EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0186

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-18 ta' Diċembru 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 79/409/KEE - Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi - Żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues (Lérida).
Kawża C-186/06.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-12093

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:813

Kawża C-186/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 79/409/KEE — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues (Lérida)”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-26 ta’ April 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża

(Artikolu 226 KE)

2.     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Suġġett tal-kawża — Determinazzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża

(Artikolu 226 KE)

3.     Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Miżuri ta’ konservazzjoni speċjali

(Direttivi tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4(4), u 92/43, Artikoli 6(2) u 7)

4.     Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Klassifikazzjoni f’żona speċjali ta’ protezzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4)

5.     Ambjent — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Direttiva 79/409 — Miżuri ta’ konservazzjoni speċjali

(Direttiva tal-Kunsill 79/409, Artikolu 4(4))

1.     Fil-kuntest tar-rikors ippreżentat skond l-Artikolu 226 KE, l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li konsegwentement, ma jistax jiġi estiż aktar. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta osservazzjonijiet tikkostitwixxi, anki jekk iqis li m’hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat u l-osservanza tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. B’konsegwenza, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża. Jekk dan mhuwiex il-każ, irregolarità simili ma tistax tiġi kkunsidrata bħala effettiva minħabba l-fatt li l-Istat Membru konvenut ikun ifformula osservazzjonijiet fuq l-opinjoni motivata.

Għaldaqstant, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli sa fejn huwa bbażat fuq ilmenti li ma jidhrux fl-ittra ta’ intimazzjoni.

(ara l-punti 15-17)

2.     L-opinjoni motivata u r-rikors previsti fl-Artikolu 226 KE għandhom ikunu bbażati fuq l-istess argumenti u motivi u jippreżentaw l-ilmenti b’mod koerenti u b’mod preċiż sabiex l-Istat Membru kkonċernat u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur indikat tad-dritt Komunitarju, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv il-motivi tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat.

Għaldaqstant, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa inammissibbli fir-rigward ta’ argument li l-motivi ġew mibdula fir-rigward ta’ dawk invokati fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u li għaldaqstant ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti ta’ koerenza u preċiżjoni.

(ara l-punti 18, 22-23)

3.     L-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, timponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex fiż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) jevitaw it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-habitat kif ukoll kwalunkwe deterjorazzjoni li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn ikollhom effett sinjifikattiv fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.

L-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni anki meta ż-żoni in kwistjoni ma kinux ġew ikklassifikati bħala ŻPS, peress li dawn hekk kellhom ikunu.

F’dak li jikkonċerna ż-żoni kklassifikati bħala ŻPS, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, jipprovdi li l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409 huma ssostitwiti, b’mod partikolari mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43, mid-data ta’ l-implementazzjoni tagħha jew mid-data ta’ klassifikazzjoni skond id-Direttiva 79/409 jekk din l-aħħar data hija sussegwenti. B’hekk, iż-żoni li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS filwaqt li kellhom ikunu hekk ikklassifikati, komplew jaqgħu taħt is-sistema rispettiva ta’ l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409.

(ara l-punti 26-28)

4.     L-inventarju “Important Bird Areas” ta’ l-1998, li jipprovdi inventarju aġġornat taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar fi Stat Membru jikkostitwixxi, fin-nuqqas ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, bażi ta’ referenza li tippermetti li jiġi kkunsidrat jekk dan l-Istat Membru kklassifikax bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali territorji suffiċjenti kemm bħala numru u bħala żoni sabiex tingħata protezzjoni lill-ispeċi ta’ l-għasafar kollha elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, kif ukoll lill-ispeċi li jemigraw mhux imsemmija f’dan l-Anness.

(ara l-punt 30)

5.     Jonqos milli jirrispetta l-obbligu tiegħu skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, Stat Membru li jawtorrizza proġett ta’ tisqija ta’ tali daqs bħal dak in kwistjoni mingħajr ma jieħu miżuri xierqa sabiex jevita, fiż-żoni milquta minn dan il-proġett, li kellhom jiġu kklassifikati bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS), li jbatu minn effetti dannużi pprojbiti. F’dan ir-rigward, tali obbligu jeżisti qabel ma jiġi kkonstatat tnaqqis fin-numru ta’ għasafar, jew qabel ma r-riskju ta’ estinzjoni ta’ speċi protetta jiġi kkonkretizzat.

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-unika ċirkustanza li l-imsemmi proġett għandu importanza kunsiderevoli għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tat-territorju kkonċernat. Fil-fatt, il-possibbiltà li l-Istati Membri jikkawżaw ħsara sinjifikattiva liż-żoni li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS u li jaqgħu taħt is-sistema rispettiva ta’ l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409, ma tistax, f’kull każ, tiġi ġġustifikata minħabba ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali.

(ara l-punti 36-37)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

18 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 79/409/KEE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues (Lérida)”

Fil-kawża C‑186/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-18 ta’ April 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Recchia u A. Alcover San Pedro, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), K. Schiemann, P. Kūris u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kumissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, f’dak li jirrigwarda l-proġett ta’ tisqija taż-żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues, fil-provinċja ta’ Lérida (il-Katalonja), ir-Renju ta’ l-Ispanja naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu skond l-Artikoli 2, 3, 4(1) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1, iktar ‘il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”).

 Il-kuntest ġuridiku

2       Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iżommu l-popolazzjoni għall-ispeċi ta’ għasafar li jgħixu naturalment fi stat selvaġġ fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat KE fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġijiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali, jew biex tkun adattata l-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi għal dak il-livell.

3       L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdi kif ġej:

“1.      Fid-dawl tal-ħtiġiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippriservaw, imantnu jew jirripristinaw diversità suffiċenti u żoni ta’ habitats għall-ispeċi kollha ta’ l-għasafar li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 1.

2. Il-preservazzjoni, il-manutenzjoni u r-ripristinar tal-bijotopi u l-habitats għandhom jinkludu primarjament l-miżuri li ġejjin:

(a) kreazzjoni ta’ żoni protetti;

(b) żamma u amministrazzjoni bi qbil mal-bżonnijiet ekoloġiċi tal-habitats ġewwa u barra ż-żoni protetti;

(ċ) ripristinar tal-bijotopi meqruda;

(d) kreazzjoni ta’ bijotopi.”

4       L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar jipprovdi :

“1.      L-ispeċi msemmija fl-Anness 1 għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzoni li jikonċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’ konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:

(a) ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;

(b) ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;

(ċ) ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

(d) ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-habitats tagħhom.

Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’ konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-Direttiva.

[…]

4.      Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-istati membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitats”.

5       L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat” jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva”.

 Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

6       Fl-2001, il-Kummissjoni rċeviet ilment skond liema l-proġett ta’ tisqija tal-kanal Segarra-Garrigues jolqot l-uniċi żewġ żoni importanti għall-għasafar ta’ l-isteppa fil-Katalonja, magħrufa wkoll bħala “Important Bird Areas” (iktar ’il quddiem l-“IBA”), identifikati taħt in-numri 142 u 144 fl-inventarju ta’ l-IBA ta’ l-1998.

7       B’ittra tat-22 ta’ Novembru 2001, il-Kummissjoni talbet xi informazzjoni lir-Renju ta’ Spanja dwar, b’mod partikolari, l-imsemmi proġett kif ukoll dwar il-klassifikazzjoni bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali, (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”) tat-territorju fl-IBA 142 u 144.

8       Peress li r-risposti u l-informazzjoni trażmessi mill-awtoritajiet Spanjoli ma ġewx ikkunsidrati bħala konvinċenti mill-Kummissjoni, fl-1 ta’ April 2004, din indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja li fiha rreferiet għall-applikazzjoni mhux korretta tad-Direttiva dwar l-għasafar, billi ma kklassifikax bħala ŻPS numru u żoni suffiċjenti, b’mod partikolari fiż-żona tal-kanal Segarra-Garrigues milquta mill-proġett ta’ tisqija, u billi awtorizza dan il-proġett, li wassal għad-deterjorament, jew il-qerda tal-habitat ta’ diversi speċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness I ta’ l-imsemmija Direttiva.

9       L-awtoritajiet Spanjoli rrispondew għall-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra tal-21 ta’ Ġunju 2004.

10     Billi kkunsidrat li l-ksur tad-Direttiva dwar l-għasafar ma kienx intemm, il-Kummissjoni, fl-14 ta’ Diċembru 2004, bagħtet opinjoni motivata fejn stiednet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.

11     Peress li r-risposta ta’ l-awtoritajiet Spanjoli għall-opinjoni motivata, mibgħuta fl-4 ta’ Marzu 2005 ma ġietx ikkunsidrata bħala sodisfaċenti mill-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar iddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

12     Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan ma kienx ibbażat fuq il-klassifikazzjoni insuffiċjenti taż-ŻPS, iżda dwar l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ tisqija taż-żona tal-kanal Segarra-Garrigues u l-konsegwenzi dannużi ta’ dan il-proġett għal ċerti speċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness 1 tad-Direttiva dwar l-għasafar.

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

13     Fl-ewwel lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fl-opinjoni motivata u fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni estendiet is-suġġett tal-proċedura, peress li fl-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Renju ta’ Spanja kien ġie mistieden biss sabiex jippreżenta osservazzjonijiet dwar il-ksur ta' l-Artikolu 4(1) u (4) tad-Direttiva dwar l-għasafar u mhux dwar ksur ta’ l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-Direttiva. Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-rikors ma pprovdiex argument sabiex jistabbilixxi liema obbligi, fost dawk li jimponi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, ġew miksura.

14     Filwaqt li tenfasizza, minn naħa, l-eżistenza ta’ konnessjoni stretta bejn l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar u min-naħa l-oħra, il-fatt li l-paragrafu 1 jikkompleta l-Artikolu 4(4) ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni tħalli f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja dwar kemm huwa xieraq li teżamina l-motivi ppreżentati fid-dawl biss ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15     Fir-rigward ta’ l-ewwel punt issollevat mill-Istat Membru konvenut, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru u sussegwentement l-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li konsegwentement, ma jistax jiġi estiż aktar. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk iqis li m’hemmx lok li jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat u l-osservanza tagħha hija rekwiżit formali essenzjali għar-regolarità tal-proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-191/95, Ġabra p. I 5449, punt 55, u ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-422/05, Ġabra p. I‑4749, punt 25). Jekk dan mhuwiex il-każ, irregolarità simili ma tistax tiġi kkunsidrata bħala effettiva minħabba l-fatt li l-Istat Membru konvenut ifformula osservazzjonijiet fuq l-opinjoni motivata (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1984, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 51/83, Ġabra p. 2793, punti 6 u 7).

16     Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li l-ittra ta’ intimazzjoni ma fiha l-ebda riferiment għal ksur allegat ta’ l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva dwar l-għasafar mir-Renju ta’ Spanja.

17     B’konsegwenza, ir-rikors huwa inammissibbli safejn ikkunsidra l-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 2 u 3 ta’ l-imsemmija Direttiva.

18     F’dak li jirrigwarda t-tieni punt issollevat mir-Renju ta’ Spanja, għandu jiġi mfakkar li l-opinjoni motivata u r-rikors previsti fl-Artikolu 226 KE għandhom jiġu bbażati fuq l-istess argumenti u motivi u jippreżentaw l-ilmenti b’mod koerenti u b’mod preċiż sabiex l-Istat Membru u l-Qorti tal-Ġustizzja jkunu jistgħu jifhmu eżattament il-portata tal-ksur ikkontestat tad-dritt Komunitarju, u din hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-imsemmi Stat ikun jista’ jsostni b’mod effettiv il-motivi tad-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat. (ara s-sentenzi ta’ l-1 ta’ Diċembru 1993, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-234/91, Ġabra p. I-6273, punt 16, u ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-98/04, Ġabra p. I 4003, punt 18).

19     F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fl-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata tagħha, akkużat lir-Renju ta’ Spanja bi ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, minħabba li ż-ŻPS ikklassifikati mill-awtoritajiet Spanjoli, b’mod partikolari fiż-żona milquta mill-proġett ta’ tisqija tal-kanal Segarra-Garrigues, ma kinux biżżejjed sabiex jipproteġu t-territorji l-aktar xierqa bħala numru u bħala żona fir-rigward tad-diversi speċi inklużi fl-Anness I ta’ din id-Direttiva. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni akkużat lir-Renju ta’ Spanja li naqas milli jewttaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 4(4) ta’ din id-Direttiva minħabba l-fatt li l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmi proġett iwassal għal riskju evidenti tad-deterjorament tal-habitat ta’ l-ispeċi ta’ għasafar ta’ l-isteppa preżenti fiż-żona kkonċernata.

20     Madankollu, kif ġie indikat ukoll fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, ir-rikors ma jirrigwardax il-klassifikazzjoni insuffiċjenti taż-ŻPS, iżda l-awtorizzazzjoni tal-proġett ta’ tisqija tal-kanal Segarra-Garrigues u l-konsegwenzi dannużi ta’ dan il-proġett għal ċerti speċi ta’ għasafar protetti.

21     Madankolli l-Kummissjoni żżomm ma’ l-argument tagħha bbażat fuq il-ksur mir-Renju ta’ Spanja, ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, mhux fir-rigward ta’ klassifikazzjoni insuffiċjenti tas-siti bħala ŻPS, iżda minħabba l-awtorizzazzjoni ta’ l-imsemmi proġett ta’ tisqija.

22     F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors preżenti ma jirrispondix, fir-rigward ta’ dan l-argument, fejn il-motivi nbidlu fil-konfront ta’ dawk invokati fil-kuntest tal-proċedura prekontenjuża, għar-rekwiżiti ta’ koerenza u ta’ preċiżjoni mfakkra fil-punt 18 tas-sentenza preżenti.

23     Sussegwentement, ir-rikors, safejn jakkuża lir-Renju ta’ Spanja bi ksur ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, huwa inammissibbli.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

24     In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-proġett ta’ tisqija tal-kanal Segarra-Garrigues jinsab fil-perimetru ta’ l-IBA 142 u 144 u għandu riperkussjonijiet negattivi fuq ċerti speċi ta’ għasafar ta’ l-isteppa msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li l-fatt li eskluda mill-klassifikazzjoni bħala ŻPS ċerti territorji ta’ l-IBA 142 u 144, ikkonċernati mill-imsemmi proġett, ma jeżentax lir-Renju ta’ Spanja mill-obbligu li jirrispetta r-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

25     Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni ma ressqitx provi li l-proġett ta’ tisqija taż-żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues jikser id-Direttiva dwar l-għasafar. F’kull każ, il-miżuri ta’ protezzjoni li jinsabu f’dan il-proġett huma adattati sabiex jiġu evitati, fiż-żona koperta minnu, il-konsegwenzi negattivi msemmija fl-Artikolu 4(4) ta’ din id-Direttiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26     L-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar timponi fuq l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-passi xierqa biex fiż-ŻPS jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-habitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinjifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.

27     Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw b’mod partikolari mill-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, anki meta ż-żoni in kwistjoni ma kinux ġew ikklassifikati bħala ŻPS, bil-kundizzjoni li kellhom jiġu hekk ikklassifikati (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1999, Il-Kummissjoni vs Franza, C-166/97, Ġabra p. I-1719, punt 38, u ta’ l-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C- 388/05, Ġabra p. I‑7555, punt 18).

28     B’mod kuntrarju, f’dak li jirrigwarda ż-żoni kklassifikati bħala ŻPS, l-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi li l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar huma ssostitwiti, b’mod partikolari mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats, mid-data ta’ l-implementazzjoni tagħha jew mid-data ta’ klassifikazzjoni skond id-Direttiva dwar l-għasafar jekk din l-aħħar data hija sussegwenti (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-117/00, Ġabra p. I-5335, punt 25). B’hekk, iż-żoni li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS għalkemm kellhom ikunu hekk ikklassifikati, komplew jaqgħu taħt is-sistema rispettiva ta’ l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar (ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-374/98, Ġabra p. I-10799, punt 47).

29     Peress li l-Kummissjoni bbażat ir-rikors tagħha fuq l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, huma biss iż-żoni milquta mill-proġett ta’ tisqija tal-kanal Segarra-Garrigues li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata li huma kkonċernati.

30     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-inventarju ta’ l-IBA ta’ l-1998, li jipprovdi inventarju aġġornat taż-żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar fi Spanja jikkostitwixxi, fin-nuqqas ta’ provi xjentifiċi kuntrarji, bażi ta’ referenza li tippermetti li jiġi kkunsidrat jekk dan l-Istat Membru kklassifikax bħala ŻPS territorji biżżejjed bħala numru u bħala żona sabiex tingħata protezzjoni lill-ispeċi kollha ta’ l-għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar kif ukoll lill-ispeċi li jemigraw mhux imsemmija f’dan l-Anness (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-235/04, Ġabra p. I‑5415, punt 27).

31     Madankollu, jirriżulta mill-inkartament li ċerti territorji inklużi fl-IBA 142 u 144, milquta mill-proġett ta’ tisqija in kwistjoni, bħal ma huma ż-żoni msejħa “Plans de Sió”, “Belianes-Preixana” u “Secans del Segrià-Garrigues”, li jipprovdu kenn b’mod partikolari għal popolazzjonijiet ta’ pitarra (Tetrax tetrax) ta’ l-alwetta tad-deżert (Chersophilus duponti), tal-farruġ (Coracias garrulus) u ta’ l-ajkla ta’ Bonelli (Hieraaetus fasciatus), kienu inklużi f’klassifikazzjoni jew f’estensjoni ta’ klassifikazzjoni skond id-deċiżjoni, adottata b’mod ġenerali mill-Katalonja fil-5 ta’ Settembru 2006, dwar in-nomina bħala ŻPS u li tapprova l-proposta ta’ siti ta’ importanza Komunitarja.

32     Għaldaqstant jidher li tali żoni, intiżi sabiex jiġu kklassifikati bħala ŻPS qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, jaqgħu taħt is-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, skond il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza.

33     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skond id-dikjarazzjoni ta’ impatt ambjentali ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali Nru 3757 tal-Ġeneralitat tal-Katalonja, tat-8 ta’ Novembru 2002, il-proġett ta’ tisqija tal-kanal Segarra-Garrigues għandu, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-habitats ta’ l-għasafar ta’ l-isteppa, natura serja, minkejja l-miżuri preventivi, korretriċi jew kumpensatorji proposti fl-istudju ta’ impatt ambjentali, u minkejja wkoll tal-miżuri addizzjonali previsti fid-dikjarazzjoni stess.

34     Huwa indikat fl-Anness 3 ta’ l-imsemmija dikjarazzjoni li t-twettiq ta’ proġett ta’ tisqija ta’ tali daqs jista’ jkollu impatt importanti fuq il-populazzjonijiet ta’ għasafar mhedda u li, għaldaqstant, hemm lok li jiġu approvati l-pjanijiet ta’ ripristinar ta’ l-ispeċi msemmija f’dan l-istess Anness kif ukoll l-implementazzjoni tagħhom, intiża sabiex tassigura l-konservazzjoni ta’ l-ispeċi u, jekk possibbli, ir-ripristinar tagħhom.

35     Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li x-xogħlijiet neċessarji għat-twettiq ta’ dan il-proġett, fejn huwa previst li se jdumu 10 snin, bdew fix-xahar ta’ Ġunju 2002.

36     F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, billi awtorizza l-proġett ta’ tisqija tal-kanal Segarra-Garrigues, l-Istat Membru kkonċernat ma rrispettax l-obbligu li huwa għandu skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, li jieħu passi xierqa sabiex jevita, fiż-żoni affettwati minn dan il-proġett, li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS, li jbatu minn effetti dannużi pprojbiti, peress li tali obbligu jeżisti, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, qabel ma jiġi kkonstatat tnaqqis fin-numru ta’ għasafar, jew qabel ma r-riskju ta’ estinzjoni ta’ speċi jiġi kkonkretizzat (ara s-sentenza tat-2 ta’ Awwissu 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-355/90, Ġabra p. I-4221, punt 15).

37     Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-unika ċirkustanza li l-imsemmi proġett għandu, kif sostna wkoll ir-Renju ta’ Spanja, importanza kunsiderevoli għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tat-territorju kkonċernat. Fil-fatt, il-possibbiltà ta’ l-Istat Membri li jagħmlu dannu sinjifikattiv liż-żoni li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS u li, skond kif ġie mfakkar fil-punti 27 u 28 tas-sentenza preżenti, jaqgħu taħt is-sistema rispettiva ta’ l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar, ma tistax, f’kull każ tiġi ġġustifikata minħabba rekwiżiti ekonomiċi u soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C 57/89, Ġabra p. I-883, punti 21 u 22).

38     Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi aċċettat.

39     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda ż-żoni affettwati mill-proġett ta’ tisqija taż-żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues li kellhom jiġu kklassifikati bħala ŻPS, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-għasafar.

40     Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

 Fuq l-ispejjeż

41     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(3), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkumpensa l-ispejjeż, fit-totalità jew f’parti minnhom, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom. Peress li l-Kummissjoni rebħet parti waħda biss tat-talbiet tagħha, hemm lok li l-ispejjeż jiġu kkumpensati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi awtorizza l-proġett ta’ tisqija taż-żona tas-saqwi tal-kanal Segarra-Garrigues, fil-provinċja ta’ Lérida (il-Katalonja) ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, u li jieħu passi xierqa sabiex jevita, fiż-żoni affettwati minn dan il-proġett, li kellhom jiġu kklassifikati bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali, l-effetti dannużi pprojbiti.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top