Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0194

    Kawża T-194/07: Rikors ippreżentat fl- 4 ta' Ġunju 2007 — Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 199, 25.8.2007, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    25.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 199/38


    Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2007 — Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-194/07)

    (2007/C 199/74)

    Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentant: T. Boček, aġent)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 1294 finali tas-26 ta' Marzu 2007 dwar il-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, innotifikat mir-Repubblika Ċeka skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE. (1) Skond id-deċiżjoni kkontestata, ċertu aspetti mill-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka mhumiex konformi ma' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.

    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll il-prinċipju ta' ċertezza legali u ta' l-aspettattivi leġittimi, billi naqset milli tippubblika d-deċiżjoni kkontestata fit-terminu stabbilit bl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni eċċediet il-poteri tagħha u għaldaqstant kisret l-Artikolu 9(3) meħud flimkien ma' l-Artikoli 9(1) u 11(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija applikat il-metodu tagħha biex tiffissa il-kwantità massima ta' kwoti u abbażi ta' dan il-metodu hija de facto stabbiliet, b'mod vinkolanti, il-kwantità totali ta' kwoti li r-Repubblika Ċeka hija intitolata li talloka.

    Anki li kieku l-Kummissjoni kienet intitolata li tuża l-metodi tagħha biex tistabbilixxi li l-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet huwa konformi ma' dak li titlob id-Direttiva 2003/87/KE, hija kisret l-Artikolu 9(3) ta' dik id-Direttiva peress li (i) il-metodu li hija użat la kien trasparenti u lanqas oġġettiv u (ii) il-kwantità ta' kwoti ta' emissjonijiet li rriżultaw mhumiex konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE billi naqset milli tagħti raġunijiet suffiċjenti.


    (1)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU 2003 L 275, p. 32).


    Top