EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0160

Kawża C-160/08: Rikors ippreżentat fis- 16 ta' April 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

ĠU C 209, 15.8.2008, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 209/19


Rikors ippreżentat fis-16 ta' April 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-160/08)

(2008/C 209/27)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Kellerbauer u D. Kukovec, bħala aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li billi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma ppubblikatx is-sejħiet għal offerti relattivi għall-kuntratti mogħtija u billi tat kuntratti għal servizzi fil-qasam tas-servizz ta' assistenza medika mingħajr ma saru fir-rigward tagħhom avviżi pubbliċi, fi kliem ieħor b'mod mhux trasparenti, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttivi 92/50/KEE (1) u 2004/18/KE (2), u kisret il-prinċipji ta' libertà ta' stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li rċeviet diversi lmenti relattivi għall-prattika ta' l-għoti ta' kuntratti għal servizzi fil-qasam tas-servizz pubbliku ta' assistenza medika fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. F'dawn l-ilmenti ġie allegat li ġeneralment, fir-rigward tal-kuntratti fis-settur in kwistjoni ma sarux avviżi pubbliċi u l-kuntratti ma ngħatawx skond ir-regoli ta' trasparenza. Skond il-Kummissjoni, in-numru ġeneralment limitat ta' sejħeit għal offerti fuq livell Ewropew għall-provvista ta' servizzi ta' assistenza min-naħa ta' l-entitajiet pubbliċi territorjali li huma responsabbli għas-servizz pubbliku ta' assistenza (13-il sejħa għal offerti ppubblikati f'perijodu ta' sitt snin, minn ħdax mill-400 Landkreise [distretti territorjali] jew kreisfreie Städten [bliet li fihom infushom jikkostitwixxu distrett territorjali] biss) jindika li teżprattika comuni fil-Ġermanja li tikkonsisti fil-fatt li l-provvista ta' dawn is-servizzi ta' assistenza tingħata kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tad-direttivi fuq il-kuntratti pubbliċi Ewropej u għall-prinċipji fondamentali tad-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, dawn il-kuntratti ngħataw mingħajr ma ġew adottati miżuri li jiggarantixxu trasparenza adeguata u li jevitaw id-diskriminazzjoni.

Permezz ta' din il-prattika ta' għoti ta' kuntratti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b'hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE, u kisret il-prinċipji tal-libertà ta' stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi stabiliti mill-Artikolu 43 u 49 tat-Trattat KE, u b'mod particolari l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni li hu sottintiż minn dawn il-prinċipji.

Billi huma responsabili mis-servizz ta' assistenza medika, l-entitajiet lokali jikkorrispondu għall-kunċett ta' awtoritajiet kontraenti fis-sens ta' l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50/KEE kif ukoll ta' l-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE. Barra minn hekk, huwa paċifiku li kuntratti, mogħtija fil-qasam tas-servizz pubbliku ta' assistenza, huma kuntratti pubbliċi għal interess pekunjarju, li huma kkunsidrati minn dawn id-direttivi u li l-valur tagħhom jaqbeż kjarament il-livell minimu rilevanti biex ikunu applikabbli d-direttivi in kwistjoni. Jirriżulta minn dawn iċ-ċirkustanzi kollha li l-kuntratti għal provvista ta' servizzi in kwistjoni jmisshom ingħataw b'mod konformi mal-proċedura prevista mid-direttivi u billi jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet ġenerali tagħhom fuq it-trattament ugwali u n-non-diskriminazzjoni.

Peress li fil-każ in kwistjoni huma involuti kuntratti li huma ċertament ta' interess transkonfini, l-għotjiet ta' kuntratti li seħħew b'mod mhux trasparenti kisru mhux biss l-obbligi mnisslin mid-Direttivi 92/50/KEE u 2004/18/KE, iżda wkoll il-prinċipji fundamentali ġenerali tal-libertà ta' stabbiliment u tal-libertà li jiġi pprovduti s-servizzi tat-Trattat KE.

Il-provvista ta' servizzi ta' assistenza, bħas-servizzi ta' trasport u servizzi mediċi fil-kuntest tas-servizz pubbliku ta' assistenza, mhumiex inklużi fl-eċċezzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 45 KE flimkien ma' l-Artikolu 55 KE, li jistipulaw li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat KE fuq id-dritt ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, għal dak li jirrigwarda l-Istat Membru kkonċernat, l-attiviatjiet li f'dak l-Istat jipparteċipaw, anki jekk b'mod okkażjonali, fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 45 tat-Trattat KE, li bħala eċċezzjoni għal-libertajiet fundamentali għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv, hi limitata b'mod rigoruż għall-attivitajiet li jipparteċipaw b'mod dirett u speċifiku fl-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika. Il-kwistjoni jekk tkunx qed tiġi eżerċitata awtorità pubblika m'għandhiex tiġi riżolta billi ssir referenza għan-natura tad-dritt pubbliku ta' l-attività in kwistjoni, iżda hi determinanti l-possibbiltà li jintużaw prerogattivi pubbliċi u setgħat koerċitivi fil-konfornt taċ-ċittadini.

Il-Kummissjoni hi konvinta li l-prattika ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi fil-qasam tas-servizz ta' assistenza tista' tiġi kkonfigurata b'mod li jiġi assigurat servizz ta' assistenza li jkun rapidu, ta' livell għoli u li jkopri t-territorju kollu anki bil-parteċipazzjoni ta' fornituri barranin ta' servizzi.


(1)  ĠU 1992 L 209, p. 1.

(2)  ĠU 2004 L 134, p. 114.


Top