Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0478

    Kawża C-478/08: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (L-Italja) fis- 6 ta' Novembru 2008 — Buzzi Unicem SpA et vs Ministero dello Sviluppo Economico et

    ĠU C 19, 24.1.2009, p. 14–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 19/14


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia (L-Italja) fis-6 ta' Novembru 2008 — Buzzi Unicem SpA et vs Ministero dello Sviluppo Economico et

    (Kawża C-478/08)

    (2009/C 19/24)

    Lingwa tal-kawża: It-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Tribunale Amministrativo Regionale per la Sicilia

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Buzzi Unicem SpA et

    Konvenuti: Ministero dello Sviluppo Economico et

    Domandi preliminari

    1)

    Il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” stabbilit fl-Artikolu 174(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jista' jiġi interpretat fis-sens li, anke jekk biss bħala eċċezzjoni, l-obbligi ta' miżuri ta' sigurtà f'emerġenza, ta' dekontaminazzjoni u ta' restorazzjoni ambjentali ta' sit ikkontaminat (u/jew l-ispejjeż relatati magħhom) jistgħu jiġu imposti fuq persuna li mhijiex relatata mal-emissjoni ta' sustanzi fl-ambjent li kkawżaw tniġġis ekoloġiku tas-sit inkwistjoni jew, fil-każ li r-risposta tkun fin-negattiv, għandu jiġi kkunsidrat li dan il-prinċipju jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew prassi amministrattiva li tissuġġetta persuna li mhijiex relatata mal-emissjoni ta' sustanzi fl-ambjent li kkawżaw tniġġis ekoloġiku tas-sit inkwistjoni għal obbligi ta' miżuri ta' sigurtà f'emerġenza, ta' dekontaminazzjoni u ta' restorazzjoni ambjentali ta' sit ikkontaminat (u/jew l-ispejjeż relatati magħhom), indipendentement minn kull verifika preliminari intiża li tistabbilixxi, permezz ta' ness ta' kawżalità, ir-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata, jew minħabba s-sempliċi fatt li din il-persuna topera hemmhekk jew hija proprjetarja ta' beni mmobli jew ta' impriża li jinsabu fis-sit ikkontaminat, bi ksur jew b'nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità?

    2)

    Il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, b'mod partikolari l-Artikolu 2050 tal-Kodiċi Ċivili [Taljan], li, fil-każ fejn ikun hemm pluralità ta' operaturi industrijali li joperaw fis-sit ikkontaminat, tagħti lill-awtorità nazzjonali s-setgħa li tissuġġettahom għall-ispejjeż tad-dekontaminazzjoni tas-sit ikkonċernat, mingħajr ma tivverifika individwalment jew preliminarjament is-sehem rispettiv tagħhom tar-responsabbiltà għat-tniġġis jew, fi kwalunkwe każ, minħabba s-sempliċi fatt li, peress li huma sidien ta' mezzi ta' produzzjoni, huma jinsabu f'sitwazzjoni li tobbligahom jassumu tali spejjeż, u konsegwentement huma oġġettivament responsabbli għad-danni li dawn jikkawżaw lill-ambjent, jew inkella, dawn l-operaturi għandhom ikunu obbligati, fi kwalunkwe każ, li jnaddfu l-ambjent imniġġes li kiber u li ġie kkonstatat, indipendentement, barra minn hekk, mill-fatt li huma materjalment ikkawżawh u mis-sehem imputabbli lilhom?

    3)

    Id-direttiva Komunitarja dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (Direttiva 2004/35/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta' April 2004, u, fil-każ preżenti, tal-Artikolu 7 u tal-Anness II tagħha) tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-amministrazzjoni s-setgħa li tordna, bħala “għażliet raġonevoli għar-rimedju tad-dannu ambjentali”, interventi fuq matriċi ambjentali (li jikkonsistu, f'dan il-każ, f“konfini fiżiċi” tal-ilma tal-art mal-kosta kollha tal-baħar) li huma differenti u jmorru lilhinn minn dawk magħżula preċedentement fi tmiem ta' inkjesta kontradittorja xierqa, u li l-approvazzjoni, u sussegwentement l-implementazzjoni tagħhom diġà twettqu, u li preżentement huma fl-istadju ta' eżekuzzjoni, mingħajr fi kwalunkwe każ ma jkunu ġew evalwati l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-sit, l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni tal-miżuri stabbiliti fir-rigward tal-benefiċċji raġonevoli prevvedibbli, id-dannu kollaterali possibbli jew probabbli u l-effetti kontra s-saħħa u s-sigurtà pubblika, kif ukoll il-perijodi neċessarji għall-implementazzjoni prevista?

    4)

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tas-sit ta' interess nazzjonali ta' Priolo, id-direttiva Komunitarja dwar ir-responsabbiltà ambjentali f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta' April 2004, u, fil-każ preżenti, l-Artikolu 7 u tal-Anness II tagħha) tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-amministrazzjoni s-setgħa li tagħti ex officio tali ordnijiet, bħala kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' użu leġittimu ta' artijiet li mhumiex direttament ikkonċernati mid-dekontaminazzjoni peress li dawn ikunu diġà ġew iddekontaminati jew fi kwalunkwe każ ma ġewx imniġġsa, li huma inklużi fil-konfini tas-sit ta' interess nazzjonali ta' Priolo?


    (1)  ĠU L 143, p. 56.


    Top