This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62007CC0285
Opinion of Advocate General Sharpston delivered on 6 November 2008.#A.T. v Finanzamt Stuttgart-Körperschaften.#Reference for a preliminary ruling: Bundesfinanzhof - Germany.#Directive 90/434/EEC - Cross-border exchange of shares - Fiscal neutrality - Conditions - Articles 43 EC and 56 EC - Legislation of a Member State making the continued use of the book value of the shares transferred in exchange for the new shares received, and therefore the fiscal neutrality of the transfer, conditional on the carryover of that value in the tax balance sheet of the acquiring foreign company - Compatibility.#Case C-285/07.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 6 ta' Novembru 2008.
A.T. vs Finanzamt Stuttgart-Körperschaften.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Direttiva 90/434/KEE - Skambju ta’ ishma transkonfinali - Newtralità fiskali - Kundizzjonijiet - Artikoli 43 u 56 KE - Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta ż-żamma tal-valur kontabbli tal-ishma miġjuba għall-ishma ġodda rċevuti, u għaldaqstant in-newtralità fiskali tat-trasferiment, għad-differiment ta’ dan il-valur fil-bilanċ fiskali tal-kumpannija li tikseb [akkwirenti] barranija - Kompatibbiltà.
Kawża C-285/07.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 6 ta' Novembru 2008.
A.T. vs Finanzamt Stuttgart-Körperschaften.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Direttiva 90/434/KEE - Skambju ta’ ishma transkonfinali - Newtralità fiskali - Kundizzjonijiet - Artikoli 43 u 56 KE - Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta ż-żamma tal-valur kontabbli tal-ishma miġjuba għall-ishma ġodda rċevuti, u għaldaqstant in-newtralità fiskali tat-trasferiment, għad-differiment ta’ dan il-valur fil-bilanċ fiskali tal-kumpannija li tikseb [akkwirenti] barranija - Kompatibbiltà.
Kawża C-285/07.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-09329
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:608
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fis-6 ta’ Novembru 2008 ( 1 )
Kawża C-285/07
A.T.
vs
Finanzamt Stuttgart-Körperschaften
“Direttiva 90/434/KEE — Skambju ta’ azzjonijiet transkonfinali — Newtralità fiskali — Kundizzjonijiet — Artikoli 43 u 56 KE — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta ż-żamma tal-valur kontabbli tal-ishma ttrasferiti għall-ishma l-ġodda rċevuti, u għaldaqstant in-newtralità fiskali tat-trasferiment, għad-dħul ta’ dan il-valur fil-bilanċ fiskali tal-kumpannija akkwirenti barranija — Kompatibbiltà”
|
1. |
Meta l-assi ta’ kumpannija waħda jiġu ttrasferiti lil kumpannija oħra fil-kors ta’ ħidma ta’ ristrutturazzjoni ta’ kumpanniji, dan jista’ jirriżulta f’tranżazzjoni soġġetta għat-taxxa. It-trasferiment jikkostitwixxi disponiment għall-iskopijiet ta’ taxxa fuq qligħ kapitali u, jekk dawk l-assi żdiedu fil-valur minn dakinhar li kien akkwistahom it-trasferitur jista’ jkun seħħ profitt soġġett għat-taxxa. Xi Stati Membri jipprovdu għal ħelsien billi jippermettu dħul ta’ impożizzjoni immedjata ta’ taxxa peress li l-assi ma ġewx fil-fatt realizzati. Madanakollu, rarament jiġi mogħti ħelsien fejn it-trasferiment isir lil kumpannija mhux residenti, minħabba l-biża’ li l-ħlas tat-taxxa jista’ jiġi evitat għal kollox pjuttost milli jiġi sempliċement differit. |
|
2. |
Il-każ preżenti jikkonċerna ħidma ta’ ristrutturazzjoni li permezz tagħha kumpannija Ġermaniża (A.T.), ittrasferiet il-kapital azzjonarju ta’ kontroll tagħha f’GmbH lil kumpannija Franċiża bi skambju ma’ titoli allokati mill-kumpannija Franċiża. Id-dispożizzjonijiet legali Ġermaniżi stabbilixxew kundizzjoni partikolari li kellhom jissodisfaw l-iskambji ta’ ishma sabiex tkun differita kwalunkwe impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali. It-tranżazzjoni in kwistjoni ma kinitx tissodisfa dik il-kundizzjoni. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet Ġermanżi fittxew li jintaxxaw il-qligħ kapitali miġbur. Il-qorti ta’ rinviju, tistaqsi, l-ewwel nett jekk, l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva dwar Inkorporazzjonijiet ( 2 ) u t-tieni nett, l-Artikoli 43 u 56 KE għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu tassazzjoni bħal din. |
Id-Direttiva dwar inkorporazzjonijiet
|
3. |
Id-Direttiva dwar Inkorporazzjonijiet timponi sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-azzjonijiet li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti. Din għandha tevita l-impożizzjoni tat-taxxi rigward ħidmiet bħal dawn, filwaqt li fl-istess ħin tissalvagwarda l-interessi finanzjarji tal-Istat li fih tkun imponibbli t-taxxa. Fil-kuntest ta’ skambji ta’ azzjonijiet, din tagħmel dan billi tipprovdi li l-allokazzjoni ta’ titoli fil-kumpannija li tirċievi li qed takkwista lil azzjonist tal-kumpannija trasferitur [trasferenti] “minnhom infushom, ma għandhomx joħolqu l-ebda tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-profitti [qligħ] kapitali ta’ dan l-azzjonist” ( 3 ), filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri sabiex “jintaxxaw il-profitt [qligħ] li jinħoloq mit-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti bl-istess mod bħall-profitt [qligħ] li jiġi mit-trasferiment tat-titoli li kienu jeżistu qabel il-kisba” ( 4 ). |
|
4. |
Il-preambolu għad-Direttiva jinkludi l-premessi li ġejjin:
|
|
5. |
L-Artikolu 2 jinkludi t-tifsiriet rilevanti li ġejjin: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
|
|
6. |
It-tifsiriet fl-Artikolu 2 jorbtu flimkien bil-mod kif ġej. Għal inkorporazzjoni, diviżjoni jew trasferiment tal-attivi [(a), (b) u (ċ)], hemm kumpannija trasferitur u kumpannija li tikseb [akkwirenti] [(e) u (f)], filwaqt li għal skambji ta’ ishma [(d)] hemm kumpannija miksuba u kumpannija li tikseb [akkwirenti] [(g) u (h)]. |
|
7. |
L-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 8 jipprovdu: “1. Mal-waqt ta’ inkorporazzjoni, diviżjoni jew skambju tal-ishma [azzjonijiet], l-allokazzjoni tat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija riċevitur [li tirċievi] jew ta’ dik tal-kisba lil azzjonist tal-kumpannija trasferitur [trasferenti] jew ta’ dik li tikseb [akkwirenti] bi skambju għat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta’ l-aħħar ma għandhom, minnhom infushom, joħolqu l-ebda tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-profitti kapitali ta’ dan l-azzjonist. 2. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-paragrafu 1 bil-kundizzjoni li l-azzjonist ma jagħtix lit-titoli rċevuti valur ogħla għall-għanijiet tat-taxxa milli kellhom it-titoli skambjati immedjatament qabel l-inkorporazzjoni, id-diviżjoni jew l-iskambju. L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ma għandhiex tipprevjieni lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-profitt li jinħoloq mit-trasferiment sussegwenti tat-titoli rċevuti bl-istess mod bħall-profitt li jiġi mit-trasferiment tat-titoli li kienu jeżistu qabel il-kisba. F’dan il-paragrafu, l-espressjoni ‘valur għall-għanijiet tat-taxxa’ ifisser l-ammont li fuq il-bażi tiegħu kull profitt jew telf jiġu kkomputati għall-għanijiet tat-taxxa fuq id-dħul, il-profitt jew il-profitt kapitali [profitt fuq il-kapital] ta’ azzjonist tal-kumpannija”. |
|
8. |
L-Artikolu 8(1) u (2) għalhekk jikkonċerna lil azzjonist f’kumpannija trasferitur [trasferenti] (fil-każ ta’ inkorporazzjonijiet u diviżjonijiet) jew f’kumpannija miksuba (fil-każ ta’ skambji ta’ titoli). |
|
9. |
L-Artikolu 11(1)(a) jipprovdi li Stat Membru jista’ jirrifjuta li japplika jew jirtira l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kollha jew ta’ parti minnha meta jidher li l-attività “ikollu bħala l-għan immedjat tiegħu jew bħala wieħed mill-għanijiet immedjati prinċipali tiegħu l-evażjoni tat-taxxa jew il-ħarbien minnha; il-fatt li waħda mill-ħidmiet riferiti fl-Artikolu 1 ma tiġix imwettqa għal raġunijiet kummerċjali validi bħalma huma l-istrutturazzjoni mill-ġdid jew ir-razzjonalizzazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-kumpanniji li jkunu qegħdin jieħdu sehem fil-ħidma jista’ jikkostitwixxi preżunzjoni ta’ evażjoni mit-taxxa jew ħarbien minnha bħala l-għan immedjat ewlieni tagħha jew wieħed mill-għanijiet immedjati ewliena tagħha”. |
Il-liġi nazzjonali rilevanti
|
10. |
Fil-kuntest ta’ skambji domestiċi ta’ azzjonijiet, l-Artikolu 20 tal-Umwandlungssteuergesetz (Liġi dwar tassazzjoni ta’ ristrutturazzjonijiet ta’ impriżi; ‘UmwStG’) ( 5 ) tipprovdi kif ġej, safejn huma rilevanti f’din il-kawża: “1. Jekk l-attività ta’ impriża […] tiġi ttrasferita lil kumpannija li għandha kapital f’azzjonijiet […] u t-trasferitur jirċievi in kontraparti ishma ġodda fil-kumpannija (kontribuzzjoni in natura), l-assi ttrasferiti u l-ishma l-ġodda għandhom jiġu vvalutati skont il-paragrafi li ġejjin. L-ewwel sentenza tapplika wkoll għat-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju jekk il-kumpannija [akkwirenti] ( 6 ) bis-saħħa tas-sehem tagħha, inklużi l-ishma rċevuti, b’mod dirett u li jista’ jiġi vverifikat, għandha maġġoranza tad-drittijiet tal-vot fil-kumpannija li l-ishma tagħha ġew ittrasferiti. 2. Il-kumpannija [akkwirenti] ( 7 ) tista’ tivvaluta l-assi ttrasferiti skont il-valur kontabbli tagħhom jew b’valur ogħla. Il-valur kontabbli jista’ jiġi użat anki jekk għal skopijiet ta’ liġi kummerċjali jrid jiġi użat valur ogħla fil-karta tal-bilanċ. Il-valur kontabbli huwa l-valur li bih it-trasferitur, fiż-żmien tal-kontribuzzjoni in specie vvaluta l-assi ttrasferiti konformi mad-dispożizzjonijiet fiskali li għandhom x’jaqsmu mad-determinazzjoni ta’ profitti. […] […] 4. Il-valur li l-kumpannija [b’kapital azzjonarju] tassenja lill-assi ttrasferiti huwa meqjus, fir-rigward tat-trasferitur bħala l-prezz ta’ trasferiment u l-ispiża għall-kisba tal-ishma tas-suq.[…]”. |
|
11. |
L-Artikolu 23(4) tal-UmwStG jipprovdi li: “Jekk ishma skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1) f’kumpannija tal-UE b’kapital f’ishma jiġu ttrasferiti lil kumpannija oħra tal-UE b’kapital f’azzjonijiet, l-[ewwel u t-tieni] sentenzi tal-Artikolu 20(2) għandhom japplikaw għall-istima tal-ishma rċevuti mill-kumpannija akkwirenti, u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(4) għandha tapplika reċiprokament għall-istima tal-ishma l-ġodda rċevuti mit-trasferitur mill-kumpannija akkwirenti.” |
|
12. |
Fl-aħħar nett, il-Ġermanja implementat l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva dwar l-Inkorporazzjonijiet bl-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(2) tal-UmwStG, li jipprovdi: “L-Artikolu 23(4) mhuwiex applikabbli jekk l-ishma rċevuti ġew ittrasferiti f’terminu ta’ sebgħa snin mill-kontribuzzjoni, għajr jekk il-persuna taxxabbli tipprova li l-ishma rċevuti kienu s-suġġett ta’ kontribuzzjoni oħra in natura skont il-valur kontabbli, abbażi tad-dispożizzjonijiet legali ta’ xi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li jikkorrispondu għall-Artikolu 23(4)”. |
|
13. |
Il-qorti ta’ rinviju tispjega li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(4) tal-UmwStG timponi “diferiment doppju tal-valuri kontabbli”. Din l-espressjoni tfisser li, fl-iskambju ta’ ishma li jinvolvu t-trasferiment ta’ kapital azzjonarju ta’ kontroll, it-trasferitur jista’ jġib ’il quddiem il-valur kontabbli tal-ishma ttrasferiti biss jekk il-kumpannija akkwirenti hija stess hekk ivvalutathom. |
|
14. |
Il-qorti ta’ rinviju tinnota wkoll li l-leġiżlazzjoni msemmija tittratta skambji ta’ ishma bl-istess mod kemm jekk il-kumpannija akkwirenti tkun kumpannija Ġermaniża u anki jekk tkun kumpannija minn Stat Membru ieħor ( 8 ). |
Il-fatti
|
15. |
A. T., ir-rikorrenti, hija kumpannija Ġermaniża ( 9 ). Din kellha kapital azzjonarju ta’ kontroll (89.5 %) f’GmbH Ġermaniża (iktar ’il quddiem ’il-GmbH’). Ir-regoli tas-swieq finanzjarji kienu jobbligawha tiżvesti ruħha minn dak il-kapital azzjonarju. Għal din ir-raġuni matul is-sena 2000 din ittrasferiet ftit mill-ishma tagħha fil-GmbH lil kumpannija Franċiża ( 10 ), fi skambju ta’ azzjonijiet ġodda li jammontaw għal 1.47 % tal-kapital maħruġ minn dik il-kumpannija. |
|
16. |
Il-kumpannija Franċiża vvalutat l-ishma tal-GmbH (l-ishma fil-kumpannija miksuba) fil-karti tal-bilanċ tagħha tan-negozju u tat-taxxa (magħmula konformi mal-liġi Franċiża) skont il-valur tas-suq mogħti lilhom fil-kuntratt tat-trasferiment minflok il-valur kontabbli iktar baxx tagħhom ( 11 ), għalkemm jidher li l-liġi Franċiża kienet tippermetti li jiġi wżat il-valur kontabbli. A.T. għażlet li tivvaluta l-azzjonijiet li ġiet allokata fil-kumpannija Franċiża skont il-valur kontabbli tal-ishma fil-GmbH li għalihom ġew skambjati l-azzjonijiet fil-kumpannija Franċiża. Madanakollu l-Finanzamt ikkunsidrat li A.T. kienet obbligata tattribwixxi l-valur tas-suq użat mill-kumpannija Franċiża fl-istima tal-ishma tal-GmbH, konformi mal-paragrafi 23(4) u 20(4) tal-UmwStG 1995. Għaldaqstant, il-Finanzamt ittrattat l-iskambju tal-ishma bejn A.T. u l-kumpannija Franċiża bħala li jagħti lok għal qligħ kapitali taxxabbli. Il-Finanzamt għalhekk għażlet li tintaxxa d-differenza bejn l-ispiża għall-akkwist tal-ishma tal-GmbH u l-valur tas-suq tal-azzjonijiet fil-kumpannija Franċiża (li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkunsidraw li jirrappreżentaw il-valur tal-qligħ tal-assi ttrasferiti (jiġifieri, l-ishma fil-GmbH)). |
Il-proċeduri prinċipali u d-domandi rrinvjati
|
17. |
A.T. ikkontestat b’suċċess l-avviżi ta’ stima ta’ taxxa quddiem il- Finanzgericht Baden-Wurtemberg. Il-Finanzamt appella quddiem il- Bundesfinanzhof. Dik il-qorti mhijiex ċerta jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(4) moqrija flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(4) UmwStG u l-kundizzjoni tad-“diferiment doppju tal-valuri kontabbli” applikabbli taħt dawk id-dispożizzjonijiet li tikser l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-Inkorporazzjonijiet u/jew għall-Artikoli 43 u 56 KE. |
|
18. |
Għaldaqstant [il-Finanzgericht] irrinvijat is-segwenti domandi preliminari:
|
|
19. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A.T., il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni, li lkoll kemm huma kienu rappreżentati waqt is-seduta. |
L-ewwel domanda
|
20. |
Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva jipprekludux l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali ta’ taxxa li, wara li jkun sar skambju ta’ ishma, jippermettu lill-azzjonist fil-kumpannija miksuba li juża l-valur kontabbli tal-ishma fil-kumpannija miksuba f’każ biss li l-kumpannija akkwirenti tkun ukoll ivvalutat l-ishma fil-kumpannija miksuba bil-valur kontabbli tagħhom (id-diferiment doppju tal-valur kontabbli). |
|
21. |
A.T. u l-Kummissjoni jissottomettu li d-domanda li saret mill-qorti ta’ rinviju għandha tiġi mwieġba fl-affermattiv. Il-Gvern Ġermaniż jieħu l-pożizzjoni kuntrarja. Essenzjalment, jien naqbel mal-Kummissjoni u A.T. |
Analiżi
|
22. |
Bħall-Kummissjoni, jien nikkunsidra li l-punt tat-tluq xieraq huwa l-kliem attwali tad-Direttiva. |
|
23. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema komuni ta’ tassazzjoni li hija stabbilita mid-Direttiva, li tinkludi diversi vantaġġi fiskali, tapplika indipendentement għall-operazzjonijiet kollha ta’ inkorporazzjoni, diviżjoni, trasferiment ta’ assi u skambju ta’ azzjonijiet, mingħajr kunsiderazzjoni tal-motivi tagħhom ( 13 ). |
|
24. |
L-Artikolu 8(1) jipprovdi li skambju ta’ azzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandu jibbenefika minn newtralità fiskali inkundizzjonata. Il-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni hija mandatorja u mhux ambigwa: “l-allokazzjoni […] m’għandhiex, minnha nnifisha, tirriżulta f’ebda tassazzjoni […]”. Jirriżulta minn din il-formulazzjoni li l-Istati Membri m’għandhom ebda diskrezzjoni biex jimponu kundizzjonijiet addizzjonali li għandhom jiġu ssodisfatti qabel ma jiġi akkordat trattament fiskalment newtrali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skambju ta’ ishma li għalih japplika l-Artikolu 8(1 ma jistax ) bħala prinċipju jkun suġġett għal taxxa ( 14 ). |
|
25. |
L-effett tal-Artikolu 8(1) huwa li skambju ta’ ishma li jaqa’ taħt l-ambitu tad-Direttiva għandu jiġi kkunsidrat bħala avveniment fiskalment newtrali. Fin-nuqqas ta’ din id-dispożizzjoni, tranżazzjoni tali normalment tirriżulta f’konsegwenzi fiskali. Għaldaqstant, pereżempju, id-differenza bejn l-ispiża tal-akkwist u l-valur ta’ trrasferiment tal-assi ttrasferiti tikkorispondi għal qligħ kapitali jekk dan il-valur akkumula mal-valur wara l-akkwist tiegħu. Dak il-qligħ kapitali jista’ ikun taxxabbli. |
|
26. |
L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) hija suġġetta għall-kundizzjoni (mandatorja) fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(2), jiġifieri li, “l-azzjonist ma jagħtix lit-titoli rċevuti valur fiskali ogħla minn dak li t-titoli skambjati kellhom immedjatament qabel l-inkorporazzjoni, id-diviżjoni jew l-iskambju ta’ ishma [azzjonijiet]”. |
|
27. |
“L-azzjonist” imsemmi fl-Artikolu 8(2) ma jistax ikun ħlief l-azzjonist fil-kumpannija miksuba (A.T.), billi dan jirreferi għall-Artikolu 8(1), fejn l-identità tal-“azzjonist” hija indikata ċarament. |
|
28. |
Għal din ir-raġuni, l-argument alternattiv tal-Ġermanja li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jikkonċerna l-istima tal-ishma fil-karta tal-bilanċ tal-kumpannija (barranija) akkwirenti, fil-fehma tiegħi hija insostenibbli. |
|
29. |
Il-Gvern Ġermaniż jargumenta (abbażi ta’ interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 8(2) b’referenza għall-kliem “it-titoli rċevuti”) li d-Direttiva teħtieġ sempliċement li l-kumpannija akkwirenti tistima l-ishma skont il-valur kontabbli tagħhom. Huwa jissuġġerixxi li din il-frażi tirreferi għall-ishma rċevuti mill-kumpannija barranija, li għalihom din tal-aħħar allokat titoli bħala skambju. |
|
30. |
Madanakollu, jirriżulta ċarament mill-formulazzjoni tad-Direttiva li l-Artikolu 8(1) u (2) jirrigwarda l-konsegwenzi fiskali għall-azzjonist fil-kumpanija miksuba (A.T.). Huwa biss il-valur attribwit għat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija akkwirenti (it-“titoli rċevuti”) li huwa rilevanti għall-għanijiet tal-Artikolu 8(2). Dak il-valur jiddetermina l-ispiża tal-akkwist għall-kalkolu ta’ qligħ kapitali eventwali taxxabbli f’każ ta’ trrasferiment ulterjuri tal-azzjonijiet mill-azzjonist tal-kumpannija miksuba. Għaldaqstant jien ma nistax naċċetta l-argument tal-Ġermanja li l-kundizzjoni fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tirrigwarda l-valur attribwit għall-ishma tal-kumpannija miksuba (il-GmbH) li ġew irċevuti mill-kumpannija Franċiża. |
|
31. |
Fil-fehma tiegħi, il-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 8 ma jistgħux jinqraw separatament għaliex it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) jistabbilixxi l-konsegwenzi li joħorġu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1). |
|
32. |
Jekk l-azzjonist fil-kumpannija miksuba kien obbligat li jissostitwixxi l-valur tas-suq għall-valur kontabbli, kif isostni l-gvern Ġermaniż, ikun hemm qligħ kapitali taxxabbli f’ċirkustanzi fejn id-Direttiva tipprevedi espressament id-diferiment tat-taxxa. Id-Direttiva tilħaq newtralità fiskali billi tippermetti lill-azzjonist tal-kumpannija miksuba (A.T.) li jassenja l-valur attribwit lill-assi li ġew ittrasferiti (jiġifieri l-kumpannija miksuba) għat-titoli allokati lilu mill-kumpannija akkwirenti. Madanakollu dan jippreżerva wkoll id-dritt tal-Istati Membri li jimponu t-taxxa jekk it-titoli li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija akkwirenti sussegwentement jiġu ttrasferiti bi qligħ. |
|
33. |
Il-gvern Ġermaniż jirrileva li l-iskambju ta’ ishma seta’ baqa’ eżenti mit-taxxa minkejja d-dispożizzjonijiet tal-UmwStG, ’il għaliex il-liġi Franċiża tippermetti li l-ishma ttrasferiti jiġu stmati skont il-valur kontabbli tagħhom. Li kieku l-kumpannija Franċiża għażlet li tistma l-ishma li rċeviet b’dak il-mod (flok ma stmathom, kif għamlet, skont il-valur tagħhom tas-suq) ma kienet tqum l-ebda responsabbiltà għal ħlas ta’ taxxa fuq profitt fuq il-kapital f’dak il-punt taħt il-liġi Ġermaniża. Waqt is-seduta, il-gvern Ġermaniż sostna li A.T., kellha d-dritt meta nnegozjat it-termini tal-iskambju tal-ishma, li tissuġġetta t-tranżazzjoni għall-kundizzjoni li l-kumpannija Franċiża kellha tistma l-ishma skont il-valur kontabbli tagħhom. |
|
34. |
Jien mhux konvint b’dak l-argument. Dan ikun ifisser li l-konsegwenzi fiskali ta’ kwalunkwe tranżazzjoni partikolari tkun tiddependi fuq (a) is-sistema fiskali tal-Istat Membru tal-kumpannija akkwirenti u (b) il-ftehim speċifiku bejn il-partijiet (li probabbilment jirrifletti s-saħħa negozjali tagħhom rispettiva f’dak iż-żmien). Għaldaqstant dan mhux biss huwa kuntrarju għall-formulazzjoni tad-Direttiva, iżda dan jimmina wkoll iċ-ċertezza legali li din tipprovdi. Barra dan, il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) hija eżawrjenti u inkundizzjonali. Dan ma jagħmilx id-dħul tat-taxxa dipendenti fuq id-dettalji tas-sistema fiskali tal-Istat Membru li fih tinsab il-kumpannija akkwirenti jew fuq il-ftehim bejn il-partijiet għat-tranżazzjoni. |
|
35. |
L-effett tal-Artikolu 20(4) tal-UmwStG huwa li l-azzjonist tal-kumpannija miksuba (A.T.) huwa obbligat li juża l-valur li l-kumpannija akkwirenti (il-kumpannija Franċiża) attribwiet lill-ishma sabiex tiddetermina l-valur tal-qligħ mit-trrasferiment tal-ishma fil-GmbH. Ma nista’ nsib ebda bażi fil-formulazzjoni l-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 8(2), li tippermetti li tiġi introdotta dik il-kundizzjoni addizzjonali. |
|
36. |
Il-qari naturali tal-Artikolu 8(1) u (2) huwa kkoroborat bl-eżami tal-bażi legali tad-Direttiva u l-għanijiet tagħha. |
|
37. |
Id-Direttiva dwar l-Inkorporazzjonijiet, bħala dispożizzjoni fiskali, hija bbażata fuq l-Artikolu 100 KEE (issa l-Artikolu 94 KE). L-għan iddikjarat tagħha huwa li tintroduċi regoli fiskali li huma newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, sabiex l-impriżi jkunu jistgħu jaddattaw mal-ħtiġijiet tas-suq komuni. Ir-raba’ u s-sitt premessi jindikaw li, filwaqt li wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva huwa li tiddeferixxi d-debitu ta’ taxxa tal-azzjonist ta’ kumpannija miksuba fejn ikun hemm skambju ta’ ishma, l-Istati Membri jżommu d-dritt li jintaxxaw il-qligħ kapitali akkumulat, iżda biss meta dan il-qligħ ultimament ikun ġie realizzat. Għaldaqstant, mhemmx bżonn li wieħed ma jżommx mal-formulazzjoni tad-Direttiva billi jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali sabiex jipproteġġi l-interessi fiskali leġittimi tal-Istati Membri. |
|
38. |
Madanakollu, huwa ċar li l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(4) tal-UmwStG tirriżulta fl-impożizzjoni ta’ taxxa f’sitwazzjoni fejn id-Direttiva tipprovdi li d-debitu ta’ taxxa għandu jiġi ddiferit. Riżultat bħal dan imur kontra l-oġġettivi espressi tad-Direttiva u jaqleb il-bilanċ għaqli li jintlaħaq bejn l-interessi tan-negozji u dawk tal-Istati Membri. |
|
39. |
Il-Ġermanja targumenta li trrasferiment ta’ ishma mill-azzjonist ta’ kumpannija miksuba mhux se jagħti lok neċessarjament għal xi qligħ kapitali taxxabbli. L-ishma ġodda fil-kumpannija miksuba, li l-azzjonist tal-kumpannija miksuba jirċievi bħala skambju, jistgħu jiġu ddeprezzati b’mod sinjifikanti bir-riżultat ta’ ċaqliq fis-swieq (kif fil-fatt għamlu l-azzjonijiet fil-kumpannija Franċiża fil-każ preżenti). Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkontestat ir-rilevanza ta’ dan l-argument, billi sostniet li waqa’ potenzjali fil-valur tal-ishma huwa riskju tal-investiment inerenti f’kull skambju ta’ ishma, li għalih huma indirettament esposti l-awtoritajiet tat-taxxa. Madanakollu dan ma jistax jiġġustifika li l-azzjonist tal-kumpannija miksuba jiġi ntaxxat fuq ir-riżervi mhux realizzati. |
|
40. |
Fil-fehma tiegħi, l-argument tal-gvern Ġermaniż huwa bbażat fuq kunċett żbaljat. L-għan tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva huwa sempliċement li jiġi ddifferit id-debitu tat-taxxa għal data ta’ realizzazzjoni tal-assi. Dan mhux biex jiġi ggarantit li se jkun hemm dejjem debitu ta’ taxxa f’dak il-punt. Jekk ikunx hemm jew le, ikun jiddependi fuq il-valur tal-assi meta jsir it-trrasferiment tagħhom. |
|
41. |
Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż argumenta li l-Artikoli 20(4) u 23(4) tal-UmwStG huma mfassla biex jolqtu tip partikolari ta’ abbuż. L-eżempju li ġie mressaq ’l quddiem mill-Kummissjoni biex jagħti spjega ta’ din il-preokkupazzjoni. Ejja ngħidu li kumpannija X tagħmel skambju tal-ishma tagħha f’kumpannija sussidjarja għal ishma f’kumpannija akkwirenti. Dik hija attività newtra għal skopijiet ta’ taxxa (konformi mal-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva). Ejja ngħidu li l-kumpannija akkwirenti tistma l-ishma li kisbet skont il-valur tas-suq tagħhom u tbiegħhom immedjatament (bħala definizzjoni, mingħajr ma tagħmel xi qligħ kapitali). Jekk il-qligħ mill-bejgħ jista’ jitħallas lill-kumpannija X ħieles mit-taxxa, l-effett jippermetti lill-kumpannija X li tirrealizza riżervi moħbija mingħajr ma tħallas taxxa fuqhom. |
|
42. |
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li fil-prinċipju skema bħal dik deskritta tista’ titqies bħala abbużiva u li għalhekk ma jixraqilhiex il-protezzjoni pprovduta bl-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva. Madanakollu, din ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri ġie ggarantit ukoll bl-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva, li jipprovdi li fejn it-tranżazzjoni għandha bħala l-għan prinċipali tagħha l-evażjoni tat-taxxa jew il-ħarbien minnha, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li japplikaw jew li jirtiraw il-benefiċċju tad-dħul tad-debitu ta’ taxxa. Għaldaqstant huwa ċar mill-iskema tal-Artikoli 8 u 11 li l-interess tal-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jintaxxaw l-qligħ kapitali meta jiġi rrealizzat huwa simultanjament meħud inkunsiderazzjoni u protett. |
|
43. |
Fil-każ preżenti, mhemm xejn x’jissuġġerixxi li t-trasferiment tal-ishma twettaq għall-iskopijiet ta’ frodi jew evażjoni tat-taxxa. Pjuttost, A.T. kienet meħtieġa li tiżvesti ruħha mill-ishma minħabba regoli (mandatorji) tas-swieq finanzjarji. Għal din ir-raġuni, mhemm ebda dubju li l-Artikolu 11(1)(a) japplika għal dan il-każ partikolari. |
|
44. |
Madanakollu, għas-sens ta’ kompletezza, jien nżid li, anki fejn ikun hemm evidenza ta’ abbuż, ir-risposta tal-Istat Membru għandu tkun proporzjonata u kull każ għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-fatti tal-każ. Regola ta’ portata ġenerali li teskludi awtomatikament ċerti tranżazzjoniet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu vantaġġi fiskali, ġiet deċiża li tmur lilhinn minn dak li huwa permess mid-Direttiva ( 15 ). |
It-tieni domanda
|
45. |
Bit-tieni domanda tagħha, li tqum biss jekk it-tweġiba għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 43 u 56 KE jipprekludux l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali bħal dawk inklużi fl-Artikoli 20 u 23 tal-UmwStG, għalkemm id-“diferiment doppju tal-valuri kontabbli” huwa meħtieġ xorta waħda meta l-ishma miżmuma f’kumpannija ta’ kapital azzjonarju huma ttrasferiti lil kumpannija li hija suġġetta għal tassazzjoni illimitata. |
|
46. |
Peress li jien tal-fehma li l-ewwel domanda rrinvjata bl-aktar mod ċar għandha tiġi mwieġba fl-affermattiv, jien ma nikkunsidrax li hemm bżonn li tiġi mwieġba t-tieni domanda. |
Konklużjoni
|
47. |
Nikkunsidra għalhekk li għandha tingħata r-risposta li ġejja għall-ewwel domanda rrinvjata mill-Bundesfinanzhof: L-Artikolu 8 (1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni applikabbli għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-assi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali tat-taxxa li tipprevedi li, mat-trasferiment ta’ ishma f’kumpannija ta’ kapital azzjonarju tal-UE lil kumpannija oħra, l-azzjonist tal-kumpannija miksuba jista’ jżomm il-valur kontabbli tal-ishma ttrasferiti biss jekk l-kumpannija akkwirenti hija stess stmat l-ishma skont il-valur kontabbli tagħhom. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, Direttiva 90/434/KEE (ĠU 1990 L 225, p. 1). Din id-Direttiva ġiet sussegwentement emendata, imma l-proċeduri legali prinċipali għandhom x’jaqsmu biss mal-verżjoni oriġinali li nagħmel referenza għaliha f’dawn il-Konklużjonijiet.
( 3 ) L-Artikolu 8(1), imfisser fil-punt 7 hawn taħt.
( 4 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2), ibid.
( 5 ) Liġi tat-28 ta’ Ottubru 1994, Bundesgesetzblatt 1994, I, p. 3267.
( 6 ) Il-paragrafu 20(1) u l-paragrafu 23(4) tal-UmwStG it-tnejn li huma jagħmlu referenza għal ‘ubernehmende Kapitalgesellschaft’ filwaqt li t-tifsira primarja normali ta’ ‘ubernehmen’ hi li ‘tikseb’, l-aġġettiv ‘ubernehmende’ hu użat speċifikament fl-Artikolu 2(f) tad-Direttiva biex ifisser kumpannija ‘li tirċievi’ — terminu li hu riżervat mid-Direttiva għal inkorporazzjonijiet, diviżjonijiet u trasferimenti ta’ attiv. It-test Ġermaniż tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva juża ‘erwerbende Gesseschaft’ għal ‘kumpannija li tikseb’. Peress li r-rinviju preżenti għandu x’jaqsam mat-tassazzjoni ta’ kumpannija li tikseb fil-kuntest ta’ skambju ta’ ishma (l-Artikolu 2(d) u (h) tad-Direttiva), jien f’ġieħ iċ-ċarezza f’dawn il-konklużjonijiet se nuża sempliċement it-terminu ‘kumpannija li tikseb’.
( 7 ) Il-Gvern Ġermaniż għen billi żied ‘[übernehmende]’ qabel in-nom ‘kapitalgesellschaft’ hawnhekk u fis-sub-paragrafu (4) meta ċċita d-dispożizzjonijiet fl-osservazzjonijiet tiegħu.
( 8 ) Skont ir-rikorrenti l-leġiżlazzjoni Ġermaniża ġiet emendata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007 biex b’hekk il-valur tal-ktieb doppju miġjub ’il quddiem issa japplika biss fil-kuntest ta’ skambju ta’ ishma bejn kumpanniji Ġermaniżi.
( 9 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba tar-rikorrent għall-anonimità fil-proċeduri preżenti.
( 10 ) Għalhekk, A.T. hija l-‘azzjonista tal-[…] kumpannija miksuba’ (l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva). Il-GmbH hi l-‘kumpannija miksuba’ (l-Artikolu 2(g), u l-kumpannija Franċiża hi l-‘kumpannija li tikseb’ [l-Artikolu 2(h)].
( 11 ) Il-valur tal-ktieb huwa l-valur li bih it-trasferitur fiż-żmien tal-kontribuzzjoni in natura (l-iskambju tal-ishma) ivvaluta l-attivi skont id-dispożizzjonijiet fiskali li għandhom x’jaqsmu mad-determinazzjoni tal-profitti; ara punt 10 hawn fuq.
( 12 ) Id-domanda magħmulha mill-qorti ta’ rinviju tuża l-frażi ‘kumpannija li tirċievi’ u ‘parti trasferenti’. Sabiex wieħed ikun konsistenti mal-lingwaġġ tad-Direttiva f’dawn il-konklużjonijiet jien użajt il-frażi “kumpannija li tikseb [akkwirenti]” u “azzjonist tal-kumpannija miksuba” (ara n-nota ta’ qiegħ tal-paġna numru 10).
( 13 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, (C-28/95. Ġabra p. I-4161, punt 36); u s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed, (C-321/05, Ġabra I-05795, punt 30).
( 14 ) Ara Kofoed, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 hawn fuq, punti 24 u 35.
( 15 ) Ara Leur Bloem, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 43 u 48.