissjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tan-newtralizzazzjoni ta’ ċerti mistoqsijiet fuq il-marki tiegħu, l-EPSO ċaħad l-ilment u kkonferma d-deċiżjoni tiegħu tal-31 ta’ Mejju 2007. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-mistoqsijiet newtralizzati, l-EPSO indika li effettivament seba’ mistoqsijiet kienu ġew newtralizzati minn “kumitat konsultattiv”, li kien responsabbli għall-kontroll tal-kwalità tal-mistoqsijiet inklużi fil-bażi ta’ data, iżda li fit-testijiet ta’ ammissjoni tar-rikorrent ma kienu inklużi l-ebda mill-mistoqsijiet newtralizzati.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

    27. Ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

    – jannulla d-deċiżjonijiet tal-EPSO tal-31 ta’ Mejju 2007 u tas-6 ta’ Diċembru 2007, kif ukoll kull att relatat;

    – jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

    28. Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

    – jiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat;

    – jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

    29. Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta’ Lulju 2008, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) talab sabiex jintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrent. L-osservazzjonijiet tal-partijiet prinċipali dwar din it-talba waslu fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-8 u fit-12 ta’ Settembru 2008 rispettivament.

    30. Permess ta’ digriet tal-President tal-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tal-20 ta’ Novembru 2008, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) ingħata l-permess sabiex jintervjeni. In-nota ta’ intervent tal-KEPD waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fid-29 ta’ Jannar 2009. F’din in-nota, filwaqt li l-ewwel nett ammetta li d-deċiżjonijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u l-għażla tal-kandidati għall-fażi ta’ wara ta’ kompetizzjoni ma jaqgħux taħt il-kompetenza tiegħu, il-KEPD ippreċiża li, għaldaqstant, l-intervent tiegħu kellu jinftiehem bħala wieħed li jirrigwarda biss it-talba tar-rikorrent li jkollu aċċess għal ċerti dokumenti tal-kompetizzjoni, u dan insostenn tal-ewwel motiv tiegħu, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-31 ta’ Mejju 2007 u tas-6 ta’ Diċembru 2007.

    31. Il-Kummissjoni u r-rikorrent ippreżentaw osservazzjonijiet dwar din in-nota ta’ intervent permezz ta’ ittri tal-5 ta’ Marzu 2009.

    32. B’mod parallel mar-rikors tiegħu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrent ippreżenta, fil-31 ta’ Mejju 2007, rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali), kontra r-rifjut tal-applikazzjoni konfermatorja tiegħu provduta fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Il-proċedura hija bħalissa pendenti u l-kawża hija rreġistrata taħt in-numru T-374/07.

    33. Sabiex jiġu żgurati, fl-aħjar kundizzjonijiet, il-preparamenti tal-kawża u l-iżvolġiment tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku adotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ipprovduti fl-Artikoli 55 u 56 tar-Regoli tal-Proċedura. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ġiet mistiedna, permezz ta’ ittri tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Novembru 2009 u tat-8 ta’ Diċembru 2009, sabiex tispeċifika l-kompożizzjoni u r-rwol tal-“kumitat konsultattiv” imsemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

    34. Permezz ta’ ittri li waslu fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-24 ta’ Novembru 2009 u fl-14 ta’ Diċembru 2009 b’faks, il-Kummissjoni rreferiet għat-talbiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

    Fuq is-suġġett tal-kawża

    35. Minbarra l-annullament tad-deċiżjoni tal-EPSO, tal-31 ta’ Mejju 2007, li tinformah bil-falliment tiegħu mit-testijiet ta’ ammissjoni tal-kompetizzjoni kkontestata, ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-EPSO, tas-6 ta’ Diċembru 2007, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007.

    36. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors minn uffiċjal ippreżentat formalment kontra ċ-ċaħda espliċita jew impliċita ta’ ilment għandu l-effett li jressaq quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kontestazzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju li fir-rigward tiegħu ġie ppreżantat l-ilment (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Diċembru 1992, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, T-33/91, Ġabra p. II-2499, punt 23).

    37. Fil-fatt, deċiżjoni ta’ ċaħda, kemm jekk impliċita jew espliċita, ma tagħmilx, jekk hija pura u sempliċi, ħlief tikkonferma l-att jew l-astensjoni, li l-ilmentatur jilmenta, u ma tikkostiwixxix, waħedha, att li jista’ jiġi kkontestat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677, punt 9; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1988, Progoulis vs Il-Kummissjoni, 371/87, Ġabra p. 3081, punt 17; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il-Kummissjoni, T-338/00 u T-376/00, ĠabraSP p. I-A-301 u II-1457, punt 34, u tat-2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il-Kummissjoni, T-14/03, ĠabraSP p. I-A-43 u II-167, punt 54).

    38. Il-kwalità ta’ att li jikkawża preġudizzju ma jistax jiġi rrikonoxxut fir-rigward ta’ att purament konfermatorju, kif huwa l-każ ta’ att li ma għandu l-ebda element ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti li kkawża preġudizzju u li għaldaqstant ma jissostwixxix dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il-Kummissjoni, 23/80, Ġabra p. 3709, punt 18; id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Plug vs Il-Kummissjoni, T-608/97, ĠabraSP p. I-A-125 u II-569, punt 23; is-sentenza Di Marzio vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

    39. Madankollu, ġie deċiż bosta drabi li deċiżjoni espliċita li tiċħad ilment, tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan huwa l-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tinkludi eżami mil-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent skont punti ġodda ta’ liġi u ta’ fatt jew meta hija temenda jew tikkompleta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn is-suppożizzjonijiet, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġet għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il-Kummissjoni, T-258/01, ĠabraSP p. I-A-167 u II-747, punt 31, u tas-7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il-Kummissjoni, T-375/02, ĠabraSP p. I-A-151 u II-673, punti 63 sa 66; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il-Kummissjoni, F-18/08, ĠabraSP p. I-A-1-281 u II-A-1-1495, punt 17), u anki saħansitra tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi ruħu għal dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kuhner vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 9; sentenzi Morello vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘ il fuq, punt 35, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-389/02, ĠabraSP p. I-A-295 u II-1339, punt 49).

    40. F’dan il-każ, id-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007 tikkonferma r-rifjut tal-EPSO sabiex tagħti l-isem tar-rikorrent fost l-ismijiet tal-110 kandidat li kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni tal-kompetizzjoni kkontestata filwaqt li tirrifjuta l-argumenti tar-rikorrent u tiżviluppa dan ir-rifjut. Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007 hija limitata sabiex tinforma lir-rikorrent bil-falliment mit-testijiet ta’ ammissjoni tal-kompetizzjoni kkontestata, id-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007 tibbaża, madankollu, fuq bosta raġunijiet li ma kinux jinsabu fid-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007 tinkludi l-element il-ġdid tan-newtralizzazzjoni ta’ ċerti mistoqsijiet fil-kuntest tat-testijiet ta’ ammissjoni.

    41. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007, li tikkomplementa d-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007, ma tikkostwixxix att konfermatorju ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar u għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-istħarriġ tal-legalità li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżerċita.

    42. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors jirrekjedi lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jiddeċiedi talbiet għall-finijiet ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007, hekk kif ikkompletata bid-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

    Fuq it-talbiet għall-finijiet ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati

    43. Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm id-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007 hija limitata li tinforma lir-rikorrent bil-falliment tiegħu mit-testijiet ta’ ammissjoni tal-kompetizzjoni kkontestata, it-talbiet għall-finijiet ta’ annullament ta’ din id-deċiżjoni għandhom jinftiehmu bħala intiżi għall-istess deċiżjoni li r-rikorrent jiġi eskluż mil-lista tal-110 kandidat li kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni inkwistjoni.

    44. Insostenn tat-talbiet tiegħu għall-finijiet ta’ annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni, it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-EPSO li telimina kandidati fil-fażi preliminari tal-kompetizzjoni inkwistjoni, it-tielet nett, fuq il-ksur ta’ prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ oġġettività u ta’ proporzjonalità u, ir-raba’ nett, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

    45. Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat it-tieni motiv.

    L-argumenti tal-partijiet

    46. Ir-rikorrent jallega li l-EPSO ma kellux kompetenza biex jgħażel is-suġġetti tat-testijiet tal-ammissjoni għal fażi preliminari, minħabba li l-għażla tas-suġġetti taffetwa s-sustanza tal-eżamijiet u taqa’ taħt il-kompetenza tal-Bord tal-Għażla. Meta jagħmel hekk, l-EPSO jkun qiegħed jabbuża illegalment mis-setgħat tal-“eżaminatur” li ma għandhomx ikunu ħlief f’idejn il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni. Ir-rikorrent iqis, fil-fatt, li skont id-deċiżjoni dwar l-organizzazzjoni u l-ħidma tal-EPSO, għandu bħala missjoni unika, li “jorganizza” l-kompetizzjonijiet, jiġifieri li jevalwa, flimkien mal-istituzzjonijiet, il-bżonnijiet tar-reklutaġġ, jippublika l-avviż tal-kompetizzjoni, jiżgura l-iżvolġiment bla xkiel tal-kompetizzjoni, li jipprovdi infrastruttura teknika u materjali, li jikkontrolla l-użu tal-listi riżerva u li jipprepara rapport annwali relatat mal-attivitajiet tiegħu. F’dan il-każ, madankollu, l-EPSO eċċeda l-kompetenzi tiegħu, hekk kif definiti, u l-Bord tal-Għażla mhux biss ma stabilixxiex is-suġġetti, iżda assolutament ma interveniex matul il-fażi preliminari tal-kompetizzjoni, liema fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-istabbilità tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Marzu 2000, Gogos vs il-Kummissjoni, T-95/98, ĠabraSP p. I-A-51 u II-219) ma tistax ħlief tikkostitwixxi a fortiori ksur ta’ din il-ġurisprudenza. In-nuqqas ta’ intervent tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni f’dan l-istadju huwa għaldaqstant iktar gravi milli l-fażi preliminari tal-kompetizzjoni kkontestata hija l-iktar diffiċli, speċjalment fid-dawl tan-numru kbir ta’ kandidati eliminati.

    47. Għall-Kummissjoni, it-testijiet ta’ammissjoni tal-fażi preliminari li jippreċedu t-testijiet ta’ provi msemmija, huma differenti minn dawn, peress li l-Bord tal-Għażla ma jintervjenix ħlief sabiex jitwettqu dawn tal-aħħar. Il-fatt li l-Bord tal-Għażla jiddetermina l-mistoqsijiet tat-testijiet tal-prova bil-miktub u orali ma jfissirx li l-EPSO ma jistax jiddetermina l-mistoqsijiet fl-istadju tat-testijiet ta’ ammissjoni tal-fażi preliminari. Għaldaqstant huwa żbaljat li r-rikorrent jallega li l-Bord tal-Għażla ma ddeterminax il-mistoqsijiet u li dan naqas kompletament mill-missjoni tiegħu matul il-fażi preliminari tal-kompetizzjoni kkontestata, peress li din il-fażi ma tikkonċernax ħlief it-testijiet ta’ammissjoni. Huwa daqstant żbaljat li r-rikorrent isemmi s-sentenza Gogos vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, peress li ma hemm l-ebda konnessjoni bejn dan il-każ u dik is-sentenza, kemm f’termini tal-eżistenza tal-Bord tal-Għażla fil-kuntest tat-testijiet tad-dħul kif ukoll f’termini tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla. Il-Kummissjoni tirrileva li fi kwalunkwe każ skont il-ġurisprudenza, l-EPSO għandu setgħa diskrezzjonali wiegħsa sabiex jiddetermina l-kundizzjonijiet u r-regoli ddettaljati ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant li kieku ġie pprovat mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2004, Falcone vs il-Kummissjoni (T-207/02, ĠabraSP p. I-A-305 u II-1393, punti 38 sa 40) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Falcone”), li l-organizzazzjoni tal-fażi inizjali ta’ qabel is-selezzjoni tal-kanditati, jiġifieri ta’ fażi preliminari, sabiex ma jinżammux ħlief dawk minnhom li kisbu l-aħjar marki, tagħmel parti mis-setgħa diskrezzjonali tal-EPSO u li din hija konformi mal-Artikoli 4 u 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. F’din il-kawża, li tgħaddi t-test tal-fażi ta’ qabel is-selezzjoni kien, fir-realtà, il-kundizzjoni għal parteċipazzjoni fil-provi bil-miktub u orali. F’din il-kawża preżenti, it-testijiet ta’ ammissjoni jikkostitwixxu kundizzjoni ta’ ammissjoni għal provi bil-miktub u orali. Għalkemm fil-każ tas-sentenza Falcone, il-prova tal-fażi preliminari kienet tikkonsisti f’test ta’ qabel is-selezzjoni, filwaqt li fil-kawża preżenti din tirrigwarda testijiet ta’ ammissjoni, il-prinċipju jibqa’ l-istess.

    Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    48. Preliminarjament, għandu jiġi osservat, li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu importanza partikolari lir-reklutaġġ tal-uffiċjali, billi jeżiġu, b’mod partikolari, hekk kif jeħtieġ mill-Artikolu 27 tagħhom, li huma jkollhom l-ogħla kwalitajiet ta’ kompetenza, effiċjenza u integrità. Għalkemm, skont l-Artikolu 12(1), tal-iskema applikabbli ta’ persunal ieħor tal-Unjoni Ewropea, l-istess eżiġenza hija wkoll imposta fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ persunal temporanju, għandu jiġi kkonstatat li l-kwalitajiet inkwistjoni huma ta’ importanza speċjali għall-uffiċjali, peress li dawn għandhom id-dmir, minn naħa, li jwettqu l-kompiti essenzjali tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra biex jimpenjaw ruħhom għall-karriera kollha tagħhom għas-servizz tal-Unjoni.

    49. Sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit mill-Artikolu 27 tal-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur statutorju, wara li jiddetermina, fl-Artikolu 28, is-sitt kundizzjonijiet indispensabbli li persuna għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tinħatar uffiċjali, pprovda, minn naħa, fl-Artikolu 29, li r-reklutaġġ tal-uffiċjal isir, b’regola ġenerali, permezz ta’ kompetizzjoni u, fl-Artikolu 30, li, għal kull kompetizzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tinnomina Bord tal-Għażla, li jistabbilixxi l-lista riżerva ta’ kandidati, u min-naħa l-oħra, rregola b’manjiera ddettalljata, fl-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura tal-kompetizzjoni.

    50. Mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta, b’mod partikolari, li r-regoli tal-proċedura tal-kompetizzjoni huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ diviżjoni ta’ kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla. Filwaqt li tikkostitwixxi manifestazzjoni ta’ awtolimitazzjoni tal-poter amministrattiv, din id-dijarkija statutorja turi, għall-fini tal-protezzjoni tat-trasparenza tal-proċedura tal-għażla tal-persunal tal-Unjoni, ir-rieda tal-leġiżlatur statutorju li ma jirriżervax biss għall-amministrazzjoni l-kompitu delikat ta’ għażla tal-persunal inkwistjoni, imma li jinvolvi wkoll, permezz tal-Bord tal-Għażla (fejn l-amministrazzjoni hija wkoll rappreżentata), nies minn barra l-ġerarkija amministrattiva, u b’mod partikolari rappreżentanti tal-persunal.

    51. Fil-kuntest ta’ din id-diviżjoni ta’ kompetenzi, hija l-Awtorità tal-Ħatra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 4 tal-imsemmi Anness, minn naħa li tistabbilixxi l-avviż ta’ kompetizzjoni, wara li tikkonsulta l-Kumitat Konġunt, u min-naħa l-oħra, li tadotta l-lista ta’ kandidati li jissodisfaw l-ewwel tlett kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex ikunu jistgħu jinħatru.

    52. Ladarba din il-lista tiġi pprovduta mill-Awtorità tal-Ħatra lill-President tal-Bord tal-Għażla, huwa sussegwentement il-Bord tal-Għażla nnifsu, kif indikat fl-Artikolu 5 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel nett, li jiddetermina l-lista ta’ kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-avviż tal-kompetizzjoni, it-tieni nett sabiex jipproċedu għall-provi u, t-tielet nett, li jistabbilixxi l-lista riżerva ta’ kandidati u li jipprovdiha lill-Awtorità tal-Ħatra.

    53. Fid-dawl ta’ dan ir-rwol kruċjali fdat lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, il-leġiżlatur statutorju pprovda ċertu numru ta’ garanziji, li jirrigwardaw kemm l-istituzzjoni tiegħu u l-kompożizzjoni tiegħu kif ukoll il-ħidma tiegħu.

    54. Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-istituzzjoni u l-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla, l-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 3 tal-Annes III tiegħu huwa pprovdut, l-ewwel nett, li għal kull kompetizzjoni l-Awtorità tal-Ħatra tinnomina Bord tal-Għażla, it-tieni nett, li, apparti mill-president tal-Bord tal-Għażla, il-membri l-oħra għandhom jiġu nnominati f’numru ugwali mill-amministrazzjoni u mill-kumitat tal-persunal, it-tielet nett, li l-membri tal-Bord tal-Għażla magħżula fost l-uffiċjali għandhom ikunu ta’ grupp ta’ funzjoni u ta’ grad tal-inqas ugwali għal dak tal-impjieg li ser jimtelà, ir-raba’ nett, li Bord tal-Għażla kompost minn aktar minn erba’ membri għandu jkollu minn tal-inqas żewġ membri ta’ kull sess.

    55. Fir-rigward tal-ħidma tal-Bord tal-Għażla, u minbarra l-obbligu għall-Bord tal-Għażla li jirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħal pereżempju, li jiġi rrispettat il-prinċipju tat-trattament ugwali tal-kandidati kif ukoll il-prinċipju ta’ oġġettività fl-evalwazzjoni tagħhom jew il-prinċipju ta’ stabbilità tal-kompożizzjoni tal-Bord tal-Għażla (ara s-sentenza Gogos vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ April 2005, Christensen vs il-Kummissjoni, T-336/02, ĠabraSP p. I-A-75 u II-341, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċittata), l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi espressament is-sigriet tax-xogħol tal-Bord tal-Għażla, u dan preċiżament bl-għan li jiggarantixxi l-indipendenza tiegħu u l-oġġettività ta’ xogħolu, billi jipproteġi lill-Bord tal-Għażla minn kull indħil u pressjonijiet esterni, kemm jekk mill-amministrazzjoni, mill-kandidati interessati jew minn terzi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Frar 1980, Bonu vs il-Kunsill, 89/79, Ġabra p. 553, punt 5).

    56. Id-diviżjoni ta’ kompetenzi bejn l-Awtorità tal-Ħatra u l-Bord tal-Għażla, hekk kif spjegata fil-punti preċedenti, ma seħħitx bit-twaqqif, tal-EPSO, fl-2002, li l-att ta’ kostituzzjoni tiegħu jipprovdi espressament, fl-Artikolu 2 tiegħu, li jeżerċita il-poteri ta’ selezzjoni akkwistati mill-Awtorità tal-Ħatra fil-qasam tal-kompetizzjonijiet. Barra minn hekk, mill-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, il-kompiti tal-EPSO huma essenzjalment ta’ natura ta’ organizzazzjoni. Din il-konstatazzjoni ma hijiex kontradetta mid-dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fid-deċiżjonijiet li jistabilixxu l-EPSO u dwar l-organizzazzjoni u l-ħidma tal-EPSO, anki jekk dawn id-deċiżjonijiet fihom kull tant xi formolazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw fi żball, bħal pereżempju li l-EPSO “għandu jfassal listi ta’ riżerva” (li tagħti x’tifhem li l-EPSO huwa kompetenti sabiex jiddetermina liema kandidati għandhom jiġu inklużi fiha), minħabba li d-deċiżjonijiet inkwistjoni għandhom fi kwalunkwe każ rank ġerarkiku inferjuri minn dak tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

    57. Fi kwalunkwe każ, kemm l-għażla kif ukoll l-evalwazzjoni tas-suġġetti tal-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-EPSO. Din hija l-konklużjoni li għandha ssir minn dak li għadu kif ġie diskuss fil-punt preċedenti, u li huwa kkonfermat min-nuqqas, fl-Artikolu 7 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal, ta’ kull riferiment għal kwalunkwe kompitu tal-EPSO li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni jew id-definizzjoni “il-kontenut ta’ l-eżami” għall-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, peress li dan l-istess Artikolu 7, min-naħa l-oħra, jassenja espressament lill-EPSO tali kompiti b’mod partikolari fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni tal-uffiċjali, permezz tal-paragrafu 2(ċ) tiegħu, jew tas-selezzjoni tal-persunal temporanju u tal-persunal bil-kuntratt, permezz tal-paragrafu 4 tiegħu.

    58. Bħala konklużjoni, għalkemm il-kompiti mogħtija lill-EPSO huma tali li jagħmlu lil dan il-korp attur importanti fid-determinazzjoni u t-tmexxija tal-politika tal-Unjoni fir-rigward ta’ selezzjoni tal-persunal, għal dak li jirrigwarda, minn naħa l-oħra, l-iżvolġiment ta’ kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali, ir-rwol tiegħu, li huwa żgur sinjifikattiv sa fejn jassisti l-Bord tal-Għażla, jibqa’, fi kwalunkwe każ, sussidjarju meta mqabbel ma’ dak ta’ dan tal-aħħar, għal liema bord għaldaqstant l-EPSO ma jistax jissostitwixxi ruħu.

    59. F’dan il-każ, ir-rikorrent jilmenta dwar il-fatt li huwa ġie miċħud fil-kompetizzjoni kkontestata wara li falla mit-testijiet ta’ ammissjoni, fejn is-suġġetti ma ntgħażlux mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kkontestata, iżda mill-EPSO, li kien inkompetenti sabiex jagħmel din l-għażla tas-suġġetti. Il-Kummissjoni essenzjalment tirrispondi, li d-dispożizzjonijiet statutorji relatati mal-attribuzzjoni tal-Bord tal-Għażla u mal-garanziji li jipproteġuh ma kinux japplikaw għat-testijiet inkwistjoni, liema testijiet ma kinux strettament jagħmlu parti mill-kompetizzjoni, iżda kienu jaqgħu taħt fażi preliminari tal-imsemmija kompetizzjoni, intiża għas-selezzjoni tal-persuni li kellhom aċċess għall-kompetizzjoni inkwistjoni.

    60. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tintlaqa’.

    61. Fil-fatt, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li, iż-żewġ għażliet flimkien, fuq 1772 kandidat li rriżervaw data għat-testijiet ta’ ammissjoni tal-kompetizzjoni kkontestata, 140 biss setgħu, skont it-taqsima B tal-avviż tal-kompetizzjoni, jiġu mistiedna sabiex jissottomettu applikazzjoni kompleta għall-ammissjoni tagħhom għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni. Issa, proċedura li twassal għall-eliminazzjoni ta’ aktar minn 90% tal-kandidati, mhux għal raġunijiet formali, iżda għaliex ma rrispondewx b’mod sodisfaċenti biżżejjed f’testijiet, tagħmel parti essenzjali mill-kompetizzjoni.

    62. In-natura ta’ “kompetizzjoni” ta’ testijiet ta’ ammissjoni hija għaldaqstant iktar evidenti minn, f’dan il-każ, dik li kienet prevista fit-taqsima B tal-avviż tal-kompetizzjoni, ma kienx biżżejjed li jinkiseb riżultat medju fit-testijiet inkwistjoni, iżda, sabiex ikunu jistgħu jiġu ammessi għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni, kien hemm bżonn, fir-rigward tal-għażla 1 (magħżula mir-rikorrent), li jkunu fost il-110 kandidat li kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni. Issa, din in-natura komparattiva tat-testijiet tal-fażi preliminari hija inerenti fil-kunċett tal-istess kompetizzjoni, kif intwera wkoll mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 2001, Giulietti et vs il-Kummissjoni (T-167/99 u T-174/99, ĠabraSP p. I-A-93 u II-441, punt 81), simili għal dak li kienet iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Lulju 1996, il-Parlament vs Innamorati, C-254/95P (Ġabra p. I-3423, punt 28).

    63. Barra minn hekk, għalkemm huwa veru, kif iddikjarat il-Kummissjoni, li l-korrezzjoni tat-testijiet ta’ ammissjoni twettqet minn kompjuter u li, għaldaqstant, hija ggwidata minn proċedura awtomatika mingħajr marġni ta’ diskrezzjoni suġġettiva, xorta jibqa’ l-fatt li l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura awtomatizzata li implikat it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-mertu, sa fejn il-“kumitat kosultattiv” imsemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, minn naħa, iddetermina l-livell ta’ diffikultà tal-mistoqsijiet ta’ għażla multipla mitluba fit-testijiet ta’ ammisjoni u, min-naħa l-oħra, jinnewtralizza ċerti mistoqsijiet, kif indikat fl-istess punt 26. Issa, dan jirrigwarda b’mod manifest kompiti li normalment jaqgħu taħt il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

    64. Għal dak li jirrigwarda, barra minn hekk, invokazzjoni mill-Kummissjoni tas-sentenza Falcone, għandu jiġi kkonstatat li hemm nuqqas ta’ rilevanza. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-qorti rrikonoxxiet, essenzjalment, biss is-setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra li tniedi, bħal f’dan il-każ, kompetizzjoni magħmula minn żewġ fażijiet distinti, jiġifieri fażi inizjali ta’ qabel is-selezzjoni, ibbażata fuq mistoqsijiet ta’ għażla multipla, u t-tieni fażi, ta’ kompetizzjoni strettament, ikkundizzjonata mis-suċċess tal-ewwel fażi, u fejn l-ammissjoni għaliha kienet riżervata għal ammont imnaqqas ta’ kandidati. Issa, ir-raġunament żviluppat fis-sentenza preżenti ma jiddubita b’ebda mod is-setgħa tal-Awtorità tal-Ħatra. Il-kwistjoni hawn diskussa hija dik jekk l-ewwel fażi ta’ kompetizzjoni, hekk kif imsemmija fis-sentenza Falcone jew f’dan il-każ, tistax tkun organizzata u mmexxija mill-EPSO biss u fin-nuqqas totali tal-Bord tal-Għażla. Mhux biss din il-kwistjoni ma hijiex indirizzata fis-sentenza Falcone, iżda għandu, barra minn hekk, jitfakkar li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Bord tal-Għażla kien responsabbli mill-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-iżvolġiment tal-provi kollha tal-kompetizzjoni, jiġifieri dawk ukoll tal-ewwel fażi. Għandu wkoll jintqal li, kif il-Kummissjoni ammettiet matul is-seduta, skont is-sistema ġuridika li kienet fis-seħħ qabel ġie stabbilit l-EPSO, l-iżvolġiment tat-testijiet ta’ qabel is-selezzjoni, simili għat-testijiet ta’ ammissjoni ta’ dan il-każ, kien mogħti biss lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

    65. Minn kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ġie miċħud mit-tieni fażi tal-operazzjoni tal-kompetizzjoni wara proċedura mmexxija minn ġurisdizzjoni inkompetenti u minn deċiżjoni meħuda minn din l-istess ġurisdizzjoni. Id-deċiżjoni inkwistjoni għandha, għaldaqstant, tiġi annullata.

    66. Ma jistax ikun mod ieħor ħlief jekk l-EPSO jew il-“kumitat konsultattiv” imsemmi fil-punt 26 tas-sentenza preżenti setgħu kienu kkunsidrati bħala “Bord tal-Għażla” fis-sens statutorju. Issa, dan ma huwiex il-każ.

    67. Fil-fatt, kif tammetti l-Kummissjoni stess fil-punt 4 tar-risposta tagħha, jeżisti Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kkontestata, li l-ismijiet tal-membri tiegħu kienu ġew ippublikati ħmistax-il ġurnata qabel id-data tal-prova bil-miktub. Madankollu, dejjem skont il-Kummissjoni, dan il-Bord tal-Għażla ma intervjeniex ħlief fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni, peress li l-EPSO organizza u ssorvelja t-testijiet ta’ ammissjoni “li fil-kuntest tagħhom il-Bord tal-Għażla ma assuma l-ebda rwol”.

    68. Barra minn hekk, kemm l-għadd kbir ta’ kompiti (essenzjalment ta’ parir u ta’ għajnuna lill-istituzzjonijiet), mogħtija lill-EPSO, kif ukoll il-kompożizzjoni (il-Bord tal-amministrazzjoni kompost esklussivament minn membri nnominati mill-istituzzjonijiet, ir-rappreżentanti tal-persunal, f’ammont ta’ tlieta, li ma kellhomx ħlief l-istatut ta’ osservaturi), jopponu kull tentattiv ta’ aprossimazzjoni tal-EPSO mal-Bord tal-Għażla, li l-kompożizzjoni tiegħu tosserva regola konġunta u li, huwa stabbilit għal kull kompetizzjoni, għandu l-kompitu ferm preċiż ta’ tmexxija sal-aħħar tal-kompetizzjoni inkwistjoni.

    69. Fl-aħħar nett, mhux biss il-Kummissjoni qatt ma allegat li l-EPSO u l-“kumitat konsultattiv” imsemmi fil-punt 26 tas-sentenza preżenti għamlu x-xogħol ta’ Bord tal-Għażla, jew li kienu parti minn Bord tal-Għażla, iżda, għall-kuntrarju, fir-rigward tal-“kumitat konsultattiv”, hija ċaħdet espressament fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Novembru 2009 bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

    70. Minn dan jirriżulta li fin-nuqqas ta’ emenda statutorja li tagħti espressament lill-EPSO kompiti li sa dak iż-żmien kienu tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, l-EPSO ma għandux il-kompetenza li jeżerċità tali kompiti, u b’mod partikolari kompiti li, jirrigwardaw reklutaġġ tal-uffiċjali, li jaffettwaw id-determinazzjoni tal-kontenut tal-provi u l-korrezzjoni ta’ dawn, inkluż il-provi f’forma ta’ testijiet ta’ mistoqsijiet b’għażla multipla, intiżi għall-evalwazzjoni tal-kapaċitajiet tar-raġunament verbali u numeriku u/jew il-konoxxenzi ġenerali u l-konoxxenzi relatati mal-Unjoni Ewropea, anki jekk, dawn it-testijiet jiġu ppreżentati bħala testijiet “ta’ ammissjoni” ta’ kandidati fil-provi bil-miktub u orali tal-kompetizzjoni. Dan japplika iktar jekk, bħal f’dan il-każ, in-numru ta’ kandidati ammessi sabiex jipparteċipaw fil-provi bil-miktub tal-kompetizzjoni mhux ħlief perċentaġġ ċkejken mill-kandidati tal-fażi preliminari.

    71. Barra minn hekk, jekk huwa veru li, permezz tat-tkabbir tal-Unjoni u ż-żieda fl-ammont ta’ kandidati fil-kompetizzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ uffiċċjali, il-piż ta’ xogħol tal-bordijiet tas-selezzjoni jiżdied b’mod sinjifikattiv, xorta jibqa’ l-fatt li l-piż żejjed ta’ xogħol li jinvolvi għal Bord tal-Għażla l-monitoraġġ u s-sorveljanza tat-testijiet ta’ ammissjoni tal-fażi preliminari, anki jekk numru inqas ta’ kandidati jkollhom fl-aħħar nett aċċess għal dawn il-provi, ma jirrappreżentax ħlief proporzjon żgħir meta mqabbla mal-piż ta’ xogħol meħtieġ għall-provi bil-miktub u orali.

    72. Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati.

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-finijiet ta’ annullament ta’ kull att relatat

    73. Dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, sa fejn huma jillimitaw ruħhom, li jirreferu f’termini impreċiżi, għal deċiżjonijiet tal-EPSO li ma jistgħux jiġu identifikati (ara f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Marzu 1993, Banzler vs il-Kummissjoni, T-72/92, Ġabra p. II-347, punti 16, 18 u 19). Madankollu hija l-Kummissjoni li għandha tikkonkludi l-konsegwenzi tal-annullament mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ deċiżjonijiet ikkontestati u li tipproċedi għall-irtirar ta’ kull att relatat, sa fejn tali rtirar ikun impost mill-Artikolu 233KE.

    Fuq l-ispejjeż

    74. Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Skont l-Artikolu 89(4), tal-istess regolament, il-parti intervenjenti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha.

    75. Mill-motivi ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija l-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, ir-rikorrent talab espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għalhekk, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għal dak li jirrigwarda il-KEPD, parti intervenjenti, għandu jiġi deċiż li huwa għandu jsostni l-ispejjeż tiegħu stess.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi,

    IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

    jaqta’ u jiddeċiedi:

    1) Id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal, tal-31 ta’ Mejju 2007 u tas-6 ta’ Diċembru 2007 li jeskludu lil D. Pachtitis mil-lista tal-110 kandidat li kisbu l-aħjar marki fit-testijiet ta’ ammissjoni tal-kompetizzjoni miftuħa EPSO/AD/77/06 huma annullati.

    2) Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha u dawk ta’ D. Pachtitis.

    3) Il-Kontrollur Ewropew għall Protezzjoni tad-Data, parti intervenjenti, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

    Top