EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CC0381

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 24 ta' Settembru 2009.
Car Trim GmbH vs KeySafety Systems Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali - Regolament (KE) Nru 44/2001 - Artikolu 5(1)(b) - Kompetenza f’materji kuntrattwali - Determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu - Kriterji ta’ distinzjoni bejn ‘bejgħ ta’ merkanzija’ u ‘provvista ta’ servizzi’.
Kawża C-381/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:577

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-24 ta’ Settembru 2009 ( 1 )

Kawża C-381/08

Car Trim GmbH

vs

KeySafety Systems Srl

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 5(1)(b) — Ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali — Determinazzjoni tal-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu — Kriterji ta’ distinzjoni bejn ‘bejgħ ta’ merkanzija’ u ‘provvista ta’ servizzi’”

I — Introduzzjoni, il-fatti fil-kawża prinċipali u l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari qed tiġi mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Bundesgerichtshof (Qorti federali tal-ġustizzja) (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”). Id-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 44/2001”).

2.

Il-qorti tar-rinviju teħtieġ risposti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk il-qrati Ġermaniżi humiex kompetenti biex jiddeċiedu dwar rikors għad-danni u l-interessi ppreżentat minn Car Trim GmbH, impriża stabbilita fi Plauen (il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”), kontra KeySafety Systems SRL, impriża stabbilita f’Villastone (l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“konvenuta fil-kawża prinċipali”).

3.

Mix-xahar ta’ Lulju 2001 sax-xahar ta’ Diċembru 2003, il-konvenuta fil-kawża prinċipali kienet xtrat mingħand il-predeċessur fid-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali komponenti ta’ sistemi ta’ airbags, li l-biċċiet u l-elementi neċessarji tagħhom kienu jiġu prinċipalment mingħand fornituri li jinsabu iktar ’il fuq fil-proċess tal-produzzjoni. Għall-iffabbrikar u l-kunsinna ta’ dawn il-komponenti, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ftiehmet li tikkunsinna lill-konvenuta fil-kawża prinċipali, fuq talba tagħha, sal-fabbrika ta’ Colleferro (l-Italja), il-partijiet ikkonkludew ħames kuntratti qafas ta’ kunsinna, kull wieħed għal tip ta’ vettura speċifika.

4.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali temmet id-diversi kuntratti b’effett mit-tmiem tas-sena 2003, u sussegwentement għal dan, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kkunsidrat ix-xoljiment bħala ksur tal-kuntratt, ippreżentat rikors għad-danni u l-interessi quddiem il-Landgericht Chemnitz, li f’dak iż-żmien kienet il-qorti li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha kien jaqa’ s-sit tal-produzzjoni. Dik il-qorti ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, abbażi ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi. L-appell tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġie miċħud mill-Oberlandesgericht Dresden. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sussegwentement ippreżentat rikors ta’ “Revision” quddiem il-qorti tar-rinviju, bl-awtorizzazzjoni tal-qorti tal-appell.

II — Il-kuntest ġuridiku

5.

It-tieni premessa tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

“Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.”

6.

Skont il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. […]”

7.

It-tnax-il premessa tar-Regolament Nru 44/2001 tistipula:

“B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

8.

Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001.

9.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1, taħt it-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-imsemmi Kapitolu II, jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

10.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 2, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt [kuntrattwali], fil-qrati tal-post tat-twettieq [eżekuzzjoni] ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post [ta’ eżekuzzjoni] ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti [merkanzija], il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[…]”

III — Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn iż-żewġ domandi preliminari:

“1)

L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament […] għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratti dwar kunsinna ta’ merkanzija li trid tiġi ffabbrikata jew prodotta għandha tiġi kkwalifikata bħala bejgħ ta’ merkanzija (l-ewwel inċiż) u mhux ta’ provvista ta’ servizzi (it-tieni inċiż), anki meta x-xerrej ikun ifformula ċerti rikjesti dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna ta’ din il-merkanzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-garanzija tal-kwalità tal-iffabbrikar, l-affidabbiltà tal-kunsinna u tmexxija amministrattiva tajba tal-ordni? Liema huma l-kriterji determinanti sabiex issir distinzjoni?

2)

Jekk il-bejgħ ta’ merkanzija kellu jiġi preżunt, il-post fejn, skont il-kuntratt, il-merkanzija kienet jew kellha tiġu kkunsinnata għandu jiġi ddeterminat, fuq il-bażi tal-post fejn ġew fiżikament ittrasferiti lix-xerrej, jew ta’ dak fejn il-merkanzija ngħatat lill-ewwel trasportatur sabiex tiġi mgħoddija lix-xerrej?”

12.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-konvenuta fil-kawża prinċipali, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tar-Repubblika Ċeka u tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

IV — Evalwazzjoni

A — Fuq l-ewwel domanda preliminari

13.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-kuntratti dwar il-kunsinna ta’ merkanzija li għandha tiġi ffabbrikata jew prodotta kif ukoll ikkunsinnata skont il-ħtiġijiet speċifiċi tax-xerrej, għandhomx jiġu kkwalifikati bħala “bejgħ ta’ merkanzija” jew “provvista ta’ servizzi” fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001. Hija ssaqsi wkoll liema huma l-kriterji determinanti biex issir id-distinzjoni bejn il-“bejgħ ta’ merkanzija” u l-“provvista ta’ servizzi” għall-finijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

14.

Għal dak li jirrigwarda l-kuntratti dwar il-kunsinna ta’ merkanzija li għandha tiġi ffabbrikata jew prodotta, il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jikkwalifikawhom b’mod unanimu bħala kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija, anki meta x-xerrej ikun ifformola ċerti rikjesti dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna ta’ din il-merkanzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-garanzija tal-kwalità tal-iffabbrikar, l-affidabbiltà tal-kunsinna u t-tmexxija amministrattiva tajba tal-ordni. Il-Kummissjoni żżid li l-oppost japplika jekk il-persuna li tordna l-merkanzija jkollha tipprovdi hija stess parti essenzjali mill-elementi materjali meħtieġa għall-iffabrikar jew il-produzzjoni.

15.

Il-Gvern Ġermaniż u dak tar-Renju Unit irriflettew ukoll dwar il-kriterji determinanti biex jagħmlu distinzjoni bejn “bejgħ ta’ merkanzija” u “provvista ta’ servizzi”. Skont il-Gvern Ġermaniż, dawn huma kriterji ekonomiċi li jeħtieġu li jiġi eżaminat liema obbligi jikkaratterizzaw il-kuntratt. Skont il-Gvern tar-Renju Unit, l-element determinanti jinsab fil-fatt li s-servizz tal-bejjiegħ iwassal għall-kunsinna u t-trasferiment tal-proprjetà fuq il-merkanzija.

16.

Jiena tal-fehma li l-ewwel domanda tista’ tiġi interpretata f’diversi modi. Tista’ tinftiehem fis-sens li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddefinixxi l-kriterji ta’ distinzjoni bejn “bejgħ ta’ merkanzija” u “provvista ta’ servizzi” fuq livell ġenerali jew biex tiddefinixxihom biss fir-rigward tas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew inkella bħala mezz biex tasal għall-konsegwenzi għall-każ konkret tad-distinzjoni ġenerali bejn “bejgħ ta’ merkanzija” u “provvista ta’ servizzi”.

17.

Għandu jingħad li t-test tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jippermettix, fih innifsu, li tingħata risposta għad-domanda li saret, peress li ma jagħtix definizzjoni tal-kunċetti ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” u ta’ “provvista ta’ servizzi”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li wieħed għandu jibbaża fuq l-oriġini, l-għanijiet u s-sistema tar-Regolament Nru 44/2001 ( 3 ). Ma jidhirlix li jkun utli li nerġgħu nindirizzaw l-oriġini, l-għanijiet u s-sistema ta’ dan ir-regolament. Effettivament, huwa biżżejjed li ssir referenza għall-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 4 ).

18.

L-elementi pprovduti mid-dritt Komunitarju u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mhumiex suffiċjenti biex jiġu stabbiliti kriterji ta’ distinzjoni ġenerali bejn “bejgħ ta’ merkanzija” u “provvista ta’ servizzi”. Kif jirriżulta mill-punt 33 tas-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch ( 5 ), il-kunċett ta’ “servizz” użat fir-Regolament Nru 44/2001 għandu kontenut awtonomu, li huwa indipendenti mill-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tal-Artikolu 50 KE jew l-istrumenti tad-dritt Komunitarju sekondarju minbarra r-Regolament Nru 44/2001. L-istess konstatazzjoni tista’ ssir, fil-fehma tiegħi, għall-kunċett ta’ “merkanzija”. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-kunċetti ta’ “servizz” u ta’ “merkanzija” fir-rigward tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern mhijiex applikabbli fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001.

19.

S’issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tat biss definizzjoni parzjali u negattiva tal-kunċett ta’ “kuntratt għall-provvista ta’ servizzi” fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001, billi stabbilixxiet li l-imsemmi kunċett ma jikkonċernax kuntratt li permezz tiegħu s-sid ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jikkonċedi lill-parti kontraenti l-oħra d-dritt li tużah bi ħlas ( 6 ). Madankollu, wieħed ma jistax jiġbed konklużjoni ta’ portata ġenerali.

20.

Jiena tal-fehma li l-analiżi fuq livell ġenerali tad-distinzjoni mitluba mhijiex neċessarja. Meta jitqiesu d-diversi aspetti tal-ħajja ekonomika, din id-distinzjoni ġenerali mhijiex oġġettivament possibbli. Effettivament, inkwantu d-dritt proċedurali juża kunċett b’kontenut sostantiv, bħal “merkanzija” u “servizz” f’din il-kawża, huwa evidenti li l-interpretazzjoni ta’ dawk il-kunċetti u d-distinzjoni tagħhom meta mqabblin ma’ xulxin għandhom jiġu mfittxija, każ b’każ, fid-dritt Komunitarju sostantiv, waqt li jitqies b’mod partikolari l-għan tal-użu ta’ dawk il-kunċetti.

21.

Din il-premessa tirrappreżenta l-punt ta’ tluq tar-risposta tiegħi għall-ewwel domanda preliminari. Għandu jiġi osservat li nista’ nirrispondi biss fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża prinċipali.

22.

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonkludiet mal-konvenuta fil-kawża prinċipali ħames kuntratti qafas għall-kunsinna ta’ komponenti ta’ sistemi ta’ airbags. Huwa minnu li l-konvenuta fil-kawża prinċipali, li kienet fil-pożizzjoni ta’ xerrejja, imponiet ċerti kundizzjonijiet dwar il-kwalità ta’ dawk il-komponenti. Madankollu, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li l-għan finali tal-kuntratti inkwistjoni kien il-kunsinna tal-merkanzija bil-kwalitajiet miftiehma.

23.

Waqt li nirrikonoxxi, bl-istess mod bħall-Oberlandesgericht Dresden, il-qorti tal-appell fil-kawża prinċipali, li fost l-obbligi kuntrattwali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali nsibu l-obbligi dwar il-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi, jiġifieri l-qtugħ u l-ipproċessar ta’ elementi mixtrija mingħand sottokuntratturi li jinsabu iktar ’il fuq fil-proċess tal-produzzjoni, sabiex jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, dawn l-obbligi huma biss obbligi aċċessorji. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet il-prinċipju, li għalih tirreferi wkoll il-konvenuta fil-kawża prinċipali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-obbligu aċċessorju jsegwi l-prinċipali ( 7 ).

24.

Minn dan isegwi li l-obbligu essenzjali fil-kuntratti inkwistjoni kien il-kunsinna ta’ komponenti ta’ sistemi ta’ airbags u, għaldaqstant, ir-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-kontenut tagħha u l-konsegwenzi tagħha għandhom ikunu soġġetti għall-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

25.

Fl-aħħar nett, kieku l-kuntratti bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-konvenuta fil-kawża prinċipali kellhom jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern, huwa inkontestabbli li dawn jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-merkanzija u mhux taħt il-moviment liberu tas-servizzi.

26.

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari hija li l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratti dwar il-kunsinna ta’ merkanzija li għandha tiġi ffabbrikata jew prodotta għandha tiġi kkwalifikata bħala bejgħ ta’ merkanzija, anki meta x-xerrej ikun ifformula ċerti rekwiżiti dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna ta’ dik l-merkanzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-garanzija tal-kwalità tal-iffabbrikar.

B — Fuq it-tieni domanda preliminari

27.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta, fir-rigward tal-bejgħ mill-bogħod, it-termini “il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti [merkanzija] ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati” li jinsabu fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-finijiet li jiġi ddeterminat il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu li jirrappreżenta kriterju ta’ rabta mal-ġurisdizzjoni kompetenti f’materji kuntrattwali.

28.

Il-konvenuta fil-kawża prinċipali u l-Gvern Ġermaniż u dak Ċek jaqblu, fil-prinċipju, li l-post għandu jkun dak fejn, skont il-kuntratt, l-merkanzija ġiet ikkunsinnata jew kellha tiġi kkunsinnata, meta tkun tikkonsisti f’bejgħ mill-bogħod, fuq il-bażi tal-post fejn isir it-trasferiment materjali lix-xerrej.

29.

Fir-risposti li jipproponu għat-tieni domanda preliminari, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jispeċifikaw b’mod iktar iddettaljat it-tip ta’ kuntratt ta’ bejgħ.

30.

Minkejja dan il-fatt, ir-risposta tal-Kummissjoni tikkorrispondi, fil-prinċipju, għar-risposti proposti mill-konvenuta fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Ġermaniż u dak Ċek. Skont il-Kummissjoni, fil-każ ta’ bejgħ li jkun jeħtieġ it-trasport tal-merkanzija u li għaliha il-bejjiegħ ikollu jgħaddi dik il-merkanzija lill-ewwel trasportatur bil-għan li jingħaddew lix-xerrej (“bejgħ bi spedizzjoni”), il-post tal-kunsinna għandu jiġi stabbilit skont il-post fejn ix-xerrej jakkwista l-pussess effettiv tal-merkanzija kkunsinnata jew fejn kellu jakkwista dak il-pussess skont il-kuntratt (il-post tad-destinazzjoni tal-merkanzija mibjugħa).

31.

Skont il-Gvern tar-Renju Unit, biex jiġi stabbilit il-post tal-kunsinna, wieħed irid jibbaża fuq il-kundizzjonijiet stipulati fil-kuntratt. Meta l-obbligu essenzjali tal-bejjiegħ ikun jikkonsisti f’li jibgħat il-merkanzija u (jekk ikun il-każ) li jipprovdi dokumenti li jittrasferixxu d-dritt ta’ proprjetà lix-xerrej, l-imsemmi post tal-kunsinna huwa, ħlief jekk ikun hemm dispożizzjoni kuntrattwali kuntrarja, dak fejn il-merkanzija tkun ngħaddiet lit-trasportatur għall-finijiet tat-trażmissjoni tagħhom lix-xerrej jew b’mod konformi mal-istruzzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

32.

Fuq bażi preliminari, għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-kunċett ta’ “bejgħ mill-bogħod” jiġi mid-dritt nazzjonali u li dan jista’ jkollu kontenut differenti fis-sistemi ġuridiċi tad-diversi Stati Membri. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li ma jkunx propizju li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta t-termini “il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti [merkanzija] ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati” speċifikament fir-rigward tal-bejgħ mill-bogħod. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta dawk it-termini biss fir-rigward tal-kuntratt ta’ bejgħ b’mod ġenerali.

33.

It-termini “il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti [merkanzija] ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati” għandhom jiġu interpretati skont il-fatti li ġejjin.

34.

Fl-ewwel lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 44/2001 isegwi objettiv ta’ ċertezza ġuridika li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni ġuridika tal-persuni stabbiliti fil-Komunità Ewropea, billi jippermetti lir-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li quddiemha jista’ jirrikorri, waqt li fl-istess ħin jippermetti lill-konvenut li jkun jista’ jipprevedi raġonevolment il-qorti li quddiemha jista’ jkollu jidher ( 8 ). Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni mitluba f’din il-kawża għandha tiżgura l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi tal-bejjiegħ u dawk tax-xerrej.

35.

Fit-tieni lok, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 f’materji kuntrattwali, li tikkumplimenta r-regola tal-prinċipju tal-forum tad-domiċilju tal-konvenut, tirrispondi għall-objettiv ta’ prossimità u hija mmotivata min-ness ta’ rabta mill-qrib bejn il-kuntratt u l-qorti adita biex tieħu konjizzjoni tal-kawża ( 9 ).

36.

Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija, ir-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi b’mod awtonomu, fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tiegħu, dan il-kriterju ta’ konnessjoni, sabiex isaħħaħ l-objettivi ta’ armonizzazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni ġudizzjarja u ta’ prevedibbiltà ( 10 ).

37.

Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-interpretazzjoni mitluba għandha tingħata fid-dawl tal-objettivi tal-prossimità u tal-prevedibbiltà u b’mod konformi mar-rekwiżit ta’ ċertezza ġuridika.

38.

Jiena tal-fehma li l-interpretazzjoni li tgħid li “il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti [merkanzija] ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati” għandu jinftiehem bħala l-post fejn il-merkanzija tiġi ttrasferita materjalment jew fejn kellha tiġi ttrasferita materjalment lix-xerrej hija l-iktar waħda konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. Din it-tifsira tal-post tal-kunsinna hija l-iktar waħda konformi man-natura tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

39.

Din l-interpretazzjoni, minbarra li tirrispetta l-kriterju tal-prossimità, tissodisfa wkoll ir-rekwiżit tal-prevedibbiltà, inkwantu tippermetti kemm lir-rikorrent kif ukoll lill-konvenut biex jidentifika faċilment il-qrati li jistgħu jiġu aditi.

40.

L-interpretazzjoni proposta tistabbilixxi l-post tat-trasferiment materjali tal-merkanzija lix-xerrej bħala kriterju biex jiġi ddeterminat il-post tal-kunsinna tal-merkanzija, mingħajr referenza għad-dritt nazzjonali tad-diversi Stati Membri. Dan il-kriterju huwa faċilment identifikabbli u jista’ jiġi pprovat b’mod faċli, b’tali mod li jippermetti li tiġi identifikata mingħajr ebda diffikultà l-qorti kompetenti.

41.

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija li t-termini “il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti [merkanzija] ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati” li jinsabu fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-post fejn il-merkanzija ġiet jew kellha tiġi ttrasferita materjalment lix-xerrej.

V — Konklużjoni

42.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi skont kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof:

“1)

L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kuntratti dwar il-kunsinna ta’ merkanzija li għandha tiġi ffabbrikata jew prodotta għandhom jiġu kkwalifikati bħala bejgħ ta’ merkanzija, anki meta x-xerrej ikun ifformula ċerti rekwiżiti dwar ix-xiri, l-ipproċessar u l-kunsinna ta’ din il-merkanzija, b’mod partikolari fir-rigward tal-garanzija tal-kwalità tal-iffabbrikar.

2)

It-termini “il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti [merkanzija] ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati” li jinsabu fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-post fejn il-merkanzija ġiet jew kellha tiġi ttrasferita materjalment lix-xerrej.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 3 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (C-386/05, Ġabra p. I-3699, punt 18); tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (C-533/07, li Ġabra p. I-3327, punt 20), kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (C-204/08, Ġabra p. I-6073, punt 31).

( 4 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 21 sa 27).

( 5 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 6 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 44).

( 7 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1987, Shenavai (266/85, Ġabra p. 239, punt 19).

( 8 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage (C-103/05, Ġabra p. I-6827, punti 24 u 25); tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 20); kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 22).

( 9 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 22); tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 32).

( 10 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 24 u 26); tad-9 ta’ Lulju 2009, Rehder (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 33).

Top