EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0222

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tas-7 ta' Ġunju 2007.
J. van der Weerd et. (C-222/05), H. de Rooy sr. u H. de Rooy jr. (C-223/05), Maatschap H. en J. van ’t Oever et. (C-224/05) u B. J. van Middendorp (C-225/05) vs Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit.
Talba għal deċiżjoni preliminari: College van Beroep voor het bedrijfsleven - l-Olanda.
Agrikoltura - Kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer -Direttiva 85/511/KEE- Imqajma ex ufficio mill-qorti nazzjonali ta' dritt Komunitarju - Awtonomija proċedurali - Prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività.
Każijiet Magħquda C-222/05 sa C-225/05.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:318

Kawżi magħquda C-222/05 sa C-225/05

J. van der Weerd et

vs

Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula

mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven)

“Agrikoltura — Kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer — Direttiva 85/511/KEE — Kwistjoni ta’ dritt Komunitarju mqajma ex officio mill-qorti nazzjonali — Awtonomija proċedurali — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Sommarju tas-Sentenza

1.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti

(Artikolu 234 KE)

2.        Dritt Komunitarju – Rikorsi ġudizzjarji – Modalitajiet proċedurali nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 85/511, kif emendata bid-Direttiva 90/423, Artikoli 11 u 13)

1.        Il-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-imħallef nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li huwa jiddefinixxi fuq responsabbiltà tiegħu, u li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali mhijiex possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba mgħandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha. Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax titneħħa mis-sempliċi ċirkustanza li waħda mill-partijiet tal-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti, li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett fil-kawża.

(ara l-punti 22-23.)

2.        Id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali, fi proċedura ġudizzjarja li tikkonċerna l-legalità ta’ att amministrattiv fir-rigward tal-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 11 u 13 tad-Direttiva 85/511, li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 90/423/KEE, li tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, peress li la l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġuha.

3.        Minn naħa, fil-fatt, rigward il-prinċipju ta’ ekwivalenza, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttiva la jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jinbdew il-proċeduri ta’ kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u lanqas l-awtoritajiet li huma kompetenti, f’tali kuntest, li jiffissaw il-portata ta’ drittjiet u obbligi tal-partijiet, b’mod li ma jistgħux jitqiesu ekwivalenti għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, li huma l-bażi stess tal-proċeduri nazzjonali peress li huma jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jinbdew dawn ta’ l-aħħar u l-awtoritajiet li huma kompetenti, fil-kuntest tagħhom, sabiex jiddeterminaw il-portata tad-drittijiet u ta’ l-obbligi ta’ l-individwi. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li timpedixxi lill-qrati nazzjonali li jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobblighom jirrinunzjaw għar-rwol passiv impost fuqhom, billi jmorru lil hinn mil-limiti tal-kawża ddefiniti mill-partijiet u billi jibbażaw ruħom fuq fatti u ċirkustanzi diversi minn dawk li fuqhom il-parti li għandha interess li tapplika l-imsemmija dispożizzjonjiet ibbażat it-talba tagħha. F’din il-proċedura, il-prinċipju ta’ effettività ma jimponix dmir fuq il-qrati nazzjonali li jqajmu motiv ibbażat fuq dispożizzjoni Komunitarja ex officio, indipendentement mill-importanza tagħha għall-ordinament ġuridiku Komunitarju, meta l-partijiet jingħataw opportunità ġenwina li jqajmu motiv ibbażat fuq id-dritt Komunitarju quddiem qorti nazzjonali.

(ara l-punti 29-31, 36, 41-42 u disp.)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Ġunju 2007 (*)

“Agrikoltura – Kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer – Direttiva 85/511/KEE – Kwistjoni ta’ dritt Komunitarju mqajma ex officio mill-qorti nazzjonali – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ”

Fil-kawżi magħquda C‑222/05 sa C‑225/05,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-17 ta’ Mejju 2005, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Mejju 2005, fil-proċeduri

J. van der Weerd,

Maatschap Van der Bijl,

J. W. Schoonhoven (C-222/05),

H. de Rooy sr.,

H. de Rooy jr. (C-223/05),

Maatschap H. en J. van’t Oever,

Maatschap F. van’t Oever en W. Fien,

B. van’t Oever,

Maatschap A. en J. Fien,

Maatschap K. Koers en J. Stellingwerf,

H. Koers,

Maatschap K. en G. Polinder,

G. van Wijhe (C-224/05),

B. J. van Middendorp (C-225/05) 

vs

Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, E. Juhász, R. Silva de Lapuerta, J. Malenovský (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Diċembru 2006,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal J. van der Weerd, Maatschap Van der Bijl u J.W. Schoonhoven, Maatschap H. en J. van’t Oever, Maatschap F. van’t Oever en W. Fien, B. van’t Oever, Maatschap A. en J. Fien, Maatschap K. Koers en J. Stellingwerf, H. Koers, Maatschap K. en G. Polinder u G. van Wijhe, minn A. van Beek u G. de Jager, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. ten Dam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli‑Surrans, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher, M. van Heezik u T. van Rijn, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-1 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju dwar is-setgħa tal-qorti nazzjonali li tevalwa ex officio l-kompatibbiltà ta’ att amministrattiv mad-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE tat-18 ta’ Novembru 1985, li tintroduċi miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer (ĠU L 315, p. 11), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 90/423/KEE, tas-26 ta’ Ġunju 1990 (ĠU L 224, p. 13, aktar ‘il quddiem id-“Direttiva 85/511”) u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn J. van der Weerd, Maatschap Van der Bijl, J.W. Schoonhoven, H. de Rooy sr. u H. de Rooy jr., Maatschap H. en J. van’t Oever, Maatschap F. van’t Oever en W. Fien, B. van’t Oever, Maatschap A. en J. Fien, Maatschap K. Koers en J. Stellingwerf, H. Koers, Maatschap K. en G. Polinder, G. van Wijhe u B.J. van Middendorp u l-Minister van Landbouw, Natuur en Voedselkwaliteit, dwar il-qatla ta’ l-annimali li jappartjenu lilhom.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva 85/511 tipprevedi miżuri Komunitarji ta’ kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer. Skond l-Artikolu 4 tagħha, hija timponi fuq l-Istati Membri li jassiguraw li, meta razzett ikollu fih annimal wieħed jew iktar issuspettati li huma infettati jew li huma mniġġsa bil-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, il-mezzi uffiċjali ta’ investigazzjoni sabiex tiġi kkonfermata jew eskluża l-preżenza tal-marda jiġu attivati minnufih u, b’mod partikolari, li l-veterinarju uffiċjali jieħu l-kampjuni meħtieġa, jew jara li jittieħdu, għall-eżami fil-laboratorju.

4        Barra minn dan, skond l-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li, malli jiġi kkonfermat li annimal wieħed jew iktar infettati fl-Artikolu 2(ċ) jinsabu f’razzett, l-awtorità kompetenti għandha ddaħħal il-miżuri previsti f’dan l-Artikolu, b’mod partikolari dawk li teżiġi li l-annimali kollha ta’ speċi suxxettibbli fir-razzett jinqatlu fil-post taħt superviżjoni uffiċjali b’tali mod li jiġi evitat kull riskju ta’ tixrid tal-virus ta’ l-ilsien u tad-dwiefer.

5        Jirriżulta mill-Artikolu 11(1) u 13(1) ta’ l-imsemmija Direttiva li l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-eżamijiet fil-laboratorju għall-iskoperta tal-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer u l-manipulazzjoni tal-virus ta’ l-ilsien u d-dwiefer għal riċerka, dijanjożi u/jew fabrikazzjoni ta’ vaċċini għandha titwettaq biss fi stabbilimenti approvati u laboratorji elenkati fil-listi li hemm fl-Annessi ta’ din l-istess Direttiva.

6        L-Anness B tad-Direttiva 85/511, intitolat “Laboratorji nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer”, fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jirreferi, fit-taqsima “Olanda”, għas-“Centraal Diergeneeskundig Instituut, Lelystad”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        L-Artikolu 8:69 tal-liġi ġenerali fuq il-proċeduri ġudizzjarji amministrattivi (Algemene Wet Bestuursrecht) jipprovdi:

“1.      Il-Qorti li quddiemha jitressqu l-proċedimenti għandha tiddeċiedi billi tibbaża ruħha fuq ir-rikors, id-dokumenti prodotti, l-istruttorja preliminari u l-eżami tal-kawża fis-seduta.

2.      Il-Qorti għandha tikkompleta ex officio l-motivi ta’ dritt.

3.      Il-Qorti tista’ tikkompleta l-fatti ex officio”.

8        Din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-proċeduri li jsiru quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven skond l-Artikolu 19(1) tal-liġi ta’ rikors amministrattiv fil-qasam ekonomiku (Wet bestuursrechtspraak bedrijfsorganisatie).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Fi Frar 2001, ġiet iddikjarata epidemija tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fl-Olanda. F’dak iż-żmien, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jrabbu l-bhejjem fejn jinsabu annimali bid-difer maqsum. L-irziezet kienu jinsabu inqas minn 2 km mill-irziezet li kienu ġew iddikjarati infettati mill-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer mid-direttur tar-Rijksdienst voor de keuring van Vee en Vlees (id-dipartiment nazzjonali ta’ stħarriġ ta’ frat u tal-laħam, aktar ‘il quddiem ir-“RVV”). Dan ta’ l-aħħar kien ibbaża ruħu f’dan ir-rigward fuq ir-riżultat ta’ eżamijiet mwettqa mil-laboratorju ID-Lelystad BV (aktar ‘il quddiem “ID-Lelystad”), ikkomunikati b’fax u li jgħid li l-kampjuni meħuda fl-irziezet infettati kienu rriżultaw pożittivi.

10      Wara l-konstatazzjoni tal-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, id-direttur tar-RVV ħa fil-konfront tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali deċiżjonijiet li bihom l-annimali kollha bid-difer maqsum fl-irziezet tagħhom kellhom jitqiesu ssuspettati li kienu kkontaminati, minħabba li, peress li każ tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer kien ġie kkonstatat fil-qrib tagħhom, ma setax jiġi eskluż li l-annimali li kien hemm f’dawn l-irziezet setgħu kienu kkontaminati b’din il-marda.

11      B’dawn l-istess deċiżjonijiet, id-direttur tar-RVV nnotifika lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ċertu numru ta’ miżuri intiżi għall-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u għall-prevenzjoni tat-tixrid tagħha, fosthom it-tilqim u l-qatla ta’ l-annimali kollha bid-difer maqsum li kienu jinsabu fl-irziezet tagħhom. Għalhekk, dawn l-annimali kienu ġew mlaqqma mbagħad maqtula.

12      Wara li ressqu lmenti kontra l-imsemmija deċiżjonijiet lid-Direttur tar-RVV li ċaħadhom bħala infondati, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjonijiet sfavorevoli meħuda mill-imsemmi direttur.

13      Sabiex jikkontestaw il-legalità tad-dikjarazzjoni ta’ suspett tal-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u, għalhekk, tad-deċiżjonijiet tad-direttur tar-RVV, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu motivi bbażati b’mod partikolari fuq il-fatt li l-amministrazzjoni kienet interpretat b’mod żbaljat id-definizzjoni ta’ l-annimal suspettat li huwa infettat, is-sinjali kliniċi tal-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u l-proċeduri applikabbli waqt it-teħid tal-kampjuni tad-demm.

14      Il-qorti tar-rinviju ċaħdet dawn il-motivi kollha. Madankollu, hija rrilevat li, fil-kawżi simili pendenti quddiemha, li taw lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et (C‑28/05, Ġabra p. I‑5431), il-legalità ta’ deċiżjonijiet simili kienu ġew ikkontestati b’motivi oħrajn li ma tqajmux mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

15      B’dawn il-motivi, kien ġie sostnut li d-direttur tar-RVV ma setax jieħu l-miżuri ta’ kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer abbażi ta’ riżultat ta’ eżamijiet magħmula mill-ID-Lelystad peress li din ta’ l-aħħar ma kinitx awtorizzata mid-Direttiva 85/511 biex twettaqhom. Barra minn hekk, id-direttur ma setax jibbaża l-miżuri tiegħu ta’ kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer esklużivament fuq il-kontenut tal-fax li ntbagħtet mill-ID-Lelystad, li ħabbret ir-riżultati ta’ l-eżamijiet tal-laboratorju. Huwa kellu jitlob il-fajl stabbilit minn dan il-laboratorju, jeżaminah u jivverifika jekk dawn l-eżamijiet twettqux sew.

16      Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven tikkonstata li dawn il-motivi jistgħu wkoll ikollhom influwenza fuq is-soluzzjoni ta’ dawn il-kawżi prinċipali. Madankollu, peress li dawn il-motivi ma tqajmux quddiemha, ir-regoli tal-proċedura nazzjonali jipprekludu t-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom. Jirriżulta mill-Artikolu 8:69 tal-liġi ġenerali fuq il-proċeduri ġudizzjarji amministrattivi li l-qorti tista’ tiddeċiedi biss fuq punti tal-kawża li jkunu ġew sottomessi lilha. Għalkemm huwa veru li l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jistabbilixxi li l-qorti għandha tikkompleta ex officio l-motivi ta’ dritt, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti għandha tipproċedi sabiex tqiegħed l-ilmenti li r-rikorrenti jagħmel kontra l-att amministrattiv kkontestat f’forma ġuridika. Hemm lok li ssir distinzjoni bejn dan l-obbligu li tikompleta ex officio l-imsemmija motivi u l-evalwazzjoni li l-qorti għandha twettaq minn rajha. Din ta’ l-aħħar hija meħtieġa biss fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ regoli ta’ ordni pubbliku, jiġifieri dawk relatati mas-setgħat ta’ organi amministrattivi u dawk tal-qorti stess kif ukoll id-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ ammissibbiltà.

17      Il-qorti tar-rinviju ssaqsi madankollu jekk hijiex, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, marbuta li tieħu in kunsiderazzjoni argumenti bbażati fuq dan id-dritt li ma kinux invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, titqajjem il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali, li timplika li l-qorti ma tistax tevalwa motivi li jmorru lil hinn mill-kuntest tal-kawża, tagħmilx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Id-dritt Komunitarju jeżiġi li jsir stħarriġ ex officio – jiġifieri stħarriġ eżerċitat skond kriterji mhux inklużi fil-kuntest oriġinali tal-kawża – skond kriterji meħuda mid-Direttiva 85/511/[…]?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda:

         L-obbligu impost fuq l-Istati Membri, abbażi tad-dispożizzjoni ta’ l-ewwel inċiż ta’ Artikolu 11(1), flimkien mad-diżposizzjoni tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 13(1) Direttiva 85/511[...], li jassiguraw li eżamijiet fil-laboratorju għall-iskoperta tal-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u tad-dwiefer, għandu jitwettaq biss fil-laboratorju msemmi fl-Anness B ta’ din id-Direttiva għandu effett dirett?

3)      a)     L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 85/511[...] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jkun hemm konsegwenzi ġuridiki mill-fatt li l-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer tiġi kkonstatata minn laboratorju mhux imsemmi fl-Anmness B ta’ din id-Direttiva?

         b)     Jekk ir-risposta għad-domanda 3(a) hija pożittiva:

                  L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 85/511[...] għandu bħala għan li jħares l-interessi ta’ l-individwi bħala ma huma [ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali]? Jekk dan mhuwiex il-każ, dawn il-partijiet jistgħu jinvokaw ksur eventwali mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri ta’ l-obbligi li jirriżultawlhom minn din id-dispożizzjoni?

         c)     Jekk jirriżulta mir-risposta għad-domanda, 3(b), li l-individwi jistgħu jinvokaw l-Artikolu 11(l) tad-Direttiva 85/511[...]

                  Liema konsegwenzi ġuridiċi għandhom jiġi marbuta mal-konstatazzjoni tal-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer imwettqa minn laboratorju mhux imsemmi fl-Anness B ta’ din id-Direttiva?

4)      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 11 u 13 tad-Direttiva 85/511, hemm lok li l-Anness B tagħha jiġi interpretat fis-sens li r-referenza ‘Centraal Diergeneeskundig Instituut, Lelystad’ tista’ jew għandha tinkludi wkoll [ID-Lelystad]?

5)      Jekk jirriżulta mir-risposti għad-domandi preliminari li l-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer tista’ tiġi kkonstatata minn laboratorju mhux imsemmi fl-Anness B tad-Direttiva 85/511 jew li dan l-Anness għandu jiġi interpretat fis-sens li r-referenza ‘Centraal Diergeneeskundig Instituut, Lelystad’ tista’ jew għandha tinkludi [ID Lelystad]:

         Hemm lok li d-Direttiva 85/511[...] tiġi interpretata fis-sens li hija tiddisponi li organu amministrattiv nazzjonali awtorizzat li adotta deċiżjonijiet huwa marbut bir-riżultati ta’ eżamijiet imwettqa minn laboratorju mniżżel fl-Anness B ta’ din id-Direttiva jew, jekk jirriżulta li r-risposta għad-domanda 3(a), li dan l-organu amministrattiv jista’ jibbaża l-miżuri sabiex tinqered il-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fuq ir-riżultati miksuba minn laboratorju mhux imniżżel fl-Anness B tad-Direttiva, mir-riżultati ta’ dan l-aħħar laboratorju, jew id-determinazzjoni mill-awtorità għandha l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istat Membru b’mod li l-Qorti li quddiemha tinsab il-kawża prinċipali għandha teżamina jekk ir-regoli f’dan ir-rigward japplikawx independentement mill-fatt li l-eżamijiet tal-laboratorju jsiru abbażi ta’ obbligu ta’ dritt Komunitarju jew nazzjonali, u jekk l-applikazzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali ma jirrendix l-applikazzjoni tar-Regoli Komunitarji eċċessivament diffiċli jew prattikament impossibbli?

6)      Jekk jirriżulta li mir-risposta għall-ħames domanda li d-Direttiva 85/511[...] tirregola safejn l-awtortajiet nazzjonali jkunu marbuta mir-riżultati tal-laboratorju:

         L-awtoritajiet nazzonjali huma inkundizzjonatament marbuta bir-riżultati li jirriżultaw minn eżami tal-laboratorju intiż li jindika l-preżenza tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer? Jekk dan mhuwiex il-każ, liema marġni ta’ diskrezzjoni tħallilhom id-Direttiva 85/511?”

19      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Lulju 2005, il-kawżi C-222/05 sa C-225/05 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt Komunitarju jimponix fuq il-qorti nazzjonali, fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipproċedi għal stħarriġ ex officio tal-legalità ta’ att amministrattiv fir-rigward tal-motivi bbażati fuq ksur ta’ l-Artikolu 11 u 13 tad-Direttiva 85/511.

 Fuq l-ammissibbiltà

21      J. van der Weerd, Maatschap Van der Bijl, J.W. Schoonhoven, Maatschap H. en J. van’t Oever, Maatschap F. van’t Oever en W. Fien, B. van’t Oever, Maatschap A. en J. Fien, Maatschap K. Koers en J. Stellingwerf, H. Koers, Maatschap K. en G. Polinder u G. van Wijhe (aktar ‘il quddiem “J. van der Weerd et”) jikkontestaw l-iżvolġiment tal-proċedura segwita quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma jsostnu li huma invokaw id-Direttiva 85/511 quddiem din ta’ l-aħħar u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax għalhekk teżamina l-ewwel domanda.

22      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Imħallef nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li huwa jiddefinixxi fuq responsabbiltà tiegħu, u li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara s-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, Ġabra p. I‑4899, punti 29 u 31). Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali mhijiex possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 39, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C‑466/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).

23      Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax titneħħa mis-sempliċi ċirkustanza li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti, li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett fil-kawża (sentenza Cipolla et, iċċitata aktar ‘il quddiem, punt 26).

24      F’din il-kawża, J. van der Weerd et isostnu li l-qorti tar-rinviju kienet, b’mod żbaljat, qieset li l-motivi bbażati fuq ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 85/511 ma tqajmux quddiemha. Issa, dan jirrigwarda preċiżament fatt li m’huwiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverika l-eżattezza tiegħu.

25      Għalhekk l-argumentazzjoni ta’ J. van der Weerd et ma tistax tiġi milqugħa.

26      Dan jgħodd bl-istess mod għall-argumenti mqajma fis-seduta mill-Kummissjoni li ddubitat il-bżonn, mill-qorti tar-rinviju, li tagħmel l-ewwel domanda fid-dawl tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dokter et, iċċitata aktar ‘il fuq. Fil-fatt, din is-sentenza ma rrendietx, b’mod manifest, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi irrilevanti fir-rigward tad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju kellha tieħu.

27      Għalhekk, hemm lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tirrispondi għall-ewwel domanda.

 Fuq il-mertu

28      Jirriżulta mill-ġurisprudenza li fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fis-suġġett, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Van Schijndel u van Veen, C‑430/93 u C‑431/93, Ġabra p. I‑4705, punt 17, u tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-129/00, Ġabra p. I-14637, punt 25).

29      Rigward il-prinċipju ta’ ekwivalenza, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-College van Beroep voor het bedrijfsleven hija kompetenti li tqajjem ex officio motivi bbażati fuq ksur ta’ regoli ta’ ordni pubbliku, li skond id-dritt Olandiż huma relatati għas-setgħat ta’ organi amministrattivi u tal-qorti stess kif ukoll id-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ l-ammissibbiltà. L-imsemmija regoli huma l-bażi stess tal-proċeduri nazzjonali, peress li huma jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jinbdew dawn ta’ l-aħħar u l-awtoritajiet li huma kompetenti, fil-kuntest tagħhom, sabiex jiddeterminaw il-portata tad-drittijiet u ta’ l-obbligi ta’ l-individwi.

30      Issa, id-dispożizzjonijiet dwar id-Direttiva 85/511 ma għandhomx, fi ħdan l-ordinament ġuridiku Komunitarju, pożizzjoni simili. Huma la jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jinbdew il-proċeduri ta’ kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer u lanqas l-awtoritajiet li huma kompetenti, f’tali kuntest, sabiex jiffissaw il-portata ta’ drittjiet u obbligi tal-partijiet.

31      B’hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jitqiesu li huma ekwivalenti għar-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku msemmija hawn fuq. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jimplikax, f’dawn il-kawżi, li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tipproċedi ex officio għal stħarriġ tal-legalità ta’ l-atti amministrattivi kkonċernati skond kriterji meħuda mid-Direttiva 85/511.

32      Barra minn hekk, għalkemm dawn id-dispożizzjoniet jaqgħu taħt il-politika ta’ saħħa pubblika, huma ġew invokati, fil-kawżi prinċipali, essenzjalment sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-interessi privati ta’ l-individwi suġġetti għall-miżuri ta’ kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer.

33      Għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kull każ, fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija lil individwi mill-ordinament ġuridiku Komunitarju, għandu jiġi analizzat billi jittieħed in kunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżolgiment tagħha, u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom huwa msejjes l-ordinament ġuridiku nazzjonali, bħalma huma l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza ġuridika u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 14, kif ukoll Van Schijndel u van Veen, iċċitata bil-quddiem, punt 19).

34      Fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Van Schijndel u van Veen, iċċitati aktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kompatibbiltà tal-prinċipju ta’ effettività ma’ prinċpju ta’ dritt nazzjonali li jgħid li s-setgħa ta’ qorti li tqajjem ex officio motivi, fi proċedura nazzjonali, hija limitata mill-obbligu tagħha li żżomm mas-suġġett tal-kawża u li tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-fatti li kienu ġew ippreżentati quddiemha.

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li din il-limitazzjoni tas-setgħa tal-qorti nazzjonali hija ġġustifikata bil-prinċipju li jgħid li l-inizjattiva ta’ proċess tappartjeni lill-partijiet u li, għalhekk, il-qorti ma tistax taġixxi ex officio ħlief f’każijiet eċċezzjonali, fl-interess pubbliku. Dan il-prinċipju jħares id-drittijiet tad-difiża u jassigura l-iżvolġiment korrett tal-proċedura, b’mod partikolari, billi tipproteġihom minn dewmien inerenti fl-evlawazzjoni ta’ motivi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van Schijndel u van Veen, iċċitata aktar ‘il quddiem, punt 21).

36      Billi bbażat ruħha dak li ntqal qabel, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li timpedixxi lill-qrati nazzjonali milli jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, meta l-eżami ta’ dan il-motiv tobblighom jirrinunzjaw għar-rwol passiv impost fuqhom, billi jmorru lil hinn mil-limiti tal-kawża ddefiniti mill-partijiet u billi jibbażaw ruħom fuq fatti u ċirkustanzi diversi minn dawk li fuqhom il-parti li għandha interess li tapplika l-imsemmija dispożizzjonjiet ibbażat it-talba tagħha (ara s-sentenza Van Schijndel u van Veen, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 22).

37      F’din il-kawża, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven indikat li l-proċedura segwita quddiemha mhijiex differenti, fuq dan il-punt, minn dik in kwistjoni fis-sentenza Van Schijndel u van Veen, iċċitata aktar ‘il fuq. B’mod partikolari, l-eżami ex officio tal-motivi mhux invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jażbqu l-limiti tal-kawża kif tressqet quddiemha. Dawn iż-żewġ proċeduri huma differenti biss safejn, f’din il-kawża, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven mhijiex qed tiddeċiedi fl-aħħar istanza, bħal fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, iżda fl-ewwel u l-aħħar istanza.

38      Issa, din iċ-ċirkustanza biss ma tpoġġix il-partijiet fil-kawża prinċipali f’sitwazzjoni partikolari li tista’ tpoġġi fid-dubju l-prinċipji msemmija hawn fuq. Hija ma tistax għalhekk twassal għal konklużjoni differenti minn dik li waslet għaliha f’Van Schijndel u van Veen, iċċitata aktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-imsemmija ċirkustanza ma taffettwax il-fatt li, fil-kuntest imsemmi fil-punt preċedenti, it-teħid in kunsiderazzjoni ex officio, mill-qorti tar-rinviju, ta’ motivi mhux invokati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, jista’, bħal fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, jikser id-drittijiet tad-difiża jew l-iżvolġiment korrett tal-proċedura, u b’mod partikolari, jista’ jwassal għal dewmien inerenti fl-evalwazzjoni ta’ motivi ġodda.

39      Dan ir-riżultat ma jistax jitqiegħed in kwistjoni mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Peterbroeck, iċċitata aktar ‘il fuq; ta’ l-1 ta’ Gunju 1999, Eco Swiss (C-126/97, Ġabra p. I-3055), tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C-240/98 sa C-244/98, Ġabra p. I-4941), tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis (C-473/00, Ġabra p. I-10875) u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, (C-168/05, Ġabra p. I-10421).

40      Il-ġurisprudenza ċċitata aktar ‘il fuq mhijiex rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, minn naħa, hija tista’ tiġi kkaratterizzata miċ-ċirkustanzi proprji tal-kawża li wasslu għat-tneħħija tal-possibbiltà tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jinvoka utilment l-inkompattibbilità ta’ dispożizzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Peterbroeck, iċċitata aktar ‘il fuq, punti 16 et seq). Min-naħa l-oħra, hija ġġustifikata mill-bżonn li jiġi assigurat li l-konsumatur jingħata l-ħarsien effettiv intiż mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, p.29) (ara s-sentenzi ċċitati aktar ‘il fuq Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, punt 26; Cofidis, punt 33, kif ukoll Mostaza Claro, punt 29). Barra minn hekk, hija ma tistax tiġi invokata utilment fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ ksur tal-prinċipju ta’ effettività peress li hija tipproċedi għal evalwazzjoni ta’ l-ekwivalenza tat-trattament ta’ motivi bbażati fuq id-dritt nazzjonali u ta’ dawk ibbażati fuq id-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Eco Swiss, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 37).

41      Minn dan li ntqal qabel jirriżulta li l-prinċipju ta’ effettività ma jimponix, f’kawżi bħal dawk fil-kawża prinċipali, dmir fuq il-qrati nazzjonali li jqajmu motiv ibbażat fuq dispożizzjoni Komunitarja ex officio, indipendentement mill-importanza tagħha għall-ordinament ġurdiku Komunitarju, meta l-partijiet jingħataw opportunità ġenwina li jqajmu motiv ibbażat fuq id-dritt Komunitarju quddiem qorti nazzjonali. Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellhom l-opportunità ġenwina li jqajmu motiv ibbażat fuq id-Direttiva 85/511, il-prinċipju ta’ effettività ma jimponix fuq il-qorti tar-rinviju li teżamina ex officio l-motiv ibbażat fuq l-Artikoli 11 u 13 ta’ din id-Direttiva.

42      Fid-dawl ta’ dak li ngħad qabel, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt Komunitarju ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali, fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, li tqajjem ex officio motiv ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, peress li la l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġuha.

 Fuq id-domandi l-oħrajn

43      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta lid-domandi l-oħrajn li saru biss fil-każ fejn l-qorti tar-rinviju tkun obbligata tieħu in kunsiderazzjoni ex officio l-motivi mhux invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

Id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali, fi proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, li tqajjem ex officio motiv ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, peress li la l-prinċipju ta’ ekwivalenza u lanqas il-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġuha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top