Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0484

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-3 ta' Ġunju 2010.
    Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid vs Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (Ausbanc).
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal Supremo - Spanja.
    Direttiva 93/13/KEE - Kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Klawżoli li jfissru s-suġġett prinċipali tal-kuntratt - Stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tagħhom - Esklużjoni - Dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur.
    Kawża C-484/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:309

    Kawża C-484/08

    Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid

    vs

    Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (Ausbanc)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)

    “Direttiva 93/13/KEE — Kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Klawżoli li jfissru s-suġġett prinċipali tal-kuntratt — Stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tagħhom — Esklużjoni — Dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi — Direttiva 93/13

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 4(2) u 8)

    2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi — Direttiva 93/13

    (Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 4(2) u 8)

    3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi — Direttiva 93/13

    (Artikoli 2 KE, 3(1)(g) KE u 4(1) KE; Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 4(2) u 8

    1.        L-Artikoli 3(1) u 4(1) tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, jiddefinixxu, flimkien, il-kriterji ġenerali li jippermettu li ssir evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali suġġetti għad dispożizzjonijiet tad-Direttiva. F’din l-istess perspettiva, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva huwa intiż unikament sabiex jistabbilixxi l-metodi u l-portata tal-istħarriġ fil-mertu tal-klawżoli kuntrattwali, li ma ġewx innegozzjati individwalment, li jiddeskrivu l-prestazzjonijiet essenzjali tal-kuntratt konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur. Minn dan isegwi li l-klawżoli msemmija f’dan l-Artikolu 4(2) jaqgħu taħt il kuntest irregolat mid-direttiva u li, għaldaqstant, l-Artikolu 8 tagħha japplika wkoll għall-imsemmi Artikolu 4(2).

    (ara l-punti 33-35)

    2.        L-Artikoli 4(2) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali milli tawtorizza stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas‑suġġett prinċipali tal-kuntratt jew dwar is-suffiċjenza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-merkanzija pprovduta, min-naħa l-oħra, anki jekk dawn il-klawżoli huma fformulati b’mod sempliċi u ċar.

    Fil-fatt, billi tawtorizza l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet tan-natura inġusta tal-klawżoli, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, previsti minn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti li jiġi żgurat lil dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 8 tad‑Direttiva, livell ta’ protezzjoni effettiva iktar għoli minn dak stabbilit minnha.

    (ara l-punti 42-44 u d-dispożittiv 1)

    3.        L-Artikoli 2 KE, 3(1)(g) KE u 4(1) KE ma jipprekludux interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 8 tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, li permezz tagħha l‑Istati Membri jistgħu jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew dwar is-suffiċjenza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il‑merkanzija pprovduta, min-naħa l-oħra, anki jekk dawn il-klawżoli huma fformulati b’mod sempliċi u ċar.

    Fir-rigward tal-Artikoli 2 KE u 4(1) KE huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu għanijiet u prinċipji ġenerali li japplikaw neċessarjament flimkien mal-kapitoli rispettivi tat‑Trattat KE intiżi sabiex jitwettqu ċerti prinċipji u għanijiet. Għalhekk, huma waħedhom ma jistax ikollhom l-effett li joħolqu obbligi ċari u inkondizzjonati għall-Istati Membri.

    Bl-istess mod, lanqas l-Artikolu 3(1)(g) KE waħdu ma jista’ jipproduċi obbligi ġuridiċi għall-Istati Membri. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija limitata sabiex tindika għan li għaldaqstant għandu jiġi ppreċiżat f’dispożizzjonijiet oħra tat-trattat, b’mod partikolari f’dawk relatati mar-regoli ta’ kompetizzjoni.

    (ara l-punti 46, 47, 49, u d-dispożittiv 2)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    3 ta’ Ġunju 2010 (*)

    “Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Klawżoli li jfissru s-suġġett prinċipali tal-kuntratt – Stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tagħhom – Esklużjoni – Dispożizzjonijiet nazzjonali iktar stretti sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni għall-konsumatur”

    Fil-Kawża C‑484/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura

    Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid

    vs

    Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (Ausbanc),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano (relatur), President tal-Awla, aġent President tal‑Ewwel Awla, E. Levits, C. Toader, M. Ilešič u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2009,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, minn M. Merola, avukat, u J. Cadarso Palau, avukat,

    –        għall-Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (Ausbanc), minn J. Rodríguez Teijeiro, prokuratur, kif ukoll minn L. Pineda Salido u M. Mateos Ferres, avukati,

    –        għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones u M. Muñoz Pérez, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, kif ukoll minn H. Almeida u P. Contreiras, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Gippini Fournier u W. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Ottubru 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (iktar ’il quddiem il-“Caja de Madrid”) u l-Asociación de Usuarios de Servicios Bancarios (assoċjazzjoni Spanjola tal-utenti tas-servizzi bankarji, iktar ’il quddiem l-“Ausbanc”) dwar il-legalità ta’ klawżola inkluża minn Caja de Madrid fil-kuntratti ta’ self b’rata ta’ interess varjabbli konklużi mal-klijenti tagħha u intiżi għax-xiri ta’ proprjetà immobbli.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3        It-tnax u d-dsatax-il premessa tad-Direttiva jistabbilixxu:

    “Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, [...] id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat [KEE], li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva

    […]

    Billi, għall-finijiet tad [...]-Direttiva, m’għandhiex issir stima [evalwazzjoni] ta’ karattru inġust ta’ klawżoli li jiddeskrivu l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal‑kuntratt u lanqas il-proporzjon bejn kwalità/il-prezz tal-merkanzija jew is-servizzi pprovduti; billi l-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u l‑proporzjon bejn kwalità/prezz jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati meta tkun qiegħda ssir l-istima dwar jekk klawżoli oħra jkunux ġusti; […]”

    4        L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprovdi:

    “1.      Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

    2.      Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

    Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

    Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

    3.      L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

    5        L-Artikolu 4 tad-Direttiva huwa fformulat skont it-termini segwenti:

    “1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il‑kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

    2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad‑definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas‑suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

    6        L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert mid [...]-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7        Taħt id-dritt Spanjol, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti ġiet żgurata fl-ewwel lok mil-Liġi Ġenerali 26/1984 dwar il-protezzjoni tal‑konsumaturi u tal-utenti (Ley General 26/1984 para la Defensa de los Consumidores y Usuarios), tad-19 ta’ Lulju 1984 (BOE Nru 176, tal-24 ta’ Lulju 1984.

    8        Il-Liġi 26/1984 ġiet emendata bil-Liġi 7/1998, dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal‑kuntratti (Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación), tat-13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal-14 ta’ April 1998), li ttrasponiet id-Direttiva fid‑dritt intern.

    9        Madankollu, il-Liġi 7/1998 ma ttrasponietx l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva fid-dritt intern.

     Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domandi preliminari

    10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratti ta’ self b’rata ta’ interessi varjabbli intiżi għax-xiri ta’ proprjetà immobbli konklużi bejn Caja de Madrid u l-klijenti tiegħu jinkludu klawżola miktuba, imdaħħla preliminarjament f’kuntratt standard, li permezz tagħha r-rata ta’ interessi nominali prevista mill-kuntratt, varjabbli perjodikament skont l-indiċi ta’ riferiment miftiehem, għandha tiġi arrotondata, sa mill-ewwel reviżjoni, għal kwart ta’ punt perċentwali ’l fuq (iktar ’il quddiem il‑“klawżola ta’ arrotondament”).

    11      Fit-28 ta’ Lulju 2000, l-Ausbanc ippreżentat rikors intiż, b’mod partikolari, sabiex jinkiseb mingħand il-Caja de Madrid li dan tal-aħħar jikkanċella l-klawżola ta’ arrotondament tal-imsemmija kuntratti ta’ self kif ukoll li ma jerġax jużaha fil-futur. B’deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2001, il-Juzgado de Primera Instancia de Madrid laqa’ r-rikors, peress li qies li l-klawżola ta’ arrotondament kienet inġusta u għalhekk nulla, skont il‑leġżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva.

    12      Caja de Madrid appella minn din is-sentenza quddiem l-Audiencia Provicial de Madrid li, fl-10 ta’ Ottubru 2002, tat sentenza li kkonfermat is-sentenza tal-ewwel istanza.

    13      Fis-27 ta’ Novembru 2002, Caja de Madrid appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Supremo.

    14      Skont it-Tribunal Supremo, il-klawżola ta’ arrotondament tista’ tikkostitwixxi element essenzjali ta’ kuntratt ta’ self bankarju, bħal dak fil-kawża prinċipali. Issa, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jeskludi li l-evalwazzjoni tan‑natura inġusta tkun dwar klawżola li tikkonċerna, b’mod partikolari, is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala regola, ma tistax tiġi evalwata għan-natura inġusta tagħha.

    15      Madankollu, it-Tribunal Supremo josserva wkoll li, peress li r-Renju ta’ Spanja ma ttrasponiex fl-ordinament ġuridiku tiegħu l-imsemmi Artikolu 4(2), il-leġiżlazzjoni Spanjola tissuġġetta l-kuntratt kollu kemm hu għal tali evalwazzjoni.

    16      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikolu 8 tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jistabbilixxi, fil-liġi tiegħu u għall-benefiċċju tal-konsumatur, stħarriġ tan-natura inġusta ta’ dawk il-klawżoli li l-istħarriġ tagħhom ma jaqax taħt l-Artikolu 4(2) [tad-Direttiva]?

    2)      Konsegwentement, l-Artikolu 4(2) flimkien mal-Artikolu 8 [tad-Direttiva], jipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi fis-sistema legali tiegħu, u għall-benefiċċju tal-konsumatur, stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli li jirreferu għad-‘definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt’ jew is-‘suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s‑servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit’ għalkemm miktuba b’mod ċar u li jinftiehem?

    3)      Interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 4(2) [tad-Direttiva] li tippermetti lil Stat Membru stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil‑kuntratti konklużi minn konsumaturi u miktuba b’mod ċar u li jinftiehem, li jiddefinixxu bħala s-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew is-suffiċjenza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, jew is-servizzi u l-merkanzija li jiġu pprovduti bi tpartit, hija kompatibbli mal-Artikoli 2, 3(1)(g) u 4(1) tat‑Trattat KE?”

      Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ammissibbiltà

    17      L-Ausbanc, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li din ma hijiex utli sabiex tingħata soluzzjoni għall-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-klawżola ta’ arrotondament inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt inkwistjoni, imma tikkostitwixxi element aċċessorju tiegħu, b’mod li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

    18      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar mill-ewwel li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l‑fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il‑kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara s-sentenzi tat-12 ta’ April 2005, Keller, C-145/03, Ġabra p. I-2529, punt 33; tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C-119/05, Ġabra p. I-6199, punt 43, kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra, p. I-6845, punti 27 u 32).

    19      B’hekk, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom tressqet kawża quddiemha mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21 u tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak, C‑314/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41), ir-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba mhijiex rilevanti (ara, s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 1996, Reisdorf, C‑85/95, Ġabra, p. I‑6257, punt 16, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, p. I-9021, punt 43).

    20      Dan ma huwiex il-każ fil-kawża inkwistjoni.

    21      Fil-fatt, fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Tribunal Supremo jistaqsi dwar il-portata tal‑obbligi li għandhom l-Istati Membri skont id-Direttiva, f’dak li jikkonċerna l‑portata tal-istħarriġ ġuridiku tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli kuntrattwali li, skont it-Tribunal Supremo stess, jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva.

    22      Minkejja li l-partijiet kollha ma jaqblux mal-evalwazzjoni tat-Tribunal Supremo, ma jidhirx, tal-anqas b’mod manifest, li l-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva ma tistax tapplika fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar id-domandi preliminari li sarulha mill-qorti tar‑rinviju, u li, għalhekk, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikkjarata ammissibbli.

     Fuq il-mertu

     Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

    24      Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4(2) u 8 tad-Direttiva jipprekludux Stat Membru milli jipprovdi fl-ordinament ġuridiku tiegħu, għall‑benefiċċju tal-konsumaturi, stħarriġ tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew fuq l-adegwatezza tal-prezz u tar-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-merkanzija pprovduti, min‑naħa l-oħra, anki jekk dawn il-klawżoli huma fformultati b’mod ċar u li jinftiehem.

    25      Caja de Madrid isostni li l-Artikolu 8 tad-Direttiva ma jippermettix lill-Istati Membri jintroduċu, permezz ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni, jew li jżommu, f’każ ta’ nuqqas ta’ tali miżuri, leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għall-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tillimita b’mod restrittiv il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilit minn din id-Direttiva, billi tiskludi b’hekk kull possibbiltà għall-Istati Membri li jidderogaw minnha anki sabiex jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali iktar favorevoli għall-konsumaturi

    26      Min-naħa l-oħra, peress li l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn ippreżentaw osservazzjonijiet huma jsostnu li l-Artikoli 4(2) u 8 tad-Direttiva ma jipprekludux tali possibbiltà. Fil-fatt, huma jqisu li l-adozzjoni jew iż-żamma ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal din taqa’ taħt il-possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu, fil‑qasam kopert minn din id-Direttiva, mekkaniżmi iktar stretti ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi.

    27      Bħala risposta għad-domandi magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-Direttiva hija bbażata fuq l‑idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal‑bejjiegħ jew fornitur f’dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall‑kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C-240/98 sa C-244/98, Ġabra p. I-4941, punt 25 kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, Ġabra, p. I‑10421, punt 25).

    28      Madankollu, kif huwa indikat espressament fit-tnax-il premessa tad-Direttiva, din tal-aħħar armonizzat parzjalment u minimalment il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-klawżoli inġusti, filwaqt li l-Istati Membri jibqagħlhom il-possibbiltà li jiżguraw lill-konsumatur livell ta’ protezzjoni iktar għoli minn dak li hija tipprovdi.

    29      Għalhekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi formalment il-possibbiltà għall‑Istati Membri li “jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert [mid]-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur”.

    30      Għalhekk, għandha ssir verifika dwar jekk il-portata tal-Artikolu 8 tad-Direttiva testendix għall-qasam kopert minn din tal-aħħar u, għaldaqstant, għall-Artikolu 4(2) tagħha, jew inkella jekk, kif isostni Caja de Madrid, jekk din l-aħħar dispożizzjoni hijiex eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 8.

    31      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jipprovdi biss li l-“istima tan-natura inġusta” ma tirrigwardax il-klawżoli intiżi f’din id-dispożizzjoni, inkwantu dawn il-klawżoli huma fformulati b’mod sempliċi u ċar.

    32      Għalhekk, mill-istess termini tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva jirriżulta li din id‑dispożizzjoni, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, ma tistax tiġu kkunsidrata li tistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva. Kuntrarjament, il-klawżoli msemmija fl-imsemmi Artikolu 4(2), filwaqt li jaqgħu taħt il-qasam kopert mid-Direttiva, jaħarbu mill‑evalwazzjoni dwar in-natura inġusta tagħhom, inkwantu l-qorti nazzjonali kompetenti għandha tevalwa, wara eżami individwali ta’ kull każ, li huma ġew ifformulati mill-bejjiegħ jew mill-fornitur b’mod sempliċi u ċar.

    33      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikoli 3(1) u 4(1) tad-Direttiva jiddefinixxu, flimkien, il-kriterji ġenerali li jippermettu li ssir evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali suġġetti għad‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C‑478/99, Ġabra p. I‑4147, punti 11 u 17, kif ukoll tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten, C‑237/02, Ġabra p. I‑3403, punti 18, 19 u 21).

    34      F’din l-istess perspettiva, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva huwa intiż, kif irrilevat l‑Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tagħha, unikament sabiex jistabbilixxi l-metodi u l-portata tal-istħarriġ fil-mertu tal-klawżoli kuntrattwali, li ma ġewx innegozzjati individwalment, li jiddeskrivu l-prestazzjonijiet essenzjali tal-kuntratt konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

    35      Minn dan isegwi li l-klawżoli msemmija f’dan l-Artikolu 4(2) jaqgħu taħt il‑kuntest irregolat minn din id-Direttiva u li, għaldaqstant, l-Artikolu 8 tagħha japplika wkoll għall-imsemmi Artikolu 4(2).

    36      Tali konklużjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti ta’ Caja de Madrid li jgħidu li, kif jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi(C‑144/99, Ġabra p. I‑3541), l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva għandu natura obbligatorja u vinkolanti għall-Istati Membri, b’mod li dawn ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 8 tad-Direttiva sabiex jadottaw jew iżommu fl-ordinamenti ġuridiċi tagħhom dispożizzjonijiet li jistgħu jimmodifikaw il‑portata tagħha.

    37      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn l-argumenti jirriżultaw minn interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija sentenza. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien naqas milli jwettaq l‑obbligi tiegħu skont id-Direttiva mhux għaliex ma ttrasponiex l-Artikolu 4(2) tagħha, imma sempliċement għaliex għamel traspożizzjoni inkompleta, b’mod li l‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma setgħetx tilħaq ir-riżultati intiżi minn din id-dispożizzjoni.

    38      Fil-fatt, l-imsemmija leġiżlazzjoni teskludi kull possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli li jiddeskrivu l-prestazzjonijiet essenzjali fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, anki meta l-formulazzjoni ta’ dawn il‑klawżoli kienet ambigwa u mhux ċara, b’mod li l-konsumatur kien kompletament imċaħħad milli jsostni n-natura inġusta ta’ klawżola dwar id‑definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u dwar is-suffiċjenza bejn il‑prezz u s-servizzi jew il-merkanzija pprovduta.

    39      Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mill-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l‑Artikolu 4(2) tad-Direttiva jikkostitwixxi dispożizzjoni obbligatorja u vinkolanti, li trid obbligatorjament tiġi traposta bħala tali mill-Istati Membri. Kuntrarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja illimitat ruħha sabiex tiddeċiedi li, sabiex tiggarantixxi konkretament l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi intiżi mid-Direttiva, t‑traspożizzjoni kollha tal-imsemmi Artikolu 4(2) għandha tkun kompleta, b’mod li l-projbizzjoni li ssir evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli tkun tirrigwarda biss dawk li huma fformulati b’mod sempliċi u ċar.

    40      Minn dak kollu li jipproċedi jirriżulta li l-Istati Membri ma jistgħux jiġu mċaħħda milli jżommu jew jadottaw, fil-qasam kollu previst mid-Direttiva, inkluż l‑Artikolu 4(2) tagħha, regoli iktar stretti minn dawk previsti mid-Direttiva stess, sakemm dawn ikunu intiżi sabiex jiżguraw livell ta’ protezzjoni iktar għoli għall‑konsumaturi.

    41      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-liġi 7/1998 ma ttrasponietx fid-dritt intern l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva.

    42      Minn dan isegwi li, fl-ordinament ġuridiku Spanjol, kif osserva t-Tribunal Supremo, qorti nazzjonali tista’ f’kull ċirkustanza tevalwa, fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, in-natura inġusta ta’ klawżola li ma ġietx innegozzjata individwalment, li hija b’mod partikolari dwar is-suġġett prinċipali tal-kuntratt, anki fl-ipoteżi fejn din il‑klawżola ġiet ifformulata minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur b’mod sempliċi u ċar.

    43      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, billi tawtorizza l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju komplet tan-natura inġusta tal-klawżoli, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, previsti minn kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, il-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li jiġi żgurat lill-konsumatur, skont l-Artikolu 8 tad‑Direttiva, livell ta’ protezzjoni effettiva iktar għoli minn dak stabbilit minnha.

    44      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li l-Artikoli 4(2) u 8 tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tawtorizza stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal‑kuntratt jew dwar is-suffiċjenza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s‑servizzi jew il-merkanzija pprovduta, min-naħa l-oħra, anki jekk dawn il‑klawżoli huma fformulati b’mod sempliċi u ċar.

     Fuq it-tielet domanda

    45      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 2 KE, 3(1)(g) KE u 4(1) KE jipprekludux interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 8 tad‑Direttiva li tgħid li l-Istati Membri jistgħu jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew dwar is-suffiċjenza bejn il‑prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-merkanzija pprovduta, min-naħa l-oħra, anki jekk dawn il-klawżoli huma fformulati b’mod sempliċi u ċar.

    46      Fir-rigward tal-Artikoli 2 KE u 4(1) KE huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu għanijiet u prinċipji ġenerali li japplikaw neċessarjament flimkien mal-kapitoli rispettivi tat‑Trattat KE intiżi sabiex jitwettqu ċerti prinċipji u għanijiet. Għalhekk, huma waħedhom ma jistgħux ikollhom l-effett li joħolqu obbligi ċari u inkondizzjonati għall-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 2 KE, is‑sentenza tal-24 ta’ Jannar 1991, Alsthom Atlantique, C‑339/89, Ġabra p. I‑107, punt 9, u, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) KE, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Échirolles Distribution, C‑9/99, Ġabra p. I‑8207, punt 25).

    47      Bl-istess mod, lanqas l-Artikolu 3(1)(g) KE waħdu ma jista’ jipproduċi obbligi ġuridiċi għall-Istati Membri. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija limitata sabiex tindika, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tikkjarifika, għan li għaldaqstant għandu jiġi ppreċiżat f’dispożizzjonijiet oħra tat-trattat, b’mod partikolari f’dawk relatati mar-regoli ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 29, u Alsthom Atlantique, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10).

    48      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet li jinsabu fid‑deċiżjoni tar-rinviju ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddelimita b’mod ċar id-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar ir-regoli ta’ kompetizzjoni li l‑interpretazzjoni tagħhom hija utli għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

    49      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikoli 2 KE, 3(1)(g) KE u 4(1) KE ma jipprekludux interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 8 tad-Direttiva li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew dwar is-suffiċjenza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-merkanzija pprovduta, min-naħa l-oħra, anki jekk dawn il-klawżoli huma fformulati b’mod sempliċi u ċar.

     Fuq l-ispejjeż

    50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikoli 4(2) u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tawtorizza stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas‑suġġett prinċipali tal-kuntratt jew dwar is-suffiċjenza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il-merkanzija pprovduta, min-naħa l-oħra, anki jekk dawn il-klawżoli huma fformulati b’mod sempliċi u ċar.

    2)      L-Artikoli 2 KE, 3(1)(g) KE u 4(1) KE ma jipprekludux interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u 8 tad-Direttiva li permezz tagħha l‑Istati Membri jistgħu jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali dwar id-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt jew dwar is-suffiċjenza bejn il-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew il‑merkanzija pprovduta, min-naħa l-oħra, anki jekk dawn il-klawżoli huma fformulati b’mod sempliċi u ċar.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top