Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CN0556

Kawża C-556/07: Rikors imressaq fit- 13 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Franċiża

ĠU C 37, 9.2.2008, pp. 20–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 37/20


Rikors imressaq fit-13 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-556/07)

(2008/C 37/30)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: M. Nolin, M. van Heezik, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tikkonstata li billi naqset milli tikkontrolla, tispezzjona u tissorvelja b'mod sodisfaċenti l-attività tas-sajd, b'mod partikolari fir-rigward tal-projbizzjoni ta' l-għeżula tal-mitlaq għall-qbid ta' ċerti speċi, u billi m'assiguratx li jittieħdu miżuri xierqa kontra l-persuni responsabbli għall-ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta' l-użu ta' l-għeżula tal-mitlaq, ir-Repubblika Franċiża naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 2 u 31(1) u (2) tar-Regolament 2847/1993 (1) u l-Artikoli 23(1) u (2), 24 u 25(1) u (2) tar-Regolament 2371/2002 (2);

tordna lir-Repubblika Franċiża tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-konvenuta li applikat b'mod inkorrett il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar is-sajd. Din l-applikazzjoni inkorretta tikkonsisti, minn naħa, mill-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi ma jikkunsidrawx it-tunnara bħala għażel tal-mitlaq meta, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħha, it-tunnara tikkostitwixxi tabilħaqq tali għażel ipprojbit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-fatt li t-tunnara tista' tkun stabbilizzata bl-għajnuna ta' ankra li żżomm f'wiċċ l-ilma hija, f'dan ir-rigward, irrilevanti inkwantu din l-istabbilizzazzjoni ma tfissirx li t-tunnara ma tistax tinġarr mal-kurrenti tal-baħar jew mar-riħ, iżda biss li hija miżmuma minn sufruni u piżijiet sabiex l-effettività tagħha tiġi sfruttata bl-aħjar mod u sabiex jiġi evitat li hija żżomm orizzontalment eżatt taħt il-wiċċ.

In-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu jikkonsisti, min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta' sistema ta' kontroll effettiva bil-għan li tiġi osservata l-projbizzjoni ta' l-għeżula tal-mitlaq għall-qbid ta' ċerti speċi u fin-nuqqas ta' insegwiment fit-teħid ta' proċedimenti fir-rigward ta' ksur ikkonstatat. Il-kontrolli jirrigwardaw biss l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija aktar flessibli mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, u s-sanzjonijiet imposti, fil-każ ta' ksur ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni, huma ħfief u mhux dissważivi ħafna.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU L 261, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, p. 59).


Top