EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0499

Kawża T-499/07: Rikors ippreżentat fis- 27 ta' Diċembru 2007 — Ir-Repubblika tal-Bulgarija vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 64, 8.3.2008, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 64/50


Rikors ippreżentat fis-27 ta' Diċembru 2007 — Ir-Repubblika tal-Bulgarija vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża T-499/07)

(2008/C 64/82)

Lingwa tal-kawża: Il-Bulgaru

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Bulgarija (rappreżentanti: Anani Ananiev, Daniela Drambozova u Elina Petranova)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

fuq il-bażi ta' l-Artikolu 230 KE, tannulla kompletament id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5255 finali, tas-26 ta' Ottubru 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti għall-perijodu 2008-2012 għall-allokazzjoni ta' kwoti għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra, innotifikat mill-Bulgarija skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE,

jew

fuq il-bażi ta' l-Artikolu 230 KE, tannulla parzjalment id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5255 finali, tas-26 ta' Ottubru 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti għall-perijodu 2008-2012 għall-allokazzjoni ta' kwoti għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra, innotifikat mill-Bulgarija skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE, f'dak li jirrigwarda l-kwantità totali ta' kwoti li għandhom jiġu allokati,

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni C(2007) 5255 finali, tas-26 ta' Ottubru 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti għall-perijodu 2008-2012 għall-allokazzjoni ta' kwoti għall-emissjonijiet ta' gassijiet serra għandha tiġi annullata kompletament jew parzjalment għar-raġunijiet li ġejjin:

Ksur ta' forom proċedurali sostanzjali

Il-Kummissjoni tiċħad il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti Bulgaru mingħajr ma tagħti biżżejjed raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, skond liema dan il-pjan ma jikkorrispondix għall-kriterji 1, 2, 3 u 10 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE (1), u għaldaqstant hemm ksur ta' l-Artikolu 253 KE.

Id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni ġiet adottata wara li skada t-terminu stipulat fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma tatx il-possibbiltà lill-Bulgarija li tressaq l-oġġezzjonijiet tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti, li saret abbażi tal-verżjoni l-iktar reċenti tal-mudell PRIMES, bi ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju.

Ksur tat-Trattat KE jew ta' xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu

Skond l-Artikolu 9(1) u (3) u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri biss huma kompetenti sabiex jiffissaw il-kwantità totali tal-kwoti ta' emissjonijiet. Il-Kummissjoni tivverifika l-applikazzjoni tal-kriterji elenkati fl-Anness III tad-Direttiva, iżda m'għandhiex is-setgħa li tiffissa l-kwantità totali tal-kwoti, mingħajr ma tikkunsidra l-pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti, magħmula mill-Istati Membri. Billi ssostitwiet il-metodu użat mill-Bulgarija, li huwa konformi mal-kriterji ta' l-Anness III, b'metodu li mhuwiex adattat għall-evalwazzjoni ta' l-ekonomija Bulgara, il-Kummissjoni marret oltré s-setgħat tagħha ta' verifika, mogħtija lilha mid-Direttiva, u għaldaqstant marret kontra parti mill-kriterji.

Il-Kummissjoni evalwat il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti Bulgaru abbażi tal-verżjoni l-iktar reċenti tal-mudell PRIMES, iżda li l-informazzjoni dwaru ma ntbagħtitx lill-Bulgarija ħlief wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet ksur tal-prinċipju tal-kollaborazzjoni leali.

Fl-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti permezz tal-mudell PRIMES, il-Kummissjoni m'għamlitx analiżi xierqa biżżejjed tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti Bulgaru meta mqabbla ma' l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE. Billi applikat il-mudell PRIMES matul l-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti Bulgaru, il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni żbaljata li l-pjan ma kienx kompatibbli mal-kriterji 1, 2 u 3 ta' l-Anness III tad-Direttiva. Ir-rifjut tal-pjan u t-tnaqqis ta' 37 % tal-kwantità totali ta' kwoti li kellhom jiġu allokati joħolqu sitwazzjoni ta' inugwaljanza għall-operaturi ta' installazzjonijiet Bulgari meta mqabbla ma' operatori oħra fl-organizzazzjoni tal-kummerċ tal-Komunità. B'dan il-mod, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali.

Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-374/04, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali minħabba li, fl-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti Bulgaru, ma applikatx l-atti kollha li kienet adottat fir-rigward tad-Direttiva 2003/87/KE. Hemm ksur tal-prinċipju ta' l-aspettattivi leġittimi billi l-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti Bulgaru ġie evalwat abbażi tal-verżjoni l-iktar reċenti tal-mudell PRIMES, li l-informazzjoni dwaru ma ntbagħtitx lill-Bulgarija ħlief wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

Hemm ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali billi fl-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti Bulgaru l-Kummissjoni użat dokument mhux uffiċjali.

Hemm ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba minħabba li fl-evalwazzjoni tal-konformità tal-pjan nazzjonali ta' kwoti Bulgaru mal-kriterji 1, 2 u 3 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni ma eżaminatx b'attenzjoni biżżejjed u oġġettivament il-fatturi ekonomiċi u ekoloġiċi kollha rilevanti.

Il-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat l-atti vinkolanti tagħha, li hija adottat fir-rigward tad-Direttiva 2003/87/KE, fl-evalwazzjoni tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' kwoti Bulgaru, u għal din ir-raġuni hemm ksur tal-kriterji 1, 2, 3, 4, 6 u 10 ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.


(1)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32).


Top