EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0265

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-20 ta' April 2010.
Federutility et. vs Autorità per l'energia elettrica e il gas.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia - l-Italja.
Direttiva 2003/55/KE - Suq intern tal-gass naturali - Intervent tal-Istat fuq il-prezz ta’ provvista tal-gass naturali wara l-1 ta’ Lulju 2007 - Obbligi ta’ servizz pubbliku tal-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass.
Kawża C-265/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:205

Kawża C-265/08

Federutility et

vs

Autorità per l’energia elettrica e il gas

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia)

“Direttiva 2003/55/KE — Suq intern tal-gass naturali — Intervent tal-Istat fuq il-prezz ta’ provvista tal-gass naturali wara l-1 ta’ Lulju 2007 — Obbligi ta’ servizz pubbliku tal-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali — Direttiva 2003/55

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/55, Artikoli 3(2) u 23(1))

L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2003/55/KE, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali ma jipprekludux liġi nazzjonali li tippermetti d-determinazzjoni tal-livell tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali permezz tad-definizzjoni ta’ “prezzijiet ta’ referenza”, wara l-1 ta’ Lulju 2007, bil‑kundizzjoni li dan l-intervent:

–      isegwi interess ekonomiku ġenerali li jikkonsisti fiż-żamma tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali lill-klijent finali f’livell raġonevoli fid-dawl tal‑konċiljazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu, filwaqt li jikkunsidraw is‑sitwazzjoni fis-settur tal-gass naturali, bejn l-għan ta’ liberalizzazzjoni u dak tal-protezzjoni neċessarja tal-konsumatur finali segwiti mid-Direttiva 2003/55;

–      jippreġudika l-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-gass naturali wara l-1 ta’ Lulju 2007 biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan ta’ interess ekonomiku ġenerali u, konsegwentement, għal perijodu neċessarjament limitat fiż-żmien, u

–      ikun iddefinit b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorju, verifikabbli, u jiggarantixxi aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi.

(ara l‑punti 32, 47 u d‑dispożittv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ April 2010 (*)

“Direttiva 2003/55/KE – Suq intern tal-gass naturali – Intervent tal-Istat fuq il-prezz ta’ provvista tal-gass naturali wara l-1 ta’ Lulju 2007 – Obbligi ta’ servizz pubbliku tal-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass”

Fil-Kawża C‑265/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2008, fil-proċedura

Federutility,

Assogas,

Libarna Gas SpA,

Collino Commercio SpA,

Sadori Gas Srl,

Egea Commerciale Srl,

E.On Vendita Srl,

Sorgenia SpA

vs

Autorità per l’energia elettrica e il gas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot (Relatur) u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, G. Arestis, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u J.‑J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Settembru 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Federutility, minn T. Salonico, D. Bonvegna u G. Candeloro, avukati,

–        għall-Assogas, minn G. Ferrari u F. Todarello, avukati,

–        għal-Libarna Gas SpA, Collino Commercio SpA, Sadori Gas Srl u Egea Commerciale Srl, minn F. Todarello u F. Novelli, avukati,

–        għall-Sorgenia SpA, minn P. G. Torrani, O. Torrani u G. Malonchini, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. Bruni, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci, B. Schima u S.  Schønberg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwim bejn Federutility, Assogas, Libarna Gaz SpA, Collino Commercio SpA, Sadori Gas Srl, Egea Commerciale Srl, E.On Vendita Srl u Sorgenia SpA, impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li joperaw fis-suq Taljan tal-gass naturali) u l-Autorità per l’energia elettrica e il gas (iktar ’il quddiem l-“AEEG”) dwar atti li bihom din tal-aħħar iddefinit “prezzijiet ta’ referenza” għall-provvista tal-gass naturali li l-impriżi għandhom juru fl-offerti kummerċjali tagħhom lil parti mill-klijentela tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-tieni sar-raba’, it-tmintax, is-sitta u għoxrin u s-sebgħa u għoxrin premessi tad-Direttiva 2003/55 huma fformulati kif ġej:

“(2)      L-esperjenza fl-implimentazzjoni [tad-Direttiva 98/30/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tirrigwarda regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 28) turi li benefiċċji li jistgħu jirriżultaw mis-suq intern fil-gass, f’termini ta’ żieda fl-effiċjenza, tnaqqis fil-prezzijiet, standards ogħla ta’ servizz u kompetitività ikbar. Madankollu, baqgħu nuqqasijiet u possibiltajiet sinifikantigħat-titjib ta’ l-iffunzjonar tas-suq, notevolment huma meħtieġa disposizzjonijiet konkreti biex jiġi żgurat illi jkun hemm kondizzjonijet ugwali u li jitnaqqsu r-riskji ta’ dominanza fis-suq u atteġġjament predatorju, li jiġu aċċertati tariffi tat-trasmissjoni u tad-distribuzzjoni mhux diskriminatorji, permezz ta’ aċċess għan-netwerk a bażi ta’ tariffi ppubblikati qabel ma jidħlu fis-seħħ, u li jiġi aċċertat li d-drittijiet tal-konsumaturi żgħar u vulnerabbli jiġu mħarsa.

(3)      Fil-laqgħa tiegħu f’Lisbona fit-23 u l-24 ta’ Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew talab li jsiru xogħlijiet mgħaġġla biex jiġi kompletat is-suq intern kemm fis-setturi ta’ l-elettriku u tal-gass u biex titgħaġġel il-libneralizzazzjoni f’dawn is-setturi sabiex jintlaħaq suq intern għal kollox operazzjonali. Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2000 dwar it-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tal-liberalizzazzjoni tas-swieq ta’ l-enerġija, talab lill-Kummissjoni biex tadotta kalendarju dettaljat għall-ksib ta’ objettivi definiti b’mod preċiż bi skop li s-swieq ta’ l-enerġija jiġu liberalizzati bil-mod iżda għal kollox.

(4)      Il-libertajiet li t-Trattat jiggarantixxu liċ-ċittadini Ewropej ‑ il-moviment liberu tal-merkanzija, libertà li jiġu provduti servizzi, u l-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu ‑ huma biss possibbli f’suq miftuħ għal kollox, li jippermetti lill-konsumaturi kollha liberament li jagħżlu lill-provdituri tagħhom u l-provdituri tagħhom liberament jikkonsenjaw lill-klijenti tagħhom.

[...]

(18)      Il-klijenti tal-gass għandhom ikunu jistgħu jagħżlu lill-provditur [fornitur] tagħhom liberament. Madankollu għandu jkun hemm mixi bil-fażijiet lejn il-kompletazzjoni tas-suq intern għall-gass, flimkien ma’ terminu perentorju speċifiku, sabiex jiġi permess li l-industrija taġġusta u taċċerta li hemm miżuri u sistemi xieraq fis-seħħ biex iħarsu l-interessi tal-klijenti u jiġi aċċertat illi għandhom dritt veru u effettiv li jagħżlu lill-provditur [fornitur] tagħhom.

[...]

(26)      Sabiex tiġi aċċertata ż-żamma ta’ standards għoljin tas-servizz pubbliku fil-Komunità, il-miżuri kollha meħudin mill-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu notifikati b’mod regolari lill-Kummissjoni. […]

L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li meta [huma] [...] konnessi mas-sistema tal-gass, il-klijenti huma infurmati dwar id-drittijiet tagħhom li jiġu forniti b’gass naturali ta’ kwalità speċifikata bi prezzijiet raġonevoli. Miżuri meħudin mill-Istati Membri biex iħarsu lill-klijent finali jisttgħu jkunu differenti skond id-djar u l-intrapiżi żgħar u medji.

(27)      Ir-rispett tar-rekwiziti tas-servizz pubbliku huwa rekwiżit fundamentali ta’ din id-Direttiva u huwa important li jiġu speċifikati hawn l-istandards komuni, rispettati mill-Istati Membri kollha, li jqisu l-għanijiet tal-ħarsiet tal-konsumatur, sigurtà tal-fornitura [provvista], [...] u livelli ta’ kompetizzjoni ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. Huwa importanti li r-rekwiziti tas-servizz pubbliku jistgħu jiġu interpretati fuq bażi nazzjonali, kont meħud għaċ-ċirkostanzi nazzjonali bla ħsara għall-osservanza tal-liġijiet tal-Komunità.”

4        L-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2003/55 jiddefinixxi l-attività ta’ “fornitura [provvista]” kif ġej:

“[I]l-bejgħ, inkluż il-bejgħ mill-ġdid, tal-gass naturali, [...] lill-klijenti”.

5        L-Artikolu 2(27) tad-Direttiva 2003/55 jiddefinixxi l-“klijenti finali” kif ġej:

“[Il-]klijenti li jixtru l-gass naturali għall-konsum proprju.”

6        L-Artikolu 2(28) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“klijenti eliġibbli’ b’dan il-kliem:

“[Il-]klijenti li huma liberi li jixtru l-gass mill-provditur [fornitur] ta’ l-għażla tagħhom, fis-sens ta’ l-Artikolu 23 ta’ din id-Direttiva”.

7        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jaccertaw, a bażi ta’ l-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u kont tenut tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, li, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, impriżi tal-gass naturali jigu operati skond il-principji ta’ din id-Direttiva bi skop li jinkiseb suq tal-gass naturali kompetittiv, sigur u sostenibbli fl-ambjent, u m’għandhomx jiddiskriminaw bejn dawn l-impriżi rigward id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

2.      Tenut kont sħiħ tad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat [TFUE], b’mod partikolari l-Artikolu [106] tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass, fl-interess ekonomiku generali, obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, li jistgħu jirrelataw għal [...] prezz tal-provvisti [...] Dawn l-obbligazzjonijiet għandhom jigu identifikati [iddefiniti] b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorju, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza ta’ l-aċċess għall-kumpaniji tal-gass ta’ l-UE lil konsumaturi ċittadini.[...]

3.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex iħarsu l-klijenti finali u jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur u għandhom, b’mod partikolari, jaċċertaw illi hemm salvagwardji xieraq għall-ħarsien tal-klijenti vulnerabbli, inklużi miżuri xierqa biex jgħinuhom jeveitaw id-diskonnessjoni [tal-provvista tal-gass] [...] [L-Istati Membri] [g]ħandhom jaċċertaw livelli għoljin ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari rigward trasparenza rigward it-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ l-appalti, informazzjoni ġenerali u mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw li l-klijent eliġibbli effettivament jista’ jaqleb għal [jibdel] provditur [fornitur] ġdid. Rigward klijenti tad-dar [residenzjali] dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk stabbiliti fl-Anness A.

[…]

6.      L-Istati Membri għandhom, ma’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-mizuri kollha adottati biex jilħqu l-obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku, inklużi l-protezzjoni tal-konsumatur u ta’ l-ambjent, ul-effett possibbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, kemm jekk dawn il-miżuri jeħtieġu deroga mid-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew le. Għandhom javżaw lill-Kummissjoni sussegwentament kull sentejn dwar kwalunkwe tibdil għal dawn il-miżuri, kemm jekk jeħtieġu deroga minn din id-Direttiva jew le.”

8        Skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2003/55:

“L-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi l-klijenti eliġibbli huma:

[…]

(ċ)      mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2007, il-klijenti kollha.”

9        L-Anness A tad-Direttiva 2003/55, li jirreferi għall-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, jispeċifika:

“Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Komunità dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, [...] il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jaċċertaw li l-klijenti:

[…]

g)      imqabbda mas-sistema tal-gass jiġu informati dwar id-drittijiet tagħhom li jiġu forniti, taħt il-liġi nazzjonali li tapplika, bil-gass naturali ta' kwalità speċifikata bi prezzijiet raġonevoli.”

 Id-dritt nazzjonali

10      Ftit tal-jiem qabel l-1 ta’ Lulju 2007, it-terminu stabbilit għal-liberalizzazzjoni kompleta tas-suq tal-bejgħ tal-gass naturali lill-klijenti finali, l-awtoritajiet Taljani adottaw id-Diġriet Liġi Nru 73, tat-18 ta’ Ġunju 2007, (Guri Nru 139, tal-18 ta’ Ġunju 2007, p. 4), li bih l-Autorità per l’energia elettrica e il gas ingħatat il-poter li tistabbilixxi “prezzijiet ta’ referenza” għall-bejgħ ta’ gass lil ċerti klijenti. Dan id-Digriet Liġi, li sar liġi, wara emendi, bil-Liġi Nru 125 tat-3 ta’ Awwissu 2007, (Guri Nru 188, tal-14 ta’ Awwissu 2007, p. 6), jipprovdi, fl-Artikolu 1(3), id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Biex jiġu ggarantiti d-dispożizzjonijiet Komunitarji fir-rigward tas-servizz universali, l-[AEEG] għandha tiffissa kundizzjonijiet standard ta’ provvista tas-servizz u għandha tistabbilixxi, fuq bażi tranżitorja, abbażi tal-ispejjeż effettivi tas-servizz, prezzijiet ta’ referenza […] għall-provvista ta’ gas naturali lil klijenti domestiċi (‘domestici’), li l-impriżi ta’ distribuzzjoni jew ta’ bejgħ, fil-kuntest tal-obbligi tagħhom ta’ servizz pubbliku, għandhom jinkludu fost l-offerti kummerċjali tagħhom billi jagħtu wkoll il-possibbiltà ta’ għażla bejn skemi tariffarji u faxex tal-ħinijiet differenti. L-Artikolu 375 tal-Liġi Nru 266 tat-23 ta’ Diċembru 2005, […] jawtorizza, fi żmien sittin ġurnata mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi ta’ Konverżjoni ta’ dan id-digriet, l-adozzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni ta’ konsumaturi f’sitwazzjonijiet partikolari minħabba saħħiethom jew problemi finanzjarji. Il-poteri ta’ superviżjoni u ta’ intervent tal-Awtorità għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumturi, anki fil-każijiet ta’ żidiet tal-prezzijiet verifikati u inġustifikati u ta’ bdil fil-kundizzjonijiet tas-servizz għall-klijenti li għadhom ma eżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ għażla.”

11      Fid-29 ta’ Marzu 2007, l-AEEG adottat id-Deċiżjoni Nru 79/07 li tirrigwarda r-reviżjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi għal provvista ta’ gass naturali għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta’ Marzu 2007, u tistabbilixxi l-kriterji ta’ aġġornament ta’ ċerti kundizzjonijiet ekonomiċi. Skont il-punt 1.3.1 ta’ din id-deċiżjoni, il-formuli tal-kalkolu adottati għall-finijiet tar-remunerazzjoni varjabbli fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa kellhom jiġu applikati sat-30 ta’ Ġunju 2008. Il-punt 1.3.2 tal-imsemmija deċiżjoni jippermetti lill-AEEG li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kinux sodisfatti sabiex testendi dan il-poter sat-30 ta’ Ġunju 2009.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 79/07, tad-29 ta’ Marzu 2007, u tad-deċiżjonijiet suċċessivi għaliha.

13      Huma jsostnu b’mod partikolari li, mill-1 ta’ Lulju 2007, id-data tal-liberalizzazzjoni kompleta tas-suq tal-bejgħ tal-gass naturali prevista fl-Artikolu 23(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/55, il-prezz ta’ bejgħ ta’ gass naturali għandu jiġi stabbilit biss permezz tal-mekkaniżmu tal-provvista u tad-domanda. Huma jsostnu li d-definizzjoni mill-AEEG tal-prezzijiet ta’ referenza għall-provvista tal-gass naturali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikser konsegwentement id-dritt Komunitarju sa fejn hija tapplika lil hinn mit-tieni trimestru tal-2007.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrattivo regionale per la Lombardia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/55/KE [...] li tirregola l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-gass, għandu jiġi interpretat, b’mod konformi mal-prinċipji stabbiliti mit-Trattat KE, fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali (u l-atti għall-applikazzjoni tagħha li jirriżultaw minnha) li wara l-1 ta’ Lulju 2007, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni u l-prinċipji Komunitarji, tħalli lill-awtorità regolatorja nazzjonali s-setgħa li tistabbilixxi l-prezzijiet ta’ referenza tal-provvista ta’ gass naturali lill-klijenti domestiċi (‘domestici’) (kategorija mhux determinata u mhux definita fil-livelli ta’ referenza li ma timplikax, fiha nnifisha, l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet partikolari ta’ bżonn soċjo-ekonomiku li jista’ jiġġustifika d-definizzjoni ta’ l-imsemmija prezzijiet ta’ referenza), liema prezzijiet l-impriżi tad-distribuzzjoni jew tal-bejgħ huma marbuta li jinkludu fost l-offerti kummerċjali tagħhom fil-kuntest ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom?

      jew

2)      Din id-dispożizzjoni (l-imsemmi Artikolu 23) għandha tiġi interpretata flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/55/KE (li fil-paragrafu (2) jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, fl-interess ekonomiku ġenerali, jimponu obbligi relatati mas-servizz pubbliku fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass dwar, bħal f’dan il-każ, il-prezz tal-provvista) fis-sens li tali dispożizzjonijiet Komunitarji ma jipprekludux liġi nazzjonali li, meta ttieħdet in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, li għadu kkaratterizzat min-nuqqas ta’ kundizzjonijiet ta’ ‘kompetizzjoni effettiva’, almenu fis-settur tal-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa, tippermetti d-determinazzjoni mill-amministrazzjoni tal-prezz ta’ referenza tal-gass naturali, li għandu jintwera b’mod obbligatorju fost l-offerti kummerċjali ta’ kull wieħed mill-bejjiegħa lill-klijenti domestiċi (‘domestici’) tiegħu fil-kuntest tal-kunċett ta’ servizz universali, għalkemm il-klijenti kollha għandhom jitqiesu bħal ‘ħielsa’?”

 Fuq id-domandi preliminari

15      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-atti u mill-provi tal-proċess jirriżulta li t-tilwim inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċernaw il-possibbiltà tal-AEEG li tistabbilixxi sa fejn l-ispejjeż marbutin mal-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa tal-gass naturali għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-prezz tal-provvista ta’ gass naturali, permezz tad-definizzjoni ta’ “prezz ta’ referenza” għall-provvista ta’ gass naturali li l-impriżi għandhom jipproponu lil uħud mill-klijenti tagħhom. Mill-osservazzjonijiet u mir-risposti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li jekk dawn l-impriżi għandhom sempliċement jipproponu dawn il-prezzijiet fl-offerti kummerċjali tagħhom, dawn il-prezzijiet huma fil-prattika inqas minn dawk li jirriżultaw mill-mekkaniżmu tal-provvista u d-domanda. L-imsemmija “prezzijiet ta’ referenza” huma għaldaqstant bħala prinċipju aċċettati mill-klijenti li huma proposti lilhom, u fil-prattika jorbtu fir-relazzjoni kuntrattwali. Minn dan jirriżulta li, permezz tad-definizzjoni tal-“prezzijiet ta’ referenza” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-AEEG tistabbilixxi l-livell tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali għal parti mill-klijentela.

16      Permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/55 jipprekludux liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tippermetti d-determinazzjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt preċedenti, tal-livell tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali permezz tad-definizzjoni ta’ “prezzijiet ta’ referenza”, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, wara l-1 ta’ Lulju 2007.

 Fuq il-prinċipju tal-intervent tal-Istat Membru

17      L-Artikolu 23(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/55 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jaċċertaw illi l-klijenti kollha huma liberi li jixtru l-gass naturali mingħand il-fornitur tal-għażla tagħhom mill-1 ta’ Lulju 2007.

18      Għalkemm ma jirriżultax b’mod espliċitu minn din id-dispożizzjoni u lanqas, barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta’ din id-direttiva, li l-prezz ta’ provvista tal-gass naturali għandu, mill-1 ta’ Jannar 2007, jiġi stabbilit biss permezz tal-mekkaniżmu tal-provvista u d-domanda, dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-għan stess u mill-istruttura ġenerali tal-imsemmija direttiva li, kif jispeċifikaw it-tielet, ir-raba’ u t-tmintax-il premessi tagħha, għandu l-għan li jwassal progressivament għal liberalizzazzjoni totali tas-suq tal-gass naturali fil-kuntest li fih, b’mod partikolari, l-fornituri kollha jistgħu jikkunsinnaw liberament il-prodotti tagħhom lill-konsumaturi kollha.

19      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/55 jeħtieġ konsegwentement li l-Istati Membri jiżguraw, abbażi tal-organizzazzjoni istituzzjonali tagħhom u fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarità, li l-impriżi ta’ gass naturali jiġu operati skont il-prinċipji ta’ din id-direttiva, bil-għan li jinkiseb, b’mod partikolari, “suq tal-gass naturali kompettiv”.

20      Madankollu, u kif ukoll jispeċifikaw is-sitta u għoxrin u s-seba’ u għoxrin premessi tagħha, id-Direttiva 2003/55 għandha wkoll l-għanijiet li tiggarantixxi li, fil-kuntest ta’ din il-liberalizzazzjoni, is-servizz pubbliku jinżamm fi “standards għoljin” u li tipproteġi l-klijenti finali.

21      Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet tal-aħħar, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/55 jispeċifika li dan japplika “mingħajr preġudizzju” għall-paragrafu 2 tal-istess artikolu, li jippermetti b’mod espliċitu lill-Istati Membri li jimponu fuq impriżi operaturi fis-settur tal-gass “obbligazzjonijiet dwar is-servizz pubbliku” li jistgħu, b’mod partikolari, jirrigwardaw il-“prezz tal-provvisti”.

22      Mill-kliem ta’ dan il-paragrafu 2 jirriżulta li l-miżuri adottati fuq il-bażi tagħhom għandhom jiġu adottati fl-interess ekonomiku ġenerali, għandhom jigu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi ċittadini. L-istess test iżied li l-Istati Membri għandhom għaldaqstant jieħdu “kont sħiħ” tad-disposizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE u b’mod partikolari tal-Artikolu 106 TFUE.

23      Għandu jiġi rrilevat li dan il-poter huwa eżerċitat suġġett għall-kontroll tal-Kummissjoni, peress li l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2003/55, jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha adottati biex jissodisfaw l-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-effetti possibbli tagħhom fuq il-kompetizzjoni nazzjonali u internazzjonali, kemm jekk dawn il-miżuri jeħtieġu deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jew le, u għandhom javżawha, kull sentejn, dwar kwalunkwe tibdil f’dawn il-miżuri.

24      Konsegwentement, id-Direttiva 2003/55 tippermetti, u sakemm il-kundizzjonijiet li hija tistabbilixxi huma sodisfatti, intervent mill-Istat Membru fuq l-iffissar tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali wara l-1 ta’ Lulju 2007.

 Fuq il-kundizzjonijiet tal-Istat Membru

25      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandhom jiġu eżaminati sussegwentement il-kundizzjonijiet tal-intervent tal-Istat Membru li saru possibbli bl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/55 u stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

–        Intervent iġġustifikat mill-interess ekonomiku ġenerali

26      Rigward il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ interess ekonomiku ġenerali, id-Direttiva 2003/55 ma tagħtix definizzjoni tagħha, iżda r-riferiment, fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, kemm għal din il-kundizzjoni kif ukoll għall-Artikolu 106 TFUE, li jikkonċerna l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, jimplika li l-imsemmija kundizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar tat-Trattat.

27      F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi mfakkar li l-Artikolu 106(2) TFUE jipprovdi, minn naħa, li l-impriżi inkarigati mill-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma suġġetti għar-regoli dwar il-kompetizzjoni sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tfixkilx it-twettiq, fil-liġi jew fil-fatt, tad-dmirijiet partikolari assenjati lilhom u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni.

28      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali mal-interess tal-Komunità għall-osservanza tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għall-ħarsien tal-unità tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru, 1999, Albany, C‑67/96, Ġabra p. I-5751, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom ta’ interess ekonomiku ġenerali. B’mod partikolari huma għandhom jieħu inkunsiderazzjoni għanijiet attribwibbli għall-politika nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Albany, iċċitata iktar ’il fuq, punt 104).

30      F’dan il-każ, fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-suq intern tal-gass naturali, jirriżulta b’mod espliċiti mis-seba’ u għoxrin premessa tad-Direttiva 2003/55 li din tipprovdi biss standards minimi komuni fir-rigward tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u li r-rekwiżiti li jirrigwardaw is-servizz pubbliku għandhom jiġu interpretati, bla ħsara għall-osservanza tal-liġijiet tal-Komunità, “fuq bażi nazzjonali” u “kont meħud għaċ-ċirkostanzi nazzjonali”.

31      Huma rilevanti wkoll li s-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva 2003/55 tispeċifika li l-Istati Membri għandhom jaċċertaw, li meta huma konnessi mas-sistema tal-gass, il-klijenti huma informati dwar id-drittijiet tagħhom li jiġu forniti b’gass naturali ta’ kwalità speċifikata bi “prezzijiet raġonevoli”.

32      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li d-Direttiva 2003/25 tippermetti lill-Istati Membri li jevalwaw jekk, fl-interess ekonomiku ġenerali, wara l-1 ta’ Lulju 2007, huwiex neċessarju li jimponu fuq l-impriżi li joperaw fis-settur tal-gass obbligi ta’ servizz pubbliku sabiex, b’mod partikolari, jiġu żgurat li l-prezz ta’ provvista tal-gass naturali lill-konsumatur finali jinżamm f’livell raġonevoli fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-settur tal-gass naturali, bejn l-għan ta’ liberalizzazzjoni u dak tal-protezzjoni neċessarja tal-konsumatur finali segwit, kif imsemmi fil-punti 18 u 20 ta’ din is-sentenza, mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

–        L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

33      Mill-kliem stess tal-Artikolu 106 TFUE jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/55 jippermetti li jiġu imposti fuq l-impriżi għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u li, għaldaqstant, wara l-1 ta’ Lulju 2007, dawn l-obbligi jistgħu jippreġudikaw il-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-gass naturali biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali li huma jsegwu u, konsegwentement, għal perijodu neċessarjament limitat fiż-żmien.

34      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fil-kuntest tat-tilwim fil-kawża prinċipali, jekk dan ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità huwiex sodisfatt. Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħtiha l-indikazzjonijiet kollha neċessarja għal dan il-għan fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

35      L-ewwel nett, tali intervent għandu jkun limitat, fir-rigward tat-tul tiegħu, għal dak li huma strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu sabiex, b’mod partikolari, ma jrendix permanenti miżura li, min-natura tagħha stess, tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ suq intern tal-gass operattiv. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li liġi nazzjonali inkwistjoni tirreferi għan-natura tranżitorja tal-invent ma jistax, fih innifsu, ikun suffiċjenti sabiex jikkonstata n-natura proporzjonata tiegħu mill-perspettiva tat-tul tiegħu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tippermetti d-determinazzjoni tal-livell tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali bl-adozzjoni ta’ “prezzijiet ta’ referenza”, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, irrispettivament mill-mekkaniżmi tas-suq liberu, tissodisfax tali rekwiżit. F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, u sa liema punt l-amministrazzjoni hija suġġetta mil-liġi nazzjonali applikabbli għal obbligu ta’ rieżami perijodiku, f’intervalli fil-qrib, tan-neċessità u tal-modalitajiet tal-intervent tiegħu skont l-iżvilupp tas-settur tal-gass.

36      It-tieni nett, il-metodu ta’ intervent implementat ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tal-interess ekomoniku ġenerali.

37      Fuq dan il-punt, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri jirriżulta li d-definizzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza għall-provvista ta’ gass naturali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha l-għan li tillimita l-impatt taż-żieda tal-prezz tal-prodotti taż-żejt fis-swieq internazzjonali li, f’kuntest fejn il-kompetizzjoni fis-suq tal-gass naturali ma għandhiex iktar effettiva, b’mod iktar partikolari fis-suq tal-kummerċjalizzazzjoni bl-ingrossa, ikollu fin-nuqqas ta’ intervent impatt ikbar fuq il-prezz ta’ bejgħ offrut lill-klijent finali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ, filwaqt li tikkunsidra b’mod partikolari l-għan tal-istabbiliment ta’ suq intern tal-gass kompletament operattiv u tal-investimenti neċessarji sabiex tiġi eżerċitata kompetizzjoni effettiva fis-settur tal-gass naturali.

38      Jekk, fi tmiem ta’ dawn il-verifiki, kellu jirriżulta li tali intervent seta’ jiġi għalhekk iġġustifikat, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità jimplika partikolarment li huwa jillimita, bħala prinċipju, għall-komponent tal-prezz direttament influwenzat ’il fuq minn dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi.

39      It-tielet nett, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità għandu wkoll jiġi evalwat fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tal-miżura u, iktar speċifikament, tal-benefiċjarji tagħha.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rekwiżit ma jostakolax l-applikazzjoni ta’ prezzijiet ta’ referenza għall-provvista ta’ gass naturali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-klijentela kollha ta’ persuni li l-konsum ta’ gass naturali tagħhom huwa iktar minn ċertu livell u ma jillimitax għaċ-ċirklu ta’ dawk, espressament imsemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2003/55, li l-protezzjoni tagħhom għandha neċessarjament tiġi żgurata minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom.

41      Fil-każ li, kif uħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-definizzjoni tal-prezzijiet ta’ referenza għall-provvista ta’ gass naturali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tibbenefika wkoll lil impriżi irrispettivament mid-daqs tagħhom, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan, għandu jiġi speċifikat li d-Direttiva 2003/55 ma teskludix, bħala prinċipju, il-possibbiltà li dawn l-impriżi jistgħu wkoll jibbenefikaw, bħala konsumaturi finali tal-gass, mill-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu li jiġu deċiżi mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 3(2) tagħha. Il-premessa 26 ta’ din id-direttiva tispeċifika b’mod partikolari li l-miżuri adottati mill-Istati Membri sabiex jipproteġu l-konsumatur finali jistgħu jvarjaw skont jekk dawn humiex indirizzat għal djar residenzjali jew għal impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

42      F’dan il-każ, madankollu, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali inkwistjoni, minn naħa, il-fatt li s-sitwazzjoni tal-impriżi hija differenti minn dik tal-konsumaturi domestiċi, l-għanijiet tagħhom u l-interessi preżenti mhumiex neċessarjament l-istess u, min-naħa l-oħra, differenzi fl-għanijiet bejn l-impriżi nfushom, skont id-daqs tagħhom.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minbarra l-ipoteżi partikolari, barra minn hekk invokata waqt is-seduta, tal-ġestjoni tal-koproprjetà ta’ immobbli ta’ individwi, ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità preċedentement imsemmi ma jiġix, bħala prinċipju, osservat jekk id-definizzjoni ta’ prezzijiet ta’ referenza għall-provvista ta’ gass naturali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kellhom jibbenefikaw lill-persuni u lill-impriżi bl-istess mod, bħala konsumaturi finali tal-gass.

–        Ir-rekwiżit li l-obbligi relatati mas-servizz pubbliku jkunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli, u li għandhom jiggarantixxu aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi

44      Fl-aħħar nett, il-kundizzjonijiet l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/55, li jeħtieġu li l-obbligi ta’ servizz pubbliku adottati skont din id-dispożizzjoni, ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli, u li jiggarantixxi aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi, għandhom ukoll jiġu sodisfatti.

45      Fir-rigward tar-rekwiżit li l-imsemmija obbligi ma għandhomx ikunu diskriminatorji, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-miżuri kollha li setgħu ġew adottati f”dan il-qasam mill-Istat Membru kkonċernat, id-definizzjoni ta’ prezzijiet ta’ referenza għall-provvista ta’ gass naturali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tapplika b’mod identiku għall-impriżi kollha ta’ provvista ta’ gass naturali, għandhiex madankollu titqies bħala diskriminatorja.

46      Dan japplika wkoll jekk tali intervent iwassal fir-realtà li jimponi l-piż finanzjarju li jirriżulta minnu prinċipalment fuq uħud minn dawn l-impriżi, f’dan il-każ dawk li ma jeżerċitawx ukoll attività ta’ produzzjoni/importazzjoni ta’ gass naturali.

47      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2003/55 ma jipprekludux liġi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti d-determinazzjoni tal-livell tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali permezz tad-definizzjoni ta’ prezzijiet ta’ referenza, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, wara l-1 ta’ Lulju 2007, bil-kundizzjoni li dan l-intervent:

–        isegwi interess ekonomiku ġenerali li jikkonsisti fiż-żamma tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali lill-klijent finali f’livell raġonevoli fid-dawl tal-konċiljazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu, filwaqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni fis-settur tal-gass naturali, bejn l-għan ta’ liberalizzazzjoni u dak tal-protezzjoni neċessarja tal-konsumatur finali segwita mid-Direttiva 2003/55;

–        jippreġudika l-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-gass naturali wara l-1 ta’ Lulju 2007 biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan ta’ interess ekonomiku ġenerali u, konsegwentement, għal perijodu neċessarjament limitat fiż-żmien, u

–        ikun iddefinit b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorju, verifikabbli, u jiggarantixxi aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 23(1) 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE ma jipprekludux liġi nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti d-determinazzjoni tal-livell tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali permezz tad-definizzjoni ta’ “prezzijiet ta’ referenza”, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, wara l-1 ta’ Lulju 2007, bil-kundizzjoni li dan l-intervent:

–        isegwi interess ekonomiku ġenerali li jikkonsisti fiż-żamma tal-prezz ta’ provvista tal-gass naturali lill-klijent finali f’livell raġonevoli fid-dawl tal-konċiljazzjoni li l-Istati Membri għandhom jagħmlu, filwaqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni fis-settur tal-gass naturali, bejn l-għan ta’ liberalizzazzjoni u dak tal-protezzjoni neċessarja tal-konsumatur finali segwita mid-Direttiva 2003/55;

–        jippreġudika l-libertà li jiġi ffissat il-prezz tal-provvista tal-gass naturali wara l-1 ta’ Lulju 2007 biss sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan ta’ interess ekonomiku ġenerali u, konsegwentement, għal perijodu neċessarjament limitat fiż-żmien, u

–        ikun iddefinit b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorju, verifikabbli, u jiggarantixxi aċċess ugwali għall-impriżi tal-gass tal-Unjoni lill-konsumaturi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top