Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0521

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-17 ta' Lulju 2008.
    Athinaïki Techniki AE vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Għajnuna mill-Istat - Għajnuna mogħtija mir-Repubblika Ellenika lill-konsorzju Hyatt Regency - Ilment - Deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri fir-rigward ta’ l-ilment - Regolament Nru 659/1999 - Artikoli 4, 13 u 20 - Kunċett ta’ ‘att kontestabbli’ fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE.
    Kawża C-521/06 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:422

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    17 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

    “Appell — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija mir-Repubblika Ellenika lill-konsorzju Hyatt Regency — Ilment — Deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni fir-rigward ta’ lment — Regolament KE Nru 659/1999 — Artikoli 4, 13 u 20 — Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’ fis-sens tal-Artikolu 230 KE”

    Fil-Kawża C-521/06 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-18 ta’ Diċembru 2006,

    Athinaïki Techniki AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn S. Pappas, dikigoros,

    appellanti,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Triantafyllou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    Athens Resort Casino AE Symmetochon, stabbilita f’Marrousi (il-Greċja), irrappreżentata minn F. Carlin, barrister, u N. Korogiannakis, dikigoros,

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ April 2008,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Athinaïki Techniki AE (iktar ’il quddiem “Athinaïki Techniki”) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ Settembru 2006, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (T-94/05, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ta’ Athinaïki Techniki għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat-2 ta’ Ġunju 2004 li ma titteħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment dwar l-allegata għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Ellenika lill-konsorzju Hyatt Regency fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku li jirrigwarda t-trasferiment ta’ 49 % tal-kapital tal-kasinò Mont Parnès u li r-rikorrenti saret taf biha permezz tal-ittra tat-2 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem l-“ittra inkwistjoni”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Skont l-Artikolu 87(1) KE:

    “Bla ħsara ta’ kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkomaptibbli mas-suq komuni.”

    3

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE jiddisponi:

    “Jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni ssib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat li jabolixxi dik l-għajnuna jew li jimmodifikaha fit-terminu preskritti mill-Kummissjoni.”

    4

    L-Artikolu 88(3) KE huwa fformulat kif ġej:

    “Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali.”

    5

    Hekk kif jirriżulta mit-tieni premessa tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), jikkodifika u jirrinfforza l-prattika, fir-rigward tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita mill-Kummissjoni b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    6

    Fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura dwar għajnuna notifikata”, l-Artikolu 4 jiddisponi:

    “1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha. Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

    2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

    3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [87](1) tat-Trattat, għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn ‘l quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

    4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [88](2) tat-Trattat (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’).

    […]”

    7

    L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999 jippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

    8

    Il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jirregola l-“proċedura li tirrigwarda għajnuna kontra l-liġi”.

    9

    F’dan il-kapitolu, l-Artikolu 10(1) jistipula:

    “Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.”

    10

    Fl-imsemmi Kapitolu III, l-Artikolu 13(1), jipprovdi li:

    “L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.”

    11

    Fil-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Partijiet interessati”, l-Artikolu 20 jiddisponi:

    “1.   Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħudha mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.

    2.   Kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna llegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta’ l-argument ta’ l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-parti interessata.

    3.   Fuq talba tagħha, kull parti interessata għandha tikseb kopja ta’ kull deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7, l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11.”

    12

    Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999:

    “Deċiżjonijiet meħudha skond il-Kapitoli II, III, IV, V u VII għandhom ikunu indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat. […]”

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    13

    Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti kif ġej mill-Qorti tal-Prim’Istanza fid-digriet appellat:

    “1

    F’Ottubru 2001, l-awtoritajiet Elleniċi bdew proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku bil-għan li jittrasferixxu 49 % tal-kapital tal-kasinò Mont Parnès. Kien hemm żewġ kandidati li kkompetew, jiġifieri l-konsorzju Casino Attikis u Hyatt Consortium. Wara proċedura allegatament ivvizzjata, il-kuntratt ingħata lil Hyatt Consortium.

    2

    Membru tal-konsorzju Casino Attikis, Egnatia SA, li wara amalgamazzjoni kienet sostitwita minn [Athinaïki Techniki], ippreżenta lmenti rispettivament quddiem is-servizzi tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni (DĠ) ‘Suq Intern’ u quddiem id-DĠ ‘Kompetizzjoni’. Dan tal-ewwel intalab jiddeċiedi dwar ir-regolarità tal-proċedura [ta’ trasferiment ta’ 49 % tal-kapital tal-kasinò Mont Parnès] fir-rigward tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, filwaqt li t-tieni rċieva lment dwar għajnuna mill-Istat li kienet ingħatat lil Hyatt Consortium fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura.

    3

    B’ittra tal-15 ta’ Lulju 2003, id-DĠ ‘Kompetizzjoni’ fakkar lil [Athinaïki Techniki] il-prattika deċiżjonali tiegħu li biha t-trasferiment ta’ beni pubbliċi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat meta din il-proċedura tkun saret b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju. Konsegwentement, huwa infurmaha li ma kienx ser jieħu deċiżjoni qabel ma d-DĠ ‘Suq Intern’ ikun temm l-eżami tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni.

    4

    B’ittra elettronika tat-28 ta’ Awissu 2003, ir-rappreżentant ta’ [Athinaïki Techniki] ppreċiża, essenzjalment, li l-ilment dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat kien jirrigwarda elementi distinti [mil]l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u li, għaldaqstant, is-servizzi tad-DĠ ‘Kompetizzjoni’ ma kellhomx jistennew il-konklużjonijiet tad-DĠ ‘Suq Intern’.

    5

    B’ittra tas-16 ta’ Settembru 2003, is-servizzi tad-DĠ ‘Kompetizzjoni’ tennew dak li kien intqal fl-ittra tal-15 ta’ Lulju 2003, iżda madankollu stiednu lil [Athinaïki Techniki] tibgħatilhom informazzjoni addizzjonali dwar kull għajnuna oħra li ma kinitx relatata mal-aġġudikazzjoni tal-kasinò.

    6

    B’ittri tat-22 ta’ Jannar u tal-4 ta’ Awissu 2004, is-servizzi tad-DĠ ‘Suq Intern’ għarrfu lil [Athinaïki Techniki] li ma kienx bi ħsiebhom ikomplu l-eżami taż-żewġ ilmenti li kienu ġew indirizzati lilhom.”

    14

    Sussegwentement, il-Kummissjoni bagħtet lil Athinaïki Techniki l-ittra inkwistjoni li tistipula kif ġej:

    “Nirreferi għat-telefonata tiegħek fejn tlabt konferma dwar jekk il-Kummissjoni hijiex qed tkompli għaddejja bl-investigazzjoni tagħha fil-każ imsemmi jew jekk ġietx adottata deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni ulterjuri.

    B’ittra tas-16 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni informatek li fuq il-bażi tal-informazzjoni li tiddisponi minnha, mhemmx raġunijiet suffiċjenti biex tkompli bl-eżami ta’ dan il-każ (skont l-Artikolu 20 tar-[Regolament Nru 659/1999]).

    Fin-nuqqas ta’ informazzjoni supplimentari li tiġġustifika t-tkomplija tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għalqet amministrattivament il-każ fit-2 ta’ Ġunju 2004.”

    Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u d-digriet appellat

    15

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Athinaïki Techniki ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni msemmija fil-punt 1 ta’ din is-sentenza li hija saret taf biha permezz tal-ittra inkwistjoni.

    16

    B’att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ April 2005, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li dik il-Qorti laqgħet permezz tad-digriet appellat.

    17

    Billi rreferiet għar-Regolament Nru 659/1999, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat huma indirizzati lill-Istati Membri.

    18

    Hija sussegwentement iddeċidiet, fil-punti 29 sa 31 tad-digriet appellat, li:

    “29

    F’din il-kawża, l-ittra [in kwistjoni], li kienet indirizzata biss lil [Athinaïki Techniki], għarrfitha, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 659/1999, li, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-każ li kien sottomess lilha fl-ilment. [Fl-ittra in kwistjoni], il-Kummissjoni sussegwentement indikat li, peress li ma kinitx irċeviet informazzjoni supplimentari li tiġġustifika t-tkomplija ta’ l-investigazzjoni, hija kienet għalqet amministrattivament l-ilment ta’ Athinaïki Techniki fit-2 ta’ Ġunju 2004. Id-deċiżjoni b’hekk ma adottatx pożizzjoni definittiva dwar il-kwalifikazzjoni u l-kumpatibbiltà mas-suq komuni tal-miżura li kienet is-suġġett ta’ l-ilment ta’ Athinaïki Techniki.

    30

    B’hekk isegwi li l-ittra [in kwistjoni] ma tikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999 u li din ma tipproduċi ebda effett ġuridiku. Din l-ittra b’hekk ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors bis-saħħa ta’ l-Artikolu 230 KE.

    31

    Għandu jiġi rrilevat ukoll [li Athinaïki Techniki] ma tistax issostni li n-natura inkontestabbli ta’ ittra li tiċħad ilment twassal biex iċ-ċittadini jiġu mċaħħda mill-aċċess għall-ġustizzja Komunitarja, billi l-lanjant [persuna li tagħmel ilment] jista’ jipprovdi informazzjoni supplimentari biex jissostanzja l-ilment tiegħu. Fil-fatt, f’każ li dik l-informazzjoni tkun suffiċjenti, il-Kummissjoni b’hekk tkun obbligata tieħu pożizzjoni dwar il-miżura ta’ l-Istat in kwistjoni billi tadotta deċiżjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, u b’hekk il-lanjant ikollu l-possibbiltà li jressaq rikors għal annullament skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE. Barra minn dan, kif osservat il-Kummissjoni, il-lanjant għandu wkoll il-possibbiltà li jressaq rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 232 KE.”

    19

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-proċedura fi kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni. Kuntrarjament għall-Artikoli 81 KE u 82 KE, ir-Regolament Nru 659/1999 ma jagħtix drittijiet proċedurali lill-persuni li jagħmlu lment qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fi kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat.

    It-talbiet tal-partijiet

    20

    Permezz tal-appell tagħha, Athinaïki Techniki titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet appellat;

    tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    21

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell bħala infondat, u

    tikkundanna lil Athinaïki Techniki għall-ispejjeż.

    22

    Athens Resort Casino AE Symmetochon titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lil Athinaïki Techniki għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    L-argumenti tal-partijiet

    23

    Athinaïki Techniki ssostni li d-digriet appellat huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi billi l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkwalifikatx l-att imsemmi fil-punt 1 ta’ din is-sentenza bħala “deċiżjoni”. Athinaïki Techniki tafferma li pożizzjoni definittiva u motivata fuq il-kwalifikazzjoni ta’ għajnuna allegata mill-Istat, bħal dik f’dan il-każ, tikkostitwixxi “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

    24

    Minn naħa, fir-rigward tan-natura definittiva tal-pożizzjoni definita fl-ittra inkwistjoni, Athinaïki Techniki tafferma li m’għandhomx jitqajmu dubji dwarha minħabba l-fatt li hija setgħet tipproduċi elementi ta’ prova ġodda wara l-adozzjoni tal-imsemmi att.

    25

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura motivata tal-ittra inkwistjoni, Athinaïki Techniki tikkunsidra li l-Kummissjoni impliċitament ħadet deċiżjoni motivata fuq il-klassifikazzjoni tal-allegata għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, din il-motivazzjoni tirriżulta mill-kuntest li fih ġiet adottata l-ittra inkwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta tat importanza lill-kliem ta’ din l-ittra minflok ma poġġietha fil-kuntest tagħha. Athinaïki Techniki tafferma li l-Kummissjoni deliberatament ifformulat l-ittra inkwistjoni b’mod lakoniku sabiex tevita li titfa’ dawl fuq in-nuqqas possibbli ta’ osservanza tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi.

    26

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ittra inkwistjoni ġiet ikklassifikata abbażi tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 li jippermetti li jiġi evitat li jintuża l-mekkaniżmu deċiżjonali fin-nuqqas ta’ elementi ta’ prova serji u dettaljati. Skont il-Kummissjoni, jirriżulta mill-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament li d-deċiżjonijiet li tadotta fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat huma indirizzati lill-Istati Membri. Hija tqis li d-distinzjoni bejn l-atti deċiżjonali u l-ittri ta’ informazzjoni tinsab fil-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Ittra li tagħti informazzjoni, bħall-ittra inkwistjoni, m’għandhiex effetti legali vinkolanti u ma tistax, għalhekk, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

    27

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni, l-ittra inkwistjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ineżistenti li m’għandha ebda effett legali per se u, għaldaqstant, ma tistax taffettwa ħażin lil Athinaïki Techniki. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-argumenti ta’ din il-kumpannija, li jgħidu li l-ittra inkwistjoni hija mmotivata, huma ineffettivi, billi ma jikkontestawx id-distinzjoni bejn l-atti deċiżjonali u l-ittri informattivi. Hija ssostni li Athinaïki Techniki qed tipprova tevita l-impossibbiltà li jiġi kkontestat rifjut tal-Kummissjoni li tinbeda azzjoni għal nuqqas ta twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru billi tuża rikors għal annullament kontra sempliċi ittra ta’ informazzjoni.

    28

    Skont Athens Resort Casino AE Symmetochon, l-ittra inkwistjoni ma tikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 659/1999 u din m’għandhiex effett legali. Jirriżulta mill-Artikoli 20 u 25 ta’ dan ir-regolament li l-ittri ta’ natura informali jintbagħtu lill-partijiet ikkonċernati u ma jikkostitwixxux atti li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE. L-ittra inkwistjoni għalhekk ma tistax tiġi kkontestata skont dan l-artikolu.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    29

    Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE jista’ jiġi ppreżentat fir-rigward tal-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9; tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-443/97, Ġabra p. I-2415, punt 27, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C-131/03 P, Ġabra p. I-7795, punt 54).

    Osservazzjonijiet preliminari fuq is-suġġett tar-rikors għal annullament imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

    30

    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikors għal annullament ta’ Athinaïki Techniki ma kienx jirrigwarda l-ittra inkwistjoni per se. Fil-fatt, jirriżulta mir-rikors fl-ewwel istanza li Athinaïki Techniki talbet “l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni li ma titteħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti dwar għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Ellenika lill-konsorzju Hyatt Regency fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku ‘casino Mont Parnès’” (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”). Athinaïki Techniki ġiet informata b’dan l-att ikkontestat permezz tal-ittra inkwistjoni. Għalhekk, din tal-aħħar tikkostitwixxi biss l-att li permezz tiegħu Athinaïki Techniki saret taf dwar l-att ikkontestat, u li minnu t-terminu sabiex jitressaq rikors kontrih beda jiddekorri, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    31

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li Athinaïki Techniki talbet l-annullament tal-att ikkontestat minħabba li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 88(3) KE, mingħajr ma l-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, ħaġa li kienet tippermettilha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

    32

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha fl-ewwel lok tiġi ppreċiżata n-natura tal-atti adottati qabel din il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u, imbagħad, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħetx tikkonkludi li l-att ikkontestat mhuwiex intiż biex jipproduċi effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi ta’ Athinaïki Techniki, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tagħha.

    Fuq in-natura tal-atti adottati wara l-fażi preliminari ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat

    33

    Fil-kuntest tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari tal-eżami tal-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 88(3) KE u rregolata mill-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 659/1999, li għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali tal-għajnuna inkwistjoni, u min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE u rregolata mill-Artikoli 6 u 7 tal-istess regolament, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li jkollha għarfien sħiħ dwar il-fatti kollha tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 22, tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 16, u tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C-390/06, Ġabra p. I-2577, punt 57).

    34

    Il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE hija indispensabbli meta l-Kummissjoni ssib diffikultajiet serji sabiex tevalwa jekk għajnuna hijiex kumpatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tillimita lilha nfisha għall-fażi preliminari tal-eżami skont l-Artikolu 88(3) sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna biss jekk hija tkun konvinta, fi tmiem eżami preliminari, li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni. Min-naħa l-oħra, jekk dan l-eżami preliminari jwassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni opposta, jew ma jippermettilhiex issolvi d-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni hi obbligata tiġbor l-opinjonijiet kollha neċessarji u tiftaħ, f’dan ir-rigward, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Cook vs Il-Kummissjoni, punt 29; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 33; kif ukoll is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 39).

    35

    Huwa biss fil-kuntest tal-ezami msemmi l-aħħar, li hija intiża sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiġbor informazzjoni kompluta dwar il-fatti kollha tal-kawża, li t-trattat jobbliga lill-Kummissjoni tavża lill-persuni interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cook vs Il-Kummissjoni, punt 22; Matra vs Il-Kummissjoni, punt 16, kif ukoll is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra p. I-10737, punt 34).

    36

    Meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 tal-istess Artikolu u tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, li miżura tal-Istat ma tikkostitwixxix għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali jistgħu jiżguraw l-osservanza tagħhom biss jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati Komunitarji. Għal dawn ir-raġunijiet, dawn il-qrati jiddikjaraw ammissibbli rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, imressaq minn persuna interessata fis-sens ta' l-Artikolu 88(2) KE, meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors jkun li b’hekk tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha taħt din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cook vs Il-Kummissjoni, punti 23 sa 26; Matra vs Il-Kummissjoni, punti 17 sa 20; Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 40, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, punt 35).

    37

    Barra minn hekk, l-Artikolu 10(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jagħtu lil tali persuna interessata d-dritt li tagħti bidu għall-fażi ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE, billi tibgħat lill-Kummissjoni informazzjoni li tiirrigwarda l-allegata għajnuna illegali, u l-Kummissjoni għandha l-obbligu tinvestiga, mingħajr dewmien, l-eżistenza eventwali ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni.

    38

    Għalkemm il-persuni interessati ma jistgħux jagħmlu użu mid-drittijiet tad-difiża matul din il-proċedura, għandhom madankollu d-dritt li jkunu assoċjati magħha b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-49/05 P, punt 69).

    39

    Tali assoċjazzjoni ma’ din il-proċedura għandha tiplika li, meta l-Kummissjoni tinformahom, b’mod konformi mat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li mhemmx biżżejjed motivi sabiex tiddeċiedi fuq il-każ, hija għandha wkoll, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, tippermettilu jippreżenta, f’terminu raġonevoli, osservazzjonijiet supplimentari.

    40

    Ladarba dawn l-osservazzjonijiet jiġu ppreżentati jew it-terminu raġonevoli jiskadi, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li tagħlaq il-fażi preliminari tal-eżami billi tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza tal-għajnuna, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet jew li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. B’hekk, din l-istituzzjoni mhijiex awtorizzata tipperpetwa n-nuqqas tagħha milli tieħu azzjoni matul il-fażi preliminari ta’ eżami. Meta jasal il-mument, għandha jew tiftaħ il-fażi ta’ investigazzjoni sussegwenti, jew tagħlaq il-każ billi tadotta deċiżjoni f’dan is-sens (ara, fil-kuntest tal-proċedura f‘kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p. I-1503, punt 36). Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni bħal din wara li tkun irċeviet informazzjoni minn parti interessata, hija għandha tibagħtilha kopja ta’ dik id-deċiżjoni.

    41

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni tista’ tieħu waħda mid-deċiżjonijiet fuq imsemmija previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 mingħajr madankollu ma tikkwalifikaha bħala deċiżjoni skont din id-dispożizzjoni.

    42

    Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament li għanda tingħata importanza lis-sustanza stess tal-atti kkontestati kif ukoll lill-intenzjoni tal-awtur tagħhom sabiex dawn l-atti jiġu kkwalifikati.. F’dan ir-rigward, jikkostitwixxu, bħala regola, atti li jistgħu jiġu kkontestati l-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li jkunu intiżi biex jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, minbarra miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li m’għandhomx tali effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 9 u 10, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2000, L-Olanda vs Il-Kummissjoni, C-147/96, Ġabra p. I-4723, punti 26 u 27).

    43

    Min-naħa l-oħra, il-forma li fiha att jew deċiżjoni jiġu adottati hija, bħala regola, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq punt 9, u tas-7 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament, C-208/03 P, Ġabra p. I-6051, punt 46).

    44

    Għalhekk, bħala regola, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-kwalifika tal-att ikkonċernat jekk dan jissodisfax jew le ċerti rekwiżiti formali, jiġifieri jekk huwiex intitolat kif suppost mill-awtur tiegħu, jekk huwiex immotivat biżżejjed jew jekk isemmix id-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tiegħu (ara, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ motivazzjoni, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1994, SFEI et vs Il-Kummissjoni, C-39/93 P, Ġabra p. I-2681, punt 31). Għalhekk huwa irrilevanti l-fatt li dan l-att ma jissejjaħx “deċiżjoni” jew li ma jirreferix għall-Artikolu 4(2), (3) jew (4) tar-Regolament Nru 659/1999. Lanqas ma hu importanti l-fatt li ma ġiex innotifikat mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, bi ksur tal-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, billi nuqqas bħal dan ma jistax ibiddel is-sustanza ta’ dan l-att (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C-57/95, Ġabra p. I-1627, punt 22).

    45

    Li kieku kien mod ieħor, il-Kummissjoni tkun tista’ tevita l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja billi sempliċiment tinjora rekwiżiti formali bħal dawn. Jirriżulta mill-ġurisprudenza li, billi l-Komunità Ewropea hija Komunità bbażata fuq l-istat ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għal stħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-trattat, ir-regoli proċedurali applikabbli għall-kawżi li l-qrati Komunitarji jiġu aditi bihom għandhom jiġu interpretati, safejn huwa possibbli, b’tali mod li dawn ir-regoli jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod li jikkontribwixxi għall-kisba tal-għan li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 44; tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, Ġabra p. I-439, punt 109, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punti 37 u 44).

    46

    Jirriżulta minn dan li sabiex jiġi ddeterminat jekk att fi kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat jikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jiġi vverifikat jekk, meta jitqiesu s-sustanza tiegħu u l-intenzjoni tal-Kummissjoni, din l-istituzzjoni stabbilixxietx b’mod definittiv permezz tal-att ineżami, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, il-pożizzjoni tagħha fuq il-miżura li dwarha sar l-ilment u, għaldaqstant, jekk hija kkonkludietx li din tikkostitwixxi għajnuna jew le, li ma tqajjimx dubji f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni jew li hija tqajjem tali dubji.

    Fuq l-att ikkontestat

    47

    Hekk kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, Athinaïki Techniki ma kkontestatx permezz tar-rikors tagħha l-ittra inkwistjoni, li hija sempliċement ittra informattiva li tgħarrafha bl-adozzjoni tal-att ikkontestat. Hija kkontestat espressament dan l-att imsemmi l-aħħar.

    48

    Permezz ta’ din l-ittra, il-Kummissjoni l-ewwel nett indikat lil Athinaïki Techniki li, b’ittra preċedenti tas-16 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni kienet informatha li, “fuq il-bażi tal-informazzjoni li [kienet] tiddisponi minnha, [ma kienx hemm] raġunijiet suffiċjenti biex tkompli bl-eżami ta’ dan il-każ”.

    49

    Imbagħad, l-ittra inkwistjoni ppreċiżat li, “fin-nuqqas ta’ informazzjoni supplimentari li tiġġustifika t-tkomplija tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għalqet amministrattivament il-każ fit-2 ta’ Ġunju 2004”.

    50

    Anki jekk jitqies li din l-ittra tas-16 ta’ Settembru 2003 ġiet ifformulata fit-termini indikati mill-ittra inkwistjoni, hija tikkostitwixxi l-att preliminari fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li permezz tiegħu l-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li tinforma l-parti interessata li hija mhijiex ser tagħti deċiżjoni fuq il-każ. Konsegwentement, Athinaïki Techniki kellha l-possibbiltà li tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni supplimentari.

    51

    Barra minn hekk, il-kliem “fin-nuqqas ta’ informazzjoni supplimentari li tiġġustifika t-tkomplija tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għalqet amministrattivament il-każ fit-2 ta’ Ġunju 2004” tal-ittra inkwistjoni jindika li l-Kummissjoni, dakinhar, effettivament adottat att amministrattiv li għalaq il-każ, jiġifieri l-att ikkontestat.

    52

    Mis-sustanza ta’ dan l-att u mill-intenzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta li din b’hekk iddeċidiet li ġġib fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari mibdija minn Athinaïki Techniki. Permezz ta’ dan l-att, il-Kummissjoni kkonstatat li l-eżami mwettaq ma kienx ippermetta li jiġi konkluż li teżisti għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE u hija rrifjutat b’mod impliċitu li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

    53

    Minnbarra dan jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza li, f’sitwazzjoni bħal din, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti f’din id-dispożizzjoni jistgħu jiżguraw li dawn jiġu osservati biss jekk ikollhom il-possibbiltà jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem il-qrati Komunitarji skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Dan il-prinċipju japplika kemm fil-każ fejn id-deċiżjoni tittieħed minħabba li l-Kummissjoni tqis li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni kif ukoll meta hija tkun tal-opinjoni li l-eżistenza stess ta’ għajnuna għandha tkun eskluża.

    54

    L-att ikkontestat ma jistax jiġi kkwalifikat bħala att preliminari jew preparatorju, billi dan mhux ser jiġi segwit, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija, minn ebda att ieħor li jista’ jagħti lok għal rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza SFEI et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

    55

    Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward li l-parti interessata tkun għad tista’ tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni supplimentari li tista’ tobbligaha tirrevedi l-pożizzjoni tagħha fuq il-miżura tal-Istat inkwistjoni.

    56

    Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tal-elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha fil-mument meta ħadet id-deċiżjoni (ara s-sentenza Nuova Agricast, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 sa 60), jiġifieri, f’dan il-każ, fil-mument meta ġie adottat l-att ikkontestat.

    57

    Jekk parti interessata tipprovdi informazzjoni supplimentari wara li l-każ ikun ingħalaq, jista’ jiġri li l-Kummissjoni jkollha tiftaħ, jekk ikun hemm bżonn, proċedura amministrattiva ġdida. Min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni m’għandhiex impatt fuq il-fatt li l-ewwel proċedura preliminari ta’ eżami hija diġà magħluqa.

    58

    Minn dan jirriżulta, kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidet fil-punt 29 tad-digriet appellat, li l-Kummissjoni adottat pożizzjoni definittiva fuq it-talba ta’ Athinaïki Techniki li tikkonstata ksur tal-Artikoli 87 KE u 88 KE.

    59

    Fl-aħħar nett, huwa irrilevanti għall-kwalifika tal-att ikkontestat, kif intqal fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma nnotifikatxux lill-Istat Membru kkonċernat, li hija ma sejħitlux “deċiżjoni”, u li ma rreferietx għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999.

    60

    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, hekk kif imfakkar b’mod partikolari fil-punt 6 tad-digriet appellat, li l-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni tagħha minħabba li l-miżura tal-Istat inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-att ikkontestat għalhekk għandu jiġi kkwalifikat bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) u t-tielet sentenza tal-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament.

    61

    Billi dan l-att ostakola lil Athinaïki Techniki milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE, huwa pproduċa effetti legali vinkolanti li setgħu jaffettwaw l-interessi ta’ din il-kumpannija.

    62

    Għaldaqstant, l-att ikkontestat jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 230 KE.

    Fuq l-annullament tad-digriet appellat

    63

    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li Athinaïki Techniki ressqet rikors għal annullament kontra att li ma jipproduċix effett legali u li għalhekk ma jistax jiġi kkontestat taħt l-Artikolu 230 KE.

    64

    Konsegwentement, id-digriet appellat għandu jiġi annullat.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

    65

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    66

    F’dan l-istadju tal-proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex f’pożizzjoni tiddeċiedi fuq il-fondatezza tar-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Dan l-aspett tal-kwistjoni jimplika fil-fatt l-eżami ta’ kwistjonijiet ta’ fatt fuq il-bażi ta’ provi li ma ġewx evalwati mill-Qorti tal-Prim’Istanza jew ittratti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u minn dan jirriżulta li l-istat tal-proċedimenti ma jippermettix li tingħata deċiżjoni fuq dan il-punt. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizza tiddisponi mill-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni matul il-proċeduri fl-ewwel istanza (ara s-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u Il-BĊE, C-193/01 P, Ġabra p. I-4837, punt 32).

    67

    Minbarra l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u bbażata fuq l-argument li l-att ikkontestat ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, li għandu jiġi miċħud għall-motivi msemmija fil-punti 33 sa 61 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ssostni li Athinaïki Techniki ressqet ir-rikors wara li kienu skadew it-termini previsti.

    68

    L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta din tiġi nnotifikata lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata meta r-rikorrent ikun sar jaf biha, skont il-każ. Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dan it-terminu għandu jiżdied darba, f’dan il-każ, b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

    69

    Huwa paċifiku li l-att ikkontestat la ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u lanqas ma ġie nnotifikat lil Athinaïki Techniki bħala d-destinatarju tiegħu, b’mod illi t-terminu ta’ xahrejn u għaxart ijiem seta’ jibda jiddekorri fil-konfront ta’ din il-kumpannija biss mill-ġurnata meta saret taf b’dan l-att, jiġifieri meta rċeviet l-ittra inkwistjoni.

    70

    It-tieni nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza li li hija l-parti li teċċepixxi t-tardività tar-rikors li għandha l-oneru li tipprova d-data meta t-terminu biex jiġi ppreżentat ir-rikors beda jiddekorri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1980, Belfiore vs Il-Kummissjoni, 108/79, Ġabra p. 1769, punt 7, u tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, C-403/05, Ġabra, p. I-9045, punt 35).

    71

    F’dan il-każ, Athinaïki Techniki bagħtet lir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza kopja tar-rikors permezz ta’ faks fil-11 ta’ Frar 2005 u l-oriġinal tiegħu, fit-18 ta’ Frar 2005. Billi l-aħħar paġna ta’ din il-kopja ma kinitx identika għal kollox għall-oriġinali, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza qies li din il-kopja ma kinitx konformi mal-oriġinal.

    72

    Mhuwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk Athinaïki Techniki ppreżentatx b’mod validu r-rikors tagħha fil-11 ta’ Frar 2005. Fil-fatt, anki jekk tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha l-oriġinal tar-rikors wasal fil-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors ta’ Athinaïki Techniki kontra l-att ikkontestat huwa ammissibbli fi kwalunkwe każ sakemm din irċeviet l-ittra inkwistjoni fit-8 ta’ Diċembru 2004 jew wara.

    73

    Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tafferma li Athinaïki Techniki rċeviet l-ittra inkwistjoni l-iktar tard fis-6 ta’ Diċembru 2004 u li t-terminu stabbilit għalhekk ma ġiex irrispettat. F’dan ir-rigward, hija ssostni li bagħtet din l-ittra jew fil-ġurnata meta nkitbet, jew inkella fil-ġurnata ta’ wara u li l-posta kellha tikkunsinnjaha lil Athinaïki Techniki l-iktar tard tliet ijiem wara li ntbagħtet.

    74

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni bagħtet l-ittra inkwistjoni mingħajr ma ħadet il-prekawzjoni li tibgħatha bħala ittra rreġistrata jew li tibgħat magħha formula li min jiffirmaha jirrikonoxxi li l-ittra tkun waslet.

    75

    Konsegwentement, hija ma tipprovdi l-ebda element ta’ prova quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jista’ jipprova f’liema ġurnata l-ittra inkwistjoni ġiet effettivament trażmessa lill-posta.

    76

    Bl-istess mod, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma sostniet l-argument tagħha li l-posta kkunsinnjat din l-ittra lil Athinaïki Techniki l-iktar tard fit-tielet ġurnata wara li din intbagħtet.

    77

    Il-Kummissjoni b’hekk ma tressaq ebda prova li Athinaïki Techniki rċeviet l-ittra inkwistjoni l-iktar tard fis-6 ta’ Diċembru 2004. Hija tikkuntenta ruħha li tressaq argumenti li ma jikkostitwixxu xejn ħlief sempliċi preżunzjonijiet u li ma jistgħux jissostitwixxu l-provi (ara s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 1989, Maurissen u Union syndicale vs Il-Qorti tal-Awdituri, 193/87 u 194/87, Ġabra p. 1045, punt 47).

    78

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

    Fuq l-ispejjeż

    79

    Peress li l-kawża ġiet irrinvijata lill-Qorti tal-Prim’Istanza, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-26 ta’ Settembru 2006, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (T-94/05) huwa annullat.

     

    2)

    L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej hija miċħuda.

     

    3)

    Il-kawża hija rrinvijata lill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tagħti deċiżjoni fuq it-talbiet ta’ Athinaïki Techniki AE għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tat-2 ta’ Ġunju 2004 li ma titteħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment dwar l-allegata għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Ellenika lill-konsorzju Hyatt Regency fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku li jirrigwarda t-trasferiment ta’ 49 % tal-kapital tal-kasinò Mont Parnès.

     

    4)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top