EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0108

Kawża T-108/07: Rikors ippreżentat fit- 8 ta'April 2007 — Spira vs Il-Kummissjoni

ĠU C 129, 9.6.2007, p. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 129/20


Rikors ippreżentat fit-8 ta'April 2007 — Spira vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-108/07)

(2007/C 129/36)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Diamanthandel A. Spira BVBA (Antwerp, il-Belġju) (irrappreżentata minn: J. Bourgeois, Y. van Gerven, F. Louis, A. Vallery, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2007, bl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 773/2004, fil-każ COMP/38.826/B-2 — Spira/De Beers/DTC Supplier of Choice;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2007 fil-kawża COMP/38.826/B-2 — Spira/De Beers/DTC Supplier of Choice, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti dwar il-ksur ta' l-Artikoli 81 u 82 KE fir-rigward tas-sistema dwar is-“Supplier of Choice ”applikata mill-kumpannija De Beers għad-distribuzzjoni tad-djamanti mhux maħduma, billi mhemmx interess Komunitarju biżżejjed sabiex tipproċedi fuq l-ilment tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti tallega li De Beers — produttur tad-djamanti mhux maħduma, li, skond ir-rikorrenti, kien prinċipalment involut fis-swieq fil-bidu tal-katina tas-suq fil-bejgħ tad-djamanti mhux maħduma — qed tipprova permezz tas-sistema tas-“Supplier of Choice ”testendi l-kontrol tagħha tas-suq sabiex tkopri il-proċess kollu li jgħaddu minnu d-djamanti mill-barrieri sa għand il-konsumatur, jiġifieri anki s-swieq fit-tmiem tal-katina tas-suq.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni naqset milli tonora l-obbligu tagħha li tinvestiga b'mod attent u imparzjali l-ilment u teżamina b'reqqa u b'attenzjoni u imparzjalità l-prattiki anti-kompetittivi rrapportati fl-ilment.

It-tieni nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni ma setatx issosstni li ma kienx hemm biżżejjed interess Komunitarju sabiex tipproċedi fuq l-ilment, fid-dawl tad-daqs ta' l-impriża involuta, il-firxa ġeografika tal-prattiki anti-kompetittivi u d-dannu lill-kompetizzjoni u lis-suq intern b'riżultat ta' dawn il-ksur.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni kkonkludiet li mhemmx biżżejjed interess Komunitarju abbażi ta' evalwazzjoni żbaljata, fil-fatt u fid-dritt, taċ-ċirkustanzi tal-kawża billi:

1)

il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-għan anti-kompetittiv ta' De Beers', li huwa manifestatament pubbliku, fis-sistema tad-distribuzzjoni selettiva;

2)

il-Kummissjoni ma setatx tevalwa l-effetti anti-kompetittivi tas-sistema tad-distribuzzjoni ta' De Beers' mingħajr l-ewwel tevalwa l-pożizzjoni dominanti u s-saħħa tas-suq ta' De Beers;

3)

il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra numru ta' elementi miġjuba għall-attenzjoni tagħha fl-ilment li juru li s-sistema hija minnha stess abbużiva u anti-kompetittiva;

4)

il-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat l-effikaċità tat-Termini ta' Referenza riveduti għall-Ombudsman li De Beers ippreżentat sabiex tinstab soluzzjoni għall-kontestazzjonijiet dwar l-implementazzjoni tas-sistema tad-distribuzzjoni; u

5)

l-Kummissjoni għamlet żball ta' dritt u żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti meta ddeċidiet li s-sistema tad-distribuzzjoni ma tagħlaqx is-suq.


Top