Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CN0524

Kawża C-524/07: Rikors imressaq fis- 26 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija

ĠU C 37, 9.2.2008, p. 11–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 37/11


Rikors imressaq fis-26 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika ta' l-Awstrija

(Kawża C-524/07)

(2008/C 37/14)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: B. Schima, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika ta' l-Awstrija

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika ta' l-Awstrija naqset li twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 28 u 30 KE billi vetturi użati importati, li diġà jkunu rreġistrati fi Stat Membru ieħor, iżda li ma jissodisfawx uħud mid-dispożizzjonijiet Awstrijaċi dwar l-emissjonijiet noċivi u l-emissjonijiet akustiċi, jiġu esklużi mir-reġistrazzjoni, filwaqt li, taħt l-istess kundizzjonijiet tekniċi, vetturi li diġà jkunu rreġistrati fl-Awstrija huma eżenti minn tali verifiki f'każ ta' reġistrazzjoni ġdida

tordna lir-Repubblika ta' l-Awstrija tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikolu 28 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u l-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri. Skond din id-dispożizzjoni, kull liġi jew regola ta' l-Istati Membri li, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, tista' tostakola l-kummerċ intrakomunitarju tikkostitwixxi miżura ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjonijiet.

Permezz tad-dispożizzjonijiet Awstrijaċi dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi, il-vetturi użati, li diġà jkunu rreġistrati fi Stat Membru ieħor u li jiġu importati fl-Awstrija, jiġu esklużi mir-reġistrazzjoni meta ma jissodisfawx uħud mir-rekwiżiti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar l-emissjonijiet noċivi u l-emissjonijiet akustiċi, minkejja l-fatt li, taħt l-istess kundizzjonijiet tekniċi, vetturi li diġà jkunu rreġistrati fl-Awstrija huma eżenti minn tali verifiki f'każ ta' reġistrazzjoni ġdida. Dan jikkostitwixxi ksur, min-naħa tar-Repubblika Awstrijaka, ta' l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 28 u 30 KE.

Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ewwel reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali ta' vettura diġà rreġistrata fi Stat Membru ieħor għall-osservanza ta' xi rekwiżiti dwar l-emissjonijiet noċivi u l-emissjonijiet akustiċi, li jkunu rekwiżiti aktar severi minn dawk li jirriżultaw mid-dritt sekondarju Komunitarju, tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ intrakomunitarju. Barra minn dan, tali restrizzjoni għall-kummerċ tiddiskrimina kontra l-prodotti barranin, inkwantu tali rekwiżiti aktar severi mhumiex applikati f'każ ta' reġistrazzjoni ġdida wara t-trasferiment tal-proprjetà ta' vettura użata li diġà tkun irreġistrata fit-territorju nazzjonali. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali Awstrijaċi in kwistjoni lanqas ma jipprevedu l-irtirar miċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi diġà rreġistrati li ma jissodisfawx l-imsemmija rekwiżiti dwar l-emissjonijiet akustiċi u l-emissjonijiet noċivi, rekwiżiti li min-naħa l-oħra huma applikati biss fil-każ ta' l-awtorizzazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' vetturi importati.

L-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija lanqas mhija eskluża, f'dan il-każ, minn liġijiet speċifiċi oħra. L-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 93/59/KEE u 92/97/KEE li jistabbilixxu ċerti standards dwar l-emissjonijiet u l-livelli tal-ħoss ta' vetturi bil-mutur u li tagħmel referenza għalihom il-leġiżlazzjoni Awstrijaka fir-rigward tal-perċentwali massimi li għandhom jiġu osservati, ma japplikawx għall-vetturi li diġà jkunu mqiegħda fis-suq fi Stat Membru ieħor qabel id-data tad-dħul fis-seħħ stabbilita fl-imsemmija Direttivi. It-tieni nett, ma jistax jiġi invokat il-punt 1 ta' l-Anness II tal-Ftehim ŻEE f'dan il-każ billi l-importazzjoni ta' vetturi fl-Awstrija minn Stat Membru ieħor, li seħħet f'mument li fih kemm l-Awstrija kif ukoll l-Istat Membru kkonċernat l-ieħor kienu diġà jifformaw parti mill-Komunità, hija regolata esklużivament permezz tad-dritt Komunitarju.

Restrizzjonijiet għall-kummerċ intrakomunitarju jistgħu jkunu ġġustifikati biss mill-ġustifikazzjonijiet indikati espressament fl-Artikolu 30 KE u minn htiġijiet imperattivi oħra ta' interess pubbliku. F'dan il-każ, id-dispożizzjonijiet restrittivi għandhom ikunu adegwati, neċessarji u proporzjonati u r-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu strument ta' diskriminazzjoni arbitrarja jew ostakolu moħbi għall-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Fir-rigward tar-restrizzjoni de qua, ma teżisti ebda ġustifikazzjoni adegwata. Fil-fatt mhuwiex permess li jiġu invokati motivi ta' ħarsien tas-saħħa jew ta' l-ambjent sabiex tiġi miċħuda r-reġistrazzjoni għal vetturi importati meta vetturi użati teknikament analogi, li jkunu diġà rreġistrati fit-territorju nazzjonali, jiġu eżenti mill-osservanza ta' tali rekwiżiti f'każ ta' reġistrazzjoni ġdida minħabba trasferiment ta' proprjetà. Barra minn dan, fl-opinjoni tal-Kummissjoni jistgħu jittieħdu miżuri anqas restrittivi sabiex jiġi żgurat il-passaġġ għal vetturi li jniġġsu inqas mill-aspett ta' l-emissjonijiet u tal-livelli tal-ħoss. It-twettiq ta' objettivi għall-ħarsien tas-saħħa u ta' l-ambjent imposti biss fuq vetturi importati huwa wkoll inkompatibbli mal-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija.


Top