EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0169

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta' Marzu 2009.
Hartlauer Handelsgesellschaft mbH vs Wiener Landesregierung u Oberösterreichische Landesregierung.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija.
Libertà ta’ stabbiliment - Sigurtà soċjali - Sistema tas-saħħa nazzjonali ffinanzjata mill-Istat - Sistema ta’ servizzi in natura - Sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-assigurat - Awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ poliklinika privata għal kura dentali outpatient - Kriterju ta’ evalwazzjoni tal-bżonnijiet li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ klinika - Għan intiż għaż-żamma ta’ kura medika u kura fl-isptar ta’ kwalità, ibbilanċjata u aċċessibbli għal kulħadd - Għan intiż sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali - Koerenza - Proporzjonalità .
Kawża C-169/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:141

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Marzu 2009 ( *1 )

“Libertà ta’ stabbiliment — Sigurtà soċjali — Sistema tas-saħħa nazzjonali ffinanzjata mill-Istat — Sistema ta’ servizzi in natura — Sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-assigurat — Awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ poliklinika privata għal kura dentali outpatient — Kriterju ta’ evalwazzjoni tal-bżonnijiet li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa — Għan intiż għaż-żamma ta’ servizz mediku jew servizz fl-isptar li jkun ta’ kwalità, ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd — Għan intiż sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali — Koerenza — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-169/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċeduri

Hartlauer Handelsgesellschaft mbH

vs

Wiener Landesregierung,

Oberösterreichische Landesregierung,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, A. Rosas, K. Lenaerts, T. von Danwitz, Presidenti tal-Awla, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, J. Malenovský (Relatur), A. Arabadjiev, C. Toader u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Frar 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Hartlauer Handelsgesellschaft mbH, minn W. Graziani-Weiss, Rechtsanwalt,

għal Oberösterreichische Landesregierung, minn G. Hörmanseder, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, kif ukoll minn F. Felix, G. Aigner u G. Endel, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, kif ukoll minn M. de Grave u Y. de Vries, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn K. B. Moen u J. A. Dalbakk, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, E. Traversa u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 48 KE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn Hartlauer Handelsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Hartlauer”) u rispettivament il-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna) u l-Oberösterreichische Landesregierung (il-Gvern tal-Land tal-Awstrija ta’ Fuq), dwar deċiżjonijiet ta’ dawn tal-aħħar li jirrifjutaw li jagħtu awtorizazzjonijiet lil Hartlauer għall-ftuħ u għat-tħaddim ta’ polikliniċi dentali indipendenti.

Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3

Il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ftuħ u t-tħaddim ta’ ċentri tas-saħħa huma stabbiliti, fuq livell federali, bil-liġi dwar iċ-ċentri tas-saħħa (Krankenanstaltengesetz, BGBl. 1/1957), kif emendata bil-liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 5/2001 (iktar ’il quddiem il-“KAG”), sussegwentement imsejħa “liġi dwar iċ-ċentri tas-saħħa u tal-kura” (Krankenanstalten- und Kuranstaltengesetz), kif emendata bil-liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 122/2006 (iktar ’il quddiem il-“KAKuG”).

4

Skont l-Artikolu 2(1) tal-KAG u l-istess Artikolu u paragrafu tal-KAKuG, “ċentri tas-saħħa” (Krankenanstalten) fis-sens ta’ dawn il-liġijiet, ifissru, fost l-oħrajn, “polikliniċi indipendenti (selbständige Ambulatorien) (ċentri ta’ radjoloġija, polikliniċi dentali u stabbilimenti simili); dawn huma stabbilimenti, indipendenti fuq livell organizzattiv, li għandhom l-għan li jeżaminaw jew li jfejqu persuni li l-istat ta’ saħħa tagħhom ma jkunx jeħtieġ li huma joqogħdu fl-isptar.”

5

L-Artikolu 3 tal-KAG jipprovdi:

“1.   L-awtorizzazzjoni tal-Gvern tal-Land hija meħtieġa għall-ftuħ kif ukoll għat-tħaddim ta’ ċentru tas-saħħa. […]

2.   L-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss meta, b’mod partikolari,

a)

ikun jinħass il-bżonn tagħha fid-dawl tal-għan tal-istabbiliment indikat fl-applikazzjoni u tas-servizzi li huwa previst li se joffri, fid-dawl tal-kura offruta diġà mill-isptarijiet pubbliċi jew privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u ċentri tas-saħħa oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, kif ukoll, fil-każ tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa fil-forma ta’ poliklinika indipendenti, fid-dawl ukoll tal-kura offruta mit-tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, l-istituzzjonijiet li jappartjenu għal fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, l-istituzzjonijiet li għandhom kuntratt ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, u fil-każ ta’ polikliniċi dentali, fid-dawl ukoll ta’ “Dentisten” stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard;

[…]”

6

L-Artikolu 3(1) u (2) tal-KAKuG, jirripproduċi f’termini analogi, l-Artikolu 3(1) u (2) tal-KAG iżda jipprovdi li l-imsemmija applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni hija eżaminata wkoll fid-dawl tal-pjan għaċ-ċentri tas-saħħa tal-Land ikkonċernat, kif ukoll, fil-każ tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa fil-forma ta’ poliklinika indipendenti, fid-dawl ukoll tal-kura offruta miċ-ċentri tas-saħħa outpatient tal-isptarijiet pubbliċi, jew privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u ċentri tas-saħħa oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, kif ukoll fid-dawl tal-kura offruta mill-membri tal-professjoni tad-dentistrija.

7

Skont l-Artikolu 12(1)(1) tal-liġi Kostituzzjonali Federali, (Bundes-Verfassungsgesetz), huwa l-Länder li jadotta l-liġijiet għall-implementazzjoni u li jiżgura l-eżekuzzjoni tal-liġi Federali li tirrigwarda ċ-ċentri tas-saħħa.

8

Fid-data tal-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża ta’ Hartlauer kontra l-Wiener Landesregierung, il-liġi applikabbli kienet il-KAG. Din tal-aħħar ġiet implementata bil-liġi tal-Land ta’ Vjenna dwar iċ-ċentri tas-saħħa tal-1987 (Wiener Krankenanstaltengesetz 1987, LGBl. 23/1987), kif emendata bil-liġi ppubblikata fl-LGBl. 48/2001 (iktar ’il quddiem il-“Wr. KAG”).

9

L-Artikolu 4(2) tal-Wr. KAG jipprovdi:

“[…] l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa [bħalma hija poliklinika indipendenti] tista’ tingħata biss, billi tinkludi kundizzjonijiet u obbligi neċessarji fid-dawl tal-konoxxenzi tax-xjenza medika u tar-rekwiżiti ta’ ċentru tas-saħħa li jaħdem tajjeb, meta,

a)

ikun jinħass il-bżonn tagħha fid-dawl tal-għan tal-istabbiliment indikat fl-applikazzjoni u tas-servizzi li huwa previst li joffri, fid-dawl tal-kura offruta diġà miċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi, miċ-ċentri privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u ċentri tas-saħħa l-oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, kif ukoll, fil-każ tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa fil-forma ta’ poliklinika indipendenti, fid-dawl ukoll tal-kura offruta mit-tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, mill-istituzzjonijiet li jappartjenu għal fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u mill-istituzzjonijiet li għandhom kuntratt ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, fil-każ ta’ polikliniċi dentali, kif ukoll fir-rigward tad-‘Dentisten’ stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard;

[…]”

10

Fid-data tal-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża bejn Hartlauer u l-Oberösterreichische Landesregierung, il-liġi applikabbli kienet il-KAKuG. Din tal-aħħar ġiet implementata bil-liġi tal-Land tal-Awstrija ta’ Fuq dwar iċ-ċentri tas-saħħa tal-1997 (Oberösterreichisches Krankenanstaltengesetz 1997, LGBl. 132/1997), kif emendata bil-liġi ppubblikata fl-LGBl. 99/2005 (iktar ’il quddiem il-“OöKAG”).

11

L-Artikolu 5 tal-OöKAG jipprovdi:

“[…] l-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa għandha tingħata meta

1.

ikun jinħass il-bżonn tiegħu fis-sens tal-paragrafu 2,

[…]

2.

Il-bżonn li jkun hemm ċentru tas-saħħa, skont l-għan indikat fid-domanda u fil-provvista tas-servizzi prevista, għandu jiġi evalwat, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-limitu fin-numru ta’ sodod stabbilit mill-pjan għaċ-ċentri tas-saħħa tal-Land tal-Awstrija ta’ Fuq […], fid-dawl tal-kura offruta diġà, fuq medda xierqa, miċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi, miċ-ċentri privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt, u miċ-ċentri tas-saħħa l-oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali, kif ukoll, fil-każ tal-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa fil-forma ta’ poliklinika indipendenti, fid-dawl ukoll tal-kura offruta mis-servizzi ta’ kura outpatient offruti miċ-ċentri tas-saħħa msemmija iktar ’il fuq u mit-tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, mill-istituzzjonijiet li jappartjenu għal fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u mill-istituzzjonijiet li għandhom kuntratt ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, fil-każ ta’ polikliniċi dentali, kif ukoll fir-rigward tad-‘Dentisten’ stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard […]”.

12

L-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-professjoni medika tal-1998 (Ärztegesetz 1998, BGBl. I, 169/1998), kif emendata bil-liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 110/2001 jipprovdi li, l-eżerċizzju tal-professjoni medika, b’mod indipendenti, huwa riżervat esklużivament għat-tobba mhux speċjalisti, għat-tobba awtorizzati sabiex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom kif ukoll għat-tobba speċjalisti.

13

L-Artikolu 52a ta’ din il-liġi jipprovdi li hija possibbli kollaborazzjoni bejn tobba fil-kuntest ta’ klinika ta’ grupp ta’ professjonisti li jkunu awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni fuq bażi indipendenti (iktar ’il quddiem il-“klinika ta’ grupp ta’ professjonisti”). L-awtorizzazzjoni ta’ klinika ta’ grupp ta’ professjonisti li jeżerċitaw il-professjoni tirriżulta mill-awtorizzazzjoni tat-tobba u tad-“Dentisten”, persuni assoċjati personalment responsabbli mill-imsemmija klinika. Din il-kollaborazzjoni għandha tieħu l-forma ġuridika ta’ kumpannija f’isem kollettiv. Huma biss it-tobba u d-“Dentisten” awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fuq bażi indipendenti li jistgħu jkunu persuni assoċjati personalment responsabbli minn klinika ta’ grupp ta’ professjonisti.

14

L-Artikolu 26(1) tal-Liġi dwar il-professjoni tad-dentistrija (Zahnärztegesetz, BGBl. I, 126/2005), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, kif emendata bil-liġi ppubblikata fil-BGBl. I, 80/2006, jipprovdi:

“Il-kollaborazzjoni ta’ membri tal-professjoni tad-dentistrija li jeżerċitaw din il-professjoni fuq bażi indipendenti skont l-Artikolu 24(1) hija possibbli wkoll fil-kuntest ta’ klinika ta’ grupp ta’ professjonisti, li għandhom awtorizzazzjoni li jeżerċitaw il-professjoni fuq bażi indipendenti, li tieħu l-forma ta’ kumpannija f’isem kollettiv li għandha l-għan li tagħmel profitt skont l-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-kumpanniji bil-għan li jagħmlu profitt […]. Huma biss membri tal-professjoni tad-dentistrija kif ukoll tobba awtorizzati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fuq bażi indipendenti li jistgħu jkunu persuni assoċjati personalment responsabbli mill-klinika ta’ grupp ta’ professjonisti. L-ebda persuna oħra ma tista’ tkun persuna assoċjata fil-klinika ta’ grupp ta’ professjonisti, u lanqas, konsegwentement, tipparteċipa fit-turnover jew fil-profitti.”

15

It-twaqqif ta’ klinika ta’ grupp ta’ professjonisti mhux suġġett għal ebda eżami tal-bżonnijiet skont il-leġiżlazzjoni hawn fuq imsemmija.

16

F’dak li jirrigwarda l-kura medika permezz tas-sigurtà soċjali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sistema fis-seħħ tirrikorri prinċipalment għal sistema ta’ servizzi in natura (“Sachleistungssystem”). Skont din is-sistema, il-korpi tas-sigurtà soċjali huma obbligati jimplementaw pjan li jippermetti lill-assigurati jibbenefikaw mis-servizzi mediċi mingħajr ma jkollhom iħallsu lill-fornitur tal-kura. Din is-sistema timplika li dawn is-servizzi jingħataw kemm minn strutturi appartenenti lill-korpi tas-sigurtà soċjali, kif ukoll minn strutturi jew minn tobba stabbiliti li magħhom dawn il-korpi kkonkludew ftehim u li jagħtu dawn is-servizzi għan-nom tagħhom (iktar ’il quddiem it-“tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard”).

17

Flimkien ma’ din is-sistema ta’ servizzi in natura, teżisti sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-assigurat (“Kostenerstattungssystem”). Skont din, il-korpi tas-sigurtà soċjali għandhom l-obbligu li jirrimborsaw l-ispejjeż mediċi magħmula mill-assigurati fil-każ meta dawn tal-aħħar, minflok ma jikkonsultaw tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni, ikunu kkonsultaw tabib li ma jaħdimx hekk u li miegħu ftehmu fuq onorarju. L-assigurat għalhekk jibbenefika minn dritt ta’ rimbors, mill-korp tas-sigurtà soċjali, tal-ispejjeż li hu jkun diġà ħallas, sa ammont massimu, li bħala regola, jikkorrispondi għal 80% tal-ammont li kieku kien jintalab kieku t-trattament kien fdat lil tabib li jaħdem fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Awwissu 2001, il-Wiener Landesregierung ċaħdet applikazzjoni ppreżentata minn Hartlauer, kumpannija li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, sabiex tiġi awtorizzata tiftaħ ċentru tas-saħħa privat fil-forma ta’ poliklinika dentali fil-21 distrett ta’ Vjenna. Il-Wiener Landesregierung f’dan ir-rigward ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 4 tal-Wr. KAG u fuq rapport ippreżentat minn espert tal-amministrazzjoni fil-qasam mediku. Skont dan ir-rapport, fi Vjenna, il-kura dentali kienet żgurata b’mod suffiċjenti permezz tal-isptarijiet pubbliċi, dawk privati li ma għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u t-tobba l-oħra li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard li jipprovdu servizzi simili. Din l-evalwazzjoni saret skont ir-relazzjoni bejn in-numru ta’ abitanti u n-numru ta’ membri tal-professjoni tad-dentistrija, li kien ta’ 2207 abitant għal kull membru tal-professjoni. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet tal-imsemmi espert, il-Wiener Landesregierung ikkonkludiet li l-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa li saret l-applikazzjoni għalih, ma kienx ser ikollu l-effett li jaċċellera, jintensifika jew b’mod ieħor itejjeb b’mod sostanzjali l-kura medika fil-qasam dentali tal-pazjenti li jirrisjedu fi Vjenna u li, għaldaqstant, ma kien hemm ebda bżonn għall-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru tas-saħħa.

19

Għall-istess raġunijiet, l-Oberösterreichische Landesregierung, permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2006, ċaħdet l-applikazzjoni ta’ Hartlauer sabiex tiġi awtorizzata tiftaħ poliklinika dentali f’Wels. L-eżami ta’ din l-applikazzjoni sar abbażi ta’ kriterju dwar il-perijodu li matulu wieħed ikollu jistenna sabiex jikseb konsulta mal-fornituri msemmija fl-Artikolu 5(2) tal-OöKAG, inklużi dawk li jaħdmu maċ-ċentri tas-saħħa outpatient tal-isptarijiet ikkonċernati.

20

Hartlauer appellat kontra kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Verwaltungsgerichtshof li għaqqad iż-żewġ proċeduri.

21

Din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar id-definizzjoni tal-bżonnijiet sabiex jinfetħu ċentri tas-saħħa, mal-Artikolu 43 KE, kif ukoll dwar l-effett fuq din il-kompatibbiltà tal-fatt li, fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-bżonnijiet, l-Artikolu 5(2) tal-OöKAG jimponi wkoll li tiġi kkunsidrata wkoll il-kura offruta mis-servizzi ta’ kura outpatient ta’ ċerti ċentri tas-saħħa, liema ħaġa għandha l-effett li tagħmel l-aċċess ta’ kandidat ġdid għas-suq ikkonċernat dejjem iktar diffiċli.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 43 KE (flimkien mal-Artikolu 48 KE) jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula li hemm bżonn ta’ awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa privat fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti (poliklinika dentali) u din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk, abbażi tal-għan tal-istabbiliment indikat fl-applikazzjoni u tal-medda ta’ servizzi li huwa previst li se joffri, ma jeżisti, fid-dawl tal-kura diġà offruta minn tobba stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, mill-istrutturi li jappartjenu għal fondi u mill-assigurazzjonijiet kontra l-mard kif ukoll mid-‘Dentisten’ stabbiliti li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, ebda bżonn tal-ftuħ ta’ din il-poliklinika dentali?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tista’ tkun differenti jekk il-verifika tal-bżonnijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kura offruta mis-servizzi ta’ kura outpatient taċ-ċentri tas-saħħa pubbliċi, taċ-ċentri privati li m għandhomx l-għan li jagħmlu profitt u taċ-ċentri tas-saħħa l-oħra li joperaw fuq bażi kuntrattwali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

23

Matul is-seduta, il-Gvern Awstrijak poġġa f’dubju l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi sostna li Hartlauer qed tibbaża ruħha b’mod abbużiv fuq ir-regoli Komunitarji. F’din il-kawża, ir-rabta transkonfinali effettivament ġiet stabbilita artifiċjalment għaliex Hartlauer kienet il-fergħa ta’ kumpannija Awstrijaka li riedet terġa’ tinstalla ruħha fl-Awstrija u li ħolqot din il-fergħa bil-għan waħdieni li tpoġġi l-pożizzjoni tagħha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li huma biss il-qrati nazzjonali, li qed jisimgħu l-kawża u li għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandhom jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara, partikolarment, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38, u tad-, Kapper, C-476/01, Ġabra p. I-5205, punt 24).

25

Huwa biss possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta, b’mod partikolari, ikun jidher manifestament li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola Komunitarja, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra 2008, p. I-4057, punt 32 u ġurisprudenza ċċitata).

26

F’din il-kawża ma jidhirx manifestament li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistipula li hemm bżonn ta’ awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa privat fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti u li din l-awtorizzazzjoni għandha tiġi miċħuda jekk, fid-dawl tal-kura diġà offruta minn tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, ma jeżisti ebda bżonn li jiġġustifika l-ftuħ ta’ din il-poliklinika.

Osservazzjonijiet preliminari

29

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li kemm mill-ġurisprudenza kif ukoll mill-Artikolu 152(5) KE jirriżulta li d-dritt Komunitarju ma jnaqqas xejn mill-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, u partikolarment, sabiex jieħdu miżuri bil-għan li jorganizzaw u jagħtu servizzi ta’ saħħa u ta’ kura medika. Madankollu, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju, partikolarment id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertajiet ta’ moviment, inkluż il-libertà ta’ stabbiliment. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu li l-Istati Membri jintroduċu jew iżommu restrizzjonijiet mhux iġġustifikati għall-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet fil-qasam tal-kura tas-saħħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1984, Duphar et, 238/82, Ġabra p. 523, punt 16; tas-, Watts, C-372/04, Ġabra p. I-4325, punti 92 u 146, kif ukoll tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I-6935, punti 22 u 23).

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-evalwazzjoni tar-rispett ta’ dan l-obbligu, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi f’liema livell huwa biħsiebu jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod kif dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, l-Istati Membri għandhom jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 51 u ġurisprudenza ċċitata).

31

It-tieni nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-kawża prinċipali tirrigwarda r-rekwiżit li jgħid li awtorizzazzjoni bbażata fuq il-kriterju dwar il-bżonn tal-popolazzjoni hija meħtieġa sabiex tinfetaħ poliklinika dentali indipendenti, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-ċentru jistax, sussegwentement, jikkonkludi ftehim ma’ korp tas-sigurtà soċjali, li jipperemettilu li joffri servizzi mediċi fil-kuntest tas-sistema ta’ servizzi in natura. F’dan ir-rigward, Hartlauer issostni li hija kellha f’moħħha li tagħti servizzi ta’ kura fil-kuntest tas-sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-assigurat u li hija ma kinitx qed tfittex li tikseb l-istatus ta’ ċentru li jopera fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

32

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk dan ir-rekwiżit jikkostitwixxix restrizzjoni skont l-Artikolu 43 KE u, jekk ikun il-każ, jiġi eżaminat jekk tali restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment

33

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 43 KE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini Komunitarji, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, C-299/02, Ġabra p. I-9761, punt 15, u tal-, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-140/03, Ġabra p. I-3177, punt 27).

34

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ftuħ ta’ impriża ta’ Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tikkostitwixxi restrizzjoni skont l-Artikolu 43 KE, għaliex tista’ timpedixxi l-eżerċizzju, minn din l-impriża, tal-libertà ta’ stabbiliment filwaqt li timpedixxiha milli teżerċita liberament l-attivitajiet tagħha permezz ta’ ċentru stabbli.

35

Fil-fatt, minn naħa waħda, l-imsemmija impriża tirriskja li tbati l-ispejjeż amministrattivi u finanzjarji supplimentari li kull għoti ta’ tali awtorizzazzjoni jġib miegħu. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirriżerva l-eżerċizzju ta’ attività ta’ persuna li taħdem għal rasha lil ċerti operaturi ekonomiċi li jissodisfaw eżiġenzi determinati minn qabel li r-rispett tagħhom jikkundizzjona l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni (ara, fir-rigward tal-libertà li tipprovdi servizzi, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger, C-76/90, Ġabra p. I-4221, punt 14, u tal-, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-168/04, Ġabra p. I-9041, punt 40).

36

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-eżerċizzju ta’ attività għal kundizzjoni marbuta mal-bżonnijiet ekonomiċi jew soċjali ta’ din l-attività, din tkun tikkostitwixxi restrizzjoni peress li għandha t-tendenza li tillimita n-numru ta’ fornituri ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2001, Gloszczuk, C-63/99, Ġabra p. I-6369, punt 59, u tal-, Il-Kummissjoni vs Franza, C-255/04, Ġabra p. I-5251, punt 29).

37

Fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa, bħal poliklinika dentali indipendenti, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel. Barra minn hekk, hija tipprovdi li tali awtorizzazzjoni ma tistax tingħata ħlief jekk “ikun jinħass il-bżonn” li jiġġustifika l-ftuħ ta’ ċentru ġdid fir-rigward ta’ kura diġà offruta, partikolarment mit-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

38

Din il-leġiżlazzjoni tiskoraġġixxi, anzi tostakola, impriżi ta’ Stati Membri oħra milli jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija permezz ta’ ċentru tas-saħħa stabbli. F’din il-kawża, l-applikazzjoni ta’ Hartlauer kellha l-effett li ċċaħħadha minn kull aċċess għas-suq tal-kura dentali f’dan l-Istat Membru.

39

Konsegwentement, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 43 KE, minkejja l-allegat nuqqas ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tal-professjonisti kkonċernati.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħux jiġu ġġustifikati oġġettivament.

Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment

41

L-Oberösterreichische Landesregierung kif ukoll il-Gvernijiet tal-Awstrija u tan-Norveġja jenfasizzaw li r-rekwiżit li jgħid li awtorizzazzjoni minn qabel hija meħtieġa għall-ftuħ ta’ poliklinika dentali indipendenti huwa ġġustifikat minħabba raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Din is-sistema tiggarantixxi servizz mediku ta’ kwalità, ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd, u tiżgura l-bilanċ finanzjarju tas-sigurtà soċjali peress li tippermetti lill-korpi tas-sigurtà soċjali jikkontrollaw l-ispejjeż filwaqt li jaġġustawhom skont il-bżonnijiet tal-ippjanar.

42

Fil-fatt, tali rekwiżit huwa indispensabbli sabiex jiġu ppriżervati l-pedamenti tas-sistema medika implementata mill-leġiżlatur Awstrijak li għażel li jagħti prijorità lil sistema ta’ servizzi in natura minflok kura medika tal-popolazzjoni permezz ta’ istituzzjonijiet iffinanzjati minn fondi pubbliċi. Is-servizzi ta’ kura għandhom jiġu fornuti prinċipalment mit-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard. Issa l-estensjoni mhux kontrollata tal-proposta għall-ftuħ ta’ polikliniċi ġodda dentali indipendenti jkollha effetti fatali fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dawn it-tobba u, konsegwentement anke fuq l-aċċess tal-pazjenti għas-servizzi mediċi fornuti mill-imsemmija tobba fit-territorju kollu, meta tali polikliniċi, sa ċertu punt, jeskludu lil dawn tal-aħħar mis-suq.

43

Il-Gvern Awstrijak isostni wkoll li dawn il-limitazzjonijiet huma imposti minħabba li, fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-liġijiet li normalment jirregolaw is-suq japplikaw biss b’mod limitat u li l-fallimenti tas-suq huma frekwenti. Dan is-settur b’mod partikolari mhuwiex irregolat mil-liġi tal-provvista u tad-domanda. Id-domanda tirriżulta mill-provvista, b’tali mod li żieda fil-provvista ma twassalx għal tnaqqis fil-prezzijiet, lanqas għal distribuzzjoni tal-istess volum ta’ servizzi bejn diversi fornituri, iżda għal żieda fil-volum ta’ servizzi bi prezzijiet kostanti. Żieda inkontrollata tan-numru ta’ fornituri ta’ servizzi mediċi twassal sabiex il-korpi tas-sigurtà soċjali jitgħabbew bi spejjeż inkontrollabbli. Dawn tal-aħħar madankollu ma jkollhom l-ebda possibbiltà li jirregolaw l-affarijiet permezz ta’ ftehim, ladarba, anke jekk huma ma jipproponux lill-fornituri ġodda sabiex jiffirmaw ftehim, huma jkunu obbligati jirrimborsaw, fil-kuntest tas-sistema ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-assigurat, ammonti kważi identiċi għal dawk imħallsa fil-kuntest tas-sistema ta’ servizzi in natura. Dan iwassal għal preġudizzju immedjat tal-kapaċitajiet finanzjarji tas-sistema tas-sigurtà soċjali.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, li hija applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tiġi ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’din il-kawża, huwa stabbilit li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

46

Barra minn hekk, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika hija fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu, skont l-Artikolu 46(1) KE, jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment.

47

Mill-ġurisprudenza jirriżulta li iktar preċiżament, jistgħu jiġu rilevati żewġ għanijiet minn din id-deroga sa fejn jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, jiġifieri, minn naħa waħda, l-għan li jinżamm servizz mediku jew tal-isptarijiet ta’ kwalità, ibbilanċjat u aċċessibbli għal kulħadd u, min-naħa l-oħra, l-għan sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punti 103 u 104 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dak li jirrigwarda l-ewwel minn dawn l-għanijiet, l-Artikolu 46 KE jippermetti, partikolarment, lill-Istati Membri sabiex jirrestrinġu l-provvista ta’ servizzi mediċi u tal-isptarijiet sa fejn iż-żamma ta’ kapaċità ta’ kura jew ta’ kompetenza medika fit-territorju nazzjonali tkun essenzjali għas-saħħa pubblika, jew saħansitra għas-sopravivenza tal-popolazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet, C-385/99, Ġabra p. I-4509, punt 67, kif ukoll Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punt 105).

49

Fir-rigward tat-tieni minn dawn l-għanijiet, għandu jiġi mfakkar li ppjanar tas-servizzi mediċi, li miegħu hu marbut ir-rekwiżit li hija meħtieġa awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa ġdid, huwa intiż sabiex jiżgura li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u li jiġi evitat, sa fejn possibbli, kull ħela tar-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani, peress li s-settur tal-kura medika jiġġenera spejjeż kunsiderevoli u jrid jissodisfa ħtiġijiet dejjem jikbru, filwaqt li r-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-kura tas-saħħa mhumiex illimitati, irrispettivament mill-metodu ta’ finanzjament użat, (ara, f’dak li jirrigwarda l-kura fl-isptarijiet fil-kuntest tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Müller-Fauré u van Riet, punt 80, kif ukoll Watts, punt 109).

50

Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk ir-restrizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għanijiet għaż-żamma ta’ servizz mediku ta’ kwalità, ibbilanċjat u aċċessibbli u sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali.

51

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett ma għandux jiġi eskluż, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-isptarijiet (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C-157/99, Ġabra p. I-5473, punti 76 sa 80, u Watts, iċċitata iktar ’il fuq, punti 108 sa 110), li ċ-ċentri ta’ kura outpatient, bħall-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti u polikliniċi, jistgħu wkoll ikunu suġġett ta’ ppjanar.

52

Fil-fatt, ippjanar li jirrikjedi awtorizzazzjoni minn qabel għall-installazzjoni ta’ provvisti ġodda ta’ kura, jista’ jirriżulta bħala indispensabbli sabiex tingħalaq kwalunkwe lakuna potenzjali fl-aċċess għall-kura outpatient u sabiex jiġi evitat il-ftuħ ta’ strutturi li jagħmlu xogħol doppju, b’tali mod li jiġi żgurat li jkun hemm kura medika li tadatta ruħha għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni, tkopri t-territorju kollu u tikkunsidra r-reġjuni ġeografikament iżolati jew żvantaġġati b’xi mod ieħor.

53

F’din l-istess perspettiva, Stat Membru għandu l-libertà li jorganizza servizzi ta’ kura medika b’tali mod li jagħti prijorità lil sistema ta’ servizzi in natura sabiex kull pazjent jaċċedi faċilment, fit-territorju nazzjonali kollu, għas-servizzi tat-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard.

54

Madankollu, f’din il-kawża, żewġ sensiliet ta’ kunsiderazzjoni jipprekludu li l-leġiżlazzjoni kkonċernata tiġi meqjusa bħala xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imsemmija iktar ’il fuq.

55

Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali mhijiex xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan invokat ħlief jekk hija tkun verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C-338/04, C-359/04 u C-360/04, Ġabra p. I-1891, punti 53 u 58, u tas-, Corporación Dermoestética, C-500/06, Ġabra p. I-5785, punti 39 u 40).

56

Issa, mill-Artikolu 3(1) u (2) tal-KAG u l-istess Artikolu u paragrafi tal-KAKuG, li ġew implementati bl-Artikoli 4 tal-Wr. KAG u 5 tal-OöKAG, jirriżulta li awtorizzazzjoni minn qabel ibbażata fuq evalwazzjoni tal-bżonnijiet tas-suq hija mitluba għall-ftuħ u għat-tħaddim ta’ polikliniċi dentali indipendenti ġodda, ikun x’ikun id-daqs tagħhom, u li l-ħolqien ta’ kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti ġodda, min-naħa l-oħra, mhuwiex suġġett għal xi sistema ta’ awtorizzazzjoni, indipendentement mid-daqs tagħhom.

57

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-istabbilimenti u l-apparat materjali tal-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti kif ukoll dawk ta’ polikliniċi dentali jista’ jkollhom karatteristiċi simili u li l-pazjent, f’ħafna każijiet, ma jinnota ebda differenza bejn iż-żewġ strutturi.

58

Barra minn hekk, il-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti joffru, bħala regola, l-istess servizzi mediċi bħall-polikliniċi dentali u huma suġġetti għall-istess kundizzjonijiet tas-suq.

59

Bl-istess mod, il-kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti u l-polikliniċi dentali jista’ jkollhom tobba komparabbli. Ċertament, it-tobba li jipprovdu s-servizzi mediċi fi ħdan klinika ta’ grupp ta’ professjonisti huma persuni assoċjati responsabbli personalment u huma awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni tad-dentistrija fuq bażi indipendenti, filwaqt li t-tobba li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’poliklinika huma impjegati. Madankollu, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali ċirkustanza għandha effett ċert fuq in-natura u l-volum tas-servizzi pprovduti.

60

Peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ fornituri jista’ jkollhom karatteristiċi kif ukoll numru ta’ tobba komparabbli u jagħtu volumi ta’ servizzi ekwivalenti, jista’ wkoll ikollhom effett simili fuq is-suq tas-servizzi mediċi kkonċernat u għalhekk jistgħu jaffettwaw, bl-istess mod, is-sitwazzjoni ekonomika tat-tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni kontra l-mard f’ċerti żoni ġeografiċi u, għalhekk, it-twettiq tal-għanijiet tal-ippjanar segwiti mill-awtoritajiet kompetenti.

61

Din l-inkoerenza taffettwa wkoll it-twettiq tal-għan sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt, anke jekk il-ftuħ inkontrollat ta’ polikliniċi dentali indipendenti jista’ jwassal għal żieda kunsiderevoli ta’ volum ta’ servizzi mediċi bi prezzijiet stabbli mħallsa minn din is-sistema, il-Gvern Awstrijak ma ppreżenta l-ebda element sabiex jispjega r-raġuni għaliex huwa biss il-ftuħ tal-imsemmija polikliniċi li jista’ jkollu tali effett, iżda mhux dak ta’ kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti.

62

Barra minn hekk, il-provvista ta’ kura dentali f’dawn il-polikliniċi indipendenti tista’ tirriżulta bħala iktar razzjonali meta tiġi kkunsidrata l-organizzazzjoni tagħhom, id-diversi tobba kif ukoll l-użu komuni ta’ apparat mediku li jippermettilhom inaqqsu l-ispejjeż tal-operat. Dawn għandhom ukoll vokazzjoni li jagħtu servizzi mediċi f’kundizzjonijiet inqas iebsa, meta mqabbla, partikolarment mat-tobba stabbiliti li ma jibbenefikawx minn tali faċilitajiet. Il-provvista ta’ kura minn dawn l-istituzzjonijiet tista’ wkoll ikollha bħala konsegwenza użu aktar effettiv tal-fondi pubbliċi relatati mas-sistema legali ta’ assigurazzjoni medika.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma ssegwix b’mod koerenti u sistematiku l-għanijiet invokati, peress li hija ma tissuġġettax, bħal kif tagħmel fil-każ ta’ polikliniċi dentali ġodda, il-ftuħ ta’ kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

64

It-tieni nett, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ma tistax tiġġustifika aġir diskrezzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, b’tali mod li ċċaħħad lid-dispożizzjonijiet Komunitarji, partikolarment dawk li jirrigwardaw libertà fundamentali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-effettività tagħhom. Barra minn hekk, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tkun iġġustifikata anke jekk tiddevja minn tali libertà fundamentali, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, li jiżguraw li din is-sistema tkun xierqa sabiex tillimita biżżejjed l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, partikolarment, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punti 37 u 38, u Müller-Fauré u van Riet, iċċitati iktar ’il fuq, punti 84 u 85).

65

Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjonijiet ikkonċernati jissuġġettaw l-għoti ta’ awtorizzazzjoni sabiex tinfetaħ poliklinika dentali ġdida għal kundizzjoni waħda, jiġifieri l-eżistenza ta’ bżonn f’dak li jirrigwarda s-servizzi offruti minn dan iċ-ċentru l-ġdid. Din il-kundizzjoni tirriżulta mill-Artikolu 3(2) tal-KAG u tal-istess Artikolu u paragrafu tal-KAKuG, u ġiet riprodotta fil-leġiżlazzjoni tal-Länder ikkonċernati, fl-Artikoli 4 tal-Wr. KAG u 5 tal-OöKAG.

66

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kundizzjoni, fil-prattika, hija vverifikata abbażi tal-kriterji differenti skont il-Land ikkonċernat.

67

B’hekk, fil-Land ta’ Vjenna, l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ bżonn issir abbażi tan-numru ta’ pazjenti għal kull membru tal-professjoni tad-dentistrija fiż-żona ta’ servizz. Fil-Land tal-Awstrija ta’ Fuq, hija bbażata fuq l-importanza tal-perijodu li matulu wieħed ikollu jistenna fid-dawl ta’ konsulta ma’ tali professjonist.

68

Madankollu, fir-rigward tal-Land ta’ Vjenna, għandu jiġi kkonstatat li n-numru ta’ pazjenti inkwistjoni la huwa stabbilit u lanqas b’xi mod ma jiġi kkomunikat lill-persuni kkonċernati.

69

Fil-Land tal-Awstrija ta’ Fuq, l-evalwazzjoni rilevanti hija bbażata fuq ir-risposti mogħtija minn professjonisti li jipprattikaw fiż-żona li fiha l-poliklinika dentali indipendenti tippjana l-ftuħ tagħha, minkejja li dawn tal-aħħar huma konkorrenti potenzjali diretti ta’ dan iċ-ċentru. Tali metodu jista’ jwassal għal nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità fit-trattament tat-talba għall-awtorizzazzjoni kkonċernata.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex ibbażata fuq kundizzjoni li tista’ tillimita biżżejjed l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali.

71

Minn dak kollu li ntqal preċedentement jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet għaż-żamma ta’ servizz mediku ta’ kwalità, ekwilibrat u aċċessibbli għal kulħadd kif ukoll sabiex ma jkunx hemm riskju ta’ dannu gravi għall-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali.

72

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħhom tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa privat fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti u li jipprovdu li tali awtorizzazzjoni ma għandhiex tingħata meta, fid-dawl tal-kura diġà offruta minn tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni, ma jinħass l-ebda bżonn li jiġġustifika l-ftuħ ta’ tali ċentru, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jissuġġettawx bl-istess mod lil kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti għal tali sistema, u sa fejn dawn ma jkunux ibbażati fuq kundizzjoni li tista’ tillimita biżżejjed l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali.

Fuq it-tieni domanda

73

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 43 KE u 48 KE jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħhom tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ ċentru tas-saħħa privat fil-forma ta’ poliklinika dentali indipendenti u li jipprovdu li tali awtorizzazzjoni ma għandhiex tingħata meta, fid-dawl tal-kura diġà offruta minn tobba li jaħdmu fuq bażi kuntrattwali ma’ fondi ta’ assigurazzjoni, ma jinħass l-ebda bżonn li jiġġustifika l-ftuħ ta’ tali ċentru, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ma jissuġġettawx bl-istess mod lil kliniċi ta’ grupp ta’ professjonisti għal tali sistema, u li mhumiex ibbażati fuq kundizzjoni li tista’ tillimita biżżejjed l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top