EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0315

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-23 ta' Novembru 2006.
Lidl Italia Srl vs Comune di Arcole (VR).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Giudice di pace di Monselice - l-Italja.
Direttiva 2000/13/KE - Tikkettjar ta' prodotti ta' l-ikel li għandu jiġi mqassam lill-konsumatur finali - Portata ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 2, 3 u 12 - Indikazzjoni obbligatorja tal-qawwa alkoħolika bil-volum għal ċertu xarbiet alkoħoliċi - Xarba alkoħolika prodotta fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn huwa stabbilit d-distributur - "Amaro alle erbe' - Qawwa alkoħolika bil-volum reali anqas minn dik li tidher fuq it-tikketta - Qbiż tal-marġni ta' tolleranza - Multa amministrattiva - Responsabbiltà tad-distributur.
Kawża C-315/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:736

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta’ Novembru 2006(*)

"Direttiva 2000/13/KE − Tikkettjar ta’ prodotti ta’ l-ikel li għandu jiġi mqassam lill-konsumatur finali – Portata ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 2, 3 u 12 – Indikazzjoni obbligatorja tal-qawwa alkoħolika bil-volum għal ċertu xarbiet alkoħoliċi – Xarba alkoħolika prodotta fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn huwa stabbilit d-distributur − ‘Amaro alle erbe’ – Qawwa alkoħolika bil-volum reali anqas minn dik li tidher fuq it-tikketta – Qbiż tal-marġni ta’ tolleranza – Multa amministrattiva − Responsabbiltà tad-distributur"

Fil-kawża C-315/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Giudice di pace di Monselice (l-Italja), permezz ta’ Deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Awwissu 2005, fil-proċedura

Lidl Italia Srl

vs

Comune di Arcole (VR),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris, J. Makarczyk u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Lidl Italia Srl, minn F. Capelli u M. Valcada, avvocati,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn R. Loosli-Surrans u G. de Bergues, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Mol, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 2, 3 u 12 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/13/KE ta’ l-20 ta’ Marzu 2000, fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti [prodotti] ta’ l-ikel (ĠU L 109, p. 29).

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn Lidl Italia Srl (iktar ‘il quddiem "Lidl Italia") kontra deċiżjoni tad-direttur ġenerali tal-Comune di Arcole li imponiet fuq din il-kumpannija multa amministrattiva minħabba l-kummerċjalizzazzjoni ta’ xarba alkoħolika, bl-isem "amaro alle erbe", bi ksur tar-regoli nazzjonali li jimponu li tissemma l-qawwa alkoħolika bil-volum ta’ ċertu xarbiet alkoħoliċi fit-tikkettjar tagħhom.

 Kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Is-sitt premessa tad-Direttiva 2000/13 tgħid li:

"Il-konsiderazzjoni primarja għal kwalunkwe regoli fuq il-tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel għandha tkun il-ħtieġa li tinforma u tipproteġi lill-konsumatur."

4       Skond it-tmien premessa ta’ din id-direttiva:

"Tikkettjar dettaljat, b’mod partikolari jieħu in konsiderazzjoni n-natura eżatta u l-karatteristiċi tal-prodott li jħalli lill-konsumatur jagħmel l-għażla tiegħu waqt li jkun jaf il-fatti kollha, huwa l-aktar xieraq billi joħloq l-inqas ostakoli għal negozju ħieles.""

5       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/13 jiddisponi li:

"Din id-Direttiva tikkonċerna [t]-tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel li għandu jiġi mqassam lill-konsumatur u ċerti aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-preżentazzjoni u r-riklamar tiegħu."

6       L-Artikolu 1(3) ta’ din id-Direttiva fih id-definizzjoni li ġejja:

"[…]

(b)      'oġġetti ta’ l-ikel li diġà huma mballeġġati' ifissru partita waħda għal preżentazzjoni bħala tali lill-konsumatur aħħari u għal "mass caterers", li jikkonsistu fi prodott ta’ l-ikel u l-imballaġġ li fih jitqiegħed qabel ma jkun offrut għall-bejgħ, sewwa jekk dan il-metodu ta’ imballaġġ jagħlaq kompletament jew parzjalment il-prodott ta’ l-ikel, iżda f’każ bħal dan b’metodu li l-kontenuti ma jistgħux jitbiddlu mingħajr ma jinfetaħ jew jitbiddel l-imballaġġ tal-prodott."

7       L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13 jiddisponi li:

"I[t]-tikkettjar u metodi użati ma jridux:

(a) ikunu tali li jqarrqu bix-xerrej għal grad materjali, partikolarment:

(i)      għall-karatteristiċi tal-prodott ta’ l-ikel u, b’mod partikolari, għan-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni;

[…]"

8       L-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess Direttiva jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ l-indikazzjonijiet obbligatorji fit-tikkettjar tal-prodotti ta’ l-ikel.

9       Il-punt 7 ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi l-ippożizzjonar ta’ "l-isem jew [ta’] l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-manifattur jew ta’ dak li jippakkja, jew tal-bejjiegħ stabbilit fil-Komunità".

10     Il-punt 10 ta’ din l-istess dispożizzjoni timponi fir-"rigward [tax-]xarbiet li fihom aktar minn 1,2 % b’volum ta’ alkoħol, il-qawwa attwali ta’ l-alkoħol bil-volum".

11     L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/13 jipprovdi li:

"Ir-regoli li jirrigwardjaw indikazzjoni tal-qawwa alkoħolika bil-volum fil-każ ta’ prodotti koperti bit-tariffa bit-titolu numru 22.04 u 22.05, ikunu dawk mniżżla fid-dispożizzjonijiet tal-Komunità applikabli għal dawn il-prodotti.

Fil-każ ta’ xarbiet oħra li fihom aktar minn 1,2 % bil-volum ta’ alkohol, dawn ir-regoli għandhom jitniżżlu skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 20(2)."

12     Ir-proċeduri pprovduti fit-tieni subparagrafu ta’ l-imsemmi Artikolu 12 ta’ din id-Direttiva huma rregolati mid-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE tal-15 ta’ April 1987, dwar l-indikazzjoni ta’ qawwa alkoħolika skond il-volum fl-ittikkettjar ta’ xorb alkoħoliku għal bejgħ lill-konsumatur ta’ l-aħħar nett (ĠU L 113, p. 57).

13     L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 87/250 jiddisponi li:

"It-tolleranzi posittivi u negattivi permessi rigward l-indikazzjoni tal-qawwa alkoħolika skond il-volum għandhom ikunu kif ġej, imfissra f’valuri assoluti:

(a)      Xorb mhux speċifikat hawn taħt:

0,3 % tal-vol.;

[…]"

14     L-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2000/13 jiddisponi li:

"1.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-bejgħ ta’ oġġetti ta’ l-ikel li dwarhom ma jidhrux il-partikolaritajiet imsemmija fl-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(2) f’lingwa li tinftiehem malajr mill-konsumatur, huwa pprojbit fit-territorji [tagħhom], sakemm il-konsumatur ma jiġix fil-fatt infurmat b’mezzi ta’ miżuri oħra determinati skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 20(2) dwar partikolaritajiet ta’ tikkettjar.

2.      Fit-territorju tiegħu, l-Istat Membru fejn il-prodott huwa mmexxi, jista’ skond ir-regoli tat-Trattat, jistipula li dawk il-partikolaritajiet dwar tikkettjar jingħataw f’lingwa waħda jew aktar li għandu jistabilixxi minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Komunità."

15     Skond it-tnax-il premessa tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (ĠU L 31, p. 1):

"Biex tiġi żgurata s-sigurtà fl-ikel, huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-aspetti kollha tal-katina ta’ produzzjoni ta’ l-ikel bħala continuum minn u inkluża l-produzzjoni primarja u l-produzzjoni ta’ l-għalf għall-annimali sa u inkluż il-bejgħ jew provvista ta’ ikel lill-konsumatur minħabba li kull element jista’ jkollu impatt potenzjali fuq is-sigurtà ta’ l-ikel."

16     It-tletin premessa ta’ dan ir-regolament jgħid li:

"Operatur ta’ negozju ta’ l-ikel qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex iħaddem sistema żgura għall-provvista ta’ ikel li tiżgura li l-ikel li jipprovdi jkun tajjeb; b’hekk, għandu jkollu responsabbiltà primarja legali li tiżgura s-sigurtà ta’ l-ikel. Għalkemm dan il-prinċipju jeżisti f’xi Stati Membri u żoni tal-liġi dwar l-ikel, f’żoni oħra dan jew mhux espliċitu jew inkella r-responsabbiltà hija assunta mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru permezz ta’ l-attivitajiet ta’ kontroll li jwettaq. Dan l-iżbilanċ jista’ x’aktarx joħloq barrieri għall-kummerċ jew tgħawwiġ fil-kompetizzjoni bejn l-operaturi tan-negozji ta’ l-ikel fi Stati Membri differenti."

17     Fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 178/2002 hemm id-definizzjoni li ġejja:

"operatur ta’ negozju ta’ l-ikel" tfisser persuni naturali jew legali responsabbli li jiżguraw li l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa fin-negozju ta’ l-ikel taħt il-kontroll tagħhom".

18     L-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, bit-titolu "Responsabbiltajiet", jiddisponi li:

"1. L-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar, u tqassim fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom għandhom jiżguraw li l-ikel u l-għalf ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel li huma relevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawk il-ħtiġijiet jitħarsu.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-liġi dwar l-ikel, u jimmonitorjaw u jivverifikaw li l-ħtiġijiet relevanti tal-liġi dwar l-ikel jiġu mħarsa mill-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf fl-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

Għal dak il-għan għandhom iżommu sistema ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra kif adattati fiċ-ċirkostanzi, inkluża komunikazzjoni pubblika dwar is-sigurtà u r-riskju ta’ l-ikel u l-għalf, sorveljanza dwar is-sigurtà ta’ l-ikel u l-għalf u attivitajiet oħra ta’ immonitorjar li jkunu jkopru l-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim.

L-Istati Membri għandhom ukoll iniżżlu r-regoli dwar il-miżuri u penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf. Il-miżuri u l-penalitajiet ipprovduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi."

19     L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill [85/374/KEE] tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, p. 29) jiddisponi li:

"Il-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu."

20     Skond l-Artikolu 3 ta’ din l-istess Direttiva:

"1. ‘Produttur’ tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.

2. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-produttur, kull persuna li timporta fil-Komunità prodott għall-bejgħ, kiri, jew kull forma oħra ta’ distribuzzjoni fil-kors tan-negozju tagħha titqies bħala produttur skond it-tifsira ta’ din id-Direttiva u tkun responsabbli bħala produttur.

3. Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta’ prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità ta’ l-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

21     Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 109, tas-27 ta’ Jannar 1992, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva, li jittrasponi d-d-Direttivi 89/395/KEE u 89/396/KEE fuq l-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-riklamar ta’ prodotti ta’ l-ikel (supplement ordinarju tal-GURI Nru 39, tas-17 ta’ Frar 1992), ġie emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 181, tat-23 ta’ Ġunju 2003, li jittrasponi d-Direttiva 2000/13/KE fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ prodotti ta’ l-ikel (GURI Nru 167, tal-21 ta’ Lulju 2003, iktar ‘il quddiem id-"Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92").

22     L-Artikolu 12(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92 jiddisponi li:

"It-tolleranzi, pożittivi u negattivi permessi fir-rigward ta’ l-indikazzjoni tal-qawwa alkoħolika skond il-volum għandhom ikunu kif ġej, imfissra f’valuri assoluti:

[…]

(d)      0,3 % tal-vol. għal xarbiet oħra elenkati fil-punti (a), (b) u (c)."

23     L-Artikolu 18(3) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv jipprovdi li:

"Il-ksur tad-dispożizzjonijiet [ta’ l-Artikolu 12] huwa suġġett għal multa amministrattiva li tmur minn 600 sa 3500 EUR".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24     Jürgen Weber GmbH tipproduċi fil-Ġermanja xarba alkoħolika, bl-isem "amaro alle erbe", li t-tikketta tagħha ssemmi qawwa alkoħolika bil-volum ta’ 35 %.

25     Fit-13 ta’ Marzu 2003, l-awtoritajiet reġjonali tas-saħħa kompetenti ħadu ħames kampjuni ta’ din ix-xarba f’post ta’ bejgħ, parti min-netwerk ta’ Lidl Italia, li jinsab f’Monselice.

26     L-analiżi ta’ dawn il-kampjuni, imwettqa fil-laboratorju fis-17 ta’ Marzu 2003, urew qawwa alkoħolika reali bil-volum ta’ 33,91 %, anqas minn dik imsemmija fit-tikkettjar tal-prodott ikkonċernat.

27     Sussegwentement, Lidl Italia talbet kontroanaliżi. Għal dan il-għan, ittieħdu kampjuni oħra tal-prodott in kawża u l-analiżi tagħhom, imwettaq minn laboratorju fl-20 ta’ Novembru 2003, indika qawwa alkoħolika reali bil-volum li, minkejja għola, jiġifieri 34,54 %, kienet dejjem anqas minn dik fit-tikkettjar tal-prodott.

28     Bi proċess verbali tat-3 ta’ Lulju 2003, l-awtoritajiet reġjonali tas-saħħa kompetenti allegaw li Lidl Italia kisret l-Artikolu 12(3)(d) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92, peress li l-qawwa alkoħolika reali bil-volum tax-xarba in kwistjoni kienet anqas għal dik fit-tikkettjar tagħha, fid-dawl tal-marġni ta’ tolleranza ta’ 0,3 %.

29     Fi tmiem proċedura amministrattiva, il-Comune di Arcole, b’deċiżjoni tad-direttur ġenerali tiegħu tat-23 ta’ Diċembru 2004, ikkonstata l-eżistenza ta’ ksur u, skond l-Artikolu 18(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 109/92, eżiġa li Lidl Italia tħallas multa amministrattiva ta’ 3115 EUR.

30     Lidl Italia ressqet appell kontra d-deċiżjoni amministrattiva quddiem il-Giudice di pace di Monselice.

31     Il-qorti tar-rinviju tirrileva li Lidl Italia sostniet quddiemha li r-regoli Komunitarji f’dak li jirrigwarda t-tikkettjar ta’ prodotti ta’ l-ikel li għandhom jiġu mqassma ma jindirizzawx lill-operatur ekonomiku li jikkummerċjalizza biss dawn il-prodotti, iżda jikkonċernaw esklużivament il-manifattur ta’ dan il-prodott.

32     Id-distributur ma jistax, fil-fatt, ikun jaf in-natura eżatta jew żbaljata ta’ l-informazzjoni li tidher fuq it-tikketta mqiegħda fuq il-prodott mill-manifattur u bl-ebda mod ma jista jintervjeni fil-manifattura tal-prodott u lanqas fl-ifformular tat-tikketta li fuqu dan jinbiegħ lill-konsumatur finali.

33     Il-qorti tar-rinviju żżid li Lidl Italia sostniet ukoll li, fid-dritt Komunitarju, il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-manifattura tal-prodott tirriżulta wkoll mid-Direttiva 85/374.

34     F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-Giudice di pace di Monselice, qies li l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja hija neċessarja sabiex tinsab soluzzjoni għall-kwistjoni, huwa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Id-Direttiva 2000/13/KE, f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ l-ikel li għandhom jitqassmu, hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 1 [ta’ din id-]direttiva […], għandha tinftiehem bħala li tfisser li l-obbligi li tipprovdi u timponi, b’mod partikolari fl-Artikoli 2, 3 u 12, jikkonċernaw esklużivament il-manifattur tal-prodotti ta’ l-ikel in kwistjoni?

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2000/13/KE għandhom jinftiehmu bħala li jeskludu l-possibbiltà li distributur, stabbilit fi Stat Membru, ta’ prodott ta’ l-ikel li għandu jitqassam (hekk kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/13/KE), immanifatturat minn operatur stabbilit fi Stat Membru differenti minn ta’ l-ewwel, għandu jitqies li huwa responsabbli ta’ ksur ikkonstatat minn awtorità pubblika, li ġej mill-ineżattezza tal-valur (fil-kawża tal-qawwa alkoħolika) indikat mill-manifattur fuq it-tikketta tal-prodott ta’ l-ikel, u konsegwentement jiġi ssanzjonat anki jekk huwa (bħala sempliċi distributur) jikkummerċjalizza biss il-prodott ta’ l-ikel hekk imqassma mill-manifattur?"

 Fuq id-domandi preliminari

35     Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li tajjeb li wieħed jeżaminahom flimkien, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2000/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu liġi ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-possibbiltà għal operatur, stabbilit f’dan l-Istat Membru, distributur ta’ xarba alkoħolika li għandha titqassam, skond l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, u manifatturata minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, li jitqies li huwa responsabbli ta’ ksur ta’ din il-liġi, ikkonstatata minn awtorità pubblika, li tirriżulta mill-ineżattezza tal-qawwa alkoħolika bil-volum indikata mill-manifattur fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott, u li konsegwentement huwa jiġi ssanzjonat b’multa amministrattiva, anki jekk huwa, fil-kwalità sempliċi tiegħu ta’ distributur, jikkummerċjalizza biss dan il-prodott hekk kif imqassam lilu mill-manifattur.

36     L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/13 b’mod partikolari ma jridx li t-tikkettjar u l-metodi li skond dawn huwa prodott iwasslu biex iqarrqu lix-xerrej fuq wieħed mill-karatteristiċi tal-prodotti ta’ l-ikel.

37     Din il-projbizzjoni ġenerali hija kkonkretizzata f fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, li tistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ l-indikazzjonijiet obbligatorji fit-tikkettjar tal-prodotti ta’ l-ikel hekk imqassma lill-konsumatur finali.

38     Fir-rigward tax-xarbiet li fihom aktar minn 1,2 % ta’ volum ta’ alkoħol, bħax-xarba bl-isem "amaro alle erbe" fil-kawża prinċipali, il-punt 10 ta’ din id-dispożizzjoni jimponi li tissemma l-qawwa alkoħolika bil-volum attwali fit-tikkettjar tagħha.

39     Il-metodi li bihom il-qawwa alkoħolika bil-volum hija indikata, ipprovduti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/13, huma rregolati mid-Direttiva 87/250, li l-Artikolu 3(1) tagħha, jipprovdi marġni ta’ tolleranza b’iktar jew b’anqas minn 0,3 %.

40     Jekk jirriżulta b’hekk mill-qari flimkien ta’ l-Artikoli 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2000/13 li t-tikkettjar ta’ ċerti xarbiet alkoħoliċi, bħal dik fil-kawża prinċipali, għandhom isemmu, b’eċċezzjoni għal ċertu marġni ta’ tolleranza, il-qawwa alkoħolika reali bil-volum tagħha, jibqa’ l-fatt li din id-direttiva, kuntrarjament għall-atti Komunitarji oħra li jimponu obbligu f’dak li jirrigwarda tikkettjar (ara, b’mod partikolari, id-direttiva fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto, C‑40/04, Ġabra p. I‑7755), ma ssemmix l-operatur li għandu jwettaq dan l-obbligu f’materja ta’ tikkettjar u ma fihx regoli għan-nomina ta’ l-operatur li jista’ jitqies li huwa responsabbli fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-imsemmi obbligu.

41     Għaldaqstant, ma jirriżultax mill-ifformular ta’ l-Artikoli 2, 3 u 12, u lanqas minn dak ta’ dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2000/13 li, bis-saħħa ta’ din id-Direttiva, l-obbligu f’materja ta’ tikkettjar in kwistjoni jkun, kif tippretendi Lidl Italia, esklużivament impost fuq il-manifattur ta’ xarbiet alkoħoliċi bħal dawn jew li din id-direttiva teskludi li d-distributur għandu jinżamm responsabbli fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-istess obbligu.

42     Barra minn dan, skond ġurisprudenza kostanti, hemm lok, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt Komunitarju, li jiġu kkunsidrati mhux biss it-termini tagħhom, iżda wkoll ta’ l-ekonomija ġenerali, tal-kuntest u ta’ l-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħha jiffurmaw parti (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1997, Dega, C-83/96, Ġabra p. I-5001, punt 15, u tat-13 ta’ Novembru 2003, Granarolo, C-294/01, Ġabra p. I-13429, punt 34).

43     Issa, eżami ta’ l-ekonomija ġenerali ta’ l-Artikoli 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2000/13, tal-kuntest li fih ġew stabbiliti kif ukoll ta’ l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva juri indizji suffiċjenti konkordanti li jippermettu li jiġi konkluż li dan ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li distributur jista’ jitqies responsabbli ta’ ksur ta’ l-obbligu fir-rigward ta’ tikkettjar li jimponu dawn id-dispożizzjonijiet.

44     Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-ekonomija ġenerali ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/13 u fil-kuntest li fih ġew stabbiliti, għandu jingħad li dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-Direttiva jirreferu għad-distributuri fil-kuntest tat-twettiq ta’ ċertu obbligi fir-rigward tat-tikkettjar.

45     Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-punt 7 ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, li jinkludi fost l-indikazzjonijiet obbligatorji tat-tikkettjar "l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-manifattur jew ta’ dak li jippakkja, jew tal-bejjiegħ stabbilit fil-Komunità".

46     Fir-rigward tad-dispożizzjoni identika għal dik fil-punt 7, fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1978, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-tikkettjar u l-preżentazzjoni ta’ prodotti ta’ l-ikel iddestinati għall-konsumatur finali kif ukoll ir-reklamar magħmul fir-rigward tagħhom (ĠU L 33, 1979, p. 1), direttiva mħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2000/13, il-Qorti tal-Ġustizzja ġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni għandha bħala għan prinċipali li tippermetti li r-responsabbli tal-prodott, li fosthom, minbarra l-manifatturi u dawk li jippakkjaw, hemm ukoll il-bejjiegħa, ikunu faċilment identifikabbli mill-konsumatur finali sabiex ikun jista’, jekk ikun il-każ, jindirizza lilhom l-opinjonijiet pożittivi jew negattivi li jirrigwardaw il-prodott mixtri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dega, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 17 u 18).

47     It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-għan tad-Direttiva 2000/13, jirriżulta kemm mis-sitt premessa ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-Artikolu 2 tagħha li din id-direttiva ddaħħlet sabiex tinforma u tipproteġi lill-konsumatur finali tal-prodotti ta’ l-ikel, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda n-natura, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza u l-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti (ara, fir-rigward tad-Direttiva 79/112, is-sentenza Dega, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 16).

48     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk qasam mhuwiex irregolat minn direttiva minħabba l-armonizzazzjoni inkompluta li tinvolvi, l-Istati Membri fil-prinċipju jibqgħu kompetenti biex jistipolaw regoli f’dan il-qasam, bil-kundizzjoni madankollu li regoli bħal dawn ma jkunux ta’ natura li serjament jikkompromettu r-riżultat stipulat mid-direttiva in kawża (sentenza Granarolo, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 45).

49     Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, fil-każ ta’ ksur ta’ obbligu f’materja ta’ tikkettjar li timponi d-Direttiva 2000/13, ir-responsabbiltà mhux biss tal-manifattur iżda wkoll tad-distributuri mhijiex ta’ natura li tikkomprometti r-riżultat stipulat minn din id-direttiva.

50     Għall-kuntrarju, tali leġiżlazzjoni, sa fejn tagħti definizzjoni wiesgħa taċ-ċirku ta’ l-operaturi li jistgħu jitqiesu responsabbli għall-ksur ta’ l-obbligi f’dak li jirrigwarda t-tikkettjar skond id-Direttiva 2000/13, hija manifestament ta’ natura li jikkontribwixxi għall-ksib ta’ l-għan ta’ informazzjoni u ta’ protezzjoni tal-konsumatur finali tal-prodotti ta’ l-ikel li tfittex din id-direttiva.

51     Din il-konklużjoni ma tistax tinbidel mill-argument, imqajjem minn Lidl Italia kemm quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li d-dritt Komunitarju jimponi l-prinċipju tar-responsabbiltà esklużiva tal-manifattur f’dak li jirrigwarda l-eżattezza ta’ l-informazzjoni li tidher fuq it-tikkettjar tal-prodotti li għandhom jitqassmu lill-konsumatur finali, prinċipju li wkoll jirriżulta mid-Direttiva 85/374.

52     F’dan ir-rigward, għandu jiġi l-ewwel nett ikkonstatat li d-dritt Komunitarju ma jistabbilixxix prinċipju ġenerali bħal dan.

53     Għall-kuntrarju, anki jekk ir-Regolament Nru 178/2002 mhuwiex applikabbli ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, bit-titolu "Responsabbiltajiet", li l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel u l-għalf f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar, u tqassim fin-negozji taħt il-kontroll tagħhom għandhom jiżguraw li l-ikel ikun jissodisfa l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel li huma rilevanti għall-attivitajiet tagħhom u għandhom jivverifikaw li dawk il-ħtiġijiet jitħarsu.

54     Għaldaqstant, fir-rigward tad-Direttiva 85/374, għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva mhijiex rilevanti fil-kuntest ta’ sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

55     Fil-fatt, ir-responsabbiltà tad-distributur minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tikkettjar tal-prodotti ta’ l-ikel, li tesponi lid-distributur b’mod partikolari għall-ħlas ta’ multa amministrattiva, ma tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni speċifiku tas-sistema ta’ responsabbiltà mingħajr ħsara stabbilita mid-Direttiva 85/374.

56     Għaldaqstant, il-prinċipji eventwali f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà li tinvolvi d-Direttiva 85/374 mhumiex applikabbli fil-kuntest ta’ obbligi li jirrigwardaw it-tikkettjar li tipprovdi d-Direttiva 2000/13.

57     F’kull każ, id-id-Direttiva 85/374 tipprovdi, fl-Artikolu 3(3) tagħha, responsabbiltà, minkejja li hija limitata, tal-fornitur, fl-ipoteżi biss fejn il-produttur ma jistax jiġi identifikat (sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C-402/03, Ġabra p. I-199, punt 34).

58     Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 10 KE, filwaqt li jżommu l-għażla tal-pieni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw b’mod partikolari li l-ksur tad-dritt Komunitarju jiġi ssanzjonat taħt kundizzjonijiet, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, li jkunu analogi għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali ta’ natura u ta’ importanza simili u li, f’kull każ, jiżguraw li l-piena tkun ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59     Fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju, huwa fil-prinċipju d-dritt nazzjonali li għandu jistabbilixxi r-regoli li skond dawn distributur jista’ jitqies responsabbli ta’ ksur ta’ l-obbligu fir-rigward ta’ tikkettjar li jimponu l-Artikoli 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2000/13 u, b’mod partikolari, li jirregola t-tqassim tar-responsabbilitajiet rispettivi ta’ l-operaturi differenti li jieħdu sehem fit-tqegħid fis-suq tal-prodott ta’ l-ikel ikkonċernat.

60     Fid-dawl ta’ dak kollu msemmi iktar ‘il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 2, 3 u 12 tad-Direttiva 2000/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-possibbiltà għal operatur, stabbilit f’dan l-Istat Membru, distributur ta’ xarba alkoħolika li għandha titqassam, skond l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, u mmanifatturata minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, li jitqies li huwa responsabbli ta’ ksur ta’ din il-liġi, ikkonstatata minn awtorità pubblika, li tirriżulta mill-ineżattezza tal-qawwa alkoħolika bil-volum indikata mill-manifattur fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott, u li konsegwentement jiġi ssanzjonat b’multa amministrattiva, anki jekk huwa, fil-kwalità sempliċi tiegħu ta’ distributur, jikkummerċjalizza biss dan il-prodott hekk kif mqassam lilu mill-manifattur.

 Fuq l-ispejjeż

61     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 2, 3 u 12 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/13/KE ta’ [l-]20 [ta’] Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ prodotti ta’ l-ikel, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux liġi ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi l-possibbiltà għal operatur, stabbilit f’dan l-Istat Membru, distributur ta’ xarba alkoħolika li għandha titqassam, skond l-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, u mmanifatturata minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor, li jitqies li huwa responsabbli ta’ ksur ta’ din il-liġi, ikkonstatata minn awtorità pubblika, li tirriżulta mill-ineżattezza tal-qawwa alkoħolika bil-volum indikata mill-manifattur fuq it-tikketta ta’ dan il-prodott, u li konsegwentement jiġi ssanzjonat b’multa amministrattiva, anki jekk huwa, fil-kwalità sempliċi tiegħu ta’ distributur, jikkummerċjalizza biss dan il-prodott hekk kif mqassam lilu mill-manifattur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top