EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0388

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-1 ta' Diċembru 2008.
Proċedura kriminali kontra Artur Leymann u Aleksei Pustovarov.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Korkein oikeus - il-Finlandja.
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Artikolu 27 - Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ kunsinja bejn Stati Membri - Prinċipju ta’ speċjalità - Proċedura ta’ kunsens.
Kawża C-388/08 PPU.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-08993

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:669

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Artikolu 27 — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Prinċipju ta’ speċjalità — Proċedura ta’ kunsens”

Fil-Kawża C-388/08 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, fil-proċeduri kriminali kontra

Artur Leymann,

Aleksei Pustovarov,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tal-5 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li rat id-deċiżjoni tat-Tielet Awla tal-11 ta’ Settembru 2008 li din it-talba tintlaqa’,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Leymann, minn M. Annala, asianajaja,

għal A. Pustovarov, minn H. Tuominen, oikeustieteen maisteri,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn C. ten Dam, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Koskinen, R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) sa (4) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa, fil-Finlandja, kontra A. Leymann u A. Pustovarov, akkużati b’reat gravi (“törkeä”) relatat mad-drogi narkotiċi u kkonsenjati lill-awtoritajiet Finlandiżi b’eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3

L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar […]”

4

L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas jelenka 32 reat, fosthom it-traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sostanzi psikotropiċi, li, jekk ikunu punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma definiti mil-liġi tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat, iwasslu għall-konsenja abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr verifika tal-kriminalità doppja tal-att.

5

Skont l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas, il-verifika tal-kriminalità doppja tal-att tista’ ssir fil-każ ta’ reati li ma jaqgħux taħt il-lista mogħtija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

6

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas jelenka r-raġunijiet għall-obbligu li ma jiġix eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew.

7

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas jelenka r-raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew

8

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas jikkonċerna l-kontenut u l-forma tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 8(1)(d) u (e) ta’ din id-deċiżjoni qafas hija s-segwenti;

“d)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

e)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta”.

9

L-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li “persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza [ikkundannata] jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabelil-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna”, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 27(1), li abbażi tiegħu l-kunsens għal tali konsenja jista’ jiġi kkunsidrat li ngħata, u fil-każijiet previsti fl-Artikolu 27(3).

10

L-Artikolu 27(3) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi li “[l]-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

a)

meta l-persuna wara li kellha l-opportunità biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru li lilu ġiet konsenjata m’għamlitx hekk fi żmien 45 jum mill-ħelsien finali tagħha, jew irritornat f’dak it-territorju wara li telqet minnu;

b)

ir-reat mhuwiex punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni;

ċ)

il-proċedimenti kriminali ma jikkawżawx l-applikazzjoni ta’ miżura ta’ restrizzjoni għal-libertà personali;

d)

meta l-persuna setgħet tkun soġġetta għal piena jew miżura li ma tinvolvix iċ-ċaħda tal-libertà personali, b’mod partikolari piena finanzjarja jew miżura minflok din, ukoll jekk il-piena jew il-miżura tista’ tikkawża restrizzjoni tal-libertà personali;

e)

meta l-persuna tat il-kunsens biex tiġi konsenjata, fejn adatt fl-istess ħin li hi rrinunzjat għar-regola ta’ l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 13;

f)

meta l-persuna, wara l-konsenja tagħha, irrinunzjat espressament għall-benefiċċju tar-regola ta’ l-ispeċjalità fir-rigward ta’ reati speċifiċi qabel il-konsenja tagħha […];

g)

fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti il-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4”.

11

L-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi kif ġej:

“Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas]. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.

[…]”

12

Bis-saħħa tal-Artikolu 31(1) tagħha, id-Deċiżjoni Qafas tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ diversi konvenzjonjiet applikabbli fil-qasam tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata fit-13 ta’ Diċembru 1957, il-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar proċedura simplifikata ta’ estradizzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, iffirmata fl-10 ta’ Marzu 1995 (ĠU C 78, p. 2), u l-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, iffirmata fis-27 ta’ Settembru 1996 (ĠU C 313, p. 12, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-1996”).

13

Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56) jirriżulta li r-Repubblika tal-Finlandja għamlet dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha hija aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

Id-dritt nazzjonali

14

Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 50 tal-Kodiċi Kriminali (rikoslaki, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi 1304/1993), fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti msemmija fl-att tal-akkuża, kull persuna, b’mod partikolari dik li ddaħħal jew tipprova ddaħħal illegalment fil-pajjiż, tittrasporta jew iġġiegħed li jiġi ttrasportat, tbiegħ, tikkummerċjalizza, tikkonsenja lil persuna oħra jew b’kull mod ieħor tqassam jew tipprova tqassam jew li żomm jew tipprova tipprokura drogi narkotiċi, hija ħatja ta’ reat relatat mad-drogi narkotiċi.

15

Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 50 ta’ dan il-Kodiċi, ir-reat relatat mad-drogi narkotiċi huwa msejjaħ “gravi” jekk, b’mod partikolari, dan jikkonċerna droga narkotika partikolarment perikoluża jew kwantita kbira ta’ drogi narkotiċi u jekk ir-reat, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, huwa gravi. L-awtur ta’ reat gravi relatat mad-drogi narkotici huwa kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn sena u mhux iktar minn għaxar snin.

16

Il-Liġi 1286/2003 dwar il-konsenja bejn il-Finlandja u l-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea [rikoksen johdosta tapahtuvasta luovuttamisesta Suomen ja muiden Euroopan unionin jäsenvaltioiden välillä annettu laki (1286/2003)] hija intiża sabiex tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas. L-Artikolu 14 ta’ din il-liġi jipprovdi li t-talba għal arrest jew għal konsenja għandha tindika n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fil-każ ta’ atti li fir-rigward tagħhom il-kriminalità doppja mhijiex meħtieġa, kif ukoll deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom twettaq ir-reat, inklużi ż-żmien, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna li l-konsenja tagħha qiegħda tintalab.

17

L-Artikolu 58(1) tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-persuna kkonsenjata lir-Repubblika tal-Finlandja minn Stat Membru ma tistax tiġi pproċessata, ikkundannata jew f’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà għal reat, imwettaq qabel il-konsenja tagħha, minbarra dak li fir-rigward tiegħu hija kienet ġiet ikkonsenjata. Skont l-Artikolu 58(2), din il-projbizzjoni mhijiex applikabbli, b’mod partikolari, jekk il-proċeduri kriminali ma jwasslux għal miżura li tirrestrinġi l-libertà tal-persuna kkonsenjata jew jekk l-Istat Membru li pproċeda għall-konsenja jagħti l-kunsens tiegħu sabiex titneħħa din il-projbizzjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-proċeduri kriminali mressqa kontra A. Leymann u A. Pustovarov, ipproċessati mill-awtoritajiet Finlandiżi minħabba li wettqu reat gravi relatat mad-drogi narkotiċi. Il-persuni kkonċernati nżammu taħt kustodja, A. Leymann abbażi ta’ deċiżjoni in absentia tal-Helsingin käräjäoikeus (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Helsinki) tal-21 ta’ Marzu 2006 u A. Pustovarov abbażi ta’ deċiżjoni in absentia ta’ din l-istess qorti tal-5 ta’ Mejju 2006.

Għal dak li jikkonċerna lil A. Leymann

19

Permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tal-21 ta’ Marzu 2006, il-prosekutur tad-distrett ta’ Helsinki talab lill-awtorità ġudizzjarja Pollakka l-arrest u l-konsenja, sabiex jitressqu proċeduri kriminali, ta’ A. Leymann, issuspettat li wettaq reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-21 ta’ Marzu 2006. Skont dan il-mandat ta’ arrest, A. Leymann kien daħħal illegalment fil-Finlandja, bl-għajnuna ta’ kompliċi, kwantità kbira ta’ amfetamini, sustanza kkunsidrata bħala droga narkotika partikolarment perikoluża, bil-għan li jerġa’ jbiegħha.

20

Fit-28 ta’ Ġunju 2006, l-awtorità ġudizzjarja Pollakka ddeċidiet li tikkonsenja lil A. Leymann lir-Repubblika tal-Finlandja abbażi tat-talba magħmula fl-imsemmi mandat ta’ arrest.

21

Fit-2 ta’ Ottubru 2006, il-prosekutur tad-distrett ta’ Helsinki ressaq proċeduri kontra A. Leymann quddiem il-Helsingin käräjäoikeus għal reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi mwettaq bejn il-15 u s-26 ta’ Frar 2006. L-att tal-akkuża kien jindika li A. Leymann kien, flimkien ma’ A. Pustovarov u persuni oħra, daħħal fil-Finlandja 26 kg ta’ ħaxixa bil-għan li jerġa’ jbiegħhom. A. Leymann kien preżenti bħala persuna li teżegwixxi, filwaqt li A. Pustovarov u persuna oħra kienu organizzaw it-traffikar. Il-prodott kien ġie mwassal fil-belt ta’ Kouvola (il-Finlandja) permezz tal-port ta’ Hanko (il-Finlandja), abbord karozza partikolari, u sussegwentement inġabar minn persuna oħra.

22

Il-prosekutur tad-distrett ta’ Helsinki ddikjara li kien irċieva, qabel ma bdiet tiġi eżaminata l-kawża mill-Helsingin käräjäoikeus, informazzjoni minn rappreżentant tar-Repubblika tal-Polonja fi ħdan il-korp Ewropew għat-Tisħiħ tal-Kooperazzjoni Ġudizzjarja (Eurojust), li kienet tgħid li ma kienx neċessarju li jintalab il-kunsens ta’ dan l-Istat Membru abbażi tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas sabiex A. Leymann jiġi pproċessat għar-reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi li jikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ ħaxixa, filwaqt li l-konsenja kienet seħħet fuq il-bażi ta’ suspett ta’ traffikar ta’ amfetamini.

23

Fis-7 ta’ Novembru 2006, il-Helsingin käräjäoikeus, li quddiemha ma tressqet ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-konsenja jew tal-akkuża tal-akkużati, iddikjarat ħatja l-awturi preżunti tar-reat, fosthom A. Leymann, u kkundannat lil dan tal-aħħar għal piena ta’ priġunerija.

24

A. Leymann appella minn din is-sentenza quddiem il-Helsingin hovioikeus (Qorti tal-Appell ta’ Helsinki), fejn sostna li huwa ma kellux jiġi pproċessat għar-reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi (ħaxixa) imwettaq bejn il-15 u s-26 ta’ Frar 2006 peress li huwa ma kienx ġie kkonsenjat lill-awtorità ġudizzjarja Finlandiża għal dan ir-reat. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2007, dik il-qorti kkunsidrat li l-Helsingin käräjäoikeus kienet kisbet il-kunsens tal-awtorità ġudizzjarja Pollakka, permezz tar-rappreżentant tagħha mal-Eurojust, sabiex takkuża lil A. Leymann b’dan ir-reat.

25

Fit-30 ta’ Novembru 2007, il-Helsingin hovioikeus iddeċidiet fuq il-mertu u A. Leymann ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u erba’ xhur. Għalkemm, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, A. Leymann kien ġie mċaħħad mil-libertà tiegħu mill-mument li fih huwa kien arrestat fil-kuntest tal-proċeduri ta’ konsenja, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant tiegħu indika li huwa kien ingħata libertà kondizzjonali mix-xahar ta’ Frar 2008.

Għal dak li jikkonċerna lil A. Pustovarov

26

Permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tat-8 ta’ Mejju 2006, il-prosekutur tad-distrett ta’ Helsinki talab lill-awtorità ġudizzjarja Spanjola l-arrest u l-konsenja, sabiex jitressqu proċeduri kriminali, ta’ A. Pustovarov, issuspettat li wettaq reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi bejn id-19 u l-25 ta’ Frar 2006. Skont dan il-mandat ta’ arrest, A. Pustovarov kien daħħal illegalment fil-Finlandja, bl-għajnuna ta’ kompliċi, kwantità kbira ta’ amfetamini kkunsidrati bħala drogi narkotiċi partikolarment perikolużi, bil-għan li jerġa’ jbiegħha. Il-persuna kkonċernata kienet preżenti bħala dik li organizzat l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid. L-imsemmi mandat ta’ arrest kien jikkonċerna wkoll żewġ reati gravi oħra relatati mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi li jikkonsistu fl-importazzjoni ta’ kwantitajiet kbar ta’ ħaxixa bl-għan li jerġa’ jbiegħhom, wieħed imwettaq matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru 2005, l-ieħor matul ix-xhar ta’ Novembru tal-istess sena.

27

Fl-20 ta’ Ġunju 2006, l-awtorità ġudizzjarja Spanjola ddeċidiet li tikkonsenja lil A. Pustovarov lir-Repubblika tal-Finlandja abbażi tat-talba ppreżentata fil-mandat ta’ arrest Ewropew tat-8 ta’ Mejju 2006.

28

Fit-2 ta’ Ottubru 2006, il-prosekutur tad-distrett ta’ Helsinki ressaq proċeduri kontra A. Pustovarov quddiem il-Helsingin käräjäoikeus fir-rigward tal-akkużi li jikkonċernawh imsemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

29

Fl-24 ta’ Ottubru 2006, filwaqt li dik il-qorti kienet għadha qed teżamina l-kawża, l-imsemmi prosekutur ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid, li bih huwa talab lill-awtorità ġudizzjarja Spanjola tagħti l-kunsens tagħha sabiex A. Pustovarov ikun jista’ jiġi pproċessat għal reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi mwettaq bejn id-19 u l-25 ta’ Frar 2006, li jikkonsisti fl-importazzjoni, bil-għan ta’ bejgħ mill-ġdid, ta’ kwantità kbira ta’ ħaxixa, u mhux iktar ta’ amfetamini kif huwa kien semma fil-mandat ta’ arrest inizjali.

30

Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Novembru 2006, li ngħatat qabel ma kien ingħata l-kunsens mill-awtorità ġudizzjarja Spanjola fir-rigward tat-tieni mandat ta’ arrest, il-Helsingin käräjäoikeus ikkundannat lil A. Pustovarov għal piena ta’ priġunerija għat-twettieq tal-atti, deskritti fl-att tal-akkuża, ikklassifikati bħala reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi bejn il-15 u s-26 ta’ Frar 2006, kif ukoll taż-żewġ reati gravi relatati mat-traffikaar ta’ drogi narkotiċi li huwa kien akkużat bihom.

31

A. Pustovarov appella minn din is-sentenza quddiem il-Helsingin hovioikeus fejn sostna li huwa ma kellux jiġi pproċessat għar-reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi (ħaxixa) imwettaq bejn il-15 u s-26 ta’ Frar 2006 peress li huwa ma kienx ġie kkonsenjat lill-awtorità ġudizzjarja Finlandiża għal dan ir-reat.

32

Fil-11 ta’ Lulju 2007, l-awtorità ġudizzjarja Spanjola tat il-kunsens tagħha sabiex A. Pustovarov ikun jista’ jiġi pproċessat għall-motivi speċifikati fit-tieni mandat ta’ arrest Ewropew.

33

Il-Helsingin hovioikeus ikkunsidrat li l-kunsens tal-awtorità ġudizzjarja Spanjola, għalkemm inkiseb wara s-sentenza tal-Helsingin käräjäoikeus, kien jippermettilha tiddeċiedi fuq ir-reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi mwettaq bejn il-15 u s-26 ta’ Frar 2006, u li bih kien akkużat A. Pustovarov.

34

Fit-30 ta’ Novembru 2007, il-Helsingin hovioikeus iddeċidiet, fir-rigward ta’ A. Pustovarov, fuq dan ir-reat kif ukoll fuq iż-żewġ reati l-oħra li huwa kien akkużat bihom u dan ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ ħames snin u tmien xhur.

Ir-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju

35

Fit-28 ta’ Mejju 2008, A. Leymann u A. Pustovarov ġew awtorizzati jippreżentaw rikors quddiem il-Korkein oikeus (Qorti Suprema) li jikkonċerna l-kwistjoni jekk il-prinċipju ta’ speċjalità, kif jissemma fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas, jipprekludix li dawn jiġu pproċessati għal reat gravi relatat mat-traffikar ta’ drogi narkotiċi, li jikkonċerna l-ħaxixa, imwettaq bejn il-15 u s-26 ta’ Frar 2006.

Id-domandi preliminari

36

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Kif jeħtieġ li tiġi interpretata l-espressjoni ‘reat minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna’, li hija użata fl-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod iktar preċiż, liema huma l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deskrizzjoni tal-fatti li fuqhom kien ibbażat l-att tal-akkuża kinitx differenti minn dik li fuqhom kienet ibbażata l-konsenja, b’mod li jkollu jiġi kkunsidrat li dan ikun ‘reat ieħor’, li persuna tista’ tiġi akkużata bih biss bil-kunsens imsemmi fl-Artikolu 27(3)(g) u (4)?

2)

L-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċedura ta’ kunsens imsemmija fil-paragrafi 3(g) u 4 tal-istess artikolu għandha tapplika f’każ fejn kemm il-mandat ta’ arrest kif ukoll il-kundanna definittiva kienu jirrigwardaw reat gravi relatat mad-drogi narkotiċi iżda fejn id-deskrizzjoni tal-fatti fil-kundanna ġiet sussegwentement mibdula b’mod li din ġiet tirrigwarda kategorija oħra ta’ drogi narkotiċi differenti minn dik imsemmija fil-mandat ta’ arrest?

3)

Kif jeħtieġ li jiġi interpretat l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas li jipprovdi li persuna li tkun ġiet ikkonsenjata ma tistax tiġi pproċessata, ikkundannata jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà tagħha għal reat ieħor, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-proċedura ta’ kunsens imsemmija fil-paragrafu 4 tal-istess artikolu u tenut kont tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 27(3)(ċ) li tipprovdi li r-‘regola ta’ l-ispeċjalità’ ma tapplikax meta l-proċeduri kriminali ma jwasslux għall-applikazzjoni ta’ miżuri li jirrestrinġu l-libertà personali?

a)

Fil-każijiet li jaqgħu taħt il-proċedura ta’ kunsens, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li r-reat inkwistjoni jagħti lok għal prosekuzzjonijiet, li jsir proċess u li tingħata sentenza qabel jiġi rċevut il-kunsens, bil-kundizzjoni li l-persuna ssuspettata bir-reat ma tkunx suġġetta, abbażi ta’ din is-suppożizzjoni, għal miżuri li jċaħħduha mil-libertà tagħha jew li jirrestrinġu l-libertà tagħha?

b)

X’importanza għandha tingħata lill-fatt li proċeduri kriminali li jinvolvu restrizzjoni tal-libertà jkunu jirrigwardaw diversi reati fosthom wieħed li jkun jaqa’ taħt il-proċedura ta’ kunsens? F’każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li dan ir-reat tal-aħħar jagħti lok għal prosekuzzjonijiet, li jsir proċess u li tingħata sentenza qabel jiġi rċevut il-kunsens, u dan minkejja li matul il-proċeduri l-persuna ssuspettata tkun ġiet suġġetta għal miżuri li jirrestrinġu l-libertà tagħha, peress li din ir-restrizzjoni kienet legalment iġġustifikata minn kapijiet oħra tal-akkuża?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

37

B’ittra tal-5 ta’ Settembru 2008, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess ġurnata, il-Korkein oikeus talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura.

38

Il-qorti tar-rinviju mmotivat din it-talba billi sostniet li A. Pustovarov attwalment qiegħed iservi sentenza ta’ priġunerija għal reati differenti, fosthom dak dwar l-importazzjoni illegali ta’ 26 kg ta’ ħaxixa li fir-rigward tiegħu l-iżvolġiment tal-proċeduri taw lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-persuna kkonċernata għandha tingħata libertà kundizzjonali fit-18 ta’ Marzu 2009. Dik il-qorti tafferma li, jekk l-att tal-akkuża dwar dan ir-reat kellu jitwarrab, it-tul taż-żmien tal-piena imposta fuq A. Pustovrov ikun imnaqqas u dan tal-aħħar jiġi lliberat qabel.

39

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, iddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura b’urġenza.

Fuq id-domandi preliminari

40

Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 13 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, f’dan il-każ, il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas bis-saħħa tal-Artikolu 35 UE.

Fuq l-ewwel domanda

41

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema huma l-kriterji rilevanti li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk il-persuna kkonsenjata hijiex ipproċessata għal “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, skont l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li jeħtieġ l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ kunsens imsemmija fl-Artikolu 27(3)(g) u (4).

42

Mill-Artikolu 1(1) u (2), kif ukoll mill-ħames sas-seba’ u mill-ħdax-il premessa tad-Deċiżjoni Qafas jirriżulta li din għandha bħala għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew li huma ssuspettati għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew ta’ prosekuzzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Id-Deċiżjoni Qafas hija intiża b’mod partikolari sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja (ara s-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 28).

43

L-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi r-regola ta’ speċjalità li abbażi tagħha persuna li ġiet ikkonsenjata ma tistax tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra għal dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata.

44

Din ir-regola hija marbuta mas-sovrenità tal-Istat Membru li jeżegwixxi u tagħti lill-persuna rikjesta d-dritt li tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà biss għar-reat li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata.

45

L-Istati Membri jistgħu jirrinunċjaw għall-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità skont l-Artikolu 27(1) tad-Deċiżjoni Qafas. L-imsemmija regola tinkludi, barra minn hekk, diversi eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(3).

46

Sabiex tiġi evalwata l-portata tal-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas u, b’mod partikolari, tal-kliem “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li din id-Deċiżjoni Qafas trid tilħaq.

47

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-ħames premessa tad-Deċiżjoni Qafas tenfasizza li l-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni tal-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u għas-sostituzzjoni tagħha b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji.

48

Din l-istess premessa żżid li r-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandhom jiġu ssostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali.

49

Is-sitt premessa tad-Deċiżjoni Qafas tipprovdi li l-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplementa l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-“punt ta’ referenza” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

50

Skont l-għaxar premessa tad-Deċiżjoni Qafas, l-implementazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew teħtieġ livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri.

51

Il-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas, jimplika wkoll, bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) ta’ din tal-aħħar, li l-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, dawn għandhom jew jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet elenkati fl-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

52

Sabiex tiddeċiedi fuq il-konsenja tal-persuna rikjesta għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni għal reat iddefinit mil-liġi nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru li jeżegwixxi, billi tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas, għandha teżamina d-deskrizzjoni tar-reat mogħtija fil-mandat ta’ arrest Ewropew. Din id-deskrizzjoni għandha, skont il-formula li tinstab fl-anness tad-Deċiżjoni Kwadra, tinkludi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 ta’ din tal-aħħar, jiġifieri, b’mod partikolari, in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, id-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta, kif ukoll l-iskala ta’ pieni prevista għar-reat.

53

Hekk kif il-Kummissjoni sostniet fl-osservazzjonijiet tagħha, it-talba għal konsenja hija bbażata fuq l-informazzjoni li tirrifletti l-istat tal-investigazzjonijiet fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Għaldaqstant huwa possibbli li, matul il-proċeduri, il-fatti meqjusa ma jikkorrispondux iktar fl-aspetti kollha għal dawk li kienu ġew inizjalment deskritti. L-elementi miġbura jistgħu jwasslu sabiex jiġu ppreċiżati, jew emendati, l-elementi li jikkostitwixxu r-reat li kienu inizjalment iġġustifikaw il-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

54

Il-kliem “[i]pproċessata”, “mogħtija sentenza [ikkundannata]” jew “miċħuda mil-libertà” li jinstab fl-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas jindika li l-kunċett ta’ “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-diversi fażijiet tal-proċeduri u fid-dawl tal-atti tal-proċedura kollha li jistgħu jbiddlu l-klassifikazzjoni legali tar-reat.

55

Sabiex jiġi evalwat, fid-dawl tar-rekwiżit tal-kunsens, jekk att tal-proċedura jwassalx għal “reat minbarra” dak li jinstab fil-mandat ta’ arrest Ewropew, id-deskrizzjoni tar-reat mogħtija fil-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tiġi pparagunata ma’ dik li tinstab fl-att ta’ proċedura sussegwenti.

56

Il-fatt li jintalab il-kunsens tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għal kull bdil fid-deskrizzjoni tal-fatti jmur lil hinn mill-implikazzjonijiet tar-regola ta’ speċjalità u jippreġudika l-għan li jrid jintlaħaq, li huwa li tiġi mħaffa u ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri msemmija fid-Deċiżjoni Qafas.

57

Sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex jew le “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, hemm lok li jiġi vverifikat jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-reat skont id-deskrizzjoni legali li ssir ta’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat, humiex dawk li fir-rigward tagħhom il-persuna ġiet ikkonsenjata u jekk teżistix korrispondenza suffiċjenti bejn id-data li tinstab fil-mandat ta’ arrest u dik imsemmija fl-att ta’ proċedura sussegwenti. Bdil fiċ-ċirkustanzi ta’ ħin u ta’ post huwa ammess, sakemm dan jirriżulta mill-elementi miġbura matul il-proċeduri segwiti fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat dwar l-aġir deskritt fil-mandat ta’ arrest, ma jbiddilx in-natura tar-reat u ma joħloqx raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

58

Hija l-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni tivverifika, fid-dawl tal-kriterji msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jekk ir-reat deskritt fl-att tal-akkuża jikkostitwixxix reat differenti minn dak deskritt fil-mandati ta’ arrest maħruġa fir-rigward ta’ A. Leymann u A. Pustovarov.

59

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-reat ikkunsidrat huwiex “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, skont l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas, li jeħtieġ l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ kunsens prevista fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jiġi vverifikat jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-reat, skont id-deskrizzjoni legali li ssir ta’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat, humiex dawk li fir-rigward tagħhom il-persuna ġiet ikkonsenjata u jekk teżistix korrispondenza suffiċjenti bejn id-data li tinstab fil-mandat ta’ arrest u dik imsemmija fl-att ta’ proċedura sussegwenti. Bdil fiċ-ċirkustanzi ta’ ħin u ta’ post huwa ammess, sakemm dan jirriżulta mill-elementi miġbura matul il-proċeduri segwiti fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat dwar l-aġir deskritt fil-mandat ta’ arrest, ma jbiddilx in-natura tar-reat u ma joħloqx raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

Fuq it-tieni domanda

60

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk bdil fid-deskrizzjoni tar-reat, li jikkonċerna biss il-kategorija tad-drogi narkotiċi inkwistjoni, mingħajr ma tkun emendata l-klassifikazzjoni legali tar-reat, huwiex ta’ natura li jiddefinixxi “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, skont l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas, u li jrendi neċessarju r-rikors għall-proċedura ta’ kunsens prevista fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ tali deċiżjoni.

61

Fil-kawża prinċipali, l-att tal-akkuża jikkonċerna importazzjoni ta’ ħaxixa, filwaqt li l-mandati ta’ arrest isemmu importazzjoni ta’ amfetamini.

62

Madankollu, dan huwa dejjem reat punibbli b’piena ta’ priġunerija ta’ perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u li jaqa’ taħt l-intestatura “it-traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi” prevista fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

63

Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, bdil fid-deskrizzjoni tar-reat, li jikkonċerna l-kategorija tad-drogi narkotiċi inkwistjoni, mhuwiex tali, waħdu, li jikkaratterizza “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, skont l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

Fuq it-tielet domanda

64

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandha tiġi interpretata l-eċċezzjoni għar-regola ta’ speċjalità li tinstab fl-Artikolu 27(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas, fid-dawl tal-proċedura ta’ kunsens prevista fl-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas. Hija b’mod partikolari tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet jippermettux li persuna tiġi pproċessata u kkundannata għal “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, li jeżiġi l-kunsens tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, qabel ma jkun ingħata dan il-kunsens sakemm il-persuna mhijiex suġġetta għal miżura li tirrestrinġi l-libertà. Hija tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l-persuna kkonċernata hija, barra minn hekk, miżmuma għal kapijiet oħra tal-akkuża li jiġġustifikaw legalment id-detenzjoni tagħha jinfluwenzax il-possibbiltà tal-prosekuzzjoni u tal-kundanna għal tali “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata.

65

Qabel kollox, għandu jiġi ppreċizzat li t-tielet domanda ssir biss jekk jitressaq quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, peress li, b’definizzjoni, l-eċċezzjonijiet għar-regola ta’ speċjalità japplikaw biss f’din l-ipoteżi

66

Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 27(3) tad-Deċiżjoni Qafas, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-għan, tal-istruttura u tal-finalità tad-Deċiżjoni Qafas.

67

L-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 27(1) u (3)(a) sa (g) tad-Deċiżjoni Qafas huma l-istess bħal dawk li jinstabu fil-konvenzjonijiet dwar l-estradizzjoni preċedenti, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-Konvenzjoni tal-1996. L-eċċezzjonijiet iċċitati fl-Artikolu 27(3)(b) sa (d) jikkorrispondu għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(1)(a) sa (ċ) ta’ din il-konvenzjoni.

68

Dawn l-eċċezzjonijiet jesprimu motivi differenti. L-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 27(1) u (3)(e) sa (g) tad-Deċiżjoni Qafas huma bbażati fuq il-kunsens tal-Istati Membri kkonċernati jew fuq dak tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru li jeżegwixxi jew ukoll fuq il-kunsens tal-persuna kkonċernata mill-mandat ta’ arrest Ewropew. L-eċċezzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 27(3)(b) u (d) ikopru l-pieni jew il-miżuri applikabbli. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 27(3)(ċ) tirreferi għall-proċeduri kriminali.

69

L-eċċezzjoniijet ibbażati fuq il-kunsens japplikaw indipendentement mill-proċeduri segwiti u minn natura tal-piena sostnuta.

70

L-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 27(3)(b) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas jinkludu wkoll sistemi differenti. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni li tinstab fl-Artikolu 27(3)(b) tkopri s-sitwazzjonijiet li fihom ir-reat mhuwiex punibbli b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. Dik li tinstab fl-imsemmi Artikolu 27(3)(ċ) tikkonċerna s-sitwazzjonijiet li fihom il-proċeduri kriminali, skont il-liġi jew skont l-evalwazzjoni tal-awtorità ġudizzjarja, ma jagħtux lok għall-applikazzjoni ta’ miżuri li jirrestrinġu l-libertà personali tal-persuna kkonċernata. L-Artikolu 27(3)(d) tad-Deċiżjoni Qafas jitratta sitwazzjonijiet li fihom il-persuna setgħet tkun suġġetta għal piena jew miżura li ma tirrestrinġix il-libertà personali, anki jekk din il-piena jew din il-miżura tista’ tikkawża restrizzjoni tal-libertà personali tagħha. Huma koperti, f’din l-aħħar ipoteżi, il-każijiet li fihom huma applikabbli sanzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari multi, jew miżuri, bħax-xogħol ta’ interess ġenerali, jew ukoll ordnijiet li wieħed jagħmel jew ma jagħmilx xi ħaġa, fosthom, pereżempju, il-projbizzjoni li jiffrekwenta ċerti postijiet jew l-obbligu li ma jitlaqx mill-Istat Membru kkonċernat.

71

Meta l-proċeduri jikkonstataw l-eżistenza ta’ “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, ma jistax isir proċess mingħajr ma jkun inkiseb il-kunsens, ħlief jekk ikunu applikabbli l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(3)(a) sa (f) tad-Deċiżjoni Qafas.

72

L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 27(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas tikkonċerna sitwazzjoni li fiha l-proċeduri kriminali ma jagħtux lok għall-applikazzjoni ta’ miżura li tirrestrinġi l-libertà personali.

73

Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni, persuna tista’ tiġi pproċessata u kkundannata għal “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, li jagħti lok għal piena jew miżura li tirrestrinġi l-libertà personali, mingħajr mhuwa neċessarju li wieħed jirrikorri għall-proċedura ta’ kunsens, sakemm ebda miżura li tirrestrinġi l-libertà personali ma tkun applikata matul il-proċeduri kriminali. Madankollu, jekk, meta tingħata s-sentenza, l-imsemmija persuna tkun ikkundannata għal piena jew għal miżura li tirrestrinġi l-libertà personali, il-kunsens huwa meħtieġ sabiex din il-piena tkun tista’ tiġi eżegwita.

74

Din l-interpretazzjoni tfakkar, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(1)(b) tal-Konvenzjoni tal-1996, kif jirriżulta mir-rapport ta’ spjega dwar din il-konvenzjoni, approvat mill-Kunsill fis-26 ta’ Mejju 1997 (ĠU 1997, C 191, p. 13). Skont dan ir-rapport, Stat Membru li jagħmel talba għal estradizzjoni jista’ jibda jew ikompli proċeduri, jew jiġġudika persuna, għal atti differenti minn dawk li mmotivaw l-estradizzjoni, anki jekk ir-reat jista’ jkun suġġett għal piena li tirrestrinġi l-libertà personali, sa fejn, la matul u lanqas minħabba l-proċeduri, il-persuna ma ġġarrabx restrizzjoni għal-libertà personali tagħha. Għaldaqstant, skont dan ir-rapport, jekk il-persuna kkonċernata tkun ikkundannata għal piena jew għal miżura li tirrestrinġi l-libertà personali, din il-kundanna tista’ tiġi eżegwita biss jekk l-Istat Membru li jagħmel talba għal estradizzjoni jirċievi l-kunsens jew ta’ din il-persuna jew tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba.

75

L-Artikolu 27(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas ma jipprekludix, madankollu, li l-persuna kkonsenjata tkun suġġetta għal miżura li tirrestrinġi l-libertà personali qabel ma jkun inkiseb il-kunsens, sakemm din ir-restrizzjoni hija legalment iġġustifikata minn kapijiet oħra tal-akkuża li jinstabu fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

76

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-eċċezzjoni prevsita fl-Artikolu 27(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas għandha tkun interpretata fis-sens li, quddiem “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, il-kunsens għandu jintalab, skont l-Artikolu 27(4) tad-Deċiżjoni Qafas, u jinkiseb jekk hemm lok li tiġi eżegwita piena jew miżura li tirrestrinġi l-libertà personali. Il-persuna kkonsenjata tista’ tiġi pproċessata jew ikkundannata għal tali reat qabel ma jkun inkiseb dan il-kunsens, sakemm ebda miżura li tirrestrinġi l-libertà personali ma tkun applikata matul il-fażi ta’ prosekuzzjoni jew ta’ sentenza relatata ma’ dan ir-reat. L-eċċezzjoni prevsita fl-Artikolu 27(3)(ċ) madankollu ma tipprekludix li l-persuna kkonsenjata tkun suġġetta għal miżura li tirrestrinġi l-libertà personali qabel ma jkun inkiseb il-kunsens, sakemm din il-miżura hija legalment iġġustifikata minn kapijiet oħra tal-akkuża li jinstabu fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-reat ikkunsidrat huwiex “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, skont l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, li jeħtieġ l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ kunsens prevista fl-Artikolu 27(3)(g) u (4) ta’ din id-deċiżjoni qafas, għandu jiġi vverifikat jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-reat, skont id-deskrizzjoni legali li ssir ta’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat, humiex dawk li fir-rigward tagħhom il-persuna ġiet ikkonsenjata u jekk teżistix korrispondenza suffiċjenti bejn id-data li tinstab fil-mandat ta’ arrest u dik imsemmija fl-att ta’ proċedura sussegwenti. Bdil fiċ-ċirkustanzi ta’ ħin u ta’ post huwa ammess, sakemm dan jirriżulta mill-elementi miġbura matul il-proċeduri segwiti fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat dwar l-aġir deskritt fil-mandat ta’ arrest, ma jbiddilx in-natura tar-reat u ma joħloqx raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni qafas.

 

2)

F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, bdil fid-deskrizzjoni tar-reat, li jikkonċerna l-kategorija tad-drogi narkotiċi inkwistjoni, mhuwiex tali, waħdu, li jikkaratterizza “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, skont l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

 

3)

L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 27(3)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tkun interpretata fis-sens li, quddiem “reat minbarra” dak li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata, il-kunsens għandu jintalab, skont l-Artikolu 27(4) ta’ din id-deċiżjoni qafas, u jinkiseb jekk hemm lok li tiġi eżegwita piena jew miżura li tirrestrinġi l-libertà personali. Il-persuna kkonsenjata tista’ tiġi pproċessata jew ikkundannata għal tali reat qabel ma jkun inkiseb il-kunsens, sakemm ebda miżura li tirrestrinġi l-libertà personali ma tkun applikata matul il-fażi ta’ prosekuzzjoni jew ta’ sentenza relatata ma’ dan ir-reat. L-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 27(3)(ċ) madankollu ma tipprekludix li l-persuna kkonsenjata tkun suġġetta għal miżura li tirrestrinġi l-libertà personali qabel ma jkun inkiseb il-kunsens, sakemm din il-miżura hija legalment iġġustifikata minn kapijiet oħra tal-akkuża li jinstabu fil-mandat ta’ arrest Ewropew.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top