Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0390

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta' April 2008.
    Nuova Agricast Srl vs Ministero delle Attività Produttive.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale ordinario di Roma - l-Italja.
    Għajnuna mill-Istat - Skemi ta’ għajnuna awtorizzati għal perijodu determinat - Notifika ta’ skema ta’ għajnuna mibdula għal perijodu ġdid - Miżuri ta’ tranżizzjoni bejn iż-żewġ skedi suċċessivi - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni - Informazzjoni li l-Kummissjoni jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha - Validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni - Trattament ugwali - Motivazzjoni.
    Kawża C-390/06.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:224

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    15 ta’ April 2008 ( *1 )

    “Għajnuna mill-Istat — Skemi ta’ għajnuna awtorizzati għal perijodu partikolari — Notifika ta’ skema ta’ għajnuna mibdula għal perijodu ġdid — Miżuri ta’ tranżizzjoni bejn iż-żewġ skemi suċċessivi — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni — Informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha — Validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Trattament ugwali — Motivazzjoni”

    Fil-Kawża C-390/06,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Roma (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Settembru 2006, fil-proċedura

    Nuova Agricast Srl

    vs

    Ministero delle Attività Produttive,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, J. Klučka, E. Levits u C. Toader, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2007,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Nuova Agricast Srl, minn A. Calabrese, avvocato,

    għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn V. Russo, avvocato dello Stato,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Righini u V. Di Bucci, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-27 ta’ Novembru 2007,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Lulju 2000, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna għal investimenti fir-reġjuni żvantaġġati ta’ l-Italja sal-31 ta’ Diċembru 2006 (Għajnuna mill-Istat Nru N 715/99 — l-Italja) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li dwarha ġie ppubblikat avviż fil-qosor fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 278, p. 26).

    2

    Din ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn Nuova Agricast Srl (iktar ’il quddiem “Nuova Agricast”), impriża stabbilita fir-reġjun ta’ Puglia, fl-Italja, fil-konfront tal-Ministero delle Attività Produttive (Ministeru ta’ l-Attivitajiet Produttivi) bil-għan li tikseb kumpens għad-dannu, li jikkonsisti fin-nuqqas li tiġi mogħtija għajnuna mill-Istat, li din l-impriża sofriet minħabba l-imġiba żbaljata ta’ l-awtoritajiet Taljani fil-kuntest ta’ diskussjonijiet miżmuma mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qabel ma ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

    3

    Kif jirriżulta mit-tieni premessa tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat KE (ĠU L 83, p. 1), jikkodifika u jsostni l-prassi żviluppata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam ta’ l-eżami ta’ l-għajnuna mill-Istat.

    4

    Skond l-Artikolu 1(ċ) ta’ dan ir-Regolament, “għajnuna ġdida” għandha tfisser “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

    5

    L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

    “1.   Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skond l-Artikolu [89] tat-Trattat jew għal kull dispożizzjoni rilevanti tagħhom, kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru kkonċernat. Il-Kummisjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri mingħajr dewmien dwar ir-riċevuta ta’ notifika.

    2.   F’notifika, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7 (minn hawn’l quddiem imsejjħa ‘notifika kompluta’).”

    6

    L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi, fil-paragrafi 2 sa 4 tiegħu:

    “2.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

    3.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li [hija] l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [87](1) tat-Trattat, għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn hawn’il quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

    4.   Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu 93(2) tat-Trattat (minn hawn’il quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’).”

    7

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jippreċiża li, “[f]ejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni provvduta mill-Istat Membru kkonċernat dwar għal miżura notifikata skond l-Artikolu 2 m’hijiex kompluta, għandha titlob l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa. Fejn Stat Membru jirrispondi għal din it-talba, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru dwar ir-riċevuta tar-risposta.”

    L-iskemi ta’ l-għajnuna għal investiment fir-reġjuni żvantaġġati fl-Italja awtorizzati sal-31 ta’ Diċembru 1999

    8

    Permezz tad-Digriet-Liġi Numru 415, dwar finanzjament mill-ġdid tal-Liġi Nru 64 ta’ l-1 ta’ Marzu 1986, rigward regolamentazzjoni organika ta’ l-intervent straordinarju fil-Mezzogiorno (Rifinanziamento della legge 1o marzo 1986, n. 64, recante disciplina organica dell’intervento straordinario nel Mezzogiorno), tat-22 ta’ Ottubru 1992 (GURI Nru 249, tat-22 ta’ Ottubru 1992, p. 3), magħmula liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 488, tad-19 ta’ Diċembru 1992 (GURI Nru 299, tal-21 ta’ Diċembru 1992, p. 3, u l-emenda, GURI Nru 301, tal-21 ta’ Diċembru 1992, p. 40), li ġiet hija stess emendata permezz tad-digriet leġiżlattiv Nru 96, tat-3 ta’ April 1993 (GURI Nru 79, tal-5 ta’ April 1993, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 488/1992”), il-leġiżlatur Taljan ipprovda għal miżuri finanzjarji maħsuba sabiex iħajru lill-impriżi sabiex jiżviluppaw ċerti attivitajiet produttivi fir-reġjuni żvantaġġati tal-pajjiż.

    9

    Fl-1 ta’ Marzu 1995 u fil-21 ta’ Mejju 1997, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, inizjalment sal-31 ta’ Diċembru 1996, u mbagħad sal-31 ta’ Diċembru 1999, kontra skemi ta’ għajnuna suċċessivi bbażati fuq il-Liġi Nru 488/1992 u fuq diversi dispożizzjonjiet ta’ applikazzjoni tagħha (Għajnuna mill-Istat Nri N 40/95 u N 27/A/97). Dawn id-deċiżjonijiet kienu s-suġġett ta’ avviżi fil-qosor ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fid-data, rispettivament, tat-18 ta’ Lulju 1995 fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Marzu 1995 (ĠU C 184, 1995, p. 4) u tat-8 ta’ Awwissu 1997 fir-rigward tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 1997 (ĠU C 242, 1997, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ l-1997”).

    10

    Ir-regoli dettaljati ta’ l-iskema ta’ għajnuna awtorizzata permezz tad-deċiżjoni ta’ l-1997 (iktar ’il quddiem “l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999”) ġew stabbiliti, l-ewwel nett, mid-deċiżjoni tal-Comitato interministeriale per la programmazione economica (Kumitat interministerjali għall-ipprogrammar ekonomiku) li tistabbilixxi direttivi għall-għoti ta’ sussidji fis-sens ta’ l-Artikolu 1(2) tal-Liġi Nru 488/1992 (direttive per la concessione di agevolazioni ai sensi dell’art. 1, comma 2, del decreto-legge 22 ottobre 1992, n. 415, convertito nella legge 19 dicembre 1992, n. 488, in tema di disciplina organica dell’intervento straordinario nel Mezzogiorno), tas-27 ta’ April 1995 (GURI Nru 142, ta’ l-20 ta’ Ġunju 1995, p. 17), kif emendata permezz tad-deċiżjoni ta’ l-imsemmi Kumitat tat-18 ta’ Diċembru 1996 (GURI Nru 70, tal-25 ta’ Marzu 1997, p. 35), it-tieni nett, permezz tad-Digriet Nru 527 tal-Ministero dell’Industria, del Commercio e dell’Artigianato (Ministeru ta’ l-Industrija, tal-Kummerċ u tas-Snajja, iktar ’il quddiem il-“MICA”), li jistabbilixxi r-regolament dwar il-metodi u l-proċeduri għall-għoti u l-allokazzjoni tas-sussidji għall-benefiċċju ta’ attivitajiet ta’ produzzjoni fir-reġjuni żvantaġġati tal-pajjiż (regolamento recante le modalità e le procedure per la concessione ed erogazione delle agevolazioni in favore delle attività produttive nelle aree depresse del Paese), ta’ l-20 ta’ Ottubru 1995 (GURI Nru 292, tal-15 ta’ Diċembru 1995, p. 3), kif emendat permezz tad-Digriet ta’ l-imsemmi Ministeru Nru 319, tal-31 ta’ Lulju 1997 (GURI Nru 221, tat-22 ta’ Settembru 1997, p. 31), kif ukoll, għat-tielet darba, permezz taċ-Ċirkulari Nru 234363 tal-MICA, ta’ l-20 ta’ Novembru 1997 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 291, tal-15 ta’ Diċembru 1997).

    11

    Dawn ir-regoli dettaljati kienu jipprovdu partikolarment li:

    ir-riżorsi finanzjarji ta’ kull sena kienu diviżi f’żewġ partijiet indaqs u allokati permezz ta’ żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet; madankollu, fuq il-bażi tal-fondi disponibbli għas-sena li magħha jkunu relatati r-riżorsi, ir-regoli dettaljati għad-distribuzzjoni tal-fondi setgħu jiġu modifikati b’digriet, b’mod partikolari billi l-fondi in kwistjoni jitħallew jiġu allokati permezz ta’ sejħa waħda għal applikazzjonijiet;

    l-applikazzjonijiet imressqa wara sejħa għal applikazzjonijiet kienu jiġu eżaminati mill-banek konċessjonarji, li kienu jagħtuhom ċertu punteġġ fuq il-bażi ta’ kriterji previsti mil-liġi, imsejħa “indicatori” (iktar ’il quddiem: “indikaturi”);

    fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-istħarriġ tal-banek, il-MICA kien jistabbilixxi listi ta’ klassifika reġjonali, li fihom l-applikazzjonijiet kienu mniżżla f’ordni mill-kbir għaż-żgħir skond il-punti miksuba, u kien jadotta digriet ta’ allokazzjoni tas-sussidji favur l-applikazzjonijiet reġistrati f’ordni mill-kbir għaż-żgħir sakemm il-fondi disponibbli għas-sejħa kkonċernata jkunu eżawriti;

    l-ispejjeż eliġibbli kienu dawk li kienu saru mill-jum wara d-data ta’ l-għeluq tas-sejħa li tippreċedi s-sejħa li taħtha saret l-applikazzjoni għall-għajnuna, bl-eċċezzjoni ta’ l-ispejjeż għall-istudji ta’ l-inġiniera u għal studji oħra kif ukoll għall-akkwist u l-iżvilupp ta’ l-art ta’ l-impriża, li kienu eleġibbli sa mit-tnax-il xahar qabel id-data ta’ meta l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata;

    l-impriżi li l-applikazzjoni tagħhom tkun tqiegħdet fuq lista reġjonali iżda li ma kinux jistgħu jiksbu sussidji minħabba li r-riżorsi disponibbli għas-sejħa in kwistjoni kienu inqas mill-ammont globali ta’ l-għajnuna mitluba, setgħu jerġgħu jippreżentaw l-istess proġett, darba biss, fl-ewwel sejħa xierqa suċċessiva, mingħajr ma jagħmlu tibdil fl-elementi kkunsidrati mill-indikaturi (mekkaniżmu msejjaħ “inklużjoni awtomatika” ta’ l-applikazzjoni), jew jirrinunzjaw għal din l-inklużjoni awtomatika u jippreżentaw mill-ġdid l-istess proġett, fil-kuntest ta’ l-ewwel sejħa xierqa sussegwenti, b’tibdil fl-elementi kollha jew f’parti minnhom ikkunsidrati mill-indikaturi, sabiex l-applikazzjoni għal għajnuna tkun iktar kompetittiva, madankollu mingħajr ma’ dan it-tibdil ikollu effett fuq l-elementi essenzjali tal-proġett (mekkaniżmu msejjaħ “reviżjoni” ta’ l-applikazzjoni); fiż-żewġ każijiet, il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-applikazzjonijiet oriġinali kienu jkunu miżmuma bħala validi għall-finijiet ta’ l-eliġibbiltà ta’ l-ispejjeż.

    Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni

    12

    Fl-1998, il-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni (ĠU C 74, p. 9, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), li t-tielet paragrafu tal-punt 4.2 tagħhom, jippreċiża li “l-iskemi ta’ għajnuna għandhom jistabbilixxu li l-applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi ppreżentata qabel jingħata bidu għall-eżekuzzjoni tal-proġetti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    13

    Skond l-ewwel paragrafu tal-punt 6.1 tal-linji gwida, “[m]ingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tranżitorji stipulati fil-punti 6.2 u 6.3, il-Kummissjoni se tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna għar-reġjuni mas-suq komuni fuq il-bażi ta’ dawn il-linji gwida minn meta jiġu adottati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    Id-deċiżjoni kkontestata u l-iskema ta’ għajnuna fir-reġjuni żvantaġġati ta’ l-Italja awtorizzata mill-1 ta’ Jannar 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2006

    14

    Fit-18 ta’ Novembru 1999, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 88(3) KE, l-awtoritajiet Taljani nnotifikaw lill-Kummissjoni pjan ta’ skema ta’ għajnuna applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2000 u bbażat fuq il-Liġi Nru 488/1992, li l-Kummissjoni rreġistrat taħt in-numru N 715/99.

    15

    Wara diversi ittri u laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern Taljan u l-Kummissjoni, dan il-pjan ta’ skema ta’ għajnuna ġie modifikat mill-awtoritajiet Taljani.

    16

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, adottata fit-12 ta’ Lulju 2000 u notifikata lir-Repubblika Taljana bl-ittra SG(2000) D/105754 tat-2 ta’ Awwissu 2000, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma toġġezzjonax għal din l-iskema ta’ għajnuna sal-31 ta’ Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem “l-iskema ta’ għajnuna 2000-2006”).

    17

    Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi dispożizzjoni intiża speċifikament sabiex tapprova l-miżuri ta’ din l-iskema ta’ għajnuna li jiżguraw tranżizzjoni ma’ l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni tranżitorja”). Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

    “Huwa biss fl-okkażjoni ta’ l-ewwel implementazzjoni ta’ l-iskema in kwistjoni, jiġifieri fl-okkażjoni ta’ l-ewwel sejħa għal applikazzjonijiet għal miżuri ta’ sussidju li se tiġi organizzata fuq il-bażi ta’ l-iskema in kwistjoni, peress li huwa stabbilit li l-applikazzjonijiet għal għajnuna, f’kull każ, għandhom jiġu mressqa qabel ma jinbeda x-xogħol fuq il-proġett ta’ investiment, li applikazzjonijiet li ġew introdotti fl-okkażjoni ta’ l-aħħar sejħa organizzata fuq il-bażi ta’ [l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999] li ġew meqjusa bħala eliġibbli għal għajnuna iżda li ma ġewx awtorizzati minħabba li ġew allokati riżorsi finanzjarji insuffiċjenti għal din is-sejħa, se jitqiesu, eċċezzjonalment, bħala eliġibbli”.

    18

    Wara din id-deċiżjoni, il-MICA adotta d-digriet dwar il-miżuri massimi permessi fir-rigward ta’ sussidji favur attivitajiet ta’ produzzjoni fir-reġjuni żvantaġġati tal-pajjiż previsti mil-Liġi Nru 488/1992 għar-reġjuni ta’ Basilicata, Calabria, Campania, Puglia, Sardegna u Sqallija) (misure massime consentite relative alle agevolazioni in favore delle attività produttive nelle aree depresse del Paese di cui alla legge n. 488/1992 per le regioni Basilicata, Calabria, Campania, Puglia, Sardegna e Sicilia), ta’ l-14 ta’ Lulju 2000 (GURI Nru 166, tat-18 ta’ Lulju 2000, p. 9), u ċ-Ċirkolari Nru 9003, ta’ l-14 ta’ Lulju 2000 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 175, tat-28 ta’ Lulju 2000), bil-għan li jiġu ppreċiżati r-regoli dettaljati għall-eżekuzzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna 2000-2006.

    19

    L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu uniku, ta’ dan id-digriet jipprovdi li l-għajnuna tista’ tingħata “fuq il-bażi […] ta’ l-ispejjeż li jitqiesu bħala eliġibbli fil-kuntest tal-programmi relatati ma’ l-aħħar sejħa xierqa għal applikazzjonijiet għal miżuri ta’ għajnuna, li kienu ġew eżaminati u approvati iżda li ma ġewx issussidjati għaliex ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa ma kinux disponibbli”.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda għal deċiżjoni preliminari

    20

    Fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, il-MICA ppubblika fl-1 ta’ Diċembru 1997, it-tielet sejħa għal applikazzjonijiet għal għajnuna, fis-settur industrijali, li tikkorrispondi għall-ewwel semestru ta’ l-1998 (iktar ’il quddiem it-“tielet sejħa”).

    21

    L-impriżi interessati kellhom sas-16 ta’ Marzu 1998 sabiex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal għajnuna. Huma setgħu jitolbu l-finanzjament ta’ l-ispejjeż magħmula mill-jum wara l-għeluq tat-terminu għall-preżentata ta’ l-applikazzjonijiet ippreżentati fuq il-bażi tas-sejħa preċedenti (it-tieni sejħa), jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1997.

    22

    Fid-9 ta’ Frar 1998, Nuova Agricast ippreżentat applikazzjoni għal għajnuna fuq il-bażi tat-tielet sejħa. Din l-applikazzjoni, ikkunsidrata eliġibbli, ġiet inkluża fil-lista ta’ klassifika ta’ l-applikazzjonijiet għar-reġjun ta’ Puglia permezz ta’ digriet tal-MICA ta’ l-14 ta’ Awwissu 1998. Madankollu, fid-dawl tal-pożizzjoni fl-ordni ta’ klassifika ta’ din l-applikazzjoni, Nuova Agricast ma kisbitx l-għajnuna mitluba minħabba n-nuqqas ta’ fondi suffiċjenti.

    23

    Sadanittant, ġiet ippubblikata r-raba’ sejħa għal applikazzjonijiet għal għajnuna, fis-settur ta’ l-industrija, li tikkorrispondi għat-tieni semestru 1998 (iktar ’il quddiem ir-“raba’ sejħa”).

    24

    Fis-16 ta’ Settembru 1998, Nuova Agricast irrinunzjat għall-inklużjoni awtomatika ta’ l-applikazzjoni tagħha fil-lista tar-raba’ sejħa, sabiex tkun tista’ tippreżenta mill-ġdid applikazzjoni ġdida taħt l-ewwel sejħa xierqa suċċessiva.

    25

    Madankollu, ebda sejħa xierqa ma ġiet ippubblikata mill-awtoritajiet Taljani qabel il-31 ta’ Diċembru 1999, id-data ta’ l-iskadenza ta’ l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999.

    26

    Fl-14 ta’ Lulju 2000, wara li daħlet fis-seħħ l-iskema ta’ għajnuna 2000-2006, l-awtoritajiet Taljani ppubblikaw it-tmien sejħa għal applikazzjonijiet għall-għajnuna, fis-settur ta’ l-industrija (iktar ’il quddiem it-“tmien sejħa”).

    27

    Wara li tqiesu l-kundizzjonijiet fis-seħħ fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ għajnuna 2000-2006, l-applikazzjoni riveduta ta’ Nuova Agricast — li ma setgħetx tibbenefika mid-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata — ġiet kkunsidrata inammissibbli u ma setgħetx tiġi inkluża fil-lista tat-tmien sejħa.

    28

    Għalhekk Nuova Agricast, flimkien ma’ impriżi oħra Taljani fl-istess sitwazzjoni, ippreżentat l-ewwel rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. B’digriet tal-15 ta’ Ġunju 2005, Nuova Agricast et vs Il-Kummissjoni (T-98/04), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli, peress li dan ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn previst fil-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE.

    29

    Fil-21 ta’ Settembru 2005, Nuova Agricast ippreżentat it-tieni rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, reġistrat bin-numru T-362/05, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tagħmel tajjeb għad-danni minnha sofferti minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-proċedura tinsab pendenti.

    30

    Barra minn hekk, Nuova Agricast ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale ordinario di Roma (qorti ordinarja ta’ Ruma) għall-kundanna tal-Ministero delle Attività Produttive, li rtira l-allokazzjonijiet tal-MICA, sabiex jagħmel tajjeb għad-danni li hija tallega li sofriet minħabba li ma rċevitx l-għajnuna mitluba.

    31

    Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, Nuova Agricast sostniet b’mod partikolari li, fid-diskussjonijiet mal-Kummissjoni sabiex jinkiseb it-tiġdid ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna wara l-31 ta’ Diċembru 1999, l-Istat Taljan ma pproteġiex korrettament id-drittijiet miksuba mill-impriżi li, bħalha, kienu rrinunzjaw għall-inklużjoni awtomatika fil-lista tar-raba’ sejħa — li rriżultat li kienet l-aħħar sejħa fis-settur ta’ l-industrija qabel l-iskadenza ta’ l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 — bil-għan li jippreżentaw applikazzjoni riveduta taħt l-ewwel sejħa xierqa suċċessiva. Fil-fatt, l-Istat Taljan allegatament żgwida lill-Kummissjoni meta naqas li jinformaha li dawn l-impriżi kellhom ukoll drittijiet miksuba u għalhekk kiser l-aspettattivi leġittimi li dawn l-impriżi kellhom fir-rigward tal-possibbiltà li jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni riveduta.

    32

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li Nuova Agricast kellha “interess ġuridiku rilevanti” li l-applikazzjoni riveduta tagħha tiġi inkluża fil-lista ta’ l-ewwel sejħa xierqa suċċessiva għal dik li fil-kuntest tagħha hija rrinunzjat għall-inklużjoni awtomatika ta’ l-applikazzjoni oriġinali tagħha.

    33

    Għalhekk, l-aspettattiva leġittima ta’ Nuova Agricast ġiet definittivament miksura mid-deċiżjoni kkontestata, peress li din immodifikat l-iskema ta’ għajnuna 2000-2006 meta mqabbla ma’ l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, billi pprevediet l-eliġibbiltà biss ta’ l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni tal-proġetti sussidjati magħmula wara l-preżentata ta’ l-applikazzjoni għal għajnuna (prinċipju tan-neċessità ta’ l-għajnuna), filwaqt li taċċetta, b’mod tranżitorju u eċċezzjonali, deroga minn dan il-prinċipju biss favur l-applikazzjonijiet li ma ġewx ssodisfati fil-kuntest ta’ l-aħħar sejħa ppubblikata fuq il-bażi ta’ l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999.

    34

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li, sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens ta’ Nuova Agricast, hija għandha tivverifika jekk hemmx rabta ta’ kawżalità bejn in-nuqqasijiet imputati lill-Istat Taljan u d-dannu allegat.

    35

    Għal dan il-għan, u safejn id-deċiżjoni kkontestata — li tikkostitwixxi, skond il-qorti tar-rinviju, il-kawża tad-dannu (“eventum damni”) — tidħol bejn l-imġiba materjali imputata lill-Istat Taljan minn Nuova Agricast, li tikkonsisti fin-nuqqas li tinforma jew li tinforma b’mod eżatt lill-Kummissjoni, u t-twettiq tad-dannu allegat minn din ta’ l-aħħar, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, sabiex tiġi stabbilita r-rabta ta’ kawżalità bejn din l-imġiba u dan id-dannu, hija għandha tiddetermina jekk dan id-dannu setax jiġi evitat fl-ipoteżi fejn l-Istat Taljan ikun adotta mġiba oħra u, għalhekk, hija għandha tiddetermina jekk il-Kummissjoni kinitx tadotta dispożizzjoni tranżitorja differenti fl-ipoteżi fejn hija kienet tkun “eżattament u kompletament informata bis-sitwazzjonijiet legali ta’ l-impriżi interessati li jiksbu sussidji taħt il-Liġi Nru 488/1992”.

    36

    Skond il-qorti tar-rinviju, il-prova taċ-ċertezza ta’ riżultat differenti li kien ikun favorevoli għal Nuova Agricast tippresuppponi li tiġi stabbilita l-invalidità tad-dispożizzjoni tranżitorja inkluża fid-deċiżjoni kkontestata inkwantu din id-dispożizzjoni tinjora r-regoli u l-prinċipji tas-sistema legali Komunitarja.

    37

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk id-dispożizzjoni tranżitorja, inkwantu din mhijiex ta’ benefiċċju għall-impriżi fis-sitwazzjoni ta’ Nuova Agricast, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala invalida minħabba li tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    38

    Fil-fatt il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, ma’ l-iskadenza ta’ l-awtorizzazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, kien hemm tliet kategoriji ta’ impriżi:

    impriżi, bħal Nuova Agricast, li l-applikazzjoni tagħhom kienet ġiet inkluża fil-lista taħt it-tielet sejħa, li ma kinux kisbu l-għajnuna mitluba taħt din is-sejħa minħabba l-insuffiċjenza tal-fondi disponibbli u li għalhekk irrinunzjaw għad-dritt tagħhom li l-applikazzjoni tagħhom terġa’ titressaq awtomatikament fil-lista tar-raba’ sejħa sabiex iressqu applikazzjoni riveduta taħt l-ewwel sejħa xierqa suċċessiva (iktar ’il quddiem l-“impriżi ta’ l-ewwel kategorija”);

    l-impriżi li l-applikazzjoni tagħhom ġiet inkluża fil-lista tar-raba’ sejħa, li ma kinux kisbu l-għajnuna mitluba minħabba l-insuffiċjenza tal-fondi disponibbli (iktar ’il quddiem l-“impriżi tat-tieni kategorija”);

    l-impriżi li kienu għadhom ma ressqux applikazzjoni għal għajnuna, għalkemm l-implementazzjoni tal-proġett ta’ investiment tagħhom kienet diġà nbdiet (iktar ’il quddiem “impriżi tat-tielet kategorija”).

    39

    Issa, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, minn naħa, li l-impriżi ta’ l-ewwel kategorija u dawk tat-tielet kategorija, li bl-istess mod ġew esklużi mill-benefiċċju tad-dispożizzjoni tranżitorja, ma kinux fl-istess sitwazzjoni u ma kellhomx għalhekk jiġu ttrattati bl-istess mod. Hija tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li l-impriżi ta’ l-ewwel kategorija u dawk tat-tieni kategorija kienu f’sitwazzjonijiet legali simili, b’tali mod li ta’ l-ewwel kellhom jibbenefikaw mid-dispożizzjoni tranżitorja bħal dawk tat-tieni.

    40

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk id-dispożizzjoni tranżitorja kellhiex tiġi kkunsidrata invalida minħabba li tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji stipulat fl-Artikolu 253 KE.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Roma ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda għal deċiżjoni preliminari li ġejja:

    “[I]d-deċiżjoni [ikkontestata hija valida] biss f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjoni tranżitorja li tipprovdi għal deroga eċċezzjonali mill-prinċipju tan-“neċessità ta’ l-għajnuna” — fl-okkażjoni ta’ l-ewwel implementazzjoni ta’ l-iskema in kwistjoni — biss għall- applikazzjonijiet “li saru fl-okkażjoni ta’ l-aħħar sejħa organizzata fuq il-bażi ta’ l-iskema preċedenti u li kienet approvata mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 1999, li ġew meqjusa bħala eliġibbli għall-għajnuna iżda ma kinux awtorizzati minħabba li r-riżorsi finanzjarji allokati għal dik is-sejħa kienu insuffiċjenti” […], bil-konsegwenza ta’ l-esklużjoni mhux iġġustifikata — bi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE — ta’ applikazzjonijiet li ma kinux ġew ssodisfati minħabba insuffiċjenza ta’ fondi disponibbli u li kienu qed jistennew li jiġu inklużi awtomatikament fis-sejħa suċċessiva jew li jiġu riveduti u mressqa mill-ġdid taħt l-ewwel sejħa ‘xierqa’ miftuħa taħt l-iskema l-ġdida[?]”.

    Fuq id-domanda preliminari

    Osservazzjoni preliminari

    42

    Qabel kollox għandu jiġi osservat li, bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat biss bħala meħtieġ li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-validità tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-prinċipju tat-trattament ugwali u ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

    43

    Skond ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 234 KE hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59; tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C-208/05, Ġabra p. I-181, punt 48, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 18).

    44

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk Nuova Agricast, fil-kawża prinċipali, qajmet raġunijiet oħra ta’ invalidità tad-deċiżjoni kkontestata, ma hemmx lok li l-eżami tal-validità ta’ din id-deċiżjoni jiġi estiż għal dawn ir-raġunijiet l-oħra ta’ invalidità, li mhumiex imsemmija mill-qorti tar-rinviju (ara, b’mod analogu, is-sentenza Ordre des barreaux francophones et germanophone et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 sa 19).

    Fuq l-ammissibbiltà

    45

    Il-Kummissjoni tenfasizza li ma ġietx stabbilita r-rabta li l-qorti tar-rinviju ssemmi bejn ir-responsabbiltà eventwali ta’ l-Istat Taljan u l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li d-domanda għal deċiżjoni preliminari m’għandhiex rabta mal-kawża prinċipali.

    46

    Fil-fatt, minn naħa, huwa possibbli li l-Istat Taljan kiser il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta nnotifika l-iskema ta’ għajnuna 2000-2006 mingħajr ma jkun jista’ jiġi kkonstatat difett fid-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-iskema proposta mill-Istat Membru li jagħmel in-notifika. Min-naħa l-oħra, m’hemm l-ebda rabta bejn ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Taljan u invalidità eventwali tad-deċiżjoni minħabba difett purament formali bħal dak tan-nuqqas ta’ motivazzjoni.

    47

    F’dan ir-rigward, kif ġie indikat ukoll fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija l-kawża tad-dannu u tidħol bejn l-imġiba materjali imputata lill-Istat Taljan minn Nuova Agricast u t-twettiq tad-dannu allegat minn din ta’ l-aħħar. Għaldaqstant, jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi ddikjarata invalida minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali jew minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, din il-konstatazzjoni jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju meta tiġi biex tiddeċiedi dwar it-talba għal danni mressqa minn Nuova Agricast.

    48

    Għalhekk, id-domanda preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha.

    Fuq il-validità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

    49

    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li d-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fiha twassal għal għażla magħmula liberament mill-awtoritajiet Taljani.

    50

    F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-istruttura ġenerali tat-Trattat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 88 KE m’għandha qatt twassal għal riżultat li jkun kuntrarju għad-dispożizzjonjiet speċifiċi tat-Trattat (ara, partikolarment, is-sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C-204/97, Ġabra p. I-3175, punt 41, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-456/00, Ġabra p. I-11949, punt 30). Għalhekk, għajnuna mill-Istat li, permezz ta’ xi wħud mir-regoli dettaljati tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ma tistax tiġi ddikjarata mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni (ara s-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-113/00, Ġabra p. I-7601, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    51

    Bl-istess mod, għajnuna mill-Istat li, permezz ta’ xi wħud mir-regoli dettaljati tagħha, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta’ trattament ugwali, ma tistax tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni.

    52

    Għalhekk l-argument tal-Kummissjoni miġbur fil-qasir fil-punt 49 ta’ din is-sentenza għandu jiġi miċħud.

    53

    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li l-awtoritajiet Taljani ma kinux informawha bil-każ partikolari ta’ l-impriżi ta’ l-ewwel kategorija, b’tali mod li wieħed ma jistax jilmenta li hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika ta’ dawn l-impriżu u lanqas, għalhekk, ma jista’ jiġi invokat xi difett fid-deċiżjoni kkontestata bbażat fuq din ir-raġuni.

    54

    F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skond l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fid-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 16; ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 168, u ta’ l-14 ta’ Settemrbu 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-276/02, Ġabra p. I-8091, punt 31).

    55

    Anki jekk, sal-lum, din il-ġurisprudenza ġiet applikata biss fil-każ ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-eżitu ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, hija a fortiori rilevanti meta tkun in kwistjoni l-validità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra għajnuna jew skema ta’ għajnuna, bħalma hija d-deċiżjoni kkontestata.

    56

    Fil-fatt, fil-kuntest iktar partikolari ta’ din l-aħħar kategorija ta’ deċiżjonijiet, l-imsemmija ġurisprudenza tidher ġustifikata fid-dawl ta’ l-istruttura tal-proċedura ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat.

    57

    Fl-ambitu tal-proċedura ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-fażi preliminari ta’ l-eżami ta’ l-għajnuna stabbilita mill-Artikolu 88(3) KE u rregolata mill-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 659/1999, li għandha biss l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma opinjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta’ l-għajnuna in kwistjoni, u min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE u regolata mill-Artikoli 6 u 7 ta’ l-istess Regolament, li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li jkollha għarfien komplet dwar l-informazzjoni kollha tal-każ (is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, punt 22; tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punt 16; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 38, kif ukoll tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C-176/06 P, punt 20).

    58

    Il-Kummissjoni tista’ tieqaf mal-fażi preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE sabiex tieħu deċiżjoni favorevoli għal għajnuna jekk hija tkun f’pożizzjoni li tkun konvinta, wara l-ewwel eżami, li l-proġett kkonċernat huwa kompatibbli mat-Trattat.

    59

    Huwa biss jekk dan l-ewwel eżami jwassal lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni kuntrarja, jew ukoll jekk dan ma jkunx ippermettilha tegħleb id-diffikultajiet kollha mqajma mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, li l-Kummissjoni jkollha d-dmir li tiġbor l-opinjonijiet kollha meħtieġa u li tiftaħ, għal dan il-għan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; Matra vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll Portugal vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

    60

    Issa, jekk il-validità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra għajnuna jew skema ta’ għajnuna għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni ma setax ikollha fid-dispożizzjoni tagħha fit-tmiem tal-fażi preliminari, din ta’ l-aħħar tiġi mistiedna tiftaħ sistematikament il-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE u tordna lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, b’tali mod li tevita li informazzjoni li hija ma setax ikollha fid-dispożizzjoni tagħha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni tagħha ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna jew ta’ l-iskema ta’ għajnuna kkonċernata. Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, b’dan il-mod ma tiġix osservata d-diviżjoni tal-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat f’żewġ fażijiet distinti, li t-tieni waħda mhijiex dejjem meħtieġa, diviżjoni li tirrifletti r-rieda ta’ l-awturi tat-Trattat u li hija kkonfermata mil-leġiżlatur Komunitarju fir-Regolament Nru 659/1999.

    61

    F’dan ir-rigward, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni kkontestata ssemmi, fil-parti intitolata “Bażi legali”, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 488/1992 li ppreċiżaw ir-regoli dettaljati ta’ l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, miġbura fil-qosor fil-punti 10 u 11 ta’ din is-sentenza, inkluża l-għażla bejn l-inklużjoni awtomatika ta’ l-applikazzjoni inizjali jew il-preżentata ta’ applikazzjoni riveduta, offruta lill-impriżi li ma jkunux ibbenefikaw minn għajnuna minħabba insuffiċjenza ta’ fondi fil-kuntest ta’ sejħa partikolari.

    62

    Għaldaqstant, anki jekk l-awtoritajiet Taljani ma ħadux l-inizjattiva sabiex jinformaw speċifikament u kompletament lis-servizzi tal-Kummissjoni bis-sitwazzjonijiet legali rispettivi ta’ l-impriżi interessati li jiksbu sussidji taħt il-Liġi Nru 488/1992, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Kummissjoni kellha tkun taf bl-eżistenza kemm ta’ l-impriżi ta’ l-ewwel kategorija kif ukoll ta’ dawk tat-tieni kategorija.

    63

    Fid-dawl tal-konstatazzjoni preċedenti, it-talba ta’ Nuova Agricast, li tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti ittri skambjati fil-kuntest tad-diskussjonijiet tagħha ma’ l-awtoritjaiet Taljani qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, bil-għan li tivverifka jekk l-imsemmija awtoritajiet kinux informaw jew le lis-servizzi tal-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ impriżi ta’ l-ewwel kategorija, tidher mingħajr skop.

    64

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat, fit-tielet lok, jekk fin-nuqqas tagħha li tqajjem oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna li fiha l-impriżi tat-tieni kategorija biss setgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjoni tranżitorja, il-Kummissjoni kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    65

    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li kienu biss l-impriżi tat-tieni kategorija, li ma kinux bdew jimplementaw il-proġett ta’ investiment tagħhom qabel ma ressqu l-applikazzjoni tagħhom għal għajnuna taħt ir-raba’ sejħa, li setgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjoni tranżitorja.

    66

    L-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali teżiġi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C-248/04, Ġabra p. I-10211, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, l-impriżi ta’ l-ewwel kategorija u dawk tat-tieni kategorija ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni simili fir-rigward tar-rekwiżit tan-neċessità ta’ l-għajnuna mill-Istat, espressa b’mod partikolari fit-tielet paragrafu tal-punt 4.2 tal-linji gwida.

    68

    Kif jirriżulta wkoll mis-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris vs Il-Kummissjoni (730/79, Ġabra p. 2671, punt 17), għajnuna li ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-impriża benefiċjarja mingħajr ma tkun meħtieġa sabiex tilħaq l-għanijiet previsti fl-Artikolu 87(3) KE ma tiġix ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 18, u tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-400/92, Ġabra p. I-4701, punti 12, 20 u 21).

    69

    Il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ neċessità ta’ għajnuna tista’ b’mod partikolari toħroġ mill-fatt li l-proġett megħjun ikun diġà nbeda, jew saħansitra mitmum, mill-impriża kkonċernata qabel ma t-talba għal għajnuna tkun tressqet quddiem l-awtoritajiet kompetenti, li jeskludi l-possibbiltà li l-għajnuna kkonċernata jkollha rwol tħajjir.

    70

    Fl-ambitu ta’ l-iskema 1997-1999, l-impriżi tat-tieni kategorija kellhom dritt assolut li l-applikazzjoni tagħhom tiġi awtomatikament inkluża, mingħajr ebda tibdil, fil-lista tas-sejħa suċċessiva, mingħajr ma jkunu meħtieġa li jieħdu xi passi oħra min-naħa ta’ l-istess impriżi.

    71

    Min-naħa l-oħra, l-impriżi ta’ l-ewwel kategorija kellhom jippreżentaw applikazzjoni taħt l-ewwel sejħa xierqa suċċessiva. Dan kien jinvolvi, barra minn hekk, applikazzjoni riveduta.

    72

    Huwa minnu li, kif issostni Nuova Agricast, l-applikazzjoni inizjali u l-applikazzjoni riveduta kienu intiżi, it-tnejn li huma, sabiex jiksbu l-finanzjament ta’ l-istess proġett u r-reviżjoni ma setgħetx taffettwa l-elementi essenzjali kkunsidrati mill-indikaturi, li servew sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni fl-ordni ta’ klassifika ta’ l-applikazzjoni fil-lista tas-sejħa li taħtha ġiet ippreżentata.

    73

    Madankollu, l-indikaturi kienu huma stess rappreżentattivi ta’ l-elementi sinjifikattivi ta’ l-applikazzjoni. Fil-fatt, b’mod partikolari, huma kienu jirrigwardaw il-parti mill-fondi proprji investiti mill-impriża kkonċernata fil-proġett meta mqabbla ma’ l-investiment totali, in-numru ta’ impjiegi maħluqa mill-proġett meta mqabbel ma’ l-investiment totali, kif ukoll ir-relazzjoni bejn l-ammont tas-sussidju mitlub u s-sussidju massimu li seta’ jingħata.

    74

    Wara kollox, is-sempliċi fatt li t-tibdil ta’ l-elementi kkunsidrati mill-indikaturi jżid il-possibbiltà li tingħata b’mod effettiv l-għajnuna mitluba huwa biżżejjed sabiex juri li r-reviżjoni twassal fir-realtà għall-preżentata ta’ applikazzjoni differenti mill-applikazzjoni inizjali.

    75

    Barra minn hekk, sa fejn ir-reviżjoni kienet intiża, bit-tibdil fl-elementi kkunsidrati mill-indikaturi, sabiex ittejjeb il-klassifika ta’ l-applikazzjoni riveduta sabiex din tkun f’pożizzjoni utli meta jkun hemm l-allokazzjoni tal-fondi taħt is-sejħa kkonċernata skond l-ordni mill-kbir għaż-żgħir, l-estensjoni tal-benefiċċju tad-dispożizzjoni tranżitorja għall-impriżi ta’ l-ewwel kategorija kellha bħala effett, għall-proġetti ta’ dawn l-impriżi, possibbiltajiet aħjar għall-ksib ta’ l-għajnuna mitluba minn dawk ta’ impriżi li kienu qed jikkompetu għall-ewwel darba, li fir-rigward tagħhom in-neċessità ta’ l-għajnuna ma ġietx iddubitata.

    76

    Min-naħa l-oħra, tali effett ma setax jirriżulta fil-każ ta’ l-inklużjoni awtomatika, fil-lista tat-tmien sejħa, ta’ l-applikazzjonijiet diġà mressqa taħt ir-raba’ sejħa mill-impriżi tat-tieni kategorija, peress li, fin-nuqqas ta’ kull possibbiltà ta’ tibdil f’dawn l-applikazzjonijiet, l-indikaturi kienu jibqgħu l-istess.

    77

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-impriżi ta’ l-ewwel kategorija u dawk tat-tieni kategorija ma kinux jinsabu f’sitwazzjoni simili.

    78

    Għaldaqstant ma jidhirx li, bl-awtorizzazzjoni ta’ l-iskema ta’ għajnuna 2000-2006, inkluża d-dispożizzjoni tranżitorja, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

    Fuq il-validità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

    79

    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut ta’ l-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, billi l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-imsemmi Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss b’referenza għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s Fance, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et, C-346/03 u C-529/03, Ġabra p. I-1875, punt 73, kif ukoll ta’ l-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C-266/05 P, Ġabra p. I-1233, punt 80).

    80

    Kif tenfasizza wkoll il-qorti tar-rinviju, fid-deċiżjoni kkontestata ma jidher ebda kriterju ta’ distinzjoni bejn id-diversi kategoriji ta’ impriżi li ressqu applikazzjoni għal għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999 u li kellhom interess ġuridiku li l-applikazzjoni tagħhom tiġi inkluża fil-lista ta’ sejħa suċċessiva.

    81

    Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni jillimata ruħu, fil-prinċipju, għar-raġunijiet li għalihom kategorija partikolari ta’ operaturi tibbenefika minn miżura partikolari, iżda ma jfissirx li għandha tiġi ġġustifikata l-esklużjoni ta’ l-operaturi l-oħra kollha li ma kinux f’sitwazzjoni simili. Fil-fatt, peress li n-numru ta’ kategoriji esklużi mill-benefiċċju ta’ miżura huwa potenzjalment mingħajr limitu, ma jistax ikun mistenni mill-istituzzjonijiet Komunitarji li jipprovdu motivazzjoni speċifika għal kull waħda minnhom.

    82

    Min-naħa l-oħra, meta l-benefiċjarji ta’ att, minn naħa, u operaturi oħra esklużi, min-naħa l-oħra, jkunu f’sitwazzjoni simili, l-istituzzjoni Komunitarja, li tkun adottat l-att, għandha tispjega, fil-kuntest ta’ motivazzjoni speċifika, kif id-differenza fit-trattament hekk stabbilita hija ġġustifikata.

    83

    Fir-rigward tad-dispożizzjoni tranżitorja, ir-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tawtorizza skema tranżitorja favur impriżi tat-tieni kategorija jirriżulta suffiċjentement mil-liġi fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-intier tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

    84

    Fil-fatt, id-dispożizzjoni tranżitorja tirreferi b’mod impliċitu għall-possibbiltà, mogħtija lill-impriżi fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, li tinkiseb l-inklużjoni awtomatika ta’ l-applikazzjoni tagħhom għal għajnuna fil-lista tas-sejħa suċċessiva li fuq il-bażi tagħha hija kienet ġiet ippreżentata fil-bidu. Issa, l-leġiżlazzjoni nazzjonali li pprevediet din il-possibbiltà, apparti li din hija msemmija b’mod espliċitu fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata “Bażi legali”, kienet magħrufa minn kull parti kkonċernata.

    85

    Barra minn hekk, fil-kuntest li fih ngħatat id-deċiżjoni kkontestata, il-kliem tad-dispożizzjoni tranżitorja huwa biżżejjed sabiex jinftiehem li l-Istat Taljan ried jiżgura, favur l-impriżi li kkompetew fl-aħħar sejħa ppubblikata taħt l-iskema ta’ għajnuna 1997-1999, tranżizzjoni bejn dawn l-iskemi ta’ għajnuna u l-iskema ta’ għajnuna 2000-2006, u li l-Kummissjoni kkunsidrat din il-miżura bħala kompatibbli mas-suq komuni.

    86

    Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat fil-punti 67 sa 77 ta’ din is-sentenza, l-impriżi ta’ l-ewwel kategorija u dawk tat-tieni kategorija ma kinux f’sitwazzjoni simili. Barra minn hekk, minkejja li hija ma indikatx ir-raġunijiet li għalihom il-benefiċċju tad-dispożizzjoni tranżitorja ma ġiex estiż għall-impriżi ta’ l-ewwel kategorija, il-Kummissjoni ma naqsitx mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

    87

    Għalhekk hemm lok li tingħata risposta fis-sens li l-eżami tad-domanda mressqa ma wera ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkonċernata.

    Fuq l-ispejjeż

    88

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-eżami tad-domanda mressqa ma wera ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Lulju 2000, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet kontra skema ta’ għajnuna għal investimenti fir-reġjuni żvantaġġati ta’ l-Italja sal-31 ta’ Diċembru 2006 (Għajnuna mill-Istat Nru N 715/99 — l-Italja).

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top