Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CN0561

    Kawża C-561/07: Rikors ippreżentat fit- 18 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana

    ĠU C 64, 8.3.2008, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.3.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 64/21


    Rikors ippreżentat fit-18 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana

    (Kawża C-561/07)

    (2008/C 64/32)

    Lingwa tal-kawża: It-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: J. Enegren u L. Pignataro, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

    Talbiet tal-parti rikorrenti

    tiddikjara li, billi żammet fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428 tad-29 ta' Diċembru 1990 fil-każ ta' kriżi korporattiva skond is-subparagrafu (c) tal-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 675 tat-12 ta' Awwissu 1977 b'tali mod li d-drittijiet ta' l-impjegati stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23/KE mhumiex iggarantiti fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi li fih tkun ġiet aċċertata “qagħda ta' kriżi”, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li għandha skond l-imsemmija direttiva;

    tikkundanna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 428/1990 (Artikolu 47(5) u (6)) jiksru d-Direttiva 2001/23/KE (1) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji, peress li l-impjegati ta' l-impriża ammessi fl-iskema straordinarja tal-fond ta' garanzija tal-paga ttrasferiti lill-akkwirent jitilfu d-drittijiet stipulati fl-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili, ħlief għal xi garanziji stipulati fil-ftehim tat-trade unions (it-“trattament preferenzjali” stipulat fl-Artikolu 47(5)).

    Dan ifisser li l-impjegati ta' l-impriża ammessa fl-iskema tal-fond ta' garanzija tal-paga minħabba qagħda ta' kriżi ma jibbenefikawx, fil-każ ta' trasferiment ta' l-impriża, mill-garanziji stipulati fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.

    F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 47(6), dan jistipula li l-impjegati li ma jiġux ittrasferiti lill-akkwirent, lil min jikri jew lill-operatur il-ġdid għandhom dritt ta' prijorità fir-reklutaġġ li jsir minn dawn ta' l-aħħar matul perijodu ta' sena mit-trasferiment jew matul perijodu itwal stabbilit bi ftehim kollettivi. L-Artikolu 2112 tal-Kodiċi Ċivili ma japplikax fil-konfront ta' dawn l-impjegati, li jiġu rreklutati mill-akkwirent, minn min jikri jew mill-operatur il-ġdid wara t-trasferiment ta' l-impriża.

    Il-Gvern Taljan ma kkontestax l-analiżi tal-Kummissjoni li abbażi tagħha l-impjegati ta' impriża ammessa għall-iskema ta' fond ta' garanzija tal-paga għal qagħda ta' kriżi, ma jibbenefikawx, fil-każ ta' trasferiment ta' impriża, mill-garanziji stipulati fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva. Madankollu huwa sostna li f'din il-kawża japplika l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva.

    Fir-rikors il-Kummissjoni rrelevat li tali dispożizzjoni tippermetti li, fil-każ ta' trasferiment ta' impriża fejn l-akkwirent ikun f'qagħda ta' kriżi ekonomika gravi, jinbidlu l-kundizzjonijiet ta' impjieg ta' l-impjegati sabiex jiġu ssalvagwardjati l-opportunitajiet ta' impjieg billi tiġi ggarantita s-soppravivenza ta' l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippermetti biss lill-Istat Membru li jagħti l-kunsens tiegħu lil min jagħmel it-trasferiment u lir-rappreżentanti ta' l-impjegati sabiex jiftehmu li jibdlu l-kundizzjonijiet ta' impjieg f'tali ċirkustanzi u mhux li jeskludi, kif jagħmel l-Artikolu 47(5) u (6) tal-Liġi Nru 428/90, l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva.


    (1)  ĠU L 82, p. 16.


    Top