Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007FN0122

Kawża F-122/07: Rikors imressaq fil- 25 ta' Ottubru 2007 — Marcuccio vs Il-Kummissjoni

ĠU C 64, 8.3.2008, p. 65–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 64/65


Rikors imressaq fil-25 ta' Ottubru 2007 — Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-122/07)

(2008/C 64/108)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla n-nota tat-30 ta' Novembru 2006, prot. RELEX.K.4 D (2006) 522434;

tannulla n-nota tal-15 ta' Frar 2006, prot. D (2006) 502458;

tannulla d-deċiżjoni li tingħalaq l-investigazzjoni li tikkonċerna dak li seħħ fis-6 ta' Settembru 2001 meta r-rikorrent talab l-għajnuna tas-servizzi tas-sigurtà tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fl-Angola għat-tibdil ta' tajer tal-karrozza tiegħu;

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta, indipendentement kif ittieħdet, li tiċħad it-talba ta' l-1 ta' Settembru 2006, li tressqet mir-rikorrent quddiem l-Awtorità tal-Ħatra;

tannulla, safejn neċessarju, in-nota tas-16 ta' Lulju 2007 prot. ADMIN.B.2/MB/nb D(07) 16072;

tannulla, safejn neċessarju, id-deċiżjoni, indipendentement kif ittieħdet, li tiċħad l-ilment tas-26 ta' Marzu 2007 imressaq mir-rikorrent lill-Awtorità tal-Ħatra;

tikkundanna lill-konvenuta twettaq inkjesta sabiex taċċerta l-avvenimenti li seħħew fil-5 ta' Mejju 2003, meta l-kap pro tempore ta' l-amministrazzjoni tad-delegazzjoni tal-KE fl-Angola saq il-karrozza tar-rikorrent mill-bitħa esterna ta' l-alloġġ tiegħu sa post li kien madwar erba' kilometri 'l bogħod, l-avvenimenti tas-6 ta' Settembru 2001, u l-esistenza ta' kwalunkwe relazzjoni bejn l-avvenimenti, kif ukoll li tikkomunika mingħajr dewmien lir-rikorrent ir-riżultati ta' l-inkjesta, li tesponi f'postijiet varji li huma adatti u viżibbli l-avviżi li jinkludu estratti tal-konklużjonijiet ta' l-inkjesta u li tiggarantixxi l-aċċess għal dawn il-konklużjonijiet; jew sussidjarjament, tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, bħala kumpens għad-danni li rriżultaw b'mod irriversibbli mid-deċiżjoni ta' ċaħda tat-talba ta' l-1 ta' Settembru 2006, is-somma ta' EUR 100 000 jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġusta u ekwa u, fir-rigward tad-danni ulterjuri għad-data preżenti, is-somma ta' EUR 20 jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġusta u ekwa, għal kull jum li jiddekorri mill-jum ta' l-għada u dak li fih, wara li tkun saret l-inkjesta, jingħataw komunikazzjonijiet lir-rikorrenti kif ukoll pubbliċità adegwata tal-konklużjonijiet;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, bħala kumpens għad-danni li diġà rriżultaw b'mod irreversibbli minħabba r-rifjut li tintbagħtlu t-traduzzjoni bit-Taljan tan-nota tat-30 ta' Novembru 2006, is-somma ta' EUR 20 000, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġusta u ekwa; kif ukoll, fir-rigward tad-danni ulterjuri għad-data preżenti, is-somma ta' EUR 2 jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġusta u ekwa, għal kull jum li jiddekorri mill-jum ta' l-għada u dak li fih jiġu adottati l-miżuri ta' implementazzjoni kollha ta' l-annullament ta' dan ir-rifjut;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, bħala kumpens għad-dannu li diġà rriżulta kif ukoll li jista' jirriżulta fil-futur, minħabba d-deċiżjoni li tingħalaq l-investigazzjoni f'dak li jikkonċerna d-danni li diġà rriżultaw b'mod irreversibbli, is-somma ta' EUR 20 000 jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġusta u ekwa li għandha titħallas immedjatament wara s-sentenza tal-kawża in kwistjoni; fir-rigward tad-danni ulterjuri li ser jirriżultaw għad-data preżenti, is-somma ta' EUR 25, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġusta u ekwa, għal kull jum li jiddekorri mill-jum ta' l-għada u dak li fih il-konvenuta ser tadotta l-miżuri ta' implementazzjoni kollha ta' l-annullament tad-deċiżjoni ta' għeluq l-investigazzjoni.

tikkonstata l-illegalità tal-fatt li r-rikorrent, mill-inqas sad-data li fiha rċieva n-nota tat-30 ta' Novembru 2006, ma kienet ingħatatlu l-ebda komunikazzjoni tad-deċiżjoni dwar l-għeluq ta' l-investigazzjoni;

tiddikjara l-illegalità tan-nuqqas ta' komunikazzjoni dwar l-għeluq ta' l-investigazzjoni;

tikkundanna lill-konvenuta, bħala kumpens għad-dannu li rriżulta minħabba n-nuqqas ta' komunikazzjoni dwar l-għeluq ta' l-investigazzjoni, li tħallas lir-rikorrent is-somma ta' EUR 50 000 jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis ġusta u ekwa;

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent iżid, in sostenn ta' l-argumenti tiegħu, it-tliet motivi ta' rikors li ġejjin: 1) nuqqas assolut ta' motivazzjoni, anki minħabba nuqqas ta' loġika, nuqqas ta' kongruwenza, nuqqas ta' raġonevolezza, konfużjoni u nuqqas ta' adegwatezza ta' l-istruttorja; 2) ksur gravi, ċar u manifest tal-liġi; 3) ksur tad-dmir ta' premura u ta' amministrazzjoni tajba.


Top