This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0205
Judgment of the Court (Second Chamber) of 10 December 2009.#Umweltanwalt von Kärnten v Kärntner Landesregierung.#Reference for a preliminary ruling: Umweltsenat - Austria.#Reference for a preliminary hearing - Article 234 EC - Concept of ‘national court or tribunal’ - Admissibility - Directive 85/337/EEC - Environmental impact assessment - Construction of overhead electrical power lines - Length of more than 15 km - Transboundary constructions - Transboundary power line - Total length exceeding the threshold - Line mainly situated in the territory of a neighbouring Member State - Length of national section below the threshold.#Case C-205/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-10 ta' Diċembru 2009.
Umweltanwalt von Kärnten vs Kärntner Landesregierung.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Umweltsenat - l-Awstrija.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 234 KE - Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ - Ammissibbiltà - Direttiva 85/337/KEE- Stima tal-effetti fuq l-ambjent - Bini ta’ kejbils tal-elettriku - Tul ta’ iktar minn 15-il km -Bini transkonfinali - Kejbil transkonfinali - Tul totali jeċċedi l-limitu - Kejbil li jinsab prinċipalment fit-territorju tal-Istat Membru ġar - Tul tas-sezzjoni nazzjonali inqas mil-limitu.
Kawża C-205/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-10 ta' Diċembru 2009.
Umweltanwalt von Kärnten vs Kärntner Landesregierung.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Umweltsenat - l-Awstrija.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 234 KE - Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ - Ammissibbiltà - Direttiva 85/337/KEE- Stima tal-effetti fuq l-ambjent - Bini ta’ kejbils tal-elettriku - Tul ta’ iktar minn 15-il km -Bini transkonfinali - Kejbil transkonfinali - Tul totali jeċċedi l-limitu - Kejbil li jinsab prinċipalment fit-territorju tal-Istat Membru ġar - Tul tas-sezzjoni nazzjonali inqas mil-limitu.
Kawża C-205/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-11525
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:767
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
10 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 234 KE — Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ — Ammissibbiltà — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Bini ta’ kejbils tal-elettriku fil-għoli — Tul ta’ iktar minn 15-il km — Bini transkonfinali — Kejbil transkonfinali — Tul totali li jeċċedi l-limitu — Kejbil li jinsab prinċipalment fit-territorju tal-Istat Membru ġar — Tul tas-sezzjoni nazzjonali inqas mil-limitu”
Fil-Kawża C-205/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Umweltsenat (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2008, fil-proċedura
Umweltanwalt von Kärnten
vs
Kärntner Landesregierung,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann, P. Kūris (relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Umweltanwalt von Kärnten, minn U. Scheuch, Landesrat, |
— |
għall-Alpe Adria Energia SpA, minn M. Mendel, avukat, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-B. Laignelot u B. Kotschy, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Umweltanwalt von Kärnten (iktar ’il quddiem l-“Umweltanwalt”) u l-Kärntner Landesregierung dwar deċiżjoni li dan tal-aħħar adotta fil-11 ta’ Ottubru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) rigward il-kumpannija Alpe Adria Energia SpA (iktar ’il quddiem “Alpe Adria”). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 |
Skont l-ewwel u s-sitt premessi tagħha, l-għan tad-Direttiva 85/337 huwa l-prevenzjoni tat-tniġġis u ta’ ħsara oħra tal-ambjent billi tissuġġetta ċerti proġetti pubbliċi u privati għal evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. |
4 |
Kif jirriżulta mill-ħames premessa tagħha, għal dan il-għan l-imsemmija direttiva tintroduċi prinċipji ġenerali ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent sabiex jiġu kkompletati u kkoordinati l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tal-proġetti pubbliċi u privati li jista’ jkollhom effetti sinjfikattivi fuq l-ambjent. |
5 |
Skont it-tmien u l-ħdax-il premessi tad-Direttiva 85/337, il-proġetti li jaqgħu taħt ċerti kategoriji għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, bħala regola ġenerali, għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni sistematika sabiex jitqiesu l-preokkupazzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-kontribuzzjoni għall-kwalità tal-ħajja permezz ta’ ambjent aħjar, l-assigurazzjoni li tinżamm id-diversità tal-ispeċi u l-konservazzjoni tal-kapaċità riproduttiva tal-ekosistema bħala riżors bażiku tal-ħajja. |
6 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi li: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima ta’ l-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.” |
7 |
L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni [tingħata l-awtorizzazzjoni], il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni [awtorizzazzjoni] għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.” |
8 |
L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li: “[…] il-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-istima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.” |
9 |
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi li: “1. Meta Stat Membru isir ikun jaf illi proġett x’aktarx li jkun sejjer ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew meta Stat Membru li x’aktarx ikun sejjer jiġi affettwat sinifikatament jitlob hekk, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu jibgħat lill-Istat Membru affettwat malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn meta jgħarraf lill-pubbliku tiegħu, fost ħwejjeġ oħra, bi:
u għandu jagħti lill-Istat Membru l-ieħor żmien raġjonevoli għalbiex jindika jekk jixtieqx jieħu sehem fil-proċeduri tat-tfassil tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent riferiti fl-Artikolu 2(2), u jista’ jinkludi t-tagħrif riferit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.” |
10 |
Il-punt 20 tal-Anness I ta’ din id-direttiva jsemmi l-“[b]ini ta’ kejblijiet [kejbils] ta’ l-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ iktar minn 15-il km”. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11 |
L-Artikolu 11(7) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“BVG”) jipprovdi li huwa l-Umweltsenat li jieħdu d-deċiżjoni dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-proġetti li jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq l-ambjent ladarba tkun ġiet eżawrita l-proċedura tar-rikorsi amministrattivi fil-Land. |
12 |
Skont l-imsemmi artikolu, l-Umweltsenat hija organu indipendenti kkostitwit minn President, minn Imħallfin u minn membri ġuristi oħrajn esperti fil-qasam u għandha tiġi stabbilita fil-Ministeru Federali kompetenti. L-istituzzjoni, il-funzjonijiet, u l-proċedura tal-Umweltsenat huma rregolati permezz tal-liġi federali. Id-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu annullati jew emendati permezz ta’ proċeduri amministrattivi; id-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva Suprema). |
13 |
L-Artikolu 20(2) tal-BVG huwa fformulat kif ġej: “Fil-każ li, b’Liġi Federali jew Liġi ta’ Land, jitwaqqaf organu kolleġġjali sabiex jiddeċiedi kwistjonijiet fl-aħħar istanza, li d-deċiżjonijiet tiegħu ma humiex suġġetti għal annullament jew għal emendi b’mod amministrattiv u li jkun hemm fih tal-anqas Imħallef wieħed, lanqas il-membri l-oħra ta’ dan l-organu kolleġġjali ma għandhom ikunu suġġetti għal istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.” |
14 |
L-Artikolu 133(4) tal-BVG jipprovdi deroga għar-regola li tagħti kompetenza lill-Verwaltungsgerichtshof sabiex tisma’ b’mod ġenerali appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni pubbliċi differenti, li tinkludi l-każ fejn, f’qasam partikolari, din il-kompetenza kienet ġiet mogħtija lil awtorità indipendenti. L-Umweltsenat hija waħda minn dawn l-awtoritajiet. |
15 |
L-Artikolu 1 tal-Liġi Federali dwar l-Umweltsenat (Umweltsenatsgesetz, iktar’il quddiem l-“USG 2000”) jipprovdi li: “(1) Għandu jiġi stabbilit Umweltsenat fil-Ministeru Federali tal-Agrikoltura, tal-Foresti, tal-Ambjent u tar-Riżorsi tal-Ilma. (2) L-Umweltsenat għandu jkun kompost minn għaxar maġistrati u minn 32 ġurista ieħor […]” |
16 |
L-Artikolu 2 tal-USG 2000 jipprovdi li l-President Federali jaħtar il-membri fuq proposta tal-Gvern Federali għal perijodu ta’ sitt snin, li jista’ jinħatar mill-ġdid. Barra minn hekk, il-Gvern Federali huwa marbut b’ċerti proposti ta’ ħatra. |
17 |
Skont l-Artikolu 4 tal-USG 2000: “Il-membri tal-Umweltsenat iwettqu dmirijiethom b’mod indipendenti u ma humiex marbuta b’istruzzjonijiet.” |
18 |
L-Artikolu 5 tal-USG 2000 jipprovdi li: “L-Umweltsenat tiddeċiedi dwar appelli li jirrigwardaw kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tieni parti tal-Liġi [2000] dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent [(Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000), (BGBl. 697/1993, emendata l-aħħar bil-BGBl. I, 149/2006, iktar ’il quddiem il-‘UVP-G 2000’)] […]” |
19 |
L-Artikolu 6 tal-USG 2000 jipprovdi li: “Id-deċiżjonijiet tal-Umweltsenat ma jistgħux jiġu annullati jew emendati permezz ta’ proċeduri amministrattivi. Huma jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Verwaltungsgerichtshof.” |
20 |
Skont l-Artikolu 2(2) tal-UVP-G 2000, liġi li ttrasponiet id-Direttiva 85/337 fid-dritt Awstrijak, “proġett” huwa ddefinit bħala: “il-bini ta’ installazzjonijiet jew kull intervent ieħor fil-madwar jew pajsaġġ naturali, inklużi l-miżuri kollha li għandhom konnessjoni ġeografika jew fattwali ma’ tali intervent.” |
21 |
L-Artikolu 3(1) tal-UVP-G 2000 jipprovdi li: “Il-proġetti msemmija fl-Anness I […] għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin. Għall-proġetti msemmija fil-kolonni 2 u 3 tal-Anness I għandha tiġi applikata l-proċedura ssemplifikata […]”. |
22 |
L-Artikolu 3(7) tal-UVP-G 2000 jipprovdi li: “L-awtorità għandha tikkonstata, fuq talba tal-kandidat/kandidata għall-proġett, ta’ awtorità kooperanti jew tal-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt], jekk għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq proġett partikolari skont din il-Liġi Federali u liema għan tal-Anness 1 jew tal-Artikolu 3a(1) sa (3) huwa miksub mill-proġett. Din il-konstatazzjoni tista’ ssir ukoll ex officio. Id-deċiżjoni għandha tiġi adottata permezz ta’ notifika f’terminu ta’ sitt xhur, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza. Il-kandidat/kandidata għall-proġett, l-awtorità li qed tikkoopera magħha, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat huma kkunsidrati bħala partijiet. L-organu tal-ippjanar tal-ilma għandu jinstema’ qabel tiġi adottata d-deċiżjoni. Il-kontenut essenzjali tad-deċiżjonijiet kif ukoll il-motivi essenzjali għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità b’mod xieraq jew aċċessibbli għall-konsultazzjoni mill-pubbliku. Il-komun ikkonċernat jista’ jippreżenta appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. L-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-awtorità kooperanti ma għandhomx l-obbligu li jirrimborsaw l-ispejjeż.” |
23 |
L-Anness I tal-UVP-G 2000 jinkludi l-proġetti li għandhom jiġu suġġetti obbligatorjament għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 3 tiegħu. Dawn huma maqsuma fi tliet gruppi (kolonni). Il-proġetti tal-ewwel żewġ gruppi (kolonni) għandhom f’kull każ jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, meta l-limiti ffissati jintlaħqu u l-kriterji stabbiliti jiġu sodisfatti. Il-proġetti fit-tielet grupp (kolonna) għandhom jiġu eżaminat b’każ b’każ, meta l-limitu minimu ddikjarat jintlaħaq. |
24 |
Il-punt 16(a) tal-Anness I tal-UVP-G 2000 jirreferi, fil-kolonna 1, għall-“kejbils tal-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ iktar minn 15-il km”. |
25 |
Il-punt 16(b) tal-UVP-G 2000 jirreferi, fil-kolonna 3, għall-“kejbils tal-elettriku fil-għoli f’reġjuni protetti li jaqgħu taħt il-kategoriji A [zona speċjali ta’ konservazzjoni] jew B [reġjun alpin] b’voltaġġ ta’ 110 kV jew iktar u tul ta’ iktar minn 20 km.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
26 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Alpe Adria hija impriża Taljana li tixtieq tibni kejbil tal-elettriku ta’ 220 KV u b’voltaġġ nominali ta’ 300 MVA sabiex tgħaqqad in-netwerk tal-impiża Taljana Rete Elettrica Nazionale SpA ma’ dak tal-impriża Awtrijaka VERBUND-Austrian Power Grid AG. |
27 |
Għal dan il-għan, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Lulju 2007, Alpe Adria talbet lill-Kärntner Landesregierung sabiex jieħu, abbażi tal-Artikolu 3(7) tal-UVP-G 2000, deċiżjoni li tikkonstata l-bini u l-eżekuzzjoni ta’ dan il-proġett. Fit-territorju Awstrijak, il-proġett jinkludi kejbil tal-elettriku fil-għoli b’tul ta’ madwar 7.4 km bi stazzjoni tal-bdil tal-kurrent li għandha tinbena f’Weidenburg sal-fruntiera billi tgħaddi mill-wied ta’ Kronhof u ta’ Kronhofer Törl. Fit-territorju Taljan, it-tul tal-kejbil proġettat huwa ta’ madwar 41 km. |
28 |
Il-Kärntner Landesregierung stabbilixxa, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm lok li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-imsemmi proġett, inkwantu dan il-proġett ma kienx laħaq, fil-parti Awstrijaka tiegħu, il-limitu ta’ 15-il km stabbilit mill-UVP-G 2000. |
29 |
Huwa ssostna li jekk proġett seta’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ta’ Stat Membru, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 85/337 jeħtieġ lill-Istati Membri li jinkludu lil dan l-Istat Membru l-ieħor fil-proċedura tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Madanakollu, dan l-artikolu kien japplika biss għall-proġetti li jinsabu kompletament fit-territorju ta’ Stat Membru u mhux għall-proġetti transkonfinali. |
30 |
Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tirrigwarda l-proġetti transkonfinali fid-Direttiva 85/337, kull Stat Membru kellu jevalwa, billi jirreferi unikament għal-liġi nazzjonali tiegħu, jekk proġett jaqax taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva. |
31 |
Sussegwentement il-Kärntner Landesregierung iddikjara li l-UVP-G 2000 ma tinkludi, min-naħa tagħha, l-ebda dispożizzjoni li tipprovdi, f’każ ta’ kejbils tal-elettriku transkonfinali jew ta’ kwalunkwe proġett li jirrigwarda kejbils, li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-installazzjoni kollha. |
32 |
Fit-18 ta’ Diċembru 2007, l-Umweltanwalt ippreżentat rikors għall-annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem l-Umweltsenat. |
33 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Umweltsenat iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-Direttiva 85/337/KEE […] għandha tiġi interpretata fis-sens li, Stat Membru huwa marbut jipprovdi għal obbligu li ssir evalwazzjoni tat-tipi ta’ proġetti elenkati fl-Anness I ta’ [l-imsemmija] direttiva, b’mod partikolari fil-punt 20 (‘Bini ta’ kejbils tal-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ aktar minn 15-il kilometru’), anki għal dak li jikkonċerna l-installazzjoni proġettata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar meta l-limitu li jagħti lok għall-obbligu li ssir evalwazzjoni (f’dan il-każ it-tul ta’ aktar minn 15-il kilometru) ċertament ma huwiex milħuq mill-parti tal-installazzjoni li tinsab fit-territorju tiegħu iżda, min-naħa l-oħra, jintlaħaq, saħansitra jinqabeż, jekk tiġi inkluża l-parti tal-installazzjoni proġettata li tinsab fit-territorju tal-Istat Membru ġar jew ta’ Stati Membri ġirien?” |
Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari
Fuq il-kapaċità tal-Umweltsenat bħala qorti
34 |
Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk l-Umweltsenat hijiex qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE u, għaldaqstant, jekk din id-domanda hijiex ammissibbli. |
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp li qed jagħmel ir-rinviju għandux karatteristiċi ta’ qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE, kwistjoni li hija rregolata biss bid-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis numru ta’ fatturi, bħall-kwistjoni jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli ta’ dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels, 61/65, Ġabra p. 377, 395, u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk, C-195/06, Ġabra p. I-8817, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11(7), 20 u 113(4) tal-BVG u d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2, 4 u 5 tal-USG 2000, juru, b’mod li ma jistax jiġi kkontestat, li l-Umweltsenat tissodisfa l-kriterji relattivi għall-fatt li jkun korp stabbilit mil-liġi, għan-natura obbligatorja u permanenti tal-korp, għan-natura kontradittorja tal-proċedura u għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ dritt u għall-indipendenza ta’ dan il-korp. |
37 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-proċedura quddiem l-Umweltsenat tiggarantixxi li dawk kollha li pparteċipaw fil-proċess amministrattiv kif ukoll l-istituzzjonijiet imsemmija fl-UVP-G 2000 jistgħu jippreżentaw appelli. Seduta tista’ ssir ex officio jew fuq talba tal-partijiet u kull persuna kkonċernata tista’ tiġi rrappreżentata minn avukat. Minkejja li d-deċiżjonijiet tal-Umwelsenat għandhom l-awtorità ta’ res judicata, għandhom ikunu mmotivati u għandhom jingħataw waqt seduta pubblika. |
38 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-USG 2000 u tal-UVP-G 2000, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 113(4) tal-BVG jiggarantixxu n-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem l-Umweltsenat li tiddeċiedi billi tapplika r-regoli ġenerali tal-liġi dwar il-proċedura amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz). |
39 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Umweltsenat għandha tiġi kkunsidrata bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 234 KE, b’tali mod li d-domanda tagħha hija ammissibbli. |
Fuq is-suġġett tad-domanda preliminari
40 |
Alpe Adria ssostni li l-mistoqsijiet ta’ dritt Komunitarju mqajma huma biss, fil-prattika, ipotetiċi f’din il-kawża. Fil-fatt, humiex oġġettivament neċessarji sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża prinċipali u ma għandhom ebda relazzjoni mad-domandi li għandha tiddeċiedi l-qorti tar-rinviju. |
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Apis-Hristovich, C-545/07, Ġabra p. I-1627, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Konsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Apis-Hristovich, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bi kriterja għal interpretazzjoni tad-Direttiva 85/337 sabiex din tkun tista’ tevalwa jekk, skont id-dritt Komunitarju, il-proġett inkwistjoni huwiex suġġett għal obbligi proċedurali stabbiliti minn din id-direttiva, minkejja l-fatt li d-dritt nazzjonali ma jistabbilixxix tali obbligi proċedurali għal dan l-istess proġett. |
44 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
45 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2(1) u 4(1) tad-Direttiva 85/337 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li proġett imsemmi fil-punt 20 tal-Anness I ta’ din id-direttiva, bħall-bini ta’ kejbils tal-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ iktar minn 15-il km, għandux jiġi suġġett mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għalkemm dan il-proġett huwa transkonfinali u li inqas minn 15-il km mit-tul tiegħu biss jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. |
46 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li proġett li jirrigwarda l-bini ta’ kejbil tal-elettriku ta’ 220 kV, b’voltaġġ nominali ta’ 300 MVA u ta’ tul ta’ 48.4 km, huwa proġett fost dawk imsemmija fil-punt 20 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 u li għandhom, konsegwentement, jiġu obbligatorjament suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, skont l-Artikoli 2(1) u 4(1) ta’ din id-direttiva. |
47 |
Sussegwentement għandu jiġi vverifikat, sabiex tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, jekk l-imsemmija direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li dan l-obbligu japplikax ukoll fil-każ ta’ proġett transkonfinali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
48 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, għandu jitfakkar li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li ma jinkludu ebda referenza espliċita għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fil-Komunità Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 43, u tal-4 ta’ Mejju 2006, Barker, C-290/03, Ġabra p. I-3949, punt 40). |
49 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jipprovdu obbligu għall-Istati Membri li jissuġġettaw għall-evalwazzjoni l-proġetti li, partikolarment, minħabba n-natura tagħhom, id-daqs tagħhom jew il-lok tagħhom, jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
50 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, fir-rigward tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, id-Direttiva 85/336 għandha kamp ta’ applikazzjoni estiż u għan wiesa’ (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punti 31 u 39). |
51 |
Għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-Direttiva 85/337 tiffoka fuq evalwazzjoni globali tal-effetti tal-proġetti fuq l-ambjent (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA, C-142/07, Ġabra p. I-6097, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata) irrispettivament mill-fatt li jirrigwarda, eventwalment, proġett transkonfinali. |
52 |
Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jimplementaw id-Direttiva 85/337 b’mod li jissodisfa kompletament ir-rekwiżiti tagħha fid-dawl tal-għan essenzjali tagħha, li huwa, kif ukoll jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, li qabel tingħata l-awtorizzazzjoni, il-proġetti li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lok tagħhom, jiġu suġġetti għal evalwazzjoni fir-rigward l-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecologistas en Acción-CODA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). |
53 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tad-Direttiva 85/337 ma jistax jiġi evitat permezz tal-qsim ta’ proġett u li n-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ diversi proġetti ma għandux ikollu r-riżultat prattiku li dawn jaħarbu fit-totalità tagħhom mill-obbligu ta’ evalwazzjoni meta, meħudin flimkien, dawn jista’ jkollhom “impatt sinifikanti fuq l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecologistas en Acción-CODA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). |
54 |
Minn dan isegwi li proġetti msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 85/337 li jestendu fit-territorju ta’ diversi Stati Membri ma jistgħux jiġu eżentati mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għar-raġuni biss li din tal-aħħar ma tinkludix dispożizzjoni espressa li tikkonċernahom. |
55 |
Tali eżenzjoni tikkawża serjament ħsara lill-għan tad-Direttiva 85/337. L-effettività tagħha tista’ tiġi gravement kompromessa jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, meta jiddeċiedu jekk proġett għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, jinjoraw il-parti tal-proġett li tinsab fl-Istat Membru l-ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-227/01, Ġabra p. I-8253, punt 53). |
56 |
Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni hija msaħħa permezz tat-termini tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 85/337 li jipprovdu għall-kooperazzjoni bejn l-Istati meta proġetti jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor. |
57 |
Rigward il-fatt li s-sezzjoni li tinsab fl-Awstrija għandha tul ta’ inqas minn 15-il km, għandu jiġi speċifikat li dan ma jistax, fih nnifsu, jeżenta l-proġett mill-proċedura ta’ evalwazzjoni stabbilita mid-Direttiva 85/337. L-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ tali proġetti fuq it-territorju tiegħu billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti konkreti tal-imsemmi proġett. |
58 |
Fid-dawl ta’ dawk li ntqal preċedentement, l-Artikoli 2(1) u 4(1) tad-Direttiva 85/337, għandhom jiġu interpretati fis-sens li proġett imsemmi fil-punt 20 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, bħall-bini ta’ kejbils tal-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ iktar minn 15-il km, għandhom jiġu suġġetti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għalkemm dan il-proġett huwa transkonfinali u li inqas minn 15-il km mit-tul tiegħu biss jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 2(1) u 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li proġett imsemmi fil-punt 20 tal-Anness I tal-imsemmija direttiva, bħall-bini ta’ kejbils tal-elettriku fil-għoli b’voltaġġ ta’ 220 kV jew iktar u tul ta’ iktar minn 15-il km, għandhom jiġu suġġetti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għalkemm dan il-proġett huwa transkonfinali u li inqas minn 15-il km mit-tul tiegħu biss jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.