EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62006CJ0044

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tat-8 ta' Marzu 2007.
Gerlach und Co. mbH vs Hauptzollamt Frankfurt (Oder).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht des Landes Brandenburg - il-Ġermanja.
Unjoni doganali - Tranżitu Komunitarju - Prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post tal-ksur - Terminu ta' tliet xhur - Għoti tat-terminu wara d-deċiżjoni ta' l-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni.
Kawża C-44/06.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:153

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta' Marzu 2007 (*)

“Unjoni doganali – Tranżitu Komunitarju – Prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post tal-ksur – Terminu ta' tliet xhur – Għoti tat-terminu wara d-deċiżjoni ta' l-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni”

Fil-kawża C‑44/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht des Landes Brandenburg (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Ottubru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta' Jannar 2006, fil-proċedura

Gerlach und Co. mbH

vs

Hauptzollamt Frankfurt (Oder),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn R. Schintgen, President ta' l-Awla, A. Tizzano (Relatur) u A. Borg Barthet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Gerlach und Co. mbH, minn G. Schemmann, Steuerberater, assistit minn T. Krüger, Rechtsanwalt,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Hottiaux, bħala aġent, assistita minn B. Wägenbaur, avocat,

wara li rat id-deċiżjoni li ttieħdet, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li tinqata' l-kawża mingħajr Konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 11a(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1062/87, tas-27 ta' Marzu 1987, dwar dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni kif ukoll miżuri ta' simplifikazzjoni tal-proċedura ta' tranżitu Komunitarju (ĠU L 107, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1429/90, tad-29 ta' Mejju 1990 (ĠU L 137, p. 21, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1062/87").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Gerlach & Co. mbH (iktar 'il quddiem "Gerlach") u l-Hauptzollamt Frankfurt (Oder) (uffiċċju doganali, iktar 'il quddiem il-"Hauptzollamt") rigward l-irkupru ta' dazji fuq l-importazzjoni.

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-proċedura ta' tranżitu Komunitarju kienet irregolata, minn naħa waħda, mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 222/77, tat-13 ta' Diċembru 1976, dwar it-tranżitu Komunitarju (ĠU 1977, L 38, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 474/90, tat-22 ta' Frar 1990 (ĠU L 51, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 222/77") u, min-naħa l-oħra, mir-Regolament Nru 1062/87.

4       L-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 222/77 jipprovdi li:

"Meta jinstab li, matul jew fl-okkażjoni ta' operazzjoni ta' tranżitu Komunitarju, iseħħ ksur fi Stat Membru ddeterminat, l-irkupru tad-dazji u piżijiet oħrajn li jistgħu jkunu pagabbli għandu jsir minn dak l-Istat Membru skond id-disposizzjonijiet tal-liġi, regolamentari u amministrativi, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri kriminali."

5       Fil-każ fejn il-post tal-ksur jew ta' l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi ddeterminat, il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu jistabbilixxu numru ta' preżunzjonijiet li jippermettu li jiġu evitati kunflitti ta' kompetenza.

6       L-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 222/77 jipprovdi, b'mod aktar speċifiku, li:

"Meta l-kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post ta' l-offiża jew l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, dan il-ksur jew irregolarità għandhom jitqiesu bħallikieku saru:

–       fl-Istat Membru li jappartjeni għalih l-uffiċċju tat-tluq,

jew

–       fl-Istat Membru li jappartjeni għalih, fil-punt tad-dħul fil-Komunità, l-uffiċċju ta' tranżitu, u li lilu tkun intbagħtet nota ta' avviż ta' tranżitu,

sakemm, f'perjodu li għandu jiġi stabbilit, il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni tat-tranżitu jew tal-post fejn seħħ il-ksur jew l-irregolarità ma tkunx miġjuba għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet kompetenti.

Jekk, fin-nuqqas ta' tali prova, l-imsemmi ksur jew irregolarità titqies li saret fl-Istat Membru tat-tluq jew fl-Istat Membru tad-dħul kif jidher fl-ewwel paragrafu, it-tieni inċiż, id-drittijiet u piżijiet oħra li jirrigwardaw il-merkanzija kkonċernata għandhom jinġabru minn dak l-Istat Membru skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi, regolamentari u amministrativi.

[...]"

7       L-Artikolu 11a tar-Regolament Nru 1062/87 jgħid li:

"1.      Meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post fejn ikun seħħ il-ksur jew l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotifika lill-prinċipal b' dan il-fatt mill-iktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ qabel it-tmiem tal-ħdax-il xahar wara d-data tar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarja.

2.      In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 b'mod partikolari għandha tindika t-terminu li fih tista tingħata l-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn ikun effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità lill-uffiċċju tat-tluq għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet kompetenti.

Dan it-terminu hu ta' tlett xhur, li jibda jiddekorri mid-data tan-notifika stabbilita fil-paragrafu 1. Jekk sa l-aħħar ta' dan it-terminu l-prova msemmija ma tkunx ġiet prodotta, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu l-passi biex jirkupra d-drittijiet u piżijiet oħra nvoluti. Fil-każ fejn dak l-Istat Membru ma jkunx dak li fih jinsab l-uffiċċju ta' tluq, dan ta' l-aħħar għandu jinforma immedjatament lill-Istat Membru msemmi."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8       Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fis-6 u t-13 ta' Lulju 1990, fuq talba ta' Gerlach, il-Hauptzollamt poġġa taħt is-sistema ta' tranżitu Komunitarju żewġ kunsinni ta' għoġġiela ħajjin provenjenti mill-Polonja, bid-destinazzjoni lejn l-uffiċċju doganali ta' Barċellona (Spanja).

9       Wara li rċieva l-irċevuti ttimbrati mill-awtoritajiet doganali ta' La Jonquera (Spanja) u ta' Barċellona, li jistabbilixxu li l-kunsinni ġew ippreżentati fl-uffiċċji tad-destinazzjoni, il-Hauptzollamt approva l-applikazzjoni tas-sistema ta' tranżitu Komunitarju.

10     Madankollu, xi inkjesti li saru sussegwentement mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u mill-ispetturi tad-dipartimenti tad-dwana ta' Potsdam u ta' Hannover urew li t-timbri Spanjoli li kienu jinsabu fuq l-imsemmija riċevuti kienu foloz u li kienu ġew kommessi xi irregolaritajiet matul it-trasport tal-bhejjem. Il-post eżatt ta' dawn l-irregolaritajiet ma setax jiġi stabbilit.

11     Konsegwentement, fit-30 ta' Jannar u l-4 ta' Frar 1992, il-Hauptzollamt bagħat lil Gerlach, bħala d-debitur prinċipali fil-proċedura ta' tranżitu, żewġ avviżi tat-taxxa għall-irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni relatati maż-żewġ kunsinni in kwistjoni.

12     Gerlach ressqet ilment kontra dawn l-avviżi u fl-istess ħin talbet is-sospensjoni ta' l-eżekuzzjoni tagħhom.

13     Permezz ta' ittra tat-2 ta' April 1992, il-Hauptzollamt informa lil Gerlach bin-nuqqas ta' preżentazzjoni tal-merkanzija mibgħuta lill-uffiċċju tad-destinazzjoni, filwaqt li nfurmaha li hija setgħet, sas-7 ta' Lulju 1992, tippreżenta l-prova tal-konklużjoni regolari ta' l-operazzjonijiet ta' tranżitu jew tal-post fejn kienu effettivament seħħew il-ksur jew l-irregolaritajiet. L-eżekuzzjoni ta' l-avviżi tat-taxxa ġiet sospiża sa l-iskadenza ta' dan it-terminu.

14     Peress li t-terminu msemmi skada mingħajr ma Gerlach ippreżentat il-provi mitluba, il-Hauptzollamt, permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Lulju 1998, ċaħad l-ilment bħala infondat.

15     Għaldaqstant, Gerlach ressqet rikors għall-annullament ta' l-avviżi tat-taxxa u tad-deċiżjoni mogħtija dwar l-ilment quddiem il-Finanzgericht des Landes Brandenburg.

16     Fir-rikors tagħha, Gerlach oġġezzjonat għaliex il-Hauptzollamt kien taha biss it-terminu ta' tliet xhur stabbilit mill-Artikolu 11a(2) tar-Regolament Nru 1062/87 wara li ddeċieda li jipproċedi bl-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni. F'dan ir-rigward, Gerlach invokat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 1999, Lensing & Brockhausen (C‑233/98, Ġabra. p. I‑7349), li minnha jirriżulta li, f'każ ta' nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' proċeduri ta' tranżitu, l-Istat Membru tat-tluq jista' biss jirkupra d-dazji mingħand id-debitur prinċipali jekk ikun indikalu li jista', f'terminu ta' tliet xhur, jippreżenta l-prova tal-post effettiv fejn seħħ il-ksur jew l-irregolarità.

17     Il-Hauptzollamt ikkontesta l-argument ta' Gerlach u wieġeb li t-terminu ta' tliet xhur in kwistjoni xorta kien ingħatalu fil-kuntest tal-proċedura ta' lment. Konsegwentement, kull żball proċedurali eventwali fir-rigward ta' l-iffissar ta' dan it-terminu ġie rrimedjat.

18     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht des Landes Brandenburg iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

"Amministrazzjoni doganali nazzjonali hija awtorizzata li tinkludi d-dazji fil-kotba tagħha qabel ma tagħti t-terminu stipulat fl-Artikolu 11a(2) tar-[Regolament Nru 1062/87] u li tiffissa dan it-terminu b'mod validu għall-ewwel darba matul ir-rikors?"

19     Il-qorti tar-rinviju tipproponi li tingħata tweġiba affermattiva għad-domanda magħmula. Hija tqis li l-Istat Membru li taħtu jaqa' l-uffiċċju tat-tluq jista' jinkludi fil-kotba tiegħu d-dazji qabel ma jagħti t-terminu ta' tliet xhur stipulat fl-Artikolu 11a(2) tar-Regolament Nru 1062/87, kemm-il darba d-debitur prinċipali jingħata dan it-terminu fil-kuntest tal-proċedura ta' lment.

20     Skond il-Finanzgericht, l-amministrazzjoni doganali għandha ġeneralment l-ewwel nett tagħti t-terminu in kwistjoni lid-debitur prinċipali, u huwa biss meta jiskadi dan it-terminu li għandha tibda bl-irkupru tad-dazji. Madankollu, l-inverżjoni ta' l-ordni ta' dawn il-proċeduri mhijiex ipprojbita. Fil-fatt, skond il-qorti tar-rinviju, dak li hu neċessarju huwa li terminu ta' tliet xhur ikun effettivament mogħti lid-debitur prinċipali u li għaldaqstant dan jingħata l-possibbiltà konkreta li jippreżenta l-provi mitluba qabel ma tiġi kkompletata l-proċedura ta' l-irkupru. Avviż tat-taxxa, li jkun is-suġġett ta' lment ma jkunx għad għandu karattru definittiv. Konsegwentement, jekk l-awtorità nazzjonali tagħti t-terminu in kwistjoni fil-kuntest tal-proċedura ta' lment, id-debitur prinċipali jkun għadu f'pożizzjoni li jippreżenta l-provi neċessarji u b'hekk jikseb l-annullament ta' l-avviż ikkontestat. Anki f'dan il-każ, id-drittijiet tad-debitur prinċipali jiġu rrispettati.

21     Għalkemm il-Finanzgericht jirrikonoxxi li, fis-sentenzi Lensing & Brockhausen, iċċitata iktar 'il fuq, kif ukoll Honeywell Aerospace ta' l-20 ta' Jannar 2005 (C-300/03, Ġabra. p. I‑689), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Istat Membru tat-tluq jista' biss jipproċedi bl-irkupru tad-dazji jekk ikun indika lid-debitur prinċipali li dan jiddisponi mit-terminu ta' tliet xhur in kwistjoni, madankollu, huwa jqis li s-soluzzjoni li ntagħżlet f'dawn is-sentenzi ma tapplikax f'dan il-każ.

22     Fil-fatt, huwa jikkonstata, minn naħa waħda li, fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, l-ebda terminu ma kien ġie mogħti lid-debituri prinċipali, filwaqt li, f'dan il-każ, ġie ffissat terminu wara l-adozzjoni ta' l-avviż tat-taxxa iżda qabel ma dan ta' l-aħħar kien akkwista karattru definittiv. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Honeywell Aerospace, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma interpretatx l-Artikolu 11a(2) tar-Regolament Nru 1062/87, li hu s-suġġett ta' din il-kawża, iżda d-dispożizzjoni li ħadet postu, jiġifieri l-Artikolu 379(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, p. 1).

 Fuq id-domanda preliminari

23     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11a(2) tar-Regolament Nru 1062/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju tat-tluq jista' jagħti lid-debitur prinċipali t-terminu ta' tliet xhur sabiex jippreżenta l-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jkun hemm l-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni, matul il-proċedura ta' lment magħmula kontra din id-deċiżjoni.

 Argumenti tal-partijiet

24     Gerlach u l-Kummissjoni jqisu li l-Istat Membru tat-tluq ma jista' jistabbilixxi u jirkupra d-dazji fuq l-importazzjoni meta t-terminu ta' tliet xhur in kwistjoni fil-kawża prinċipali jkun skada mingħajr ma l-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ma tkun ġiet ippreżentata jew fil-każ fejn il-provi ppreżentati mid-debitur prinċipali ma jkunux suffiċjenti.

25     Din l-interpretazzjoni hi sostnuta mis-sentenzi ċċitati aktar 'il fuq Lensing & Brockhausen, kif ukoll Honeywell Aerospace, f'liema sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat id-domanda magħmula f'din il-kawża prinċipali mill-Finanzgericht. Il-kliem ta' dawn is-sentenzi huwa ċar u l-parti dispożittiva tagħhom tista' tiġi totalment applikata b'analoġija mal-każ in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

26     Barra minn hekk, skond Gerlach u l-Kummissjoni, l-imsemmija interpretazzjoni tirriżulta mill-kliem stess ta' l-Artikolu 11a(2) tar-Regolament Nru 1062/87, li jimponi, fl-ewwel lok, li jiġi stabbilit it-terminu ta' tliet xhur in kwistjoni fil-kawża prinċipali, umbagħad, fit-tieni lok, kemm-il darba l-provi mitluba ma jiġux ippreżentati f'dan it-terminu, li jsir l-irkupru tad-dazji u tal-piżijiet l-oħra.

27     Il-Kummissjoni żżid li l-interpretazzjoni magħżula hija wkoll ikkonfermata mill-għan ta' din id-dispożizzjoni, li hija intiża sabiex tiggarantixxi rkupru rapidu tad-dazji, billi tħeġġeġ lid-debitur prinċipali jikkollabora b'mod attiv fil-kjarifika tas-sitwazzjoni. L-għoti mill-Istat Membru tat-tluq tat-terminu in kwistjoni fil-kawża prinċipali wara l-irkupru tad-dazji jmur kontra dan il-għan.

28     Fil-fatt, jekk, wara d-deċiżjoni li jsir l-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni, id-debitur prinċipali jirnexxielu jistabbilixxi, fit-terminu preskritt, li l-irregolaritajiet kienu ġew kommessi fi Stat Membru ieħor, liema Stat Membru jkun għaldaqstant imissu jipproċedi għall-irkupru, l-Istat Membru tat-tluq ikollu jirtira d-deċiżjoni li tkun diġà ngħatat u jibgħat l-inkartament lill-Istat Membru kompetenti. Din l-interpretazzjoni ġġib magħha l-iżvantaġġ li tnaqqas ir-rittmu tal-proċedura, li jmur kontra l-effettività ta' l-iffissar ta' terminu bħal dan.

29     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li s-soluzzjoni proposta hija konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, huwa stabbilit li, jekk proċedura amministrativa tipprevedi d-dritt tal-parti interessata li tinstema', l-att ġuridiku li bih tiġi konkluża din il-proċedura jista' jittieħed biss wara li tinstema' l-parti interessata.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

30     Bis-saħħa ta' l-Artikolu 36(3) tar-Regolament Nru 222/77, meta, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post tal-ksur jew ta' l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, dan il-ksur jew din l-irregolarità għandhom jitqiesu bħallikieku saru fl-Istat Membru li taħtu jaqa' l-uffiċċju tat-tluq, sakemm, f'terminu li għandu jiġi stabbilit, ma tiġix ippreżentata l-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità.

31     L-Artikolu 11a(1) tar-Regolament Nru 1062/87 jistipula li, meta kunsinna ma tkunx ġiet ippreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni u l-post fejn ikun seħħ il-ksur jew l-irregolarità ma jkunx jista' jiġi stabbilit, l-uffiċċju tat-tluq għandu jinnotifika lid-debitur prinċipali b'dan il-fatt mill-iktar fis possibbli u, l-aktar tard, qabel l-iskadenza tal-ħdax-il xahar wara d-data tar-reġistrazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' tranżitu Komunitarja.

32     Skond it-tieni paragrafu ta' dan l-istess Artikolu, in-notifika msemmija għandha tindika, b'mod partikolari, it-terminu li fih tista tiġi ppreżentata l-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn ikun effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità lill-uffiċċju tat-tluq, għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet kompetenti. Dan it-terminu hu ta' tliet xhur, li jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1. Jekk fl-iskadenza ta' dan it-terminu, il-prova msemmija ma tkunx ġiet prodotta, l-Istat Membru kompetenti għandu jipproċedi bl-irkupru tad-dazji u piżijiet oħra involuti.

33     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li, mill-kliem stess ta' l-Artikolu 11a(2) tar-Regolament Nru 1062/87 kif ukoll tad-dispożizzjonijiet sostanzjalment identiċi li ħadu postu, jiġifieri l-Artikoli 49(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1214/92, tal-21 ta' April 1992, dwar dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni kif ukoll miżuri ta' simplifikazzjoni tas-sistema tat-tranżitu Komunitarju (ĠU L 132, p. 1), u 379(2) tar-Regolament Nru 2454/93, jirriżulta li n-notifika mill-uffiċċju tat-tluq lid-debitur prinċipali bit-terminu li fih jistgħu jiġu ppreżentati l-provi mitluba hi ta' karattru obbligatorju u għandha tiġi qabel l-irkupru tad-debitu doganali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑460/01, Ġabra. p. I‑2613, punt 62 u 80).

34     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan it-terminu huwa intiż sabiex jipproteġi l-interessi tad-debitur prinċipali billi dan jingħata tliet xhur sabiex jippreżenta, jekk ikun il-każ, il-prova tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità (ara s-sentenzi ta' l-14 ta' Novembru 2002, SPKR, C-112/01, Ġabra. p. I-10655, punt 38, u Honeywell Aerospace, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

35     Minn dan isegwi li l-Istat Membru li taħtu jaqa' l-uffiċċju tat-tluq jista' biss jipproċedi bl-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni jekk ikun informa minn qabel lid-debitur prinċipali li dan jiddisponi minn terminu ta' tliet xhur sabiex jippreżenta l-provi mitluba, u jekk dawn ma jiġux ippreżentati fit-terminu msemmi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi preċitati Lensing & Brockhausen, punt 29, kif ukoll Honeywell Aerospace, punt 23).

36     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu msemmi ma jistax jingħata, għall-ewwel darba, wara d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti li jipproċedu bl-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni, waqt proċedura ta' lment imressqa kontra din id-deċiżjoni. Dan għandu aktar u aktar ikun il-każ f'każ bħal dak fil-kawża prinċipali fejn din id-deċiżjoni hija immedjatament eżekuttiva.

37     Fil-fatt, notifika li ssir tard ta' dan it-terminu tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11a(2) tar-Regolament Nru 1062/87 u tikser id-dritt tad-debitur prinċipali, li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar ir-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' rkupru li tagħha huwa d-destinatarju, u li taffettwa l-interessi tiegħu b'mod apprezzabbli.

38     Ir-rispett ta' dan id-dritt huwa prinċipju fundamentali tas-sistema legali Komunitarju li għandu jiġi ggarantit f'kull proċedura, inkluża dik tat-tranżitu Komunitarju, magħmula kontra persuna u li tista' twassal għal miżura negattiva fil-konfront tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95 P, Ġabra. p. I-5373, punti 21 u 30; tal-21 ta' Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, C-462/98 P, Ġabra. p. I-7183, punt 36, u tad-9 ta' Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-287/02, Ġabra. p. I-5093, punt 37).

39     Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11a(2) tar-Regolament Nru 1062/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li taħtu jaqa' l-uffiċċju tat-tluq ma jistax jagħti lid-debitur prinċipali t-terminu ta' tliet xhur li fih għandu jippreżenta l-provi tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità wara t-teħid tad-deċiżjoni li jipproċedi għall-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni, matul il-proċedura ta' lment kontra din id-deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

40     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 11a(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1062/87, tas-27 ta' Marzu 1987, dwar dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni kif ukoll miżuri ta' simplifikazzjoni tal-proċedura ta' tranżitu Komunitarju, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1429/90, tad-29 ta' Mejju 1990, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li taħtu jaqa' l-uffiċċju tat-tluq ma jistax jagħti lid-debitur prinċipali t-terminu ta' tliet xhur li fih għandu jippreżenta l-provi tar-regolarità ta' l-operazzjoni ta' tranżitu jew tal-post fejn effettivament seħħ il-ksur jew l-irregolarità wara t-teħid tad-deċiżjoni li jipproċedi għall-irkupru tad-dazji fuq l-importazzjoni, matul il-proċedura ta' lment kontra din id-deċiżjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top