Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0141

Kawża C-141/08 P: Appell ippreżentat fis- 7 ta' April 2008 minn Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Is-Sitt Awla) mogħtija fid- 29 ta' Jannar 2008 fil-kawża T-206/07, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

ĠU C 158, 21.6.2008, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 158/11


Appell ippreżentat fis-7 ta' April 2008 minn Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Is-Sitt Awla) mogħtija fid-29 ta' Jannar 2008 fil-kawża T-206/07, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea

(Kawża C-141/08 P)

(2008/C 158/16)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware Co. Ltd (rappreżentanti: J.-F. Bellis, avukat, M. G. Vallera, barrister)

Appellati: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Vale Mill (Rochdale) Ltd, Pirola SpA, Colombo New Scal SpA, Ir-Repubblika Taljana

Talbiet ta' l-appellanti

Tannulla s-sentenza appellata;

Tilqa' l-istess talbiet magħmula fil-kuntest tal-proċeduri quddiemm il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-206/07, jiġifieri tannulla r-Regolament (KE) Nru 452/2007 (1) safejn japplika għall-appellanti;

Tikkundanna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż inkorsi quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka żewġ aggravji in sostenn ta' l-appell tagħha.

Permezz ta' l-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim'Istanza talli ma rrispondietx għall-ewwel motiv ta' annullament li hija kienet qajmet billi caħdet dan ta' l-aħħar fuq il-bażi ta' konstatazzjoni manifestament kuntrarja għad-dokumenti tal-proċess, jiġifieri li d-diskussjoni dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku (2) u tal-punt 44 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Novembru 2006, Nanjing Metalink vs Il-Kunsill (T-138/02, Ġabra p. II-4347) hija irrilevanti. Fil-fatt, kif irrileva l-Kunsill stess fir-risposta tiegħu, huwa preċiżament għaliex il-Kummissjoni qieset li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tinbidel is-soluzzjoni inizjali adottata, kif esposti fis-sentenza ċċitata iktar 'il fuq, li hija reġgħet lura fuq il-konklużjoni definittiva tagħha li tagħti lill-appellanti l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ir-raġunament tagħha fuq konstazzjonijiet mhux eżatti fl-istess waqt li naqset milli tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku u fuq il-kwistjoni jekk dan l-artikolu jippermettix jew le lill-Kummissjoni li terġa' lura, matul il-proċeduri, fuq il-pożizzjoni inizjali tagħha dwar l-għoti jew le ta' l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet, b'mod żbaljat, li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, li madankollu seħħ u ġie kkonstatat minn dik il-qorti, ma jistax iwassal għall-annullament tar-regolament ikkontestat minħabba li ma teżisti l-ebda possibbiltà li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti. Id-diskussjoni dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament baziku u tal-punt 44 tas-sentenza Nanjing Metalink, iċċitata iktar 'il fuq, fil-fatt kellhom rwol determinanti fil-proċedura amministrattiva u, li kieku l-Kummissjoni kkonformat ruħha mar-rekwiżiti proċedurali ta' l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, l-appellanti kienet tkun tista' ssostni b'mod utli l-interpretazzjoni tagħha stess ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, tat-23 ta' April 2007, li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Ukrajna (ĠU L 109, p. 12).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1996, L 56, p. 1).


Top