This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CJ0260
Judgment of the Court (Third Chamber) of 2 April 2009.#Pedro IV Servicios SL v Total España SA.#Reference for a preliminary ruling: Audiencia Provincial de Barcelona - Spain.#Competition - Agreements, decisions and concerted practices - Article 81 EC - Exclusive distribution agreement for motor-vehicle fuels and other fuels - Exemption - Regulation (EEC) No 1984/83 - Article 12(2) - Regulation (EC) No 2790/1999 - Articles 4(a) and 5(a) - Period of exclusivity - Retail price-fixing.#Case C-260/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-2 ta' April 2009.
Pedro IV Servicios SL vs Total España SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Audiencia Provincial de Barcelona - Spanja.
Kompetizzjoni - Akkordji - Artikolu 81 KE - Kuntratt ta’ forniment esklużiv ta’ karburanti u kombustibbli - Eżenzjoni - Regolament (KEE) Nru 1984/53 - Artikolu 12(2) - Regolament (KEE) Nru 2790/1999 - Artikoli 4(a) u 5(a) - Dewmien tal-esklużività - Fissar tal-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku.
Kawża C-260/07.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-2 ta' April 2009.
Pedro IV Servicios SL vs Total España SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Audiencia Provincial de Barcelona - Spanja.
Kompetizzjoni - Akkordji - Artikolu 81 KE - Kuntratt ta’ forniment esklużiv ta’ karburanti u kombustibbli - Eżenzjoni - Regolament (KEE) Nru 1984/53 - Artikolu 12(2) - Regolament (KEE) Nru 2790/1999 - Artikoli 4(a) u 5(a) - Dewmien tal-esklużività - Fissar tal-prezz ta’ bejgħ lill-pubbliku.
Kawża C-260/07.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:215
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
2 ta’ April 2009 ( *1 )
“Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 81 KE — Kuntratt ta’ provvista esklużiva ta’ karburanti u ta’ kombustibbli — Eżenzjoni — Regolament (KEE) Nru 1984/83 — Artikolu 12(2) — Regolament (KEE) Nru 2790/1999 — Artikoli 4(a) u 5(a) — Tul tal-esklużività — Iffissar tal-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku”
Fil-Kawża C-260/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2007, fil-proċedura
Pedro IV Servicios SL
vs
Total España SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, J. Klučka, U. Lõhmus (Relatur), P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Pedro IV Servicios SL, minn A. Hernández Pardo, M. Gaitán Luján u I. Sobrepera Millet, abogados, |
|
— |
għal Total España SA, minn J. A. de Velasco Esteban, C. Fernández Vicién u I. Moreno-Tapia Rivas, abogados, |
|
— |
għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent, |
|
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci u E. Gippini Fournier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 81 KE, tal-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1984/83, tat-22 ta’ Ġunju 1983, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [81](3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ xiri esklużiv (ĠU L 173, p. 5, u rettifika ĠU 1984, L 79, p. 38), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1582/97, tat-30 ta’ Lulju 1997 (ĠU L 214, p. 27, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1984/83”), kif ukoll l-Artikoli 4(a) u 5(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Pedro IV Servicios SL (iktar ’il quddiem “Pedro IV”) kontra Total España SA (iktar ’il quddiem “Total”) dwar talba għall-annullament, imressqa minn Pedro IV, tar-relazzjoni kuntrattwali kumplessa bejn dawn iż-żewġ kumpanniji minħabba li din ir-relazzjoni kienet tinkludi klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. |
Il-kuntest ġuridiku Komunitarju
Ir-Regolament Nru 1984/83
|
3 |
Ir-Regolament Nru 1984/83 eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE ċerti kategoriji ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv u ta’ prattiċi miftiehma li normalment kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, għar-raġuni li, inġenerali, dawn il-ftehim jew prattiki kienu jwasslu għal titjib tad-distribuzzjoni tal-prodotti. |
|
4 |
Skont il-premessi 8 u 13 tar-Regolament Nru 1984/83:
[…]
|
|
5 |
Id-dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-ftehim tal-pompi tal-petrol kienu previsti fl-Artikoli 10 sa 13 tar-Regolament Nru 1984/83. |
|
6 |
Skont l-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament: “Skont l-Artikolu [81](3) tat-Trattat u skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 11 u 13 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 85(1) tal-imsemmi Trattat huwa inapplikabbli għall-ftehim li fihom jipparteċipaw żewġ impriżi biss u li fihom parti, il-bejjiegħ mill-ġdid, jintrabat mal-ieħor, il-fornitur, bħala korrispettiv għall-għoti ta’ vantaġġi ekonomiċi jew finanzjarji, li jixtri mingħandu biss, ma’ impriża assoċjata miegħu jew ma’ terza impriża li huwa inkariga mid-distribuzzjoni tal-prodotti tiegħu, bil-għan li jsir bejgħ mill-ġdid f’pompa tal-petrol stabbilita fil-ftehim, ta’ ċerti karburanti għal vetturi bil-mutur li jaħdmu bi prodotti taż-żejt jew ċerti karburanti għal vetturi bil-mutur u kombustibbli bbażati fuq prodotti taż-żejt speċifikati fil-ftehim.” |
|
7 |
L-Artikolu 11 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi: “Minbarra l-obbligu msemmi fl-Artikolu 10, l-ebda restrizzjoni oħra fuq il-kompetizzjoni ma għandha tiġi imposta fuq il-bejjiegħ mill-ġdid ħlief:
|
|
8 |
L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1984/83 kien jipprovdi: “1. L-Artikolu 10 mhuwiex applikabbli meta […]
[…] 2. B’deroga mill-paragrafu 1(c), meta l-ftehim jikkonċerna pompa tal-petrol li l-fornitur ikun ta b’kuntratt ta’ kiri lill-bejjiegħ mill-ġdid, jew meta jkun tah l-użu fid-dritt u fil-fatt, l-obbligi ta’ xiri esklużiv u l-projbizzjonijiet ta’ kompetizzjoni msemmija minn dan it-titolu jistgħu jiġu imposti fuq il-bejjiegħ mill-ġdid matul il-perijodu kollu li matulu huwa effettivament ikun qed jopera l-pompa tal-petrol.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
9 |
Ir-Regolament Nru 1984/83 skada fil-31 ta’ Diċembru 1999. Fl-1 ta’ Jannar 2000, daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2790/1999, li pproroga sal-31 ta’ Mejju 2000 l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet previsti, fost l-oħrajn, mir-Regolament Nru 1984/83. |
Ir-Regolament Nru 2790/1999
|
10 |
Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2790/1999: “Skond l-Artikolu 81(3) tat-Trattat u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa dikjarat li l-Artikolu 81(1) m’għandux japplika għal ftehim jew prattiċi miftiehma li ddaħlu bejn żewġ intrapriżi jew aktar li kull wieħed minnhom jopera, għall-għanijiet tal-ftehim, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni, u li tirrelata mal-kundizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi (‘ftehim vertikali’). Din l-eżenzjoni għandha tapplika sal-punt li dawn il-ftehim ikollhom restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu 81(1) (‘restrizzjonijiet vertikali’).” |
|
11 |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2790/1999 jipprovdi: “Bla ħsara għal paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artkolu 2 għandha tapplika fuq il-kundizzjoni li s-sehem tas-suq miżmum mill-fornitur ma jkunx aktar minn 30% tas-suq relevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt.” |
|
12 |
L-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 2790/1999 jipprovdi li l-eżenzjoni tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) tat-Trattat ma għandhiex tapplika għall-ftehim vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala oġġett: “ir-restrizzjoni tal-kapaċità tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-fornitur jimponi prezz massimu tal-bejgħ jew jirrakomanda prezz tal-bejgħ, sakemm ma jammontawx għal prezz fiss jew minimu bħala riżultat ta’ pressjoni minn, jew inċentivi offruti minn, kull parti”. |
|
13 |
L-Artikolu 5 tal-istess regolament jipprovdi: “L-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artikolu 2 m’għandhiex tapplika għall-ebda wieħed mill-obbligi li ġejjin li jinsabu fi ftehim vertikali:
[…]” |
|
14 |
Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2790/1999, kif ukoll dak li diġà ġie ppreċiżat fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, l-eżenzjoni prevista b’mod partikolari mir-Regolament Nru 1984/83 tibqa’ tapplika sal-31 ta’ Mejju 2000. Il-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 81(1) KE ma għandhiex tapplika fil-perijodu mill-1 ta’ Ġunju 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2001 f’dawk li huma ftehim diġà fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2000 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni li hemm provdut għalihom fir-Regolament Nru 2790/1999 iżda li min-naħa l-oħra jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni li hemm provdut għalihom fir-Regolament Nru 1984/83. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Pedro IV topera pompa tal-petrol fi Spanja. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li hija kkonkludiet, fis-26 ta’ Ottubru 1989, erba’ kuntratti ma’ Total, fornitur ta’ prodotti taż-żejt. |
|
16 |
L-ewwel minn dawn il-kuntratti kien jipprovdi li jiġi stabbilit, favur Total, dritt in rem, imsejjaħ “dritt fuq l-art”, għal 20 sena fuq art li kienet il-proprjetà ta’ Pedro IV. Dan il-kuntratt jawtorizza lil Total tibni fuq din l-art, fi żmien sentejn u nofs, pompa tal-petrol li ssir il-proprjetà tagħha bil-kundizzjoni ta’ ħlas lil Pedro IV. L-ammont ta’ dan il-ħlas ġie stabbilit bi ħlas kull xahar ta’ ESP 250000 (madwar EUR 1500), li jitħallas matul 20 sena. Fi tmiem dan il-perijodu ta’ 20 sena, il-pompa tal-petrol mibnija minn Total issir il-proprjetà ta’ Pedro IV. It-terminu msemmi iktar ’il fuq ta’ 20 sena jibda jiddekorri minn meta tibda topera l-pompa tal-petrol. Skont dan il-kuntratt, id-dritt fuq l-art ma jistax jiġi ttrasferit mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tal-art. |
|
17 |
It-tieni fost dawn il-ftehim huwa kuntratt ta’ kiri li jirrigwarda l-pompa tal-petrol li għandha tinbena. Skont dan il-kuntratt, Total jagħti lil Pedro IV l-użu u l-operat tal-pompa tal-petrol għal sena. Dan it-terminu madankollu jiġġedded, permezz ta’ proproga infurzata fuq min jagħti l-kiri, għal kull xahar matul it-tul tal-kuntratt ta’ provvista esklużiva li Total timpenja ruħha wkoll li tikkonkludi ma’ Pedro IV. F’kull każ, il-kuntratt ta’ kiri jispiċċa fl-istess ħin tad-dritt tal-art mogħti lil Total. Il-kera li għandha titħallas kull xahar minn Pedro IV hija ta’ ESP 600000 (madwar EUR 3600). |
|
18 |
It-tielet fost dawn il-kuntratti, konkluż ukoll għal 20 sena, huwa obbligu ta’ provvista esklużiva ta’ karburanti li bih Pedro IV tidħol fi ftehim, mill-mument li l-pompa tal-petrol tingħata lilha, li toperaha billi tieħu provvisti esklużivament minn Total u billi tuża’ x-xbieha tagħha, il-kuluri tagħha, it-trade mark tagħha kif ukoll is-sinjal tagħha. Skont dan il-kuntratt, il-provvista ssir taħt il-forma tal-bejgħ magħluq, b’mod li d-distributur jakkwista l-kombustibbli mill-mument meta l-fornitur jagħtih dan il-kombustibbli fil-pompa tal-petrol, kif ukoll jidħol fi ftheim li jbiegħu f’ismu stess u b’riskju tiegħu. Bħala korrispettiv tal-esklużività, Total għandha tħallas lil Pedro IV somma kull xhar ta’ ESP 350000 (madwar EUR 2100). |
|
19 |
Minbarra dan, skont dan l-istess kuntratt, Total tidħol f’impenn li tikkomunika lil Pedro IV l-prezzijiet ta’ bejgħ lill-pubbliku rakkomandati u li tiggarantixxi l-kompetittività tagħhom skont prezzijiet offerti in bona fide minn kompetituri oħra tar-reġjun. Total timpenja ruħha totalment li tistabbilixxi l-prezz tal-karburant li hija tipprovdi lill-bejjiegħ mill-ġdid, filwaqt li tħallih jibbenefika mill-kundizzjonijiet l-iktar vantaġġużi li hija tinnegozja ma’ pompi tal-petrol oħra li jistgħu jistabbilixxu ruħhom f’Barcelona, u dan mingħajr ma dan il-prezz ikun jista’, fi kwalunkwe każ, ikun ogħla mill-medja tal-prezz stabbilita minn fornituri sinjifikattivi tas-suq oħra li joperaw f’Barcelona. |
|
20 |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali ftehmu wkoll li jikkumpensaw is-somom li huma għandhom iħallsu reċiprokament skont it-tlett kuntratti msemmija iktar ’il fuq. Minn dan jirriżulta li, is-somom li ż-żewġ partijiet huma kuntrattwalment marbuta li jħallsu jikkumpensaw irwieħhom għal kollox, fejn ebda waħda minn dawn il-partijiet ma għandha obbligu li tħallas skont ma jkun il-każ lill-oħra. |
|
21 |
Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ kuntratt, Total tagħti self ipotekarju ta’ ammont ta’ ESP 30000000 (madwar EUR 180300) lil Pedro IV li, bħala garanzija, tagħmel ipoteka fuq l-art tagħha għal 20 sena bil-kundizzjoni li din il-pompa tal-petrol tinbena. |
|
22 |
Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, ladarba dawn l-erba’ kuntratti ġew konklużi, il-pompa tal-petrol inbniet effettivament fuq l-art li tappartjeni lil Pedro IV u saret provvista esklużiva minn Total matul it-tnax-il sena segwenti. |
|
23 |
Fis-6 ta’ Diċembru 2004, Pedro IV ressqet, quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 3 de Barcelona, rikors għal annullament tar-relazzjoni legali kkostitwita mill-erba’ kuntratti deskritti iktar ’il fuq minħabba r-raġunijiet li, minn naħa, dawn jinkludu klawżoli serjament restrittivi tal-kompetizzjoni, jiġifieri żmien li huwa akbar miż-żmien massimu awtorizzat mid-dritt Komunitarju, għall-ftehim ta’ provvista esklużiva. Min-naħa l-oħra, it-tielet kuntratt kien jipprovdi li jiġi stabbilit b’mod indirett il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid, filwaqt li tali prattika hija pprojbita mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE. Pedro IV talbet, minbarra dan, ir-rimbors tal-prestazzjonijiet reċiproċi tal-partijiet, wara tnaqqis tas-somom diġà mħallsa. |
|
24 |
Peress li dan ir-rikors ġie miċħud fl-intier tiegħu b’deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2005, Pedro IV ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju. |
|
25 |
Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Audiencia Provincial de Barcelona ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
|
26 |
Total tistieden lilll-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara d-domanda preliminari inammissibbli minħabba varji raġunijiet. L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju kienet naqset milli tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja informazzjoni essenzjali dwar il-kawża prinċipali, b’mod li jippermetti lil din tal-aħħar jkollha perspettiva preċiża u eżatta tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża li fil-kuntest tagħha għandha tagħti deċiżjoni. It-tieni nett, id-domanda preliminari mhijiex ġustifikata għaliex ir-risposti għad-domandi magħmula jirriżultaw b’mod ċar ukoll mill-ġurisprudenza Komuntarja kif ukoll mill-ġurisprudenza Spanjola. Fl-aħħar nett, id-domandi magħmula mhumiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
|
27 |
Il-Gvern Spanjol jesprimi wkoll dubji rigward l-ammissibbiltà parzjali tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, billi jsostni li r-Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/99 ma jistgħux japplikaw simultanjament. B’hekk, id-domandi huma relatati b’mod partikolari mal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1984/83, jiġifieri l-ewwel u t-tielet domandi, għandhom natura purament ipotetika u għandhom għalhekk jiġu ddikjarati inammissibbli. |
|
28 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C-306/99, Ġabra p. I-1, punt 88, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, iktar ’il quddiem is-“sentenza CEES”, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
29 |
Skont ġurisprudenza wkoll syabilita, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, tal-anqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani, C-72/03, Ġabra p. I-8027, punt 10; tas-17 ta’ Frar 2005, Viacom Outdoor, C-134/03, Ġabra p. I-1167, punt 22, u s-sentenza CEES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). |
|
30 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li, jekk huwa ċertament eżatt li d-deċiżjoni għal rinviju preliminari ma fihiex ċerti indikazzjonijiet rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, xotra jibqa’ l-fatt li din id-deċiżjoni tippermetti li tiġi stabbilita l-portata tad-domandi preliminari u l-kuntest li fih jinsabu. B’hekk, minkejja dawn il-lakuni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed elementi sabiex tinterpreta r-regoli Komunitarji kkonċernati u tagħti risposta effettiva għal dawn id-domandi. Barra minn hekk, u f’kull każ, il-kontenut tal-osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża juri s-suffiċjenza tal-informazzjoni fuq il-kuntest fattwali u ġuridiku għaliex ippermetta lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-persuni interessati oħra effettivament jieħdu pożizzjoni fuq id-domandi magħmula. |
|
31 |
L-inammissibbiltà ta’ domanda preliminari ma tistax, bl-istess mod, tiġi kkonstatata bil-fatt li r-risposti għad-domandi magħmula jirriżultaw, kif tallega Total, mill-eżistenza ta’ ġurisprudenza stabbilita sew, kemm Komunitarja kif ukoll nazzjonali. Fil-fatt, jekk jiġi preżuppost li d-domandi magħmula huma materjalment identiċi għal dawk li diġà kienu s-suġġett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari f’kawża analoga, tali ċirkustanza bl-ebda mod ma tipprojbixxi lil qorti nazzjonali milli tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari u ma għandhiex bħala effett li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punti 13 u 15). Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, f’kull waqt, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat li jkun fih riferiment għas-sentenza preċedenti jew għall-ġurisprudenza inkwistjoni. |
|
32 |
Minbarra dan, il-mekkaniżmu tar-rinviju preliminari stabbilit mill-Artikolu 234 KE għandu b’mod partikolari bħala għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni t-tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri kollha, kif ukoll sabiex jiġi evitat li tiġi stabbilita, fi kwalunkwe Stat Membru, ġurisprudenza nazzjonali li ma taqbilx mar-regoli ta’ din il-liġi (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, Ġabra p. I-8151, punt 38, u tat-12 ta’ Ġunju 2008, Gourmet Classic, C-458/06, Ġabra p. I-4207, punt 32). |
|
33 |
Peress li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jidhirx manifestament li d-domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fil-verità, twassalha biex tagħti deċiżjoni permezz ta’ kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha l-ebda relazzjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża, jew inkella li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt meħtieġa sabiex twieġeb b’mod effettiv għad-domandi li jkunu tressqu quddiemha (sentenza CEES, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
34 |
Madankollu, dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Huwa biżżejjed, fil-fatt, li jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-risposti għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ser ikunu neċessarji għaliha sabiex tiddetermina jekk ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali setgħetx tibbenefika mill-eżenzjoni skont il-kategorija stabbilita mir-Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/1999. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument ta’ Total li d-domandi preliminari mhumiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali minħabba li, sabiex jiġi kkunsidrat li ftehim imur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, mhuwiex biżżejjed li jintwera li l-klawżoli tiegħu huma inkompatibbli ma’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategoriji, iżda huwa meħtieġ ukoll li dawn il-klawżoli effettivament jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE. |
|
36 |
Jekk huwa ċert li r-regoli ta’ eżenzjoni japplikaw sa fejn il-ftehim fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni, li jaqgħu taħt l-Artikolu 81(1) KE, xorta jibqa’ l-fatt li huwa dejjem spiss iktar prattiku li jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk dawn ir-regoli kinux japplikaw fi ftehim partikolari sabiex jiġi evitat, fl-affermattiv, eżami ekonomiku u ġuridiku kumpless li jippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) humiex issodisfatti. F’kull każ, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza Cilfit, et, iċċitata iktar ’il fuq, li qorti tar-rinviju, li d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunux suġġetti għal appell ġudizzjarju taħt il-liġi interna u li għandha tapplika dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju għal kawża partikolari quddiemha, mhijiex marbuta tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustsizzja dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjozni jekk il-punt ta’ dritt inkwisjtoni jkun ġie solvut minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, indipendentement min-natura tal-proċeduri li jkunu taw lok għal din il-ġurisprudenza, u wkoll fin-nuqqas ta’ identità stretta tad-domandi inkwistjoni. |
|
37 |
Fl-aħħar nett, l-argument tal-Gvern Spanjol dwar l-inammissibbiltà parzjali tad-domanda preliminari minħabba n-natura ipotetika taż-żewġ domandi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1984/83 għandu wkoll jiġi miċħud. |
|
38 |
Fil-fatt, jekk huwa paċifiku li dan ir-regolament skada fil-31 ta’ Diċembru 1999, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżenzjoni prevista minnu tibqa’ tapplika sal-31 ta’ Mejju 2000 skont ir-Regolament Nru 2790/1999. Ir-Regolament Nru 2790/99 stabbilixxa, barra minn hekk, perijodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2001, perijodu li matulu l-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 81(1) ma kinitx tapplika għall-ftehim fis-seħħ fil-31 ta’ Mejju 2001 li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti mhumx minn dan l-aħħar regolament, iżda mir-Regolament Nru 1984/83. B’hekk, peress illi l-kuntratti inkwistjoni ġew konklużi matul is-sena 1989 u l-implementazzjoni tagħhom baqgħet għaddejja sal-preżentata tar-rikors minn Pedro IV matul is-sena 2004, għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni humiex applikabbli kemm skont ir-Regolament Nru 1984/83 kif ukoll skont ir-Regolament Nru 2790/99, sabiex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tiddetermina, jekk ikun il-każ, jekk dawn il-kuntratti kinux konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni matul iż-żmien ta’ implementazzjoni tagħhom jew jekk humiex ivvizzjati b’nullità minn ċertu mument. |
|
39 |
Isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi li jikkonċernaw il-perijodu ta’ esklużività
|
40 |
Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1984/83, minn naħa, u l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 2790/99, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jippermettu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni, li ftehim ta’ esklużività jaqbiżx il-limiti fiż-żmien previsti minn dawn ir-regolamenti unikament fl-ipoteżi fejn il-fornitur ikun inizjalment il-proprjetarju kemm tal-art li fuqha tinbena l-pompa tal-petrol kif ukoll tal-pompa tal-petrol stess, jew jekk huwiex suffiċjenti li d-dritt ta’ proprjetà tal-fornitur jirrigwardax biss il-pompa tal-petrol li huwa jagħti b’kiri lill-proprjetarju tal-art. |
|
41 |
Peress illi l-kliem ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni mhuwiex identiku, hemm lok li dawn iż-żewġ regolamenti jiġu analizzati separatament. |
Fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1984/83
|
42 |
Għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1984/83 kien jipprovdi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE għal ċerti kategoriji ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv, li jistgħu jaqgħu taħt il-projbizzjoni tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, konklużi bejn żewġ impriżi bl-għan ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti taż-żejt fil-pompi tal-petrol. |
|
43 |
Minbarra l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni, stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-regolament, l-Artikolu 12(1)(ċ) tiegħu jindika li r-Regolament Nru 1984/83 ma japplikax għall-ftehim ta’ pompi tal-petrol jekk it-tul tagħhom huwa indeterminat jew iktar minn għaxar snin. Madankollu, l-Artikolu 12(2) tal-istess regolament jippreċiża li “b’deroga għall-paragrafu 1(ċ), meta l-ftehim jikkonċerna pompa tal-petrol li l-fornitur ikun ta b’kiri lill-bejjiegħ mill-ġdid, jew li jkun tah l-użu fid-dritt jew fil-fatt, l-obbligi ta’ xiri esklużiv jew il-projbizzjonijiet ta’ kompetizzjoni msemmija minn [id-dispozizzjonijiet applikabbli għal ftehim ta’ pompi tal-petrol] jistgħu jiġu imposti fuq il-bejjiegħ mill-ġdid matul il-perijodu kollu li matulu huwa effettivament jopera l-pompa tal-petrol”. |
|
44 |
B’hekk jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1984/83 li l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament hija possibbli meta hemm inkwistjoni ftehim ta’ pompa tal-petrol dwar perijodu ta’ eżekuzzjoni għal iktar minn għaxar snin, bil-kundizzjoni li l-fornitur ikun ta b’kiri lill-bejjiegħ mill-ġdid il-pompa tal-petrol jew ikun tah, fid-dritt jew fil-fatt, l-użu tagħha. |
|
45 |
Madankollu, Pedro IV u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-benefiċċju tas-sistema derogatorja prevista f’din id-dispożizzjoni għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni doppja li l-fornitur iżomm il-proprjetà kemm tal-pompa tal-petrol kif ukoll tal-art li fiha din ġiet mibnija. |
|
46 |
Pedro IV tispjega l-pożizzjoni tagħha billi tfakkar, minn naħa, il-ġurisprudenza li tgħid li r-regoli ta’ eżenzjoni skont il-kategorija għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv sabiex jiġi evitat li l-effetti tagħhom ma jestendux għal ftehim jew għal sitwazzjonijiet li huma mhumiex iddestinati li jkopru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1995, Bayerische Motorenwerke, C-70/93, Ġabra p. I-3439, punt 28, u tat-28 ta’ April 1998, Javico, C-306/96, Ġabra p. I-1983, punt 32). |
|
47 |
Hija tqis, min-naħa l-oħra, li l-vantaġġi li Total tatha, jiġifieri li tagħtiha l-pompa tal-petrol u l-konċessjoni ta’ self b’kundizzjonijiet vantaġġużi, jaqgħu taħt ipoteżijiet previsti mill-Artikoli 10 u 12(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1984/83, b’mod li l-ftehim ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jista’ jkollu biss perijodu massimu ta’ għaxar snin. Il-konklużjoni ta’ diversi kuntratti li saru bejn il-fornitur u l-bejjiegħ mill-ġdid, li l-effett tagħhom huwa l-għeluq tas-suq, hija intiża li testendi b’mod artifiċjali l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1984/83 għal ipoteżijiet li ma jistgħux jiġu assimilati għal dik prevista minn din id-dispożizzjoni. |
|
48 |
Skont il-Kummissjoni, l-esklużività ta’ xiri mingħajr limitu tobbliga lill-bejjiegħ mill-ġdid, previst fil-kuntest ta’ ftehim ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni jew ta’ xiri esklużiv, hija ġustifikata minħabba korrispettivi mhux biss “partikolarment importanti” iżda wkoll “assoluti” li huma imposti fuq il-fornitur, fis-sens li l-bejjiegħ mill-ġdid jagħti lil attività mingħajr l-inqas investiment jew l-inqas ħlas. Sitwazzjoni li fiha kemm l-artijiet, kif ukoll il-kirjiet jappartjenu lill-bejjiegħ mill-ġdid hija diffiċilment kompatibbli mas-sistema eċċezzjonali prevista fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1984/83. |
|
49 |
Minbarra dan, il-Kummissjoni tirrileva li, fir-rigward tal-eżistenza ta’ kontinwità bejn ir-Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/99, dawn tal-aħħar għandhom jirċievu l-istess interpretazzjoni, u dan minkejja li huma fformulati b’mod differenti u li dan l-aħħar regolament jippreċiża b’mod ċar li l-eżenzjoni li huwa jipprovdi tapplika biss jekk il-fornitur huwa l-proprjetarju kemm tal-art kif ukoll tal-kirjiet li minnhom dawn l-oġġetti jew is-servizzi kuntrattwali jinbigħu mill-bejjiegħ mill-ġdid. |
|
50 |
Argument bħal dan ma jistax jiġi aċċettat. |
|
51 |
Jekk huwa veru li d-dispożizzjonijiet ta’ natura derogatorja ta’ regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategorija ma jistgħux ikunu suġġetti għal interpretazzjoni wiesgħa, xorta jibqa’ l-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma fformulati b’mod ċar u mhux ekwivoku. |
|
52 |
Fil-fatt, il-kundizzjoni doppja, li l-fornitur għandu jżomm il-proprjetà kemm tal-pompa tal-petrol kif ukoll tal-art li fuqha hija mibnija, li tirriżulta allegatament, skont Pedro IV u l-Kummissjoni, mir-Regolament Nru 1984/83, ma tidher la fit-test stess ta’ dan ir-regolament u lanqas fil-preambolu tiegħu. |
|
53 |
Il-premessa 13 ta’ dan ir-regolament issemmi, fost il-vantaġġi ekonomiċi u finanzjarji mogħtija mill-fornitur lill-bejjiegħ mill-ġdid, il-konċessjoni ta’ art jew ta’ kirjiet għall-użu ta’ pompa tal-petrol, iżda mhux l-għoti ta’ dawn it-tnejn. F’kull każ, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1984/83 isemmi biss l-ipoteżi li fiha l-fornitur tal-pompa tal-petrol b’kiri lill-bejjiegħ mill-ġdid, jew ikun tah l-użu fid-dritt jew fil-fatt tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tnaqqas il-portata ta’ din id-dispożizzjoni billi żżid fiha kundizzjoni supplimentari li ma tinsabx fiha. |
|
54 |
F’dak li jikkonċerna l-vantaġġi eknomiċi u finanzjarji partikolari msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1984/83, jirriżulta mis-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, CEPSA (C-279/06, Ġabra p. I-6681, punt 54) li dawn għandhom ikunu importanti mhux biss sabiex jiġġustifikaw esklużività ta’ provvista ta’ terminu ta’ għaxar snin, iżda għandhom ukoll ikunu ta’ natura li jwasslu għal titjib fid-distribuzzjoni, sabiex jiffaċilitaw l-installazzjoni jew il-modernizzazzjoni tal-pompa tal-petrol u sabiex inaqqsu l-ispejjeż ta’ distribuzzjoni. |
|
55 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-vantaġġ previst fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1984/83 għandu importanza partikolari f’dan ir-rigward peress illi jiffaċilita b’mod kunsiderevoli l-aċċess tal-bejjiegħ mill-ġdid għan-netwerk ta’ distribuzzjoni billi jimminimalizza l-ispejjeż ta’ installazzjoni u ta’ distribuzzjoni tagħha. Madankollu, la t-test ta’ dan ir-regolament u lanqas l-għan jew l-istruttura tiegħu ma jippermettulu jikkonstata, kif tallega l-Kummissjoni, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) hija suġġetta għal kundizzjoni supplimentari, jiġifieri li l-bejjiegħ mill-ġdid ikun liberu minn kull ħlas jew minn kull investiment fir-rigward tal-attività ekonomika tiegħu bħala operatur tal-pompa tal-petrol. |
|
56 |
Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li l-kundizzjoni doppja, li hija espliċitament prevista fl-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 2790/99, kienet diġà teżisti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1984/83. |
|
57 |
Fil-fatt, jidher li r-Regolament Nru 1984/83 kellu kamp ta’ applikazzjoni awtonomu iktar strett fir-rigward ta’ dak tar-Regolament Nru 2790/99 peress li kien jipprovdi dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għal ftehim ta’ pompi tal-petrol. Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE għal din il-kategorija ta’ ftehim skont ir-Regolament Nru 1984/83 għalhekk kienu differenti minn dawk previsti mir-Regolament Nru 2790/99, kemm fir-rigward tal-perijodu massimu ta’ provvista esklużiva kif ukoll fir-rigward tas-setgħa tas-suq tal-impriżi kkonċernati. |
|
58 |
Minbarra dan, jirriżulta wkoll minn din it-tweġiba tal-Kummissjoni li l-modifika tad-deroga tat-terminu massimu ta’ esklużività li jirriżulta mir-Regolament Nru 2790/99 kienet ġiet deċiża wara l-konsultazzjoni pubblika li bdiet fl-24 ta’ Settembru 1999 u li l-abbozz ta’ dan ir-regolament fil-verżjoni inizjali tiegħu ma kienx ippreveda kundizzjoni doppja. |
|
59 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tal-kundizzjoni doppja proposta mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija ġustifikata. |
|
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, lill-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1984/73 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-deroga li kien jipprevedi, din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-fornitur ikun il-proprjetarju tal-art li fuqha jkun bena l-pompa tal-petrol li huwa jagħti b’kiri lill-bejjiegħ mill-ġdid. |
Fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2790/99
|
61 |
Ir-Regolament Nru 2790/99 jipprovdi l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 81(3) japplika għal kategoriji ta’ ftehim vertifikali u ta’ prattiki miftehma mingħajr ma fih dispożizzjonijiet partikolari dwar ftehim tal-pompi tal-petrol. Skont l-Artikolu 3(1) tiegħu, l-eżenzjoni prevista minn dan ir-regolament tapplika għall-kundizzjoni li l-parti mis-suq miżmuma mill-fornitur ma taqbiżx 30% tas-suq rilevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew is-servizzi kuntrattwali. |
|
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li hija li l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, qabel ma tagħmel eżami abbażi ta’ kundizzjonijiet oħra previsti minn dan ir-regolament, jekk il-parti mis-suq ta’ Total ma qabżitx, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2790/99, 30% tas-suq rilevanti, fid-dawl tal-parteċipazzjoni eventwali tagħha, kif jindikaw Pedro IV u l-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kapital azzjonarju tal-fornituri l-oħra tal-prodotti taż-żejt fl-istess suq. |
|
63 |
L-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 2790/99 jipprovdi li l-limitazzjoni ta’ dan it-tul tal-obbligu li ma jkunx hemm kompetizzjoni għal ħames snin ma għandhiex tapplika meta l-oġġetti jew is-servizzi kuntrattwali jinbiegħu mill-bejjiegħ minn bini u artijiet li huma l-proprjetà tal-fornitur jew li l-fornitur jikri lil terzi li mhumiex assoċjati max-xerrej, sakemm it-tul ta’ dan l-obbligu ma jaqbiżx il-perijodu ta’ okkupazzjoni tal-bini u tal-artijiet mix-xerrej |
|
64 |
Jirriżulta mill-kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li l-applikazzjoni tad-deroga li hija tipprovdi hija possibbli, fil-każ tal-ftehim tal-pompi tal-petrol, f’żewġ sitwazzjonijiet, jiġifieri fl-ipoteżi fejn il-fornitur ikun proprjetarju kemm tal-pompa tal-petrol li huwa jikri lill-bejjiegħ mill-ġdid kif ukoll tal-art li fuqha din hija mibnija, u fl-ipoteżi fejn il-fornitur jikri l-art u l-pompa tal-petrol lil terza persuna mhux assoċjata mal-bejjiegħ mill-ġdid sabiex jinkrew mill-ġdid lilu. |
|
65 |
Tali tibdil fil-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-deroga, hekk kif inhuwa indikat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, ġie adottat wara osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet interessati fuq l-abbozz tar-regolament ta’ eżenzjoni skont il-kategoriji suġġetti għall-konsultazzjoni pubblika. Dan kien motivat, skont il-Kummissjoni, mill-ġlieda kontra l-prattiċi abbużivi u, b’mod partikolari, mix-xewqa li jiġi evitat li t-terminu massimu stabbilit mir-regolament għall-klawżoli ta’ esklużività ikun jista’ jiġi evitat. |
|
66 |
F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidher li l-kundizzjoniijet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 2790/99 mhumiex sodisfatti. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-argument ta’ Total li dritt ta’ bini jagħtiha mhux biss il-proprjetà tal-pompa tal-petrol, iżda wkoll tal-art li fuqha hija mibnija. Peress illi l-kunċett ta’ “dritt ta’ bini” jaqa’ taħt ir-regoli tal-proprjetà fid-dritt nazzjonali, hija din il-qorti li għandha tiddermina l-portata tiegħu. |
|
67 |
Fil-każ fejn din il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-ftehim konklużi bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti mir-Regolament Nru 1984/83, iżda mhux dawk previsti mir-Regolament Nru 2790/99, hemm lok li jiġu kkunsidrati li huma eżenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE sal-31 ta’ Diċembru 2001 skont sistema tranżitorja prevista mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2790/99. |
|
68 |
Madankollu, meta ftehim ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha previsti minn regolament ta’ eżenzjoni, huwa jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 81(1) KE, ħlief jekk ikollu bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni u jekk huwa jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. F’dan l-aħħar każ, u fin-nuqqas ta’ eżenzjoni individwali skont l-Artikolu 81(3) KE, dan il-ftehim huwa null għal kollox skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-istess artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1998, Cabour, C-230/96, Ġabra p. I-2055, punt 48, u CEPSA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72). |
|
69 |
Jirriżulta, minn dan kollu, lit-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 5(a) tar-Regolament Nru 2790/99 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-deroga li huwa jipprovdi, din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-fornitur ikun proprjetarju kemm tal-pompa tal-petrol li huwa jagħti b’kiri lill-bejjiegħ mill-ġdid kif ukoll tal-art li fuqha din hija mibnija, jew fil-każ fejn mhuwiex il-proprjetarju, li huwa jikri lil terzi mhux assoċjati mal-bejjiegħ mill-ġdid. |
Fuq it-tielet u r-raba’ domandi li jikkonċernaw l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku
|
70 |
Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk il-klawżoli kuntrattwali dwar il-prezzijiet ta’ bejgħ tal-prodotti lill-pubbliku, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, humiex ipprojbiti mill-Artikolu 81(1)(a) KE u ma jistgħux jibbenefikaw mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni skont il-kategorija skont, b’mod partikolari, il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1984/83, jew l-Artikolu 4(a) tar-Regolament Nru 2790/99, skont il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis rispettiv ta’ dawn ir-regolamenti. |
|
71 |
Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 81(1) KE jipprojbixxi, fost l-oħrajn, il-ftehim kollha bejn l-impriżi li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, u b’mod partikolari dawk li jinvolvu l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-akkwist jew tal-bejgħ. |
|
72 |
Ir-Regolament Nru 1984/83 jindika li, hekk kif jirriżulta mill-kliem tal-premessa 8 tiegħu, ma jistgħux jiġu eżentati skont id-dispożizzjonijiet tiegħu d-dispożizzjonijiet restrittivi tal-kompetizzjoni li huwa ma jawtorizzax u, b’mod partikolari, dawk li jillimitaw il-libertà tal-bejjiegħ mill-ġdid milli jistabbilixxi l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tiegħu. |
|
73 |
Fir-rigward ta’ dan l-istess regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 11 tiegħu jelenka, b’mod eżawrjenti, l-obbligi li, minbarra l-klawżola ta’ esklużività, setgħu jiġu imposti fuq il-bejjiegħ mill-ġdid, u fost dawn ma kinux jinkludu l-impożizzjoni tal-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku. B’hekk tali obbligu mhuwiex kopert mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, CEEES, punt 64, u CEPSA, punt 65). |
|
74 |
F’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 2790/99, l-Artikolu 4(a) tiegħu jipprovdi li l-eżenzjoni skont il-kategorija ma tapplikax għall-ftehim vertikali li għandhom bħala suġġett “ir-restrizzjoni tal-kapaċità tax-xerrej li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-fornitur jimponi prezz massimu tal-bejgħ jew li jirrakomanda prezz tal-bejgħ, sakemm ma jammontawx għal prezz fiss jew minimu bħala riżultat ta’ pressjoni minn, jew inċentivi offruti minn, kull parti”. |
|
75 |
Minn dan jirriżulta li ma jistgħux jibbenefikaw mis-sistema tal-eżenzjoni skont il-kategorija stabbilita mir-Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/99 il-ftehim li permezz tagħhom il-fornitur jiffissa l-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku jew jimponi prezz tal-bejgħ minimu. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(a), il-fornitur jibqa’ liberu li jirrakkomanda lill-bejjiegħ mill-ġdid prezz tal-bejgħ jew li jimponi fuqu l-prezz tal-bejgħ massimu. |
|
76 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-ftehim ta’ provvista esklużiva fil-karburanti jipprovdi li Total, minn naħa, tiddetermina l-prezz tal-karbunat li hija tipprovdi lil Pedro IV għall-kundizzjonijiet l-iktar vantaġġużi nnegozjati ma’ pompi tal-petrol oħra li jistgħu jinstallaw ruħhom f’Barcelona u, min-naħa l-oħra, tiggarantixxi li dan il-prezz fl-ebda każ ma jkun ogħla mill-medja tal-prezz iffissat minn fornituri sinjifikattivi oħra fuq is-suq. Billi żżid ma’ dan il-prezz marġni ta’ distribuzzjoni tal-operatur tal-pompa tal-petrol li hija tikkunsidra xieraq, Total b’hekk tikseb il-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku, li hija sussegwentement tirrakkomanda lil Pedro IV li tapplika. |
|
77 |
L-ewwel kwlażola ta’ dan il-kuntratt tikkonċerna l-prezz li Pedro IV għandha l-obbligu li tħallas għall-provvista f’karburant, fejn id-determinazzjoni tal-prezz taqa’ taħt il-kompetenza tal-partijiet fil-kuntratt u li ma taffettwax il-kompetizzjoni. |
|
78 |
Fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku, jirriżulta mill-kliem stess tat-tieni klawżola kuntrattwali li dan il-prezz mhuwiex impost, iżda rrakkomandat mill-fornitur, mingħajr ma prezz tal-bejgħ massimu jiġi stipulat. Il-mod li bih jiġi kkalkolat dan il-prezz tal-bejgħ rakkomandat huwa, f’dan ir-rigward, mingħajr importanza, sa fejn marġni ta’ libertà li jippermetti li jiġi effettivament iddeterminat il-prezz tal-bejgħ titħalla lill-bejjiegħ mill-ġdid. Madankollu, din il-libertà tkun nieqsa fil-każ fejn il-fornitur jimponi fuq il-bejjiegħ mill-ġdid marġni ta’ distribuzzjoni fiss li huwa ma jkunx jista’ jaħrab minnu. |
|
79 |
Fid-dawl tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha għarfien dirett tal-kawża li tkun tressqet quddiemha, li għandha tevalwa, fil-kawża prinċipali, il-metodi ta’ ffissar tal-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku. B’mod partikolari, hija din il-qorti li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-obbligi kuntrattwali kollha meħuda fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom, kif ukoll mill-aġir tal-partijiet fil-kawża prinċipali, jekk il-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku, rakkomandat mill-fornitur, ma jikkostitwixxix, fir-realtà, prezz tal-bejgħ fiss jew minimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CEPSA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 70). |
|
80 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha, minbarra dan, teżamina jekk il-bejjiegħ mill-ġdid għandux possibbiltà reali li jnaqqas dan il-prezz tal-bejgħ rakkomandat. Hija għandha b’mod partikolari tivverifika jekk tali prezz tal-bejgħ lill-pubbliku mhuwiex, fil-verità, impost permezz ta’ mezzi indiretti jew moħbija, bħal b’mod partikolari l-iffissar tal-marġni ta’ distribuzzjoni tal-bejjiegħ mill-ġdid jew tal-livell massimu tat-tnaqqis li jista’ jagħti skont il-prezz rakkomandat, it-theddid, l-intimidazzjonijiet, it-twissijiet, is-sanzjonijiet jew l-inċentivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CEPSA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71). |
|
81 |
Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li Pedro IV fir-realtà għandha l-obbligu li tosserva prezz tal-bejgħ fiss jew minimu impost minn Total, il-ftehim ta’ provvista esklużiva tal-karburanti ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni skont il-kategorija, u dan la skont ir-Regolament Nru 1984/83 u lanqas skont ir-Regolament Nru 2790/99. |
|
82 |
Madankollu, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku, għalkemm jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-kompetizzjoni espressament prevista fl-Artikolu 81(1)(a) KE, ma jinkludix dan il-ftehim taħt il-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni ħlief jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni l-oħra kollha tagħha huma ssodisfatti, jiġifieri li dan il-ftehim għandu bħala għan u bħala effett li jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni u li jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cabour, punt 48, u CEPSA, punt 42). |
|
83 |
F’dak li jikkonċerna b’mod partikolari l-ftehim ta’ xiri esklużiv, għandu, minbarra dan, jitfakkar li, jekk dawn il-ftehim ma għandhomx bħala għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 81(1) KE, hemm lok madankollu li jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx bħala effett li jipprevjenu, jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv timplika n-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku jew legali li fi ħdanu dan jinsab jew fejn jista’ jwassal, flimkien ma’ oħrajn, għal effett kumulattiv fuq il-kompetizzjoni. Konsegwentement għandhom jiġu analizzati l-effetti li tali kuntratt jipproduċi, flimkien ma’ kuntratti oħra tal-istess tip, fuq il-possibbiltajiet, għall-kompetituri nazzjonali jew li joriġinaw minn Stati Membri oħra, li jistabbilixxu ruħhom fis-suq inkwistjoni jew li jkabbru s-sehem fis-suq tagħhom (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Delimitis, C-234/89, Ġabra p. I-935, punti 13 sa 15; tas-7 ta’ Diċembru 2000, Neste, C-214/99, Ġabra p. I-11121, punt 25, u CEPSA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). |
|
84 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, lit-tielet u lir-raba’ domandi għandhom jingħataw ir-risposti li l-klawżoli kuntrattwali dwar il-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni skont il-kategorija skont ir-Regolamenti Nru 1984/83 u 2790/99 jekk il-fornitur sempliċement jimponi prezz tal-bejgħ massimu jew jirrakkomanda prezz tal-bejgħ u jekk, għaldaqstant, il-bejjiegħ mill-ġdid għandu possibbiltà reali li jiddetermina l-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku. Min-naħa l-oħra, tali klawżoli ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet jekk iwasslu, direttament jew permezz ta’ mezzi indiretti jew moħbija, għall-iffissar tal-prezz tal-bejgħ lill-pubbliku jew għal impożizzjoni tal-prezz tal-bejgħ minimu mill-fornitur. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika mill-ġdid jekk tali restrizzjonijiet humiex ta’ piż fuq il-bejjiegħ mill-ġdid, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-obbligi kuntrattwali kollha meħuda fil-kuntest ekonomiku jew legali tagħhom, kif ukoll l-aġir tal-partijiet fil-kawża prinċipali. |
Fuq l-ispejjeż
|
85 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.