This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007TJ0434
Judgment of the General Court (Sixth Chamber) of 2 December 2009. # Volvo Trademark Holding AB v Office for Harmonisation in the Internal Market (Trade Marks and Designs) (OHIM). # Community trade mark - Opposition proceedings - Application for the Community figurative mark SOLVO - Earlier Community and national word and figurative marks VOLVO - Relative ground for refusal - Article 8(1)(b) and (5) of Regulation (EC) No 40/94 (now Article 8(1)(b) and (5) of Regulation (EC) No 207/2009). # Case T-434/07.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tat-2 ta' Diċembru 2009.
Volvo Trademark Holding AB vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva SOLVO - Trade marks Komunitarji u nazzjonali verbali u figurattivi preċedenti VOLVO - Raġuni relattiva għal rifjut- Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament KE Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009].
Kawża T-434/07.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) tat-2 ta' Diċembru 2009.
Volvo Trademark Holding AB vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva SOLVO - Trade marks Komunitarji u nazzjonali verbali u figurattivi preċedenti VOLVO - Raġuni relattiva għal rifjut- Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament KE Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009].
Kawża T-434/07.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 II-04415
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2009:480
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)
2 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva SOLVO — Trade marks Komunitarji u nazzjonali verbali u figurattivi preċedenti VOLVO — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”
Fil-Kawża T-434/07,
Volvo Trademark Holding AB, stabbilita f’Göteborg (l-Isvezja), irrappreżentata minn T. Dolde, V. von Bomhard u A. Renck, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen u A. Folliard-Monguiral, bħala aġenti,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni), intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija
Elena Grebenshikova, residenti f’Saint Petersburg (ir-Russja), irrappreżentata minn M. Björkenfeldt, avukat,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tat-2 ta’ Awwissu 2007 (Każ R 1240/2006-2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Volvo Trademark Holding AB u Elena Grebenshikova,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. W. H. Meij (Relatur), President, V. Vadapalas u T. Tchipev, Imħallfin,
Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Novembru 2007,
wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Marzu 2008,
wara li rat ir-risposta tal-Uffiċċju ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Marzu 2008,
wara s-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fis-26 ta’ Novembru 2003, l-intervenjenti, Elena Grebenshikova, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern Intern (Trade marks u Disinni) (iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju”), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 353), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. |
2 |
L-applikazzjoni għal trade mark kienet tirreferi għas-sinjal figurattiv li ġej:
|
3 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu jaqgħu fil-klassijiet 9, 39 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-registrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. |
4 |
L-applikazzjoni għal trade mark komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 47/2004, tat-22 ta’ Novembru 2004. |
5 |
Fis-17 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti, Volvo Trademark Holding AB, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. |
6 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq żewġ reġistrazzjonijiet preċedenti ta’ trade marks Komunitarji Nri 2347193 u 2361087, kif ukoll fuq erba’ reġistrazzjonijiet preċedenti tar-Renju Unit Nri 747362, 1102971, 1552528 u 1552529, li jirrigwardaw is-sinjal verbali VOLVO. |
7 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata wkoll fuq ir-reġistrazzjoni preċedenti tar-Renju Unit Nru 747361, li tirrigwarda s-sinjal figurattiv li ġej:
|
8 |
It-trade marks preċedenti, li skont ir-rikorrenti għandhom reputazzjoni fil-Komunità Ewropea, kienu jkopru medda wiesgħa ta’ prodotti u servizzi. B’mod partikolari, it-trade mark Komunitarja Nru 2361087 kienet tkopri b’mod partikolari s-“softwer informatiku”, li jaqa’ taħt il-klassi 9. |
9 |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-totalità tal-prodotti u servizzi koperti mit-trade marks preċedenti u kienet diretta kontra t-totalità tal-prodotti u servizzi koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja. |
10 |
Ir-raġunijiet għall-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament KE Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]. |
11 |
Fl-1 ta’ Ġunju 2005, l-intervenjenti llimitat l-applikazzjoni tagħha għal trade mark Komunitarja għall-“programmi informatiċi għal sistemi ta’ ġestjoni tal-imħażen u programmi informatiċi għal sistemi ta’ terminali tal-kontejners”, li jaqgħu taħt il-klassi 9. |
12 |
B’deċiżjoni tat-23 ta’ Awwissu 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni peress li ma kienx hemm xebh bejn is-sinjali inkwistjoni. Għal dan il-għan, hija eżaminat l-oppożizzjoni billi ħadet biss inkunsiderazzjoni t-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 2361087, li kienet tirrigwarda s-sinjal verbali VOLVO u li kienet tkopri l-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9 u 42, billi kkunsidrat li dan ma kienx jaffettwa b’mod negattiv il-pożizzjoni tar-rikorrenti. |
13 |
Fil-21 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
14 |
B’deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad l-appell. Kif għamlet id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell eżamina l-fondatezza tal-oppożizzjoni billi ħa inkunsiderazzjoni biss it-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 2361087, li tirrigwarda s-sinjal verbali VOLVO. |
15 |
F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huwa kkunsidra li t-trade marks inkwistjoni ma kinux simili u li, għaldaqstant, waħda mill-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni ma kinitx sodisfatta. F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Bord tal-Appell qies, minbarra li t-trade marks inkwistjoni ma kinux simili, li ma kienx hemm fattur komuni bejn iż-żewġ sinjali li jista’ jwassal sabiex wieħed jemmen li teżisti rabta ekonomika bejniethom. |
It-talbiet tal-partijiet
16 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
17 |
Waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbet ukoll li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż. |
18 |
L-Uffiċċju jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
19 |
L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
20 |
Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi, ibbażati, rispettivament fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94
L-argumenti tal-partijiet
21 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li s-sinjali inkwistjoni ma kinux simili u f’dan ir-rigward tressaq erba’ argumenti. L-ewwel nett, id-differenza li tirrigwarda l-ittra inizjali tas-sinjali inkwistjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi miċħud kull xebh bejn dawn tal-aħħar, fid-dawl tal-fatt li erbgħa mill-ħames ittri li jikkomponuhom huma identiċi u jinsabu fl-istess pożizzjoni. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ikkonċentra ruħu fuq ir-repetizzjoni tal-ittra “v” fit-trade marks preċedenti, mingħajr ma ta l-iċken importanza lir-repetizzjoni tal-vokali “o”, li madankollu hija preżenti fis-sinjali inkwistjoni. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu b’mod żbaljat fuq it-tipografija partikolari tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, mingħajr ma kkunsidra l-fatt li t-trade marks verbali preċedenti jistgħu wkoll jiġu ppreżentati taħt tipografija simili. Fl-aħħar u r-raba’ nett, il-Bord tal-Appell ta importanza żejda lill-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Konsegwentement, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord tal-Appell kellu jwettaq evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
22 |
Qabel kollox, l-Uffiċċju jsostni li s-softwer speċjalizzat fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-imħażen u fis-sistemi ta’ terminali tal-kontejners huwa intiż għall-professjonisti, li għandhom juru livell ta’ attenzjoni relattivament għoli. |
23 |
Imbagħad huwa jsostni, essenzjalment, li d-differenzi fuq il-livell viżiv u fonetiku jiġġustifikaw il-fatt li s-sinjali inkwistjoni ma jiġux ikkunsidrati bħala simili. B’hekk, f’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv tas-sinjali inkwistjoni, l-UASI josserva li l-ewwel ittra tas-sinjali inkwistjoni hija differenti u li l-iskritt tal-ittri tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa partikolari u għandu rwol importanti fl-impressjoni ġenerali li huwa jipproduċi. Huwa josserva wkoll li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija ddominata minn impressjoni ta’ nuqqas ta’ simetrija, filwaqt li s-sinjal verbali preċedenti jippreżenta simetrija minħabba r-repetizzjoni tal-grupp ta’ ittri “vo”. Barra minn hekk, l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikkostitwixxi element importanti tad-differenza viżiva. F’dak li jirrigwarda x-xebh fuq livell fonetiku, l-UASI jsostni li d-differenza li tirrigwarda l-ewwel ittra tas-sinjali inkwistjoni hija suffiċjenti sabiex dawn ma jiġux ikkunsidrati bħala simili. |
24 |
L-intervenjenti tikkunsidra, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell wettaq analiżi eżatta. Hija tenfasizza b’mod partikolari li l-fenomenu fejn, meta trade mark hija magħrufa ħafna mill-konsumaturi huma, paradossalment, f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddistingwuha mit-trade marks l-oħrajn, billi jinnotaw id-differenzi bejniethom, li għandu bħala effett li jnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni. Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li t-trade marks inkwistjoni jippreżentaw differenzi fuq il-livell kunċettwali, minħabba s-sinjifikat differenti li t-termini “solvo” u “volvo” jistgħu jissuġġerixxu bil-Latin. Waqt is-seduta, hija insistiet fuq il-fatt li dan il-kliem kien ġej mil-Latin. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
25 |
Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku tat-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. |
26 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skont il-każ, minn impriżi li huma marbuta ekonomikament tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata b’mod globali, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ, [sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI - Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. I-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
27 |
Din l-evalwazzjoni globali tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għarfien tat-trade mark fis-suq, kif ukoll il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks u bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti. F’dan ir-rigward, hija timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, b’mod li livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat b’livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u viċi versa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 17, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 19). |
28 |
F’din il-kawża, qabel kollox għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tinvoka insostenn tal-oppożizzjoni tagħha seba’ trade marks preċedenti, li jirrigwardaw kemm is-sinjal verbali VOLVO kif ukoll is-sinjal figurattiv imsemmi fil-punt 7 iktar ’il fuq. Madankollu, hija ma tikkontestax l-approċċ tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u tal-Bord tal-Appell li jikkonsisti fl-eżami tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni b’teħid inkunsiderazzjoni biss tat-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 2361087, li tirrigwarda s-sinjal verbali VOLVO. Sa fejn dan is-sinjal verbali huwa dak li huwa l-iktar simili għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u sa fejn din ir-reġistrazzjoni tkopri, fost prodotti u servizzi oħra, is-softwer informatiku, u għaldaqstant ukoll il-prodotti identiċi għal dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-programmi informatiċi għal sistemi ta’ ġestjoni tal-istokk u għal sistemi ta’ terminali tal-kontejners, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din it-trade mark preċedenti biss, ma kienx tali li jippreġudika l-interessi tar-rikorrenti. |
29 |
Għandu jiġi kkonstatat, imbagħad, li l-identiċità tal-prodotti inkwistjoni ma hijiex ikkontestata. Huwa biss ix-xebh tas-sinjali li qed jiġi diskuss bejn il-partijiet. |
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minn dawn, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs UASI — Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u tat-13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs UASI — Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra), T-153/03, Ġabra p. II-1677, punt 26]. |
31 |
Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li żewġ trade marks huma simili meta, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti bejn it-tnejn għall-inqas identiċità parzjali f’dak li jikkonċerna l-aspett viżiv, fonetiku jew kunċettwali, jew diversi aspetti minnhom [sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI — Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 30, u tal-20 ta’ April 2005, Faber Chimica vs UASI — Nabersa (Faber), T-211/03, Ġabra p. II-1297, punt 26]. |
32 |
Din il-kawża tirrigwarda, minn naħa, sinjal figurattiv li huwa kkostitwit minn element verbali “solvo”, ippreżentat bi skritt ta’ ittri stilizzat kif ukoll minn element grafiku li jinsab fuq il-lemin tal-element verbali u, min-naħa l-oħra, mis-sinjal verbali VOLVO. |
33 |
F’dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, għandu jiġi kkonstatat li l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jiddomina, għalih waħdu, l-istampa ta’ dan is-sinjal li l-pubbliku rilevanti jżomm fil-memorja tiegħu, b’tali mod li l-element figurattiv li jinsab fuq il-lemin tal-element verbali ma huwiex dominanti fl-impressjoni globali prodotta minn dan is-sinjal. |
34 |
Il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li n-nuqqas ta’ xebh li jirrigwarda l-ewwel ittra tas-sinjali inkwistjoni kif ukoll l-iskritt ta’ ittri stilizzat tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu taw lok għal differenzi kunsiderevoli li jipprekludu kull xebh fuq il-livell viżiv. |
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li l-iskritt ta’ ittri stilizzat tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien jikkostitwixxi element distintiv ħafna, li jbiegħed b’mod kunsiderevoli din t-trade mark mit-trade mark verbali preċedenti VOLVO. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dan l-iskritt ta’ ittri jinfluwenza b’mod kunsiderevoli l-impressjoni totali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, inwkantu huwa jikkaratterizza l-element verbali dominanti tagħha. |
36 |
Id-differenza importanti prodotta minn dan l-iskritt partikolari ta’ ittri hija, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell, imsaħħa mill-preżenza tal-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Bord tal-Appell ta importanza żejda lil dan l-element figurattiv. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tan-nuqqas ta’ xebh fuq il-livell viżiv tas-sinjali kkontestati ma hijiex ibbażata prinċipalment fuq il-preżenza ta’ dan l-element figurattiv, peress li din l-evalwazzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ xebh hija fl-ewwel lok, u dan ġustament, ibbażata fuq l-iskritt ta’ ittri stilizzat użat għall-finijiet tal-preżentazzjoni tal-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
37 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni li s-sinjal verbali preċedenti jista’ jiġi ppreżentat b’tipografija komparabbli għal dik tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-eżami tax-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni jieħu inkunsiderazzjoni dawn it-trade marks fl-intier tagħhom, hekk kif huma rreġistrati jew hekk kif saret l-applikazzjoni għalihom. Issa, trade mark verbali hija trade mark magħmula esklużivament minn ittri, minn kliem jew minn gruppi ta’ kliem, miktuba b’ittri stampati bi skritt normali, mingħajr element figurattiv speċifiku. Il-protezzjoni li tirriżulta mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark verbali tirrigwarda l-kelma indikata fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u mhux l-aspetti figurattivi jew stilistiċi partikolari li din it-trade mark tista’ eventwalment ikollha. Għalhekk, għall-finijiet tal-eżami tax-xebh, ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni grafika li s-sinjal verbali preċedenti jista’ jkollu fil-futur [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Faber, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37; tat-13 ta’ Frar 2007, Ontex vs UASI — Curon Medical (CURON), T-353/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74, u tat-22 ta’ Mejju 2008, Radio Regenbogen Hörfunk in Baden vs UASI (RadioCom), T-254/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 43]. |
38 |
F’dak li jirrigwarda x-xebh fonetiku, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sinjali inkwistjoni kienu differenti minħabba l-pronunċja differenti tal-ewwel ittra tagħhom, l-“s” tal-element “solvo” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija sibilanti filwaqt li l-“v” tat-trade mark VOLVO hija frikattiva. |
39 |
Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni r-rikorrenti, jekk id-differenza bejn l-ewwel ittra tas-sinjali inkwistjoni tintroduċi nuqqas ta’ xebh fonetiku, il-pronunċja tal-grupp tal-erba’ ittri ta’ wara “olvo”, tibqa’ strettament identika u għalhekk iżżomm neċessarjament livell ta’ xebh [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs UASI — ELS Educational Services (ELS), T-388/00, Ġabra p. II-4301, punti 69 sa 73]. |
40 |
Għalkemm huwa minnu, kif osserva l-Bord tal-Appell, li l-bidu ta’ sinjal għandu importanza fl-impressjoni globali li dan is-sinjal jipproduċi, l-eżistenza ta’ ċertu xebh ma tistax, f’dan il-każ, tiġi miċħuda, fid-dawl tal-pronunċja identika li għandhom il-parti kbira ta’ kull wieħed mis-sinjali inkwistjoni, jiġifieri erbgħa mill-ħames ittri tagħhom. |
41 |
Konsegwentement, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi ma ammettiex l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ xebh fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni. |
42 |
F’dak li jirrigwarda x-xebh kunċettwali, ir-rikorrenti taqbel mal-analiżi tal-Bord tal-Appell li tikkunsidra li l-konsumatur probabbilment ma għandux għarfien suffiċjenti sabiex jiddistingwi l-għeruq Latini tas-sinjali inkwistjoni. Hija biss l-intervenjenti li ssostni li l-għeruq Latini tat-trade marks inkwistjoni juru nuqqas ta’ xebh fuq il-livell kunċettwali. |
43 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ma tantx huwa probabbli li l-konsumatur inkwistjoni jipperċepixxi s-sinjifikat li t-trade marks inkwistjoni jista’ jkollhom fid-dawl tal-għeruq Latini tagħhom, għaliex ġeneralment ma tantx huwa probabbli li proporzjoni sinjifikattiva tal-konsumaturi jassoċjaw it-termini li huma s-suġġett ta’ dawn it-trade marks u l-Latin. Għaldaqstant għandu jiġi deċiż li x-xebh fuq il-livell kunċettwali għandu biss, f’din il-kawża, rwol marġinali ħafna fl-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni. |
44 |
B’hekk, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li minkejja li l-Bord tal-Appell qies ġustament li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni SOLVO u t-trade mark verbali preċedenti VOLVO ma humiex simili fuq il-livell viżiv u dak kunċettwali, huwa wettaq żball ta’ evalwazzjoni billi eskluda kull xebh fuq il-livell fonetiku. |
45 |
Madankollu, l-Uffiċċju jsostni li, f’din il-kawża, il-prodotti inkwistjoni, jiġifieri s-softwer speċjalizzat fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-istokk u fis-sistemi ta’ terminali tal-kontejners, huma intiżi għal pubbliku professjonali u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ attenzjoni relattivament għoli ta’ tali pubbliku għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell fir-rigward tax-xebh tas-sinjali kunfliġġenti. |
46 |
Madankollu, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-pubbliku rilevanti sabiex jevalwa x-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni. Permezz tal-argument tiegħu, l-Uffiċċju mhux beħsiebu, għaldaqstant, jipproduċi elementi tali li jispjegaw motivazzjoni eżistenti fid-deċiżjoni inkwistjoni, iżda li jressaq motiv supplimentari insostenn tal-fondatezza tal-konklużjoni tal-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, motiv li ma jidhirx f’din tal-aħħar. Issa, għandu jiġi mfakkar li l-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fiż-żmien meta l-att ġiet adottat [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T-16/02, Ġabra p. II-5167, punt 63, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, eCopy vs UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra p. II-5301, punt 46]. |
47 |
F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkunsidrat, kif sostna l-Uffiċċju waqt is-seduta, li l-kwistjoni tad-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti tikkostitwixxi kundizzjoni ġuridika li tista’ tiġi eżaminata ex officio, u għall-ewwel darba, mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, id-definizzjoni ta’ pubbliku rilevanti hija bbażata fuq punti ta’ fatt li għandhom jiġu evalwati l-ewwel nett mill-Uffiċċju b’osservanza tal-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, u jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ta’ legalità mill-qorti Komunitarja fid-dawl tal-argumenti u tal-provi mressqa mill-partijiet. |
48 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li jekk, skont il-ġurisprudenza, l-analiżi ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, li tikkostitwixxi element essenzjali tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandha titwettaq, bħal din tal-aħħar, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI — DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, Ġabra p. II-1739, punt 53; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI — Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II-449, punt 58], dan huwa minnu essenzjalment biss fil-każ fejn il-karatteristiċi partikolari tal-konsumaturi inkwistjoni jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni tagħhom fir-rigward tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni. Dan huwa minnu b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-perċezzjoni tal-livell ta’ xebh mill-perspettiva fonetika u kunċettwali, li tista’ tvarja kemm skont il-lingwa u l-kuntest kulturali ta’ dawn il-konsumaturi, jew inkella skont il-livell ta’ għarfien tagħhom ta’ ċerti termini speċjalizzati, li huwa spiss iddeterminat mill-kwalità tagħhom ta’ pubbliku professjonali. |
49 |
Bil-kontra, sa fejn hija ta’ natura li tinfluwenza l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, jiġifieri l-attribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni lill-istess impriża jew lil impriżi li huma marbuta ekonomikament, il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-fażi tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Dan huwa partikolarment minnu f’dak li jirrigwarda l-livell ta’ attenzjoni ogħla li normalment juri l-pubbliku professjonali. |
50 |
F’din il-kawża, l-eżistenza ta’ livell ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, f’dak li jirrigwarda wieħed mill-aspetti rilevanti eżaminati, jiġifieri x-xebh fonetiku, tipprekludi l-possibbiltà li jiġi kkunsidrat li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) hija nieqsa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell huwa marbut iwettaq evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, sabiex jiddetermina jekk, fid-dawl tal-livell ta’ xebh fonetiku kkonstatat bejn is-sinjali inkwistjoni, tal-identiċità tal-prodotti koperti u tar-reputazzjoni tas-sinjal preċedenti, il-pubbliku li għalih huma intiżi l-prodotti inkwistjoni jistax jemmen li l-prodotti inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi li huma marbuta ekonomikament. |
51 |
Madankollu, l-intervenjenti ssostni li, meta trade mark tkun magħrufa ħafna mill-konsumaturi, dawn ikunu paradossalment, f’pożizzjoni aħjar sabiex jiddistingwuha minn trade marks oħrajn, billi jinnotaw id-differenzi bejniethom, li jkollu bħala effett li jnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li, bħala prinċipju, iktar ma tkun distintiva t-trade mark preċedenti, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Novembru 2003, Díaz vs UASI — Granjas Castelló (CASTILLO), T-85/02, Ġabra p. II-4835, punt 44). Minkejja dan, u mingħajr ma għandu jiġi deċiż minn qabel dwar il-fondatezza tal-proposta tal-intervenjenti f’dan il-każ, għandu jiġi osservat, f’kull każ, li dan l-argument għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-fażi tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u li ma huwiex tali li jinvalida l-kunsiderazzjoni li tipprovdi li ma huwiex il-każ li t-trade marks inkwistjoni ma għandhom l-ebda xebh. |
53 |
F’din il-kawża, peress li l-Bord tal-Appell naqas milli jwettaq evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Konsegwentement, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv u, abbażi ta’ dan, tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94
L-argumenti tal-partijiet
54 |
Ir-rikorrenti ssostni, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-ewwel motiv, li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li s-sinjali inkwistjoni ma kinux suffiċjentement simili. Hija żżid li, anki jekk jiġi kkunsidrat li s-sinjali inkwistjoni ma humiex suffiċjentement simili sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huma f’kull każ suffiċjentement simili għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
55 |
L-UASI jsostni li, minkejja li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jeżiġi livell ta’ xebh inqas bejn is-sinjali minn dak li jeżiġi l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huwa f’kull każ impossibbli, f’din il-kawża, li tiġi stabbilita rabta bejn it-trade marks inkwistjoni, inkwantu huma differenti fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u ma jippreżentaw, għaldaqstant, l-iċken xebh. |
56 |
L-intervenjenti tikkontesta l-fondatezza tat-tieni motiv u ssostni li t-trade marks inkwistjoni ma jinsabux fl-istess suq. Hija żżid li rabta bejn it-trade marks għandha jkollha impatt fuq l-aġir ekonomiku tal-konsumatur u li ma huwiex suffiċjenti li sinjal jġiegħel lill-konsumatur jaħseb f’trade mark preċedenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
57 |
L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li, “[m]alli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”. |
58 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) (li l-kontenut leġiżlattiv tagħha huwa, essenzjalment, identiku għal dak tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94), jirriżulta li, sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni dwar ix-xebh, ma huwiex neċessarju li jintwera li, fil-moħħ tal-pubbliku kkonċernat, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti li tgawdi minn reputazzjoni u t-trade mark li saret applikazzjoni għaliha. Huwa suffiċjenti li l-livell ta’ xebh bejn dawn it-trade marks ikollu l-effett li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejniethom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C-408/01, Ġabra p. I-12537, punt 31; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ April 2008, Citigroup u Citibank vs UASI — Citi (CITI), T-181/05, Ġabra p. II-669, punt 64). |
59 |
L-eżistenza ta’ rabta bħal din għandha tiġi evalwata globalment billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenza Adidas-Salomon et Adidas Benelux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jikkostitwixxu b’mod partikolari fatturi rilevanti għal-livell ta’ xebh bejn trade marks kunfliġġenti, in-natura u l-livell ta’ xebh tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, il-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub bl-użu, tat-trade mark preċedenti, jew ukoll l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C-252/07, Ġabra p. I-4369, punt 42). |
60 |
Il-Bord tal-Appell qies li bejn is-sinjali inkwistjoni ma kienx jeżisti livell ta’ xebh suffiċjenti sabiex il-pubbliku jkun jista’ jistabbilixxi rabta bejnhom, b’tali mod li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ikun jista’ jiġi implementat. |
61 |
Madankollu din il-konklużjoni tirriżulta, parzjalment, mill-evalwazzjoni li wettaq il-Bord tal-Appell fir-rigward tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Issa, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidra li s-sinjali inkwistjoni kienu nieqsa minn kull xebh, għaliex huma għandhom livell ta’ xebh fonetiku. |
62 |
Sa fejn dan l-iżball ta’ evalwazzjoni jista’ jinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-livell ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, il-pubbliku rilevanti jistax jistabbilixxi rabta bejniethom, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell wettaq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. |
63 |
Għaldaqstant, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni motiv u li, abbażi ta’ dan, tiġi wkoll annullata d-deċiżjoni kkontestata. |
Fuq l-ispejjeż
64 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI u l-intervenjenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Meij Vadapalas Tchipev Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-2 ta’ Diċembru 2009. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.