EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0064

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-14 ta' Ġunju 2007.
Telefónica O2 Czech Republic a.s. vs Czech On Line a.s.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Obvodní soud pro Prahu 3 - ir-Repubblika Ċeka.
Komunikazzjonijiet elettroniċi - Netwerks u servizzi- Kwadru regolamentarju komuni - Impriża dominanti - Obbligu li ssir interkonnessjoni ma’ operaturi oħra - Analiżi minn qabel tas-suq - Effett dirett - Direttiva 97/33.
Kawża C-64/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:348

Kawża C-64/06

Telefónica O2 Czech Republic et, li qabel kienet Český Telecom a.s.

vs

Czech On Line a.s.

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Obvodní soud pro Prahu 3)

“Komunikazzjonijiet elettroniċi — Netwerks u servizzi — Kuntest regolamentari komuni — Impriża dominanti — Obbligu ta’ interkonnessjoni ma’ operaturi oħra — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Direttiva 97/33”

Sommarju tas-Sentenza

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti

(Artikolu 234 KE)

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttivi 2002/19 u 2002/21 – Dispożizzjonijiet tranżitorji

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/33, 2002/19 u 2002/21)

1.        Peress li d-domandi preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, bħala prinċipju, mingħajr ma jkun neċessarju li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi li fihom il-qrati nazzjonali ħassewhom fid-dmir li jagħmlulha d-domandi kif ukoll jipproponu li japplikaw id-dispożizzjoni tad-dritt Kommunitarju li huma talbuha li tinterpreta.

Pożizzjoni differenti tittieħed biss fil-każjiet kemm meta d-dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, li jkunu seħħew qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid ma’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll meta jkun evidenti li l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx applikabbli.

(ara l-punti 22-23)

2.        Skond id-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Direttiva 2002/19, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u tad-Direttiva 2002/21, dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, l-Awtorità Regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet ta’ Stat Membru li jkun aderixxa ma’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 għandha d-dritt li teżamina l-obbligu, ta’ impriża tat-telekomunikazzjonijiet li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq skond id-Direttiva 97/33, dwar l-interkonnessjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet sabiex jiġi żgurat servizz universali u interoperabbi permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ open network provision (ONP), kif emendata mid-Direttiva 98/61, li tikkonkludi ftehim ta’ interkonnessjoni tan-netwerk tagħha ma’ dak ta’ operatur ieħor, wara d-data ta’ l-adeżjoni ta’ l-Istat ikkonċernat, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/33, kif emendata.

(ara l-punt 28 u disp.)







fSENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Komunikazzjonijiet elettroniċi – Netwerks u servizzi – Kuntest regolamentari komuni – Impriża dominanti – Obbligu ta’ interkonnessjoni ma’ operaturi oħra – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Direttiva 97/33”

Fil-kawża C‑64/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Obvodní soud pro Prahu 3 (ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2006, fil-proċedura

Telefónica O2 Czech Republic as, li qabel kienet Český Telecom as,

vs

Czech On Line as,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, P. Kūris (Relatur), K. Schiemann, J. Makarczyk u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Telefónica O2 Czech Republic as, minn J. Procházková, právnička,

–        għal Czech On Line as, minn V. Horáček, advokát,

–        għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H.G Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Shotter u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminarja tirrigwarda l-interpretazzjoni tad Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill, 2002/19/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva Aċċess) (ĠU L 108, p. 7, aktar ‘il quddiem id-“Direttiva Aċċess”), kif ukoll id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 2002/21/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (ĠU L 108, p. 33), aktar ‘il quddiem id-“Direttiva Qafas”.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Telefónica O2 Czech Republic as, li qabel kienet Český Telecom as, (aktar ‘il quddiem “TO2”) u Czech On Line as (aktar ‘il quddiem “COL”) fir-rigward taċ-ċaħda minn TO2 ta‘ talba għall-estenzjoni tal-kooperazzjoni eżistenti għas-servizzi ta’ l-Internet ta’ frekwenza wiesgħa b’veloċità għolja (“Asymetric Digital Subscriber Line”, aktar ‘il quddiem “ADSL”) magħmula minn COL.

 Kuntest Ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3        L-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-mizuri tranżitorji li ġejjin:

“L-Istati Membri għandhom iżommu l-obbligazzjonijiet kollha taħt il-liġi nazzjonali msemmija f’Artikolu 7 tad-[Direttiva Aċċess] u Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali) sa dak iż-żmien li ssir determinazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-obbligazzjonjiet mill-awtorità nazzjonali regolatorja skond Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

L-operaturi ta’ netwerks fissi pubbliċi tat-telefon li kienu identifikati mill-awtorità nazzjonali regolatorja tagħhom bħala li għandhom saħħa sinifikanti fis-suq fil-provista ta’ netwerks fissi tat-telefon u servizzi taħt Anness I, Taqsima I tad-Direttiva 97/33/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 dwar l-interkonnessjoni fit-Telekomunikazzjonijiet fir-rigward li jiġi żgurat servizz universali u interoperabbli permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ open network provision (ONP) (ĠU L 199, p.32), kif emendata bid-Direttiva 98/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-24 ta’ Settembru 1998 (ĠU L 268, p.37, aktar ‘il quddiem id-“Direttiva 97/33”)] jew id-Direttiva 98/10/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 1998 fuq l-applikazzjoni tal-forniment ta’ network miftuħ lit-telefonija bil-vuċi u fuq servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f’ambjent kompetittiv (ĠU L 101, p.24)] għandhom jibqgħu jitqiesu bħala ‘operaturi notifikati’ għall-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 2887/2000 sa dak iż-żmien li l-proċedura ta’ analiżi tas-suq imsemmija f’Artikolu 16 tkun tlestiet. Wara dan għandhom jieqfu milli jkunu kunsidrati bħala ‘operaturi notifikati’ għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.”

4        L-Artikolu 7 tad-Direttiva Aċċess, li jġib it-titolu “Reviżjoni ta’ l-obbligi ta’ qabel għall-aċċess u l-interkonnessjoni”, jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom iżommu fis-seħħ l-obbligi kollha fuq l-impriżi li jfornu netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi [li] jikkonċernaw l-Aċċess u l-interkonnessjoni li kienu fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva taħt Artikoli 4, 6, 7, 8, 11, 12, u 14 tad-Direttiva 97/33/KE, Artikolu 16 tad-Direttiva 98/10/KE, u Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 92/44/KE, sa dak iż-żmien li dawk l-obbligi jkunu ġew riveduti u [deċiżjoni] magħmul[a] skond il-paragrafu 3.

2. Il-Kummissjoni għandha tindika s-swieq relevanti għall-obbligi msemmija fil-paragrafu 1 fir-rakkomandazzjoni iniżjali dwar swieq ta’ prodotti u servizzi relevanti u d-Deċiżjoni li tidentifika swieq transnazzjonali li għandhom jiġu adottati skond Artikolu 15 tad-[Direttiva Qafas].

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, u perjodikament wara, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu analiżi tas-suq skond Artikolu 16 tad-[Direttiva Qafas] biex jiġi stabbilit jekk iżommux fis-seħħ, jemendawx jew jirtirawx dawn l-obbligi. Perjodu adatt ta’ avviż għandu jingħata lill-partijiet affettwati minn dak l-emendar jew dak l-irtirar ta’ l-obbligi.”

 Il-liġi nazzjonali

5        L-Artikolu 37 tal-liġi Nru 151/2000 dwar it-telekomunikazzjonijiet (zákon č. 151/2000 Sb. o telekomunikacích), li jemenda liġijiet oħra jipprovdi:

“1.      L-operaturi tan-newerks pubbliċi tat-telefonija u l-fornituri ta’ servizz ta’ telekomunikazzjonijiet permezz tal-kiri ta’ ċirkwiti ta’ telekomunikazzjonijiet li għandhom parti sostanzjali tas-suq rilevanti huma marbuta li jissodisfaw it-talbiet kollha tal-fornituri awtorizzati tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ta’ aċċess għan-netwerk li huma joperaw (aktar ‘il quddiem ‘l-aċċes għan-netwerk’).

2.      L-operaturi tan-netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u l-fornituri ta’ servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet li jikkontrollaw l-aċċess ta’ mill-inqas punt wieħed ta’ terminazzjoni ta’ netwerk ikkaratterizzat minn numru wieħed jew aktar tal-pjan ta’ numerazzjoni, kif ukoll il-fornituri ta’ servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet permezz tal-kiri ta’ ċirkwiti ta’ telekomunikazzjonijiet konnessi mal-postijiet ta’ l-utenti huma obbligati, jekk operatur ieħor jew fornitur li jeżerċita attività ta’ telekomunikazzjonijiet relevanti jagħmlilhom talba, li jħallu lil dak li jkun għamel it-talba li jagħmel interkonnessjoni diretta jew indiretta fin-netwerk ta’ telekomunikazzjoni li huma joperaw (aktar ‘il quddiem l-interkonnessjoni tan-netwerks). L-aċċess għan-network huwa bil-ħlas u jiġi akkordat bl-ispejjez ta’ dak li jkun għamel it-talba.

3.      L-aċċess għan-netwerk huwa ggarantit permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn l-operatur ta’ netwerk pubbliku ta’ telekomunikazzjonijiet u l-fornitur tas-servizzi pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet, l-interkonnessjoni tan-netwerks hija garantita permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn l-operaturi tan-netwerks pubbliċi ta’ t-telekomunikazzjonijiet.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        TO2 u COL huma operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet li fid-29 ta’ Jannar 2001 kkonkludew ftehim ta’ interkonnessjoni tan-netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet fissi tagħhom. Fit-3 ta’ Frar 2003 din l-aħħar kumpannija pproponiet lill-ewwel waħda li dan il-ftehim jiġi emendat sabiex in-netwerks tagħhom jitqabbdu wkoll għall-provvista ta’ l-ADSL. Però, TO2 ippubblikat biss offerta ta’ aċċess għall-infrastruttura tan-netwerk tagħha li juża’ din it-teknoloġija meta l-liġi nru 151/2000 kienet timponi fuqha li tippubblika offerta ta’ interkonnessjoni tan-netwerks.

7        Fin-nuqqas ta’ qbil, COL irriferiet il-kwistjoni lil Český telekomunikační úřad, (awtorita’ regolatorja Ċeka ta’ telekomunikazzjonijiet aktar ‘il quddiem, l-“Awtorità Regolatorja”) li, permezz ta’ deċizjoni tat-30 ta’ April 2004, laqgħet it-talba tagħha abbażi tal-liġi Nru 151/2000. Wara rikors quddiem il-President ta’ din l-Awtorità din id-deċiżjoni ġiet annullata minħabba raġunijiet ta’ natura ġenerali u fattwali, u l-kawża ġiet mingħuta lura lill-Awtorità Regolatorja. Fl-14 ta’ Settembru 2004, din l-Awtorità ħadet deċiżjoni ġdida favur COL u obbligat lill-partijiet fil-kawża jikkonkludu kodiċi għall-ftehim ta’ interkonnessjoni, biex jiġu koperti s-servizzi ta’ l-ADSL.

8        Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Jannar 2005, il-President ta’ l-Awtorità Regolatorja ċaħad ir-rikors il-ġdid ippreżentat minn TO2. Din id-deċiżjoni saret definittiva u eżekuttiva.

9        F’din l-ipoteżi, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Ċek jippermetti li jiġi ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-qrati, f’dan il-każ l-Obvodní soud pro Prahu 3 (Qorti tal- Prim’Istanza tad-Distrett ta’ Praga 3).

10      Skond din il-qorti, TO2 issostni li d-deċiżjoni ta’ l-Awtorità Regolatorja tmur kontra l-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn, minn naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ċeka, konkluż u approvat f’isem il-Kommunità permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 94/910/KEFA, KE, EURATOM tad-19 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L360, p.1), kif ukoll kontra d-Direttivi Aċċess, Qafas, u d-Direttiva 97/33.

11      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Obvodní soud pro Prahu 3 iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [L-Awtorità Regolatorja] setgħet timponi fuq impriża tat-telekomunikazzjoni li għandha saħħa sinjifikattiva (dominanti) fis-suq, wara l-1 ta’ Mejju 2004 jiġifieri wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka fil-Komunitajiet Ewropej, l-obbligu li tikkonkludi kuntratt ta’ interkonnessjoni tan-netwerk tagħha ma’ dik ta’ operatur ieħor?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva:

[L-Awtorità Regolatorja] kellha d-dritt li timponi t-tali obbligu bis-saħħa biss tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tad-[Direttiva Aċċess], jiġifieri abbażi ta’ analiżi preliminari tas-suq skond l-Artikolu 16 tad-[Direttiva Qafas] u l-proċedura preliminari prevista mill-Artikoli 6 u 7 tad-[Direttiva Qafas], jew [per eżempju skond il-ħmistax-il premessa, l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(1)(a) u 5(4), l-Artikolu 10(1) u 10(2) tad-[Direttiva Aċċess]] setgħet tagħmel dan mingħajr ma tipproċedi minn qabel għal analiżi tas-suq ?

3)      Il-fatt li talba ta’ operatur partikolari intiża li tinkiseb deċiżjoni li timponi l-interkonnessjoni tan-netwerk tiegħu man-netwerk ta’ operatur li għandu saħħa sinjifikattiva (dominanti) fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet ġiet indirizzata lill-awtorità nazzjonali ta’ regolarizzazzjoni qabel l-1 ta’ Mejju 2004, u li l-proċedura dwar din it-talba żvolġiet ruħha quddiem din l-awtorità essenzjalment qabel l-1 ta’ Mejju 2004, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka mal-Komunitajiet Ewropej, għandha impatt fuq ir-risposta għat-tieni domanda?

4)      Fil-każ fejn, matul iż-żmien tal-fatti – jiġifieri bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2005 - ir-Repubblika Ċeka ma ttrasponietx suffiċjentement id-Direttivi msemmija iktar ‘il fuq, id-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u 2002/19/KE (Direttiva Interkonnessjoni), dawn jistgħu jiġu applikati direttament, u b’hekk

a)      Dawn id-Direttivi (jew waħda minnhom) huma mingħajr riżervi jew biżżejjed preċiżi sabiex qorti tapplikahom minflok il-leġiżlazzjoni nazzjonali?

b)      Operatur li għandu saħħa sinjifikattiva (dominanti) fis-suq tat-telekomunikazzjoni għandu d-dritt jinvoka (għandu l-kwalità li jinvoka), b’konsegwenza tat-traspożizzjoni mhux korretta tagħhom, l-effett dirett tad-Direttivi Nru 2002/19/KE (Direttiva Aċċess) u Nru 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u dawn id-direttivi (jew waħda minnhom) jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ dan l-operatur, li rrifjuta li jkkonkludi ftehim ta’ interkonnessjoni (għas-servizzi ADSL) ma’ operaturi nazzjonali ta’ telekomunikazzjoni oħra (u li, skond il-fehma ta’ l-awtorità nazzjonali ta’ regolarizzazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet, li għandu jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġuridiku, dan l-operatur ma jirrispettax l-għanijiet tal-kuntest leġiżlattiv il-ġdid)?

c)      Jista’ dan l-istess operatur jinvoka l-effett dirett tad-Direttivi insuffiċjentement trasposti (jew waħda minnhom), meta (anki jekk il-kundizzjonijiet previsti mid-direttivi huma sodisfatti), l-awtorità nazzjonali ta’ regolarizzazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet, fid-deċiżjonijiet tagħha, tiddeċiedi dejjem fuq kundizzjonijiet konkreti dwar interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ operaturi u b’hekk timponi obbligi konkreti fuq l-individwi?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fid-9 ta’ Marzu 2007, TO2 talbet li l-proċedura orali, li kienet ingħalqet fis-27 ta’ Frar 2007 tinfetaħ mill-ġdid minħabba l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali.

13      In sostenn tat-talba tagħha, TO2 tirrileva li fil-konklużjonijet tiegħu, dan ta’ l-aħħar eżamina argumenti li ma ġewx ippreżentati mill-partijiet fil-kawza, b’mod partikolari, dak dwar l-effett dirett ta’ l-obbligu pożittiv li titwettaq analiżi tas-suq, meta l-kawża kienet tirrigwarda l-obbligu negattiv li ma tittieħed ebda deċiżjoni dwar l-obbligu ta’ konnessjoni mingħajr ma tkun saret tali analiżi.

14      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna li l-proċedura orali tinfetaħ mill-ġdid, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tqis li m’għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx ġie diskuss bejn il-partijiet (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 20).

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-domanda dwar l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet imqajma mir-raba’ domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju u li hija għandha l-elementi kollha li huma neċessarji biex tagħti risposta għaliha.

16      Konsegwentement, it-talba ppreżentata minn T02 għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

17      Fl-ewwel lok, il-Gvern Ċek isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tirrispondi għad-domandi kollha mressqa minħabba li ċ-ċirkustanzi ta’ fatt tal-kawża prinċipali seħħu qabel d-data ta’ adeżjoni mal-Komunitajiet Ewropej tar-Repubblika Ċeka.

18      Fis-seduta, TO2, COL u l-Kummisjoni kkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet kompetenti rationae temporis minħabba li, min-naħa, jekk il-kawża prinċipali żgur li bdiet matul ix-xahar ta’ Frar 2003, hija tkompliet sa l-intervent tad-deċiżjoni tal-President ta’ l-Awtorità Regolatorja ta’ l-20 ta’ Jannar 2005 u, min-naħa l-oħra, skond il-liġi Ċeka, id-deċiżjoni ta’ l-Awtorità Regolatorja tat-30 ta’ April 2004 ġiet annullata waqt li deċiżjoni ġdida ġiet meħuda fl-20 ta’ Jannar 2005. Minbarra dan, TO2 tispeċifika li din l-aħħar deċiżjoni, li hija ta’ natura kostituttiva u mhux ta’ natura dikjaratorja, m’għandhiex l-għan li tikkonstata, b’mod awtorevoli, l-obbligi li ħarġu minn fatti li seħħew qabel, iżda li tistabbilixxi l-bażi għall-obbligi ġuridiċi futuri.

19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li t-talba ta’ COL ippreżentata lill-Awtorità Regolatorja intiża li iġġiegħel lil TO2 tipprovdilha interkonnessjoni għan-netwerk ta’ l-ADSL kienet ġiet eżaminata u tat lok għal deċiżjoni ta’ din l-Awtorità fit-30 ta’ April 2004, jiġifieri qabel id-data ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka ma’ l-Unjoni.

20      Mandankollu, din id-deċiżjoni kienet ġiet annullata fid-9 ta’ Settembru 2004 u deċiżjoni ġdida ttieħdet fl-14 ta’ l-istess xahar. Din ta’ l-aħħar kienet ġiet ikkonfermata fl-istadju ta’ appell, mill-President ta’ l-Awtorità Regolatorja fl-20 ta’ Jannar 2005. Hija meqjusa mill-partijiet li hija definittiva u eżegwibbli f’din id-data.

21      Mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-konsegwenzi ta’ l-annullament ta’ deċiżjoni fid-dritt Ċek, għandu jiġi rrilevat, min-naħa, li d-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali ttieħdet wara d-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika Ċeka ma’ l-Unjoni, li hija tirregola sitwazzjoni fil-futur u mhux fil-passat u, min-naħa l-oħra, li l-qorti nazzjonali qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-leġiżlazzjoni kommunitarja applikabbli fil-kawża prinċipali.

22       Peress li d-domandi preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, bħala prinċipju, mingħajr ma jkun neċessarju li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi li fihom il-qrati nazzjonali ħassewhom fid- dmir li jressqulha d-domandi kif ukoll jipproponu li japplikaw id-dispożizzjoni tad-dritt Kommunitarju li jkunu talbuha tinterpreta (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1996, Reisdorf, C-85/95, Ġabra p. I- 6257, punt 15).

23      Pożizzjoni differenti tittieħed biss fil-każjiet kemm meta d-dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunx applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, li jkunu seħħew qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid ma’ l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Ynos, C-302/04, Ġabra. p. I -371, punti 35 u 36), kif ukoll meta jkun evidenti li l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx applikabbli (ara s-sentenza Reisdorf, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 16).

24       Dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tinterpreta d-direttivi msemmija aktar ‘il fuq, u hemm lok li jiġu mwieġba d-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq id-domandi preliminari

25      Għandhom jiġu eżaminati flimkien l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi, li bihom il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Awtorità Regolatorja kellhiex d-dritt, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju applikabbli wara l-1 ta’ Mejju 2004, li timponi fuq impriża tat-telekomunikazzjonijiet li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq tat-telekomunikazzjoni, l-obbligu li tikkonkludi ftehim ta’ interkonnessjoni tan-netwerk tagħha ma’ dak ta’ operatur ieħor.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat, fid-dawl tad-dispożizzjonijet ta’ l-Artikoli 27 tad-Direttiva Qafas u 7(1) tad-Direttiva Aċċess, li jikkonċernaw id-dispożizzjonijet tranżitorji li jistgħu jkunu applikabbli independentement mit-traspożizzjoni ta’ dawn id-Direttivi, li d-Direttiva 97/33, li huwa paċifiku li ġiet trasposta fid-dritt Ċek permezz tal-liġi Nru 151/2000, tibqa’ effettiva fil-każ ta’ bżonn.

27      Għalhekk, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, l-Awtorità Regolatorja setgħet tintervjeni fil-kuntest tad-Direttiva 97/33.

28      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domandi hija li, skond id-dispożizzjonijet tranżitorji tad-Direttivi Aċċess u Qafas, l-Awtorità Regolatorja kellha d-dritt teżamina l-obbligu ta’ impriża tat-telekomunikazzjonijiet li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq skond id-Direttiva 97/33, li tikkonkludi ftehim ta’ interkonnessjoni tan-netwerk tagħha ma’ dak ta’ operatur ieħor, wara l-1 ta’ Mejju 2004, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/33.

29      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet domandi, mhemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

30      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tieni Awla taqta’ u tiddeċiedi:

Skond id-dispożizzjonijiet tranżitorji tad-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill, 2002/19/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) u tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 2002/21/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas), iċ-Český telekomunikační úřad kellha d-dritt teżamina l-obbligu ta’ impriża tat-telekomunikazzjoni li għandha saħħa sinjifikattiva fis-suq, skond id-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 dwar l-interkonnessjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet sabiex jiġi żgurat servizz universali u l-interoperabbiltà permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ open network provision (ONP), kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill, 98/61/KE, ta’ l-24 ta’ Settembru 1998, li tikkonkludi ftehim ta’ interkonnessjoni tan-netwerk tagħha ma’ dak ta’ operatur ieħor, wara l-1 ta’ Mejju 2004, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/33, kif emendata.

Firem


* Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.

Top