This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CC0533
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 28 January 2010.#TNT Express Nederland BV v AXA Versicherung AG.#Reference for a preliminary ruling: Hoge Raad der Nederlanden - Netherlands.#Judicial cooperation in civil and commercial matters - Jurisdiction and recognition and enforcement of judgments - Regulation (EC) No 44/2001- Article 71 - Conventions concluded by the Member States in relation to particular matters - Convention on the Contract for the International Carriage of Goods by Road (CMR).#Case C-533/08.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 28 ta' Jannar 2010.
TNT Express Nederland BV vs AXA Versicherung AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Artikolu 71 - Konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri f’oqsma partikolari - Konvenzjoni dwar il-kuntratt għal ġarr stradali internazzjonali ta’ merkanzija (CMR).
Kawża C-533/08.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 28 ta' Jannar 2010.
TNT Express Nederland BV vs AXA Versicherung AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hoge Raad der Nederlanden - l-Olanda.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Artikolu 71 - Konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri f’oqsma partikolari - Konvenzjoni dwar il-kuntratt għal ġarr stradali internazzjonali ta’ merkanzija (CMR).
Kawża C-533/08.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:50
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2010 1(1)
Kawża C‑533/08
TNT Express Nederland B.V.
vs
AXA Versicherung AG
(talba għal deciżjoni preliminari mressqa minn Hoge Raad der Nederlanden)
“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Konvenzjonijiet konklużi mill-Istati f’oqsma partikolari – Il-Konvenzjoni CMR – Lis pendens”
I – Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden tikkonċerna r-relazzjoni eżistenti bejn ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummercjali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 44/2001”) (2), u l-Konvenzjoni ta’ Genève dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, tad-19 ta’ Mejju 1956 (iktar ’il quddiem “is-CMR”) (3).
2. L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jibqgħu japplikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Istati Membri li jirregolaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’oqsma partikolari. Il-qorti tar-rinviju titlob li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn uħud mid-dispożizzjonijiet tas-CMR u r-Regolament Nru 44/2001. L-imsemmija qorti tistaqsi wkoll jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni tinterpreta s-CMR u jekk dan huwa l-każ, kif għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet dwar lis pendens u dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 31 tas-CMR.
II – Il-kuntest ġuridiku (4)
A – Is-CMR
3. Is-CMR tipprovdi regoli speċjali għat-trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq; u tinkludi kemm dispożizzjonijiet ta’ natura sostantiva kif ukoll dispożizzjonijiet ta’ natura proċedurali. Hija kienet diġà rikonoxxuta bħala konvenzjoni speċjali fis-sens tad-dispożizzjonijiet preċedenti għall-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (5) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) (6). Is-CMR, matul is-snin, ġiet rattifikata mill-Istati Membri kollha.
4. Skont l-Artikolu 31 tas-CMR:
“1 Għall-kawżi kollha li jirriżultaw mill-ġarr ta’ merkanzija suġġett għal din il-Konvenzjoni, ir-rikorrent jista’ jressaq kawża, minbarra fil-qrati tal-pajjiżi kontraenti indikati bi ftehim komuni mill-partijiet, fil-qrati tal-pajjiżi li, fit-territorju tagħhom:
a) il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, is-sede prinċipali tan-negozju tiegħu jew il-fergħa jew l-aġenzija li, permezz tagħha, il-kuntratt ta’ trasport ġie konkluż, jew
b) il-post fejn il-merkanzija għaddiet għand min ġarrha jew dak previst għall-kunsinna tagħha,
barra minn hekk, huwa jista’ biss iressaq kawża quddiem dawn il-qrati.
2 Kemm-il darba kawża li tkun inbdiet abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tkun ġiet proposta quddiem il-qorti kompetenti skont l-istess paragrafu, jew kemm-il darba din il-qorti tkun iddeċidiet din il-kawża, ma tistax tinfetaħ kawża ġdida bejn l-istess partijiet u dwar l-istess mertu, sakemm is-sentenza tal-qorti li quddiemha tkun ġiet imressqa l-ewwel kawża ma tkunx tista’ tiġi eżegwita fl-Istat fejn tkun ġiet imressqa l-kawża l-ġdida.
3 Kemm-il darba, f’kawża li tkun inbdiet abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, sentenza li tkun ingħatat minn qorti ta’ Stat kontraenti issir eżekuttiva f’dak l-Istat, din tkun eżekuttiva bl-istess mod fl-Istati kontraenti l-oħra, hekk kif jiġu sodisfatti l-formalitajiet meħtieġa fl-Istat ikkonċernat. Tali formalitajiet ma jistgħux jinkludu eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża.
4. Id-disposizzjonijiet tat-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu japplikaw għas-sentenzi mogħtija wara proċeduri kontradittorji, in kontumaċja u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji; iżda dawn ma japplikawx għal sentenzi li huma eżekuttivi biss provviżorjament, u lanqas għal sentenzi li jikkundannaw lill-attur, minbarra għall-ispejjeż, ukoll għal ħlas tad-danni wara li t-talbiet tiegħu ikunu ġew totalment jew parzjalment miċħuda.
[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
5. L-Artikolu 47 tas-CMR jirregola l-ġurisdizzjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni:
“Kwalsiasi tilwima bejn żewġ Partijiet kontraenti jew aktar, dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, li l-partijiet ma jkunux jistgħu isolvu permezz ta’ negozjati jew b’mod ieħor, tistà, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet kontraenti kkonċernati, tittieħed quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja sabiex tiġi deċiża minnha stess”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]
B – Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea
6. L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 351 TFUE (li kien l-Artikolu 307 KE) jipprovdu:
“Id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi qabel l-1 ta’ Jannar 1958 jew, għal Stati li jingħaqdu, id-data ta’ l-Adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew iktar u Stat mhux membru wieħed jew iktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.
Sa fejn dawn il-ftehim ma’ jkunux kompatibbli mat-Trattati, l-Istat Membru jew Stati Membri inkwistjoni għandhom jieħdu l-miżuri opportuni sabiex titneħħa l-inkompatibbiltà li tista’ tinstab. Jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin sabiex jintlaħaq dan il-għan, u fejn ikun opportun, għandhom jadottaw linja komuni.”
7. Il-premessi 16, 17 u 25 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu:
“(16) Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.
(17) Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.
[…]
(25) Rispett għall-impenji internazzjonali li kienu daħlu għalihom l-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa konvenzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ materji speċifiċi li għalihom huma partijiet l-Istati Membri.”
8. L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi r-regoli segwenti fil-każ li l-istess talba tkun pendenti kontemporanjament quddiem qrati ta’ iktar minn Stat Membru wieħed (lis pendens):
“1. Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.
2. Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”
9. L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti li sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor ma tiġix rikonoxxuta fil-każijiet li ġejjin:
“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:
1. jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;
[…]
3. jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;”
10. L-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jintroduċi raġunijiet oħra għar-rifjut:
“Suġġett għal paragrafu 1, il-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini ma tistax tiġi reveduta. It-test ta’ strateġija pubblika msemmija f’punt 1 ta’ l-Artikolu 34 ma’ jistax jiġi applikat għal regoli li għandhom x’jaqsmu ma’ ġurisdizzjoni.”
11. L-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li l-qorti li quddiemha jitressaq rikors ta’ appell skont l-Artikolu 43 jew 44, tista’ tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażijiet speċifikati fl-Artikoli 34 u 35.
12. L-Artikolu 71 jirregola r-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 44/2001 u l-konvenzjonijiet li għalihom ikunu parti l-Istati Membri b’dan il-mod:
“1. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa xi konvenzjoni li dwaru l-Istati Membri jkunu parti u li b’relazzjoni għal materji partikolari, jirregola ġurisdizzjoni jew r-Rikonoxximent jew eżekuzzjoni ta’ sentenzi.
2. Bil-għan ta’ l-interpretazzjoni uniformi tiegħu, paragrafu 1 għandu jiġi applikat b’dan il-mod:
a) dan ir-Regolament m’għandux ifixkel qorti ta’ Stat Membru, li jkun parti mill-konvenzjoni dwar materja partikolari, milli jassumi ġurisdizzjoni skont dik il-konvenzjoni […]
b) sentenzi mgħotija fi Stat Membru minn qorti fl-eżerċizju ta’ ġurisdizzjoni li hemm disposizzjoni dwarha f’konvenzjoni dwar materja partikolari għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwibbli fl-Istati Membru l-oħra skont dan ir-Regolament.
Meta konvenzjoni dwar materja parikolari li dwarha kemm l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat ikunu partijiet ikunu qiegħdu kondizzjonijet għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, dawn il-kondizzjonijiet għandhom japplikaw. Fi kwalunkwe każ, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-proċedura għal rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi jistgħu japplikaw”.
III – Il-fatti u d-domandi preliminari
13. F’April 2001, Siemens Nederlans N.V. (iktar ’il quddiem “Siemens”) u TNT Express Nederland B.V. (iktar ’il quddiem “TNT”) ikkonkludew kuntratt għall-ġarr stradali ta’ merkanzija, għall-valur ta’ DEM 103 540 u ta’ piż ta’ 12-il kilo, minn Zoetermeer, fil-Pajjiżi l-Baxxi sa Unterschleissheim, fil-Ġermanja. Il-merkanzija qatt ma waslet fid-destinazzjoni. Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tas-CMR japplikaw għall-kuntratt.
14. Fis-6 ta’ Mejju 2002, TNT fetħet kawża quddiem il-Rechtbank te Rotterdam bil-għan li tikseb dikjarazzjoni li r-responsabbiltà tagħha fil-konfront ta’ AXA Versicherung AG (iktar ’il quddiem “AXA”), kumpannija tal-assigurazzjoni ta’ Siemens, ma kinitx teċċedi l-limiti stabbiliti mill-Artikolu 23 tas-CMR [8.33 dritt speċjali ta’ ġbid (li jikkorrispondu għal EUR 8.98) il-kilo). Peress li din it-talba ġiet miċħuda permezz tas-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2005, TNT appellat quddiem il-Gerechtshof te ’s-Gravenhage.
15. Min-naħa tagħha, fl-20 ta’ Awwissu 2004, AXA fetħet kawża quddiem il-Landgericht München I kontra TNT bil-għan li tikseb kumpens għad-dannu li l-kumpannija assigurata subiet minħabba t-telf tal-merkanzija.
16. Waqt din il-kawża, TNT qajmet eċċezzjoni ta’ lis pendens skont Artikolu 31(2) tas-CMR. Madankollu, il-Landgericht iddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni peress li qieset li, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Bundesgerichtshof (Qorti Federali Ġermaniza; iktar ’il quddiem il-“BGH”), l-azzjoni dikjaratorja negattiva miftuħa minn TNT u l-azzjoni għal kundanna miftuħa minn AXA ma kinux jitrattaw l-“istess kawża ta’ azzjoni” skont is-sens tal-Artikolu 31(2) tas-CMR. Il-Landgericht, permezz ta’ sentenzi tal-4 ta’ April 2006 u tas-7 ta’ Settembru 2006, ikkundannat lil TNT għad-danni.
17. Fis-6 ta’ Marzu 2007, AXA talbet lil Rechtbank Utrecht tiddikjara li s-sentenzi tal-Landgericht München I kienu eżekuttivi fil-Pajjiżi l-Baxxi. Din it-talba ġiet milqugħa b’digriet għal miżuri provviżorji tat-28 ta’ Marzu 2007. L-appell minn tali deċiżjoni skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 44/2001 ma kellux eżitu pożittiv.
18. TNT tenniet it-talba tagħha permezz ta’ appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Hoge Raad. Insostenn tat-talba tagħha hija sostniet li l-Artikolu 31 tas-CMR jidderoga mill-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ kontroll tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini. Fil-mument tal-preżentata tal-appell fuq punt ta’ liġi, il-Gerechtshof te ’s‑Gravenhage kienet għadha ma ddeċidiet l-appell ta’ TNT mis-sentenza tar-Rechtbank Rotterdam li tiċħad l-azzjoni dikjaratorja negattiva mressqa minnha.
19. F’dan il-kuntest, il-Hoge Raad iddeċidiet li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Għandhom il-parti introduttiva tal-Artikolu 71(2) u t-tieni subparagrafu tal-paragrafu (b) tar-Regolament Nru 44/2001 ikunu interpretati fis-sens
i) li s-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 hija suġġetta għall-benefiċċju ta’ dik tal-Konvenzjoni partikolari biss jekk is-sistema tal-Konvenzjoni partikolari titlob l-esklużività, jew
ii) li, jekk il-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tal-Konvenzjoni partikolari u dawk tar-Regolament Nru 44/2001 japplikaw simultanjament, il-kundizzjonijiet tal-Konvenzjoni partikolari għandhom dejjem ikunu applikati u dawk tar-Regolament Nru 44/2001 ma għandhomx ikunu applikati anki jekk il-Konvenzjoni partikolari ma tirrikjedix l-esklużività meta mqabbla ma’ regoli oħra internazzjonali ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni?
2) Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, sabiex tipprevjeni deċiżjonijiet diverġenti rigward is-sitwazzjonijiet konkorrenti msemmija fl-ewwel domanda, sabiex tinterpreta — b’mod imperattiv għall-qrati tal-Istati Membri — il-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, iffirmata f’Ġinevra fid-19 ta’ Mejju 1956 (CMR), rigward il-qasam irregolat mill-Artikolu 31 ta’ din il-Konvenzjoni?
3) Jekk ir-risposti għat-tieni domanda u għall-parti (i) tal-ewwel domanda jkunu fl-affermattiv, is-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 31(3) u (4) tal-Konvenzjoni CMR għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tirrikjediex l-esklużività u tippermetti l-applikazzjoni ta’ regoli oħra internazzjonali ta’ eżekuzzjoni, li jippermettu r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, bħar-Regolament Nru 44/2001?
Jekk ir-risposti għall-parti (ii) tal-ewwel domanda u għat-tieni domanda jkunu fl-affermattiv, il-Hoge Raad tagħmel ukoll it-tliet domandi li ġejjin qabel l-appell:
4) L-Artikolu 31(3) u (4) tal-Konvenzjoni CMR jippermetti li qorti ta’ Stat, li quddiemha titressaq talba għal ħruġ ta’ dikjarazzjoni li deċiżjoni hija eżekuttiva, tistħarreġ jekk il-qorti tal-Istat tal-oriġini kellhiex ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża?
5) L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ kompetizzjoni bejn ir-regoli ta’ lis pendens stabbiliti mill-Konvenzjoni CMR u mir-Regolament Nru 44/2001, ir-regola ta’ lis pendens stabbilita fil-Konvenzjoni CMR ikollha preċedenza fuq dik tar-Regolament Nru 44/2001?
6) Id-dikjarazzjoni mitluba f’dan il-każ mill-Pajjiżi l-Baxxi u d-danni mitluba mill-Ġermanja jirrigwardaw l-‘istess kawża’ fis-sens tal-Artikolu 31(2) tal-Konvenzjoni CMR?”
20. Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, TNT, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Gvern Ċek, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewopea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.
IV – L-analiżi ġuridika
A – L-osservazzjonijiet preliminari
21. Fil-każ fejn il-merkanzija ssirilha ħsara jew tintilef matul it-trasport, huwa possibbli li ż-żewg partijiet jiftħu proċeduri: id-detentur tal-merkanzija (il-mittent jew id-destinatarju) jista’ jiftaħ kawża għad-danni u, bl-istess mod, it-trasportatur jista’ jiftaħ proċeduri sabiex jiġi ddikjarat li huwa ma għandu ebda responsabbiltà, jew minn tal-inqas, għandu responsabbiltà limitata (jiġifieri azzjoni dikjaratorja negattiva).
22. Id-dispożizzjonijiet li s-CMR tipprovdi fir-rigward tal-kumpens għad-danni huma s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet varji mill-qrati tal-Istati firmatarji għall-Konvenzjoni. Il-livell ta’ ħtija, skont l-Artikolu 29 tas-CMR, li ġġib magħha l-esklużjoni tal-limitazzjoni ta’ responsabbiltà, xi drabi tiġi interpretata b’mod ristrettiv, u drabi oħra b’mod estensiv (7). Il-partijiet għalhekk huma mħeġġa sabiex jikkompetu ma’ xulxin f’“tiġrija għall-qorti” li tadotta l-interpretazzjoni l-iktar favorevoli għalihom (8), bil-konsegwenza li spiss ikunu pendenti proċeduri paralleli quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti.
23. L-Artikolu 31(2) tas-CMR jipprovdi li kawża ġdida ma tistax tintlaqa’ jekk ikun hemm proċedura pendenti bejn l-istess partijiet bl-“istess kawża ta’ azzjoni” (ir-regola lis pendens). Madankollu, lanqas ma teżisti interpretazzjoni uniformi tar-regola lis pendens fost il-qrati tal-Istati firmatarji (9), u għalhekk ma tistax tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ proċeduri paralleli.
24. Il-qrati ta’ ċerti Stati firmatarji tas-CMR, inklużi l-qrati Ġermaniżi, jinterpretaw b’mod ristrettiv il-kunċett tal-“istess kawża ta’ azzjoni”. Huma tal-opinjoni li l-kawżi reċiproċi imsemmija hawn fuq ma jirrigwardawx l-“istess kawża ta’ azzjoni” minħabba li waħda mill-azzjonijiet għandha biss għan dikjaratorju (negattiv), filwaqt li l-oħra għandha għan ta’ kundanna. Skont dan l-argument, l-iskop tal-azzjoni ta’ kundanna jmur lil hinn mis-suġġett tal-azzjoni dikjaratorja; għalhekk, is-suġġett tal-kawża ma huwiex identiku. Isegwi għalhekk, li kawża pendenti għal dikjarazzjoni negattiva ma timpedixxix li titressaq kawża ta’ kundanna (10).
25. Fuq il-bażi ta’ dan ir-raġunament, il-Landgericht München I qieset li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-azzjoni ta’ kundanna mressqa minn AXA, anki jekk fil-Pajjiżi l-Baxxi digà kien hemm pendenti azzjoni dikjaratorja negattiva mressqa minn TNT.
26. Min-naħa l-oħra, il-Hoge Raad, l-istess bħal qrati ta’ Stati firmatarji oħra (11), issostni li skont l-Artikolu 31(2) tas-CMR, anki kawża għal dikjarazzjoni negattiva li tkun infetħet qabel għandha prijorità fuq kawża għal kundanna miftuħa wara. F’dan il-kuntest ġiet, fost l-oħrajn, imfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-regola lis pendens li tinsab fl-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (12).
27. Fi kwalunkwe każ, il-kawża prinċipali diġà tinsab fi stadju avvanzat. Il-problema ma għadhiex tant li jiġi stabbilit jekk il-qorti sedenti għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar l-azzjoni ta’ kundanna minkejja l-fatt li l-parti l-oħra kienet diġà fetħet kawża għal dikjarazzjoni negattiva quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor, ġaladarba l-Landgericht München I diġà tat sentenza definittiva fuq dan il-punt. Il-qrati tal-Pajjizi l-Baxxi għandhom sempliċement jiddeċiedu jekk din id-deċiżjoni tistax tiġi rikonoxxuta u eżegwita fil-Pajjiżi l-Baxxi. Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali tal-kawża odjerna tittratta l-possibbiltà li tiġi eżaminata mill-ġdid, fl-istess qorti, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini.
28. L-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 35(3) tal-istess regolament, jipprojbixxi li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini jkunu suġġetti għal stħarriġ tal-ġurisdizzjoni. Dan ifisser li skont ir-Regolament Nru 44/2001, anki jekk il-qorti tal-eżekuzzjoni tqis li l-qorti li quddiemha jkun tressaq il-każ kienet żbaljata meta ddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni, dan ma jistax iwassal għar-rifjut tal-eżekuzzjoni tas-sentenza. Fil-kuntest tal-kawża odjerna, għandu jiġi ċċarat jekk anki l-Artikolu 31 tas-CMR jeskludix, f’din il-fażi proċedurali, stħarriġ tal-ġurisdizzjoni.
29. Għalhekk huwa rilevanti li għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Landgericht München I fil-Pajjiżi l-Baxxi jiġi stabbilit kif għandhom jiġu ppreżentati reċiproċikament il-kampijiet ta’ applikazzjoni tas-CMR u tar-Regolament Nru 44/2001. Huwa biss f’każ li s-CMR tipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, li l-qorti tal-eżekuzzjoni tkun tista’ titqies li għanda ġurisdizzjoni tivverifika l-ġurisdizzjoni tal-qorti li rrendiet is-sentenza eżegwibbli.
B – Fuq l-ewwel domanda preliminari
30. Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kuntest tar-relazzjoni bejn l-istess regolament u l-konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri li, f’suġġetti partikolari, jirregolaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem: il-“konvenzjonijiet speċjali”). Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 71 jissuġġettax il-prijorità tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ konvenzjoni speċjali għall-fatt li dawn jipprovdu għall-esklużività tagħhom stess.
31. Sabiex tiġi solvuta din id-domanda jeħtieg li jsiru xi osservazzjonijiet ġenerali dwar is-sinjifikat tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001.
32. Kif diġà ġie korrettament osservat mill-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Tatry fir-rigward tad-dispożizzjoni preċedenti, jiġifieri l-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, din id-dispożizzjoni tikkoordina bejn, min-naħa, il-Konvenzjoni ta’ Brussell (sostitwita mir-Regolament Nru 44/2001), u min-naħa l‑oħra, il-konvenzjonijiet konklużi preċedentement mill-Istati Membri dwar ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’oqsma ġudizzjarji partikolari (13).
33. L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, billi jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament f’ċerti sitwazzjonijiet, jippermetti l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet speċjali konklużi mill-Istati Membri.
34. Kif enfasizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tatry, l-iskop tad-deroga introdotta huwa li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet barranin stabbiliti fil-konvenzjonijiet speċjali, minħabba li dawn ir-regoli ġew imposti fid-dawl tal-aspetti speċifiċi tal-oqsma li huma jittrattaw (14). Kif imsemmi fil-premessa 25 tar-Regolament Nru 44/2001, l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, huwa maħsub sabiex jippermetti li l-Istati Membri josservaw l-obbligi internazzjonali tagħhom.
35. Din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 toħloq madankollu tensjoni fir-rigward tal-karattru ristrettiv tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-prijorità tagħha fuq id-dritt nazzjonali inklużi l-konvenzjonijiet konklużi mill-Istati Membri. Sabiex tiġi osservata l-portata ta’ applikazzjoni tar-regolament, dan għandu dejjem japplika meta l-applikazzjoni tiegħu ma tkunx inkompatibbli ma’ dik ta’ konvenzjoni speċjali. Il-limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għandhom għaldaqstant jiġu interpretati b’mod strett u għandhom isiru biss meta dawn ikunu neċessarji sabiex ikunu osservati l-konvenzjonijiet speċjali.
36. Dan għandu żewġ konsegwenzi:
– L-Artikolu 71 tar-Regolament jagħti prijorità lir-regoli konvenzjonali biss speċifikament fir-rigward ta’ kwistjonijiet irregolati mill-konvenzjonijiet speċjali (15). F’każ li konvenzjoni ma tirregolax kwistjoni partikolari jew tirregolha parzjalment, għandhom japplikaw, jekk meħtieġ b’mod supplimentari, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.
– Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom japplikaw ukoll minkejja l-fatt li kwistjoni partikolari tkun irregolata minn konvenzjoni speċjali, meta din ma tinvokax l-esklużività tagħha iżda tippreżenta ruħha bħala applikabbli b’mod sussidjarju għal dispożizzjoni oħra jew bħala alternattiva preferibbli fakultattiva għal dawn tal-aħħar (16). Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dan, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu applikati minflok dawk stabbiliti fil-konvenzjoni speċjali.
37. Dawn il-prinċipji huma f’konformità mal-Artikolu 71(2) tar-Regolament, u sa ċertu punt huma dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni jew ta’ koordinament tal-Artikolu 71(1) (17).
38. Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 71(2)(b) jirriżulta li d-dispożizjonijiet prevista mir-Regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni hija applikabbli anki fejn id-deċiżjoni inkwistjoni tkun mogħtija minn qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha tirriżulta minn konvenzjoni speċjali. Konvenzjoni li tirregola l-ġurisdizzjoni tissostitwixxi d-disposizzjonijiet tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, madankollu dan ma jfissirx li r-Regolament kollu ma jibqax applikabbli u li, konsegwentement, il-kwistjonijiet mhux irregolati mill-konvenzjoni (b’mod partikolari l-kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni) għandhom jiġu solvuti fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Bil-kontra ta’ dan, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, jibqgħu applikabbli, mingħajr ħsara għat-tieni subparagrfu tal-Artikolu 71(2)(b).
39. It-tieni subparagrfu tal-Artikolu 71(2)(b) huwa ta’ importanza ċentrali għall-kawża inkwistjoni. Skont l-ewwel sentenza ta’ dan is-subparagrafu, jekk konvenzjoni dwar qasam partikolari li għaliha huma parti l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat tipprovdi l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, huma dawn il-kundizzjonijiet li jkunu applikabbli. Bil-kontra ta’ dan minn dan il-kliem jirriżulta li r-Regolament jista’ jiġi applikat kemm il-darba tali konvenzjonijiet ma jirregolawx din id-domanda jew jirregolawha parzjalment.
40. It-test ta’ din id-dispożizzjoni, fir-realtà, ma jiċċarax jekk il-konvenzjoni għandhiex timponi l-esklużività tagħha. Minħabba li l-limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, il-fatt li d-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu ma jiġux applikati anki meta l-konvenzjonijiet speċjali ma jeżiġux dan b’mod obbligatorju biex tkun imħarsa l-esklużività tad-dispożizzjonijiet tiegħu, imur kontra l-ispirtu tar-Regolament (18).
41. Anki l-prinċipju favor executionis, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament, huwa favur interpretazzjoni limitata tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni (19). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat, fis-sentenza Tatry, li l-Konvenzjoni ta’ Brussell kellha l-għan li “issaħħaħ u […] tiffaċilita r-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet biex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni tagħhom” (20).
42. F’każ li l-konvenzjoni inkwistjoni ma tissuġġettax l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni barranija għall-kundizzjonijiet stipulati minnha, iżda tawtorizza l-applikazzjoni fakultattivà ta’ dispożizzjonijiet oħra, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżekuzzjoni tkun konformi mal-prinċipju ta’ favor executionis.
43. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001, meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fil-konvenzjonijiet internazzjonali, normalment jiffaċilitaw l-eżekuzzjoni. Fil-fatt, minħabba l-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażat l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-qrati tal-Istati Membri, ir-Regolament jimponi kundizzjonijiet inqas stretti fil-kuntest tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni minn dawk imposti minn konvenzjonijiet internazzjonali. Dan huwa kkonfermat, pereżempju, mill-fatt li l-Artikolu 35(3) tar-Regolament ma jippermettix l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini.
44. Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun:
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament, li jipprovdu l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, huma suġġetti għal kundizzjonijiet imposti minn konvenzjoni speċjali, li għaliha huma parti l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat, biss fil-każ fejn il-konvenzjoni tirregola l-qasam b’mod tant definittiv u esklużiv li tostakola l-applikazzjoni tar-Regolament.
C – Fuq it-tieni domanda preliminari
45. Permezz tat-tieni domanda preliminari l-Hoge Raad tistaqsi jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni biex tinterpreta s-CRM. Meta din id-domanda tiġi eżaminata b’mod dettaljat, joħorġu żewġ aspetti.
46. Min-naħa, għandu jiġi ċċarat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qed tapplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2)(b) tar-Regolament, tistax tanalizza s-CRM sabiex tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament.
47. Min-naħa l-oħra, il-Hoge Raad b’din id-domanda preliminari titlob ukoll li jiġi ċċarat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tinterpreta, b’mod ġenerali, konvenzjoni speċjali li għaliha huma parti l-Istati Membri sabiex tiżgura li jkun hemm interpretazzjoni uniformi tar-regoli tal-lis pendens previsti fil-konvenzjoni u fir-Regolament Nru 44/2001.
48. Madankollu, li kieku mill-ewwel investigazzjoni kellu jirriżulta li s-CMR ma tinkludix dispożizzjonijiet li għandhom prijorità fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament fil-qasam tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, dan it-tieni aspett tat-tieni domanda preliminari jkollu biss valur ipotetiku. F’din l-ipoteżi, il-Qrati Olandiżi huma preklużi, abbażi tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001, milli jistħarrġu l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tat is-sentenza eżekuttiva. Għaldaqstant, ma jkunx hemm għalfejn tiġi analizzata b’mod ulterjuri l-kwistjoni tal-korrettezza tal-interpretazzjoni mogħtija minn din il-qorti fir-rigward tar-regoli ta’ lis pendens previsti fl-Artikolu 31 tas-CMR.
49. Ikun biss wara interpretazzjoni li jista’ jiġi ddetermina jekk is-CMR tinkludix dispożizzjonijiet li għandhom prijorità fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament fil-qasam tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba tiddeċiedi fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-interpretazzjoni għandhiex issir mill-istess Qorti tal-Ġustizzja jew inkella mill-qrati tal-Istati Membri. Kwistjoni anċillari li tirriżulta minn dan hija jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tistax għalhekk tinterpreta direttament is-CMR jew inkella jekk tistax biss tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament fid-dawl tas-CMR.
1. Trattati li għalihom l-Unjoni hija parti kontraenti
50. Skont l-Artikolu 267 TFUE (li kien l-Artikolu 234 KE) il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tinterpreta l-atti tal-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti konklużi mill-istituzzjonijiet jinkludu wkoll il-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni saret parti skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 218 TFUE (li kien l-Artikolu 300 KE). Dawn il-konvenzjonijiet jagħmlu parti integrali mis-sistema legali tal-Unjoni, u fil-kuntest ta’ din is-sistema legali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-liġi (21).
51. Peress li s-CMR, fir-realtà, ma ġietx konkluża mill-Unjoni iżda mill-Istati Membri individwalment, isegwi li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-interpretazzjoni ta’ din il-konvenzjoni ma tirriżultax direttament mill-partiċipazzjoni tal-Unjoni nnifisha.
2. Fuq l-analoġija ma’ ftehim imħallta
52. Is-CMR ma hijiex konvenzjoni, hekk imsejħa, mħallta, jiġifieri ftehim konkluża b’mod konġunt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri bis-saħħa ta’ kompetenza kondiviża fir-rigward tal-qasam irregolat. Madankollu, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li għamlet riferiment għas-sentenza Hermès (22) fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem, “il-Ftehim TRIPS”), tagħmel ipoteżi li teżisti analoġija mal-ġurisdizzjoni interpretattiva li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha fir-rigward tal-ftehim imħallta.
53. Il-ftehim imħallta huma fi kwalunkwe każ ftehim konklużi mill-Unjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest definit tal-ġurisdizzjoni tal-Unjoni, tista’ ċertament tinterpreta (23). Madankollu mhux dejjem huwa possibbli li ssir distinzjoni netta bejn l-oqsma li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjonijiet rispettivi. Fil-ġurisprudenza tagħha fuq l-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tista’ tinterpreta din id-dispożizzjoni dwar l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali anki meta din għandha tiġi applikata, f’każ speċifiku, mhux sabiex tiġi protetta trade mark Komunitarja iżda sabiex tiġi protetta trade mark nazzjonali (24). Il-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika t-teżi tagħha billi tinvoka l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS rigward id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ implimentazzjoni ta’ din ir-regola, indipendentement min-natura tat-trade mark inkwistjoni (25).
54. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza tagħtix lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni interpretattiva fir-rigward tar-regoli ta’ lis pendens previsti fis-CMR, minkejja li dawn ma humiex regoli previsti fi ftehim konkluż mill-Unjoni. Skont din il-qorti, eżiġenza analoga ta’ interpretazzjoni uniformi tista’ tirriżulta anki fir-rigward tal-Artikolu 31 tas-CMR u tal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001.
55. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Hermès enfasizzat li jeżisti interess Komunitarju li, sabiex fil-futur jiġu evitati diverġenzi fl-interpretazzjoni, din id-dispożizzjoni, applikabbli kemm għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll għal dawk li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju, tingħata interpretazzjoni uniformi, indipendentement mill-kundizzjonijiet li fihom din tiġi applikata (26).
56. Minn dan, madankollu, ma jistax jiġi dedott li d-dritt tal-Unjoni jimponi li anki r-regoli ta’ lis pendens previsti fis-CMR u fir-Regolament Nru 44/2001, għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi. Fil-fatt, l-Unjoni Ewropea hija firmatarja tal-Ftehim TRIPS b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew inkorporati fid-dritt tal-Unjoni u għalhekk, f’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni tagħhom hija rilevanti.
57. Għall-kuntrarju, is-CMR u r-Regolament Nru 44/2001 huma strumenti legali ta’ natura differenti li, skont l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, huma indipendenti minn xulxin; ir-Regolament ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet tas-CMR rigward il-ġurisdizzjoni. B’differenza għal dak li jiġri fil-kuntest tal-Ftehim TRIPS iżda anki fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni (27), f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 44/2001 u s-CMR – li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża – ma hemmx sovrappożizzjoni bejn dispożizzjonijiet li japplikaw fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni u dispożizzjonijiet li jirreferu għas-sitwazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt. Għalhekk, l-Unjoni ma għandhiex interess paragunabbli li d-dispożizzjonijiet applikabbli jkunu interpretati b’mod uniformi, interess li jista’ jiġġustifika li ġurisdizzjoni interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun estiża għad-dispożizzjonijiet tas-CMR.
3. Fuq l-interpretazzjoni tal-ftehim li għalihom l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti.
58. Il-ftehim konklużi esklużivament minn Stati Membri, normalment, ma jsirux parti integrali mis-sistema legali tal-Unjoni u ma jorbtux lil din tal-aħħar (28). Minn dan jirriżulta li, ġeneralment, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta dawn il-konvenzjonijiet (29). Madankollu, f’sensiela ta’ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kellha ġurisdizzjoni li tinterpreta konvenzjonijiet mhux konklużi mill-Unjoni (dak iż-żmien il-Komunità).
a) Fuq il-ġurisdizzjoni interpretattiva bbażata fuq il-kontinwità funzjonali.
59. Qabel il-Komunità saret parti mid-WTO, il-Qorti tal-Ġustizzja, kienet b’mod eċċezzjonali ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni li tinterpreta l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ u t-Tariffi tal-1947 (iktar ’il quddiem il-“GATT”), billi sostniet li l-Komunità, għalkemm ma kinitx firmatarja tal-ftehim, kienet daħlet indirettament fl-obbligi assunti mill-Istati Membri. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri kienu għaddew il-kompetenza korrispondenti lill-Komunità permezz tal-Artikoli 111 u 113 tat-Trattat KEE tant li l-Komunità, minn dak il-mument ’il quddiem ikkonkludiet, abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat KE li kien fis-seħħ dak iż-żmien, il-ftehim rigward il-kummerċ u t-tariffi fil-qafas tal-GATT “f’isem il-Komunità” (30).
60. L-Artikolu 81(2)(a) TFUE (li kien l-Artikolu 65 KE), jagħti lill-Unjoni il-kompetenza li tadotta, fil-qasam tad-dritt internazzjonali dwar il-proċeduri ċivili, miżuri intiżi li jiggarantixxu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali, inklużi d-deċiżjonijiet extraġudizzjarji. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-Opinjoni 1/03, stabbilixxiet ukoll li l-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva rigward il-konklużjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali f’dan il-qasam (31).
61. Madankollu, is-CMR tittratta biss marġinalment il-kwistjonijiet ta’ proċedura ċivili; fil-kuntest ta’ din il-konvenzjonijiet u fejn ir-regoli dwar il-kuntratt ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq għandhom importanza ċentrali. Għalkemm ma huwiex eskluż li l-Unjoni f’dan il-qasam għandha kompetenza parallela, ibbażata pereżempju fuq id-dispożizzjonijiet fil-qasam tat-trasport (Artikoli 90 TFUE et seq) jew fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni (Artikolu 114 TFUE), xejn ma jindika li hija diġà għamlet użu estensiv minn setgħat simili. Anki għal din ir-raġuni biss, huwa eskluż li l-Unjoni ngħatat is-setgħat tal-Istati Membri permezz tal-kontinwità funzjonali fil-kuntest tas-CMR (32).
62. Kif diġà spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Intertanko (33), huwa leġittimu li jiġi mistoqsi, indipendentement mill-portata tas-setgħat tal-Unjoni, jekk l-eżistenza ta’ kompetenzi paralleli hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, biex jiġi konkluż li l-Unjoni hija marbuta mill-obbligi tad-dritt internazzjonali tal-Istati Membri u li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni interpretattiva korrispondenti. Il-GATT huwa każ eċċezzjonali sa fejn it-trasferiment tas-setgħat ta’ politika kummerċjali kien espliċitament previst fit-Trattat KEE. Barra minn hekk, is-sistema tal-kummerċ dinji bbażata fuq l-iżvilupp, ħolqot bżonn partikolari ta’ kontinwità funzjonali.
63. Is-CMR, għal kuntrarju hija sempliċiment ftehim konkluż mill-Istati Membri li jirregola r-relazzjonijiet koperti mil-liġi ċivili. Hija ma hijiex ikkaratterizzata minn għan ta’ żvilupp paragunabbli għal dak tal-GATT.
64. Rigward il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi, it-test tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 jeskludi li l-Unjoni għandha tissostitwixxi lill-Istati Membri bħala kontraenti ta’ konvenzjonijiet li jitrattaw oqsma speċifiċi. Din id-dispożizjoni fil-fatt tipprovdi li l-interventi tal-leġiżlatur tal-Unjoni huma bla ħsara għall-konvenzjonijiet li għalihom huma parti l-Istati Membri.
b) Fuq il-ġurisdizzjoni interpretattiva fil-qasam tad-dritt konswetudinali internazzjonali stabbilit b’konvenzjonijiet internazzjonali
65. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li ma jkunux konklużi mill-Unjoni meta dawn ikunu vinkolanti fil-konfront tagħha minħabba li dawn ikunu jammontaw għal regoli konswetudinali stabbiliti fid-dritt internazzjonali ġenerali u għandhom jintużaw bħala kriterji għall-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (34). Madankollu, id-dispożizzjonijiet tas-CMR ma għandhomx dan il-valur.
c) Fuq il-ġurisdizzjoni interpretattiva bis-saħħa ta’ trasferiment ta’ kompetenzi
66. Barra minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tinterpreta konvenzjonijiet internazzjonali relatati mas-suġġett tat-trattati, meta din il-kompetenza tingħatalha espressament mill-Istati kontraenti. Pereżempju, f’dan ir-rigward, jista jsir riferiment għall-protokolli annessi mal-Konvenzjoni ta’ Brussell u mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (35).
67. Is-CMR, min-naħa l-oħra, ma tipprovdi l-ebda trasferiment espliċitu ta’ ġurisdizzjoni interpretattiva lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 47 tal-istess konvenzjoni jipprovdi li hija l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-istess konvenzjoni. Din il-ġurisdizzjoni, fir-realtà tirreferi biss għall-kawżi bejn l-Istati kontraenti u għalhekk, fil-każ partikolari, la teskludi l-ġurisdizzjoni interpretattiva tal-organi ġurisdizzjonali tal-Istati Membri fir-rigward tas-CMR, u lanqas il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
d) Fuq il-ġurisdizzjoni interpretattiva mogħtija bis-saħħa tar-rinviju
68. Skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta d-dispożizzjonijiet partikolari inklużi fi ftehim internazzjonali meta dawn ikunu msemmija fid-dritt tal-Unjoni (36) jew meta dan l-aħħar dritt ikunu ġie adottat sabiex jimplimenta fl-Unjoni dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet internazzjonali (37).
69. L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, madankollu, ma jistax jitqies bħala dispożizzjoni ta’ rinviju, peress li, għalkemm din id-dispożizzjoni tirreferi għall-konvenzjonijiet speċjali konklużi mill-Istati Membri, madankollu din ma għandhiex il-funzjoni li tinkorpora d-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-konvenzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 71, pjuttost, jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament sabiex il-konvenzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jiġu applikati inkwantu atti tal-Istati Membri.
70. Il-qorti tar-rinviju, min-naħa l-oħra, donnha tqis li l-konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 71 tar-Regolament huma integrati fir-Regolament, u f’dan ir-rigward tagħmel riferiment għar-rapport Schlosser (38), fejn jiġi affermat li d-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni previsti fil-konvenzjonijiet speċjali għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-istess Konvenzjoni ta’ Brussell.
71. Dan ir-riferiment, fir-realtà, huwa sempliċiment intiż li jiċċara li l-ġurisdizzjoni bbażata fuq konvenzjoni speċjali hija, mill-perspettiva tal-ġerarkija, ekwivalenti għall-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Brussell. Il-fatt li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tiġi stabbilita minn konvenzjoni speċjali ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tostakola r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor u dan lanqas meta l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża tkun sedenti fi Stat Membru li ma huwiex parti għall-konvenzjoni speċjali (39).
72. Għalhekk, mill-imsemmija silta tar-rapport Schlosser ma jirriżultax li d-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjonijiet speċjali ġew integrati fir-Regolament Nru 44/2001 u, għalhekk, saru dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-kliem tal-Artikolu 71, li jgħid li r-Regolament huwa bla ħsara għall-konvenzjonijiet speċjali.
e) Konklużjoni parzjali
73. Bħala konklużjoni parzjali jista’ jiġi affermat li s-CMR ma tikkostitwixxix ftehim tad-dritt internazzjonali li sar parti, f’sens wiesa’, mis-sistema legali tal-Unjoni. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandiex ġurisdizzjoni li tinterpreta b’mod dirett din il-konvenzjoni konkluża mill-Istati Membri.
4. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-CMR
74. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u ta’ konvenzjonijiet speċjali tal-Istati Membri, għandu jkollha ġurisdizzjoni li teżamina l-kontenut regolamentarju tal-konvenzjoni inkwistjoni.
75. Fis-sentenza Tatry, il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li kien fis-seħħ qabel l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, eżaminat jekk ir-regoli ta’ lis pendens previsti fl-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jippreġudikax il-Konvenzjoni għat-tagħqid ta’ ċerti regoli li għandhom x’jaqsmu mal-Arrest ta’ bastimenti li jbaħħru bejn sema u ilma (40). Il-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe każ, ma speċifikatx fuq liema bażi hija kellha l-ġurisdizzjoni li tinterpreta l-imsemmija konvenzjoni internazzjonali konkluża mill-Istati Membri.
76. Dwar dan il-punt ma naħsibx li l-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa korrett u naqbel mal-evalwazzjonijiet imressqa mill-partijiet fil-kawża preżenti rigward il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-applikazzjoni tagħha tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jkollha ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tal-kontenut ta’ konvenzjoni konkluża mill-Istati Membri dwar oqsma speċifiċi. Jekk ma jkunx hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, u għalhekk ma tkunx tista’ tiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.
77. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe każ, ma twettaqx interpretazzjoni oriġinali tal-konvenzjoni internazzjonali konkluża mill-Istati Membri iżda biss interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 fid-dawl tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni mill-qorti nazzjonali. Il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni, għalhekk, jikkostitwixxi l-kuntest legali u fattwali li fih tiżviluppa l-prassi interpretattiva tad-dritt tal-Unjoni.
78. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’sitwazzjoni simili għal dik li tkun fiha fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari li tinvolvi kwistjoni ta’ “kompatibbiltà” ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni. F’din is-sitwazzjoni il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex, fil-fatt, awtorizzata tistħarreġ b’mod vinkolanti l-kontenut ta’ dispożizzjoni nazzjonali biex imbagħad tiġġudika, b’mod esklużiv, il-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni; il-Qorti tal-Ġustizzja, pjuttost, tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fid-dawl ta’ dispożizzjoni bħal dik li effettivament tinsab fil-liġijiet nazzjonali inkwistjoni.
79. Dan l-approċċ, għalkemm għall-ewwel jista’ jidher formali ħafna, fir-realtà huwa bbażat fuq motiv legali preċiż. Il-Qorti tal-Ġustizzja, billi tagħmel dan, tipproteġi l-ġurisdizzjoni interpretattiva oriġinali u esklużiva li l-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tad-dritt nazzjonali tagħhom, inklużi l-konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Istat Membru kkonċernat. Konsegwentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina, b’mod esklużiv, id-dritt nazzjonali tagħha, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, u tirrifjuta li tapplika dan id-dritt meta jkun imur kontra d-dritt tal-Unjoni.
80. F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tas-CMR, minn dak li ntqal s’issa jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu konjizzjoni ta’ din il-konvenzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001. Ir-rikostruzzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni madankollu ma hijiex vinkolanti għall-qrati nazzjonali. Madankollu, dawn tal-aħħar huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 71 tar-Regolament mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet tas-CMR.
81. Ir-rikostruzzjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti tar-rinviju u l-Qorti tal-Ġustizzja magħmula, hawnhekk, fir-rigward tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, tikkorrispondi għall-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 351 TFUE (li kien l-Artikolu 307 KE).
82. Anki din id-dispożizzjoni tirregola l-ipoteżi ta’ kompetizzjoni bejn obbligi imposti mill-konvenzjonijiet konklużi preċedentement mill-Istati Membri u d-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, fis-sentenza Levy (41), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika liema kienu l-obbligi imposti fuq l-Istat Membru kkonċernat minn konvenzjoni internazzjonali preċedenti u tiddefinixxi l-limiti sabiex tistabbilixxi sa fejn dawn l-obbligi jostakolaw l-applikazzjoni tal-att maħruġ minn dik li qabel kienet il-Komunità.
83. Fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 351 TFUE, barra minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet l-obbligu li l-konvenzjonijiet konklużi preċedentement mill-Istati Membri, fejn hu possibli, jiġu interpretati f’konformità mad-dritt tal-Unjoni (42). Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi evalwat jekk hemmx obbligu korrispondenti ta’ interpretazzjoni anki fil-każ ta’ kompetizzjoni bejn il-konvenzjonijiet tal-Istati Membri u l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001. Dan huwa importanti biex jiġi stabbilit jekk ir-regoli ta’ lis pendens previsti fl-Artikolu 31 tas-CMR, għandhomx jiġu interpretati f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001.
84. Id-differenza bejn is-soluzzjoni, għall-kunflitti ta’ liġi li jistgħu jitfaċċaw, ipprovduta md-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 351 TFUE u dik ipprovduta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, madankollu teskludi li, fir-rigward tal-Artikolu 71 tar-Regolament, għandu jkun hemm interpretazzjoni konformi.
85. F’dan ir-rigward għandu wkoll jiġi ppreċizat li l-Artikolu 351 TFUE, skont ġurisprudenza stabbilita, ma japplikax fir-relazzjonijiet bejn Stati Membri (43). F’dan il-każ, ikkaratterizzat mill-fatt li d-dispożizzjonijiet tas-CMR għandhom jiġi applikati fil-kuntest ta’ proċeduri li jikkonċernaw żewġ Stati Membri, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma għandhiex importanza diretta.
86. Indipendentement minn dan, l-Artkolu 351 TFUE lanqas ma jista jiġi applikat minn perspettiva sostanzjali. Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li jgħid li l-Istati Membri huma obbligati li jippermettu l-applikazzjoni tat-TUE u t-TFUE permezz tat-tneħħija tal-obbligi internazzjonali li jkunu inkompatibbli magħhom billi, sa fejn ikun legalment possibli, jadatta jew, f’każijiet estremi, jirtira mill-konvenzjoni inkwistjoni (44). L-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni għandu, hawnhekk, valur negattiv.
87. Id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament prevista fl-Artikolu 71, madankollu, bħala prinċipju teskludi l-possibbiltà ta’ kunflitt bejn obbligu internazzjonali li daħlu għalih l-Istati Membri – f’dan il-każ is-CMR – u dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni – f’dan il-każ ir-Regolament Nru 44/2001 – kif jipprovdi l-Artikolu 351 TFUE. Meta adotta din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Komunitarju konxjament ħalla l-koeżistenza, anki fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, bejn ir-Regolament u l-konvenzjonijiet speċjali sabiex dawn tal-aħħar jingħataw prijorità (45). Għalhekk ma hemmx bżonn li l-konvenzjoni tiġi adattata jew interpretata b’mod li jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex jiġu evitati kemm jista’ jkun derogi minnha.
5. Konklużjonijiet fuq it-tieni domanda preliminari
88. Bħala konklużjoni, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tinterpreta s-CMR. Min-naħa l-oħra l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tinterpreta l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001 fid-dawl tal-applikazzjoni, min-naħa tal-qorti nazzjonali, ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tas-CMR li jaffettwaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u, f’dan ir-rigward, li tieħu konjizzjoni tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tas-CMR.
D – Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari
89. Permezz tat-tielet domanda preliminari l-Hoge Raad tistaqsi jekk ir-regoli previsti fl-Artikolu 31(3) u (4) tas-CMR humiex ta’ natura mhux esklużiva, b’tali mod li tista’ tkun possibbli l-applikazzjoni parallela tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Nru 44/2001. Din id-domanda, għandha tiġi ttrattata flimkien mar-raba’ domanda, li hija intiża sabiex jiġi vverifikat jekk is-CMR tissuġġettax l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni għall-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat tal-oriġini.
90. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, dawn id-domandi għandhom jiġu riformulati. Għalhekk, is-suġġett li għandu jiġi vverifikat huwa jekk l-Artikolu 31(3) u (4) tas-CMR jipprovdix regoli esklużivi fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, bir-riżultat li d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament jibqgħu applikabbli, u b’mod partikolari jekk għandux jiġi eskluż l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun tat is-sentenza fl-ambitu tal-proċeduri għal deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni.
91. Skont l-Artikolu 31(3) tas-CMR deċiżjoni, mogħtija minn qorti ta’ pajjiż kontraenti, li tkun ta’ natura esklużiva għandha ssir eżekuttiva wkoll fl-Istati kontraenti l-oħra hekk kif ikunu twettqu l-formalitajiet kollha preskritti fl-Istat ikkonċernat. L-Artikolu 31(4) tas-CMR jippreċiża fid-dettall fir-rigward ta’ liema tip ta’ deċiżjoni definittiva għandu jiġi applikat l-Artikolu 31(3).
92. Barra minn hekk, it-tieni sentenza tal-Artikolu 31(3) tas-CMR tistabbilixxi kundizzjoni negattiva fis-sens li l-formalitajiet indikati ma għandhom jinkludu “eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża” (“aucune revision de l’affaire”; “shall not permit the merits of the case to be re-opened”).
93. Id-dispożizzjonijiet tas-CMR iċċitati ma jidhrux li jinkludu regoli eżekuttivi eżawrjenti tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin, iżda donnhom jirreferu, għal dan il-għan, għad-dispożizzjonijiet nazzjonali. L-unika indikazzjoni mogħtija lill-qorti tal-eżekuzzjoni tirrigwarda l-projbizzjoni ta’ “eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża”. Fuq il-bażi tan-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra fis-CMR, għandu jiġi konkluż li r-referenza għall-“formalitajiet” meħtieġa fl-Istat tal-eżekuzzjoni tirreferi għal-leġiżlazzjoni kollha applikabbli, f’dan l-Istat, għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi barranin. Għalhekk, għandha tkun din il-leġiżlazzjoni li tiddefinixxi l-proċedura għall-għoti tad-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni, tiddetermina l-eżistenza tal-kundizzjonijiet materjali ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll il-kompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni mar-rekwiżiti ta’ ordni pubbliku.
94. Dan il-kunċett huwa bbażat fuq il-kuntest storiku ta’ meta l-Konvenzjoni ġiet konkluża. Fl-1956, f’ħafna Stati kontraenti kienet prattika komuni li fil-kuntest tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija, isir eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża. F’dan il-kuntest, ir-referenza għall-“formalitajiet” għandha tinftiehem bħala li tindika n-natura purament “formali” tal-istħarriġ (“contrôle de la régularité formelle”) u tar-rinunzja għal eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża, espliċitament ipprojbit mit-tieni sentenza tal-Artikolu 31(3), tas-CMR (46). It-terminu “formalitajiet”, skont din l-interpretazzjoni, jirreferi għall-kundizzjonijiet kollha li l-liġi nazzjonali tirrikjedi għall-eżekuzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kundizzjoni tal-eżattezza sostantiva tad-deċiżjoni.
95. Jirriżulta li sistema bħal dik imposta mill-imsemmija dispożizzjonijiet tas-CMR ma tirregolax b’mod definittiv il-kundizzjonijiet relatati mal-eżekuzzjoni. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet, skont is-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, ma jipprekludux l-applikazzjoni tal-Artikoli 38 sa 52 tar-Regolment fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri.
96. L-Artikolu 31 tas-CMR, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom l-eżekuzzjoni, ma jipprovdix regoli speċifikament maħsuba għat-trasport stradali tal-merkanzija (47). Anki dan l-aspett jeskludi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ma għandhomx jiġu applikati.
97. Għad fadal li jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet bħal dawk tas-CMR, bil-kontra ta’ dak li jipprovdi l-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001, jimponux, inkwantu kundizzjoni obbligatorja għall-eżekuzzjoni tas-sentenza, l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tat id-deċiżjoni.
98. Din it-teżi hija parzjalment ibbażata fuq il-qari flimkien tal-paragrafi (1) u (3) tal-Artikolu 31 tas-CMR. Qiegħed jiġi sostnut li, minħabba li l-Artikolu 31(3) tas-CMR jagħmel riferiment għall-“kawża li tkun inbdiet abbażi tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu”, din id-dispożizzjoni tippresupponi impliċitament li l-qorti tal-eżekuzzjoni għandha tistħarreġ ukoll il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini, kif jindika l-paragrafu (1) (48). Din l-interpretazzjoni hija ġġustifikata mill-bżonn li l-iktar parti dgħajfa tiġi protetta kontra r-regoli ta’ eżekuzzjoni li, fir-rigward tas-CMR, huma meqjusa bħala stretti wisq (49).
99. Fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 31(1) tas-CMR, jidher li huwa iktar opportun li r-riferiment, previst fl-Artikolu 31(3), għall-“kawża li tkun inbdiet abbażi tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu” jinftihem bħala li jirreferi għal “kawżi kollha li jirriżultaw mill-ġarr ta’ merkanzija suġġett għal din il-Konvenzjoni” kif ipprovdut fl-istess paragrafu (50). Dan il-paragrafu (1), barra minn hekk jirregola biss il-ġurisdizzjoni terrritorjali u ma jittrattax il-kwistjoni tal-lis pendens, li hija regolata mill-paragrafu (2).
100. B’dan il-mod, id-dispożizzjonijiet tas-CMR ma jirrikjedux stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini. Kemm-il darba d-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni jipprovdu għal dan l-istħarriġ, is-CMR ma tistax tipprekludi dan l-istħarriġ.
101. Fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea tali stħarriġ huwa eskluż mill-Artikolu 35(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Minħabba li f’dan il-każ ma hemmx dispożizzjonijiet esklużivi oħra, l-Artikolu 71(2)(b) tar-Regolament jimponi ż-żamma ta’ din id-dispożizzjoni, li hija bbażata fuq il-prinċipju tal-favor executionis.
102. Għalhekk, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi għandha tkun fis-sens li dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 31(3) u (4) tas-CMR ma jirregolawx b’mod esklużiv, skont is-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u, b’mod partikolari ma jirrikjedux l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun tat is-sentenza ta’ eżekuzzjoni, b’tali mod li japplikaw id-dispożizzjonijiet li r-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi f’dan il-qasam.
E – Fuq il-ħames u s-sitt domandi
103. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għall-ħames u s-sitt domandi peress li dawn saru biss bħala domandi sussidjarji.
V – Konklużjoni
104. Fid-dawl ta’ dak li ġie espost hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mill-Hoge Radd:
1. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummercjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament, li jipprovdu l-kundizzjonijet għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, huma suġġetti għal kundizzjonijiet imposti minn konvenzjoni speċjali, li għaliha huma parti l-Istat Membru tal-oriġini u l-Istat Membru indirizzat, biss fil-każ fejn il-konvenzjoni tirregola l-qasam b’mod tant definittiv u esklużiv li tostakola l-applikazzjoni tar-Regolament.
2. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni li tinterpreta l-Konvenzjoni dwar il-kuntratt ta’ trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq, iffirmata f’Ġinevra fid-19 ta’ Mejju 1956 (CMR). Min-naħa l-oħra l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tinterpreta l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, fid-dawl tal-applikazzjoni, min-naħa tal-qorti nazzjonali, ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tas-CMR li jaffettwaw il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 u, f’dan ir-rigward, li tieħu konjizzjoni tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet tas-CMR.
3. Dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikolu 31(3) u (4) tas-CMR ma jirregolawx b’mod esklużiv, skont is-sens tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(2)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u, b’mod partikolari ma jirrikjedux l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun tat is-sentenza ta’ eżekuzzjoni, b’tali mod li japplikaw id-dispożizzjonijiet li r-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi f’dan il-qasam.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 42; il-verżjoni rilevanti fil-każ inkwistjoni hija dik emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 629).
3 – Il-verżjonijiet Ingliżi u Franċiżi huma l-uniċi verżjonijiet lingwistiċi tas-CMR li jgħoddu (ippubblikati fir-Recueil des traités des Nations unies 1961, Nru 5742, p. 190). [Nota tat-traduttur: It-traduzzjoni Maltija użata f’dan il-kuntest ma hijiex traduzzjoni uffiċjali. Madankollu, verżjoni bl-Ingliż tas-CMR tinsab fil-Kapitolu 486 tal-Liġijiet ta’ Malta intitolat Att dwar il-ġarr stradali internazzjonali ta’ merkanzija]. L-akronimu uffiċjali “CMR” ġej mit-titolu Franċiż tal-Konvenzjoni (“Convention relative au contrat de transport international de Marchandises par Route”).
4– Blli, wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, it-Trattat KE ġie sostitwit mit-TUE u mit-TFUE, f’dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi għar-regoli kif innumerati fit-trattati li jinsabu fis-seħħ bħalissa, sakemm ma jkunux iridu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE. Għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata minni, dwar id-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ qabel, nippreżumi li din għadha valida anki b’referenza għad-dispożizzjonijiet il-ġodda, sakemm dawn ma jkunux ġew emendati b’mod sostanzjali. Fl-aħħar nett, ser nuża t-terminoloġija (b’mod partikolari Unjoni minflok Komunità) użata fit-trattati l-ġodda.
5 – ĠU 1972, L 299, p. 32; verżjoni kkonsolidata ĠU 1998 C 27, p. 1
6 – Ara l-elenku fir-relazzjoni ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 rigward il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1, b’mod partikolari p. 60).
7– Ara l-opinjoni ta’ H. Jesser-Huß, Münchener Kommentar zum Handelsgesetzbuch, 2. ed., München, 2009, punti 8-13.
8– Ara l-osservazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad der Nederlanden Strikwerda, ipprezentati fil-5 ta’ Settembru 2008 fil-kuntest tal-kawża prinċipali (p. 4, punt 9), u r-riferimenti ulterjuri msemmija hemmhekk.
9 – Ara r-referenzi magħmula minn J. Haubold, CMR und europäisches Zivilverfahrensrecht – Klarstellungen zu internationaler Zuständigkeit und Rechtshängigkeit, in Praxis des Internationalen Privat- und Verfahrensrechts – IPRax, 2006, p. 227 u noti 24‑25.
10– BGH 20 ta’ Novembru 2003 (I ZR 102/02 u I ZR 294/02), sentenzi disponibbli fuq is-sit tal-internet www.bundesgerichtshof.de.
11 – Ara pereżempju, Oberster Gerichtshof ta’ nazzjonalià Awstrijaka (OGH), 17 ta’ Frar 2006 (10 Ob 147/05 y); Court of Appeal of England and Wales (ir-Renju Unit), 23 ta’ Jannar 2001, Andrea Merzario Ltd Internationale Spedition Leitner Gesellschaft GmbH ([2001] EWCA civ. 61, punti 80‑98 u 103‑109).
12 – Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gubisch Maschinenfabrik (144/86, Ġabra p. 4861, punti 14‑19); tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, Ġabra p. I‑5439, punti 37‑45).
13 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro tat-13 ta’ Lulju 1994 fil-kawża Tatry (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 8).
14 – Sentenza Tatry (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 24), mogħtija fir-rigward tal-Artikolu 57 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Din il-konklużjoni hija valida wkoll għall-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 44/2001, li meta mqabbel ma’ din id-dispożizzjoni, għandu kważi l-istess kontenut. Skont il-premessa 19 tar-Regolament, il-kontinwità tal-interpretazzjoni bejn il-Konvenzjoni u r-Regolament, għandha tiġi ggarantita (ara wkoll is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Draka NK Cables et, (C‑167/08, Ġabra p. I-3477, punt 20); tal-10 ta’ Settembru 2009, German Graphics, (C‑292/08, Ġabra p. I-8421, punt 27).
15 – F’dan is-sens ara s-sentenza Tatry (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 25).
16 – F’dan ir-rigward ara, pereżempju, l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni Den Haag tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet relatati mal-obbligi alimentari (li tinsab fuq is-sit tal-internet www.hcch.net.), li jipprovdi li l-istess konvenzjoni ma tostakolax l-applikazzjoni tas-sistema pprovduta, fir-rigward tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, minn strumenti oħra.
17 – Konkużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Tatry (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 8).
18 – Ara, f’dan ir-rigward, l-eżempju relatat mal-Konvenzjoni għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu msemmi fir-relazzjoni ta’ P. Schlosser dwar il-Konvenzjoni ta’ Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1979 C 59, p 71, punt 243).
19 – Ara l-premessi 16 u 17.
20 – Sentenza Tatry (iċċitata fin- nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 25).
21 – Ara s-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, (181/73, Ġabra. p. 449, punti 2‑6); tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, Ġabra p. 3719, punt 7); tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 36); tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko (C‑308/06, Ġabra p. I‑4057, punt 53); tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi (C‑301/08, Ġabra p. I-10185, punt 23 et seq).
22 – Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Hermès (C‑53/96, Ġabra p. I‑3603).
23 – Ara s-sentenzi Haegeman (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 2‑6); Demirel (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 7); Hermès (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 29); tal-14 ta' Diċembru 2000, Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, Ġabra p. I‑11307, punt 33) u tat-30 ta’ Mejju 2006, Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑459/03, Ġabra I‑4635, punt 84).
24 – Sentenzi Hermès (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 32) u Dior et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 47 et seq).
25 – Sentenza Hermès (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 32) u Dior et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 47 et seq).
26 – Sentenza Hermès (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 32).
27 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio (C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 20); tal-11 ta’ Diċembru 2007, Ente Tabacchi Italiani (C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 26).
28 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, Ġabra p. I‑3453, punt 16) u tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, Ġabra p. I‑4501, punt 85), kif ukoll il-punt 84 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Marzu 2008 fir-rigward ta’ din il-kawża.
29 – Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1973, Vandeweghe (130/73, Ġabra p. 1329, punt 2); tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C‑158/91, Ġabra p. I‑4287, punt 21); Peralta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 16); Bogiatzi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 24).
30 – Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company, (21/72 u 24/72, Ġabra p. 1219, punti 15‑18). Rigward il-punt v. ara wkoll is-sentenzi Peralta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 16); Intertanko et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 48); Commune de Mesquer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 85); Bogiatzi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 25).
31 – Opinjoni 1/03 tas-7 ta’ Frar 2006 (Ġabra p. I‑1145).
32 – F’dan is-sens ara s-sentenzi Intertanko et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 49); Bogiatzi (iċċitata fil-punt 21, punt 33).
33 – Konklużjonijiet tiegħi tal-20 ta’ Novembru 2007 fil-kawża Intertanko et (iċċitata fil-punt 21, punt 40 et seq).
34 – Sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, (C‑286/90, Ġabra p. I‑6019, punt 9 et seq); tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra I‑3655, punt 45) u Intertanko (iċċitata fil-punt 21, punt 51).
35 – Ara l-Protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1975 L 204, p. 28) u l-Ewwel Protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali, miftħua għall-firma f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980 (ĠU 1989 L 48, p. 1).
36 – Ara, pereżempju, ir-riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni ta’ Proprjetà Industrijali li jinsab fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/1994, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146). Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni kienu suġġetti għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, (C‑40/01, Ġabra p. I‑2439, punt 32 et seq). Anki l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 243) jagħmel riferiment għall-proċerdura ta’ talba għar-ristituzzjoni tal-minuri stabbilita fil-Konvenzjoni, tal-25 ta’ Ottubru 1980, dwar l-Aspetti Ċivili dwar il-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri.
37 – Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, Ġabra p. 1781, punt 19) u tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kummissjoni (C‑69/89, Ġabra p. I‑2069, punt 31).
38 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 240.
39 – L-Artikolu 57(4) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali konkluża f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988 (ĠU L 319, p. 9), għall-kuntrarju, jippermetti r-rifjut tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti li tkun ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq ġurisdizzjoni li tkun fis-seħħ biss fl-Istat tal-oriġini.
40 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 27.
41 – Sentenza Levy (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 21). Fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2003, Budĕjovický Budvar (C‑216/01, Ġabra p. I‑13617) il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel studju ddettaljat dwar il-validità ta’ ftehim bilaterli (punt 148 et seq), iżda tħalli kull evalwazzjoni f’dan ir-rigward esklużivament f’idejn il-qorti tar-rinviju (punt 163).
42 – Ara s-sentenza Budĕjovický Budvar (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 169).
43 – Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Deserbais (286/86, Ġabra p. 4907, punt 18); Bogiatzi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 19).
44 – Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑84/98, Ġabra p. I‑5215, punt 58).
45 – Ara, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament Nru 2201/2003 (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36), li fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, jipprovdu li r-Regolament għandu prijorità fuq l-istrumenti internazzjonali.
46 – R. Loewe, Erläuterungen zum Übereinkommen vom 19. Mai 1956 über den Beförderungsvertrag im internationalen Straßengüterverkehr (CMR), in European Transport Law, 1976, p. 583; H. Jesser‑Huß (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, Artikolu 31 CMR, paragrafu 37).
47 – Ara P. de Meij, Samenloop EEX-Verordening met bijzondere verdragen, Deventer 2003. p. 251 sa 287.
48 – Ara r-riferimenti f’ A. Messent,D. A Glass, Hill & Messent, CMR: Contracts for the International Carriage of Goods by Road, it-tielet edizzjoni, Londra, 2000, paragrafu 10.48 u nota ta’ qiegħ il-paġna 103.
49 – Ara r-riferimenti f’H. Jesser‑Huß (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, Artikolu 31 tas-CMR, paragrafu 36 u noti ta’ qiegħ il-paġna 116 u117).
50 – B’analoġija ara, hawnhekk ukoll, H. Jesser Huß (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, Artikolu 31 tas-CMR, paragrafu 36)