EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CC0328

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mazák - 18 ta' Jannar 2007.
SGL Carbon AG vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Appell - Kompetizzjoni - Akkordju - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi - Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni - Prinċipju ta’ non bis in idem.
Kawża C-328/05 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:34

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JÁN MAZÁK

ippreżentati fit-18 ta’ Jannar 2007 1(1)

Kawża C-328/05 P

SGL Carbon AG

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Kompetizzjoni – Grafita Speċjali – Non bis in idem”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan l-appell, il-kumpannija Ġermaniża SGL Carbon AG (’SGL’) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta’ Ġunju 2005 fil-kawżi magħquda T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03 Tokai et vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej(2) (is-“sentenza kkontestata”) safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha għal annullament fil-kawża T-91/03 mressqa kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 5083 finali tas-17 ta’ Diċembru 2002 (“id-deċiżjoni kkontestata”) li tirrigwarda proċediment skond l-Artikolu 81 KE.

2.        Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari naqset il-multa imposta fuq SGL fir-rigward tal-ksur li sar fis-settur tal-grafita iżostatika u ċaħdet il-bqija tar-rikors.

3.        Fir-rigward tal-fatti li wasslu għalih u l-argumenti mressqa, dan l-appell huwa relatat mill-viċin ma’ l-appell imressaq fil-kawża C-308/04 P, li tikkonċerna multi imposti mill-Kummissjoni għall-parteċipazzjoni f’sensiela ta’ akkordji u prattiċi miftiehma fis-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita. Din il-kawża ġiet deċiża b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006(3).

II – Il-kuntest legali

A –    Regolament Nru 17

4.        L-Artikolu15 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962: L-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat(4) (‘Regolament Nru 17’) jipprovdi li:

“1. Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi minn 100 sa 5000 unit[à] ta’ rendikont fejn, intenzjonalment jew b’ negliġenza:

[…]

(b) dawn ifornu informazzjoni skorretta fir-risposta għat-talba magħmula skond l-Artikolu 11(3) jew (5),

[…]

2. Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ [i]mpriżi multi minn 1 000 sa 1 000 000 unit[à] ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % ta[d-dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

(a) dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat, […]

[…]

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravit[à] kif ukoll id-dewmien tal-ksur.

[…] ”

B –    Il-Linji Gwida

5.        Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘Linji gwida dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA’(5) (‘il-Linji Gwida’) tgħid fil-preambolu tagħha:

“Il-prinċipji ndikati […] għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi [aggravanti] jew imnaqqsa biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċirkustanzi [attenwanti]”.

C –    Il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni

6.        Fil-komunikazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji(6) (il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”), il-Kummissjoni ddefiniet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha waqt li tkun qed tinvestiga akkordju, jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis fil-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.

7.        Il-punt 5 tat-titolu A ta’ din il-komunikazzjoni tipprovdi li:

“Kooperazzjoni minn impriża hija biss waħda minn numru ta’ fatturi li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni meta tistabbilixxi l-ammont tal-multa. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        It-titolu C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni intitolat “Tnaqqis Sostanzjali ta’ Multa”, jipprovdi dan li ġej:

“Impriżi li jissoddisfaw kemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-inċiż (b) sa (e) tat-titolu B kif ukoll jiżvelaw l-akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni tkun għamlet investigazzjoni ordnata b’deċiżjoni, fl-uffiċċji tal-partijiet fl-akkordju, liema investigazzjoni tonqos milli tipprovdi raġunijiet suffiċjenti biex jinbeda l-proċediment li jwassal għal deċiżjoni, jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ bejn 50 sa 75 % mill-multa”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        Il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-titolu B, li għalihom jirreferi t-titolu C, huma fejn l-impriża in kwistjoni:

“a) tinforma lill-Kummissjoni dwar akkordju sigriet qabel ma’ l-Kummissjoni tkun għamlet investigazzjoni, ordnata b’deċiżjoni, ta’ l-impriżi involuti, sakemm ma jkollhiex informazzjoni suffiċjenti biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-akkordju li dwaru qed issir allegazzjoni;

b) tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi determinanti fuq l-eżistenza ta’ l-akkordju;

c) tkun waqfet il-parteċipazzjoni tagħha fl-attività illegali sa mhux aktar tard mill-mument li fih hija tiddenunzja l-akkordju;

d) tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha rilevanti, kif ukoll id-dokumenti kollha u l-provi li hija għandha fir-rigward ta’ l-akkordju u żżomm kooperazzjoni sħiħa, kontinwa u matul il-perijodu kollu ta’ l-investigazzjoni;

e) ma tkunx ġiegħlet lil impriża oħra tipparteċipa fl-akkordju u lanqas ma tkun ġabet ruħha bħala istigatriċi jew ikollha rwol determinanti fl-attività illegali”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      Skond il-punt 1 tat-titolu D, “[m]eta impriża tikkoopera mingħajr ma tissoddisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fit-titoli B jew C, hija tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 sa 50 % mill-multa li kienet tiġi imposta fuqha li kieku hija ma kkooperatx” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, skond il-punt 2 ta’ dan it-titolu, “[it]-tali każijiet jinkludu s-segwenti:

–        qabel ma tintbagħat komunikazzjoni ta’ lmenti, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu materjalment biex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur;

–        wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax sostanzjalment il-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-allegazzjonijiet tagħha”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

D –    Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

11.      L-Artikolu 4, tas-Seba’ Protokoll, tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jipprovdi dan li ġej:

“Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew li tingħata piena darbtejn

Ħadd ma jista’ jiġi pproċessat jew jerġa’ jingħata piena fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment illiberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti m’għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ l-Istat in kwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun hemm xi vizzju fundamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

12.      Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet sinteżi tal-fatti tal-kawża mressqa quddiemha kif ġej:

“1       Permezz tad-Deċiżjoni C(2002) 5083 finali […] il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ impriżi differenti f’sensiela ta’ ftehim u prattiċi miftiehma, skond l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (’ŻEE’)], fis-settur tal-grafita speċjali fil-perijodu ta’ bejn Lulju 1993 sa Frar 1998.

2      Għall-finijiet tad-Deċiżjoni, “grafita speċjali” tiddeskrivi sensiela ta’ prodotti tal-grafita, partikolarment grafita iżostatika, grafita estruża u grafita mmudellata li jintużaw għal skopijiet differenti. Dan ma jinkludix elettrodi tal-grafita li jagħmlu l-azzar.

3      Il-karatteristiċi mekkaniċi tal-grafita iżostatika huma superjuri għal dawk tal-grafita estruża u tal-grafita mmudellata u l-prezz ta’ kull kategorija tal-grafita jvarja skond il-karatteristiċi mekkaniċi tagħha. Il-grafita iżostatika tintuża, b’mod partikolari, għall-manifattura, b’makkinarju li jemetti l-elettriku, ta’ forom tal-metall għall-industriji tal-vetturi u ta’ l-elettronika. Tintuża wkoll għall-produzzjoni ta’ lwien għat-tidwib kontinwu ta’ metalli li mhumiex ħadid, bħar-ram jew liga tar-ram.

4      Id-differenza fl-ispiża tal-produzzjoni bejn il-grafita iżostatika u l-grafita estruża jew immudellata hija ta’ l-inqas 20 %. Ġeneralment, il-grafita estruża hija l-irħas u għaldaqstant tiġi magħżula jekk tilħaq il-bżonnijiet ta’ min jużaha. Prodotti estrużi jintużaw f’sensiela wiesgħa ta’ applikazzjonijiet industrijali, partikolarment fl-industriji tal-ħadid u ta’ l-azzar, ta’ l-aluminju u tal-kimika u fil-metallurġija.

5      Il-grafita mmudellata ġeneralment tintuża biss għall-produzzjoni fuq skala kbira, minħabba li hija normalment inferjuri għall-grafita estruża.

[…]

7      Id-deċiżjoni tikkonċerna żewġ akkordji separati, wieħed li jirrigwada s-suq tal-grafita iżostatika speċjali u l-ieħor għal grafita estruża speċjali. Ma kienx hemm prova ta’ ksur fir-rigward tal-grafita mmudellata. Dawn l-akkordji kienu jittrattaw prodotti speċifiċi ħafna, b’mod partikolari grafita f’forma ta’ blokok standard jew maqtugħin, iżda mhux prodotti mmakkinizzati, li jsiru skond il-ħtiġijiet tax-xerrej.

8      L-ikbar produtturi tal-grafita speċjalizzata fil-punent huma l-korporazzjonijiet multinazzjonali. […]

9      Meta ġiet adottata d-deċiżjoni, l-ikbar produtturi ta’ grafita iżostatika speċjali fil-Komunità/ŻEE kienu l-kumpannija Ġermaniża SGL Carbon AG (“SGL”) u l-kumpannija Franċiża Le Carbone-Lorraine SA (“LCL”). Il-kumpannija Ġappuniża Toyo Tanso Co. Ltd (“TT”) kienet it-tielet, segwita minn kumpanniji Ġappuniżi oħra, bħal Tokai Carbon Co. Ltd (“Tokai”), Ibiden Co. Ltd (“Ibiden”), Nippon Steel Chemical Co. Ltd (“NSC”) u NSCC Techno Carbon Co. Ltd (“NSCC”) u l-kumpannija Amerikana UCAR International Inc. (“UCAR”), li saret GrafTech International Ltd.

[…]

11      Il-parteċipanti prinċipali fis-suq dinji tal-grafita estruża kienu UCAR (40 %) u SGL (30 %). Fis-suq Ewropew kienu responsabbli għal żewġ terzi tal-bejgħ. Il-produtturi Ġappuniżi kollha kellhom madwar 10 % tas-suq dinji u 5 % tas-suq fil-Komunità. Il-proporzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti estrużi fil-forma ta’ blokok jew blokok maqtugħin (prodotti mhux immakkinizzati) kienet ta’ 20 sa 30 % għal UCAR u 40 sa 50 % għal SGL.

12      F’Ġunju 1997, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni fis-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita. L-investigazzjoni wasslet għad-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2001 dwar il-proċedura taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Każ COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-Grafita (ĠU 2002 L 100, p. 1). Waqt din l-investigazzjoni, UCAR ikkuntattat lill-Kummissjoni, fl-1999, biex tressaq talba abbażi tal-[komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni]. It-talba kienet tirrigwarda prattiċi antikompetittivi allegati fis-swieq tal-grafiti iżostatiċi u estrużi.

13      Abbażi tad-dokumenti mressqa minn UCAR, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni skond l-Artikolu 11 ta[r-Regolament Nru 17] lil SGL, Intech, Ibiden, Tokai u TT, fejn talbithom informazzjoni ddettaljata li tikkonċerna l-kuntatti mal-kompetituri tagħhom. Dawn il-kumpanniji kkuntattjaw il-Kummissjoni u esprimew l-intenzjoni tagħhom li jikkooperaw ma’ l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni.

14      Fl-Istati Uniti, inbdew proċeduri kriminali f’Marzu 2000 u fi Frar 2001 kontra sussidjarja ta’ LCL u sussidjarja ta’ TT talli pparteċipaw f’akkordju illegali fis-suq tal-grafita speċjali. Il-kumpanniji ddikjaraw li kienu ħatja u aċċettaw li jħallsu l-multi. F’Ottubru 2001 Ibiden ukoll iddikjarat lilha nnifisha ħatja u aċċettat li tħallas multa.

15      Fis-17 ta’ Mejju 2002 il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lil dawk li għalihom kienet indirizzata d-deċiżjoni. Fir-risposti tagħhom, il-kumpaniji kollha minbarra Intech EDM BV u Intech EDM AG ammettew il-ksur. Ħadd minnhom sostanzjalment ma kkontesta l-fatti.

16      Minħabba x-xebh fil-metodi użati mill-membri ta’ l-akkordju, il-fatt li ż-żewġt iksur kienu jikkonċernaw prodotti relatati u li SGL u UCAR kienu involuti fiż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni qieset li kien opportun li l-ksur fiż-żewġt iswieq tal-prodotti jiġi indirizzat fi proċedura waħda.

17      Il-proċedura amministrattiva konkluża fis-17 ta’ Diċembru 2002 bl-adozzjoni tad-deċiżjoni sabet, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti, TT, UCAR, LCL, Ibiden, NSC u NSCC kienu ffissaw fid-dinja kollha prezzijiet indikattivi (mira ta’ prezzijiet) fis-suq ta’ grafita iżostatika mhux immakkinizzata u, fit-tieni lok li SGL u UCAR kienu wettqu ksur simili, ukoll fid-dinja kollha, fis-suq tal-grafita estruża mhux immakkinizzata.

18      Fir-rigward tal-ksur fis-suq tal-grafita iżostatika, id-deċiżjoni tinnota li prezzijiet ġew iffissati skond l-użu, iż-żona ġeografika (l-Ewropa u l-Istati Uniti) u l-livell ta’ kummerċ (distributuri/ħwienet tal-magni u utenti kbar li għandhom il-makkinarju għad-dispożizzjoni tagħhom). L-għan ta’ dan l-akkordju kien li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet tal-kummerċ u li tiġi skambjata informazzjoni dwar spedizzjoni sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ dettaljat tal-bejgħ u sabiex jinsabu devjazzjonijiet mill-istruzzjonijiet mogħtija fl-akkordju. F’ċerti okkażjonijiet, ġiet skambjata informazzjoni li kienet tikkonċerna l-allokazzjoni tax-xerrejja l-kbar.

19      Id-deċiżjoni tgħid li ftehim kollużorju ġie implementat fis-suq tal-grafita iżostatika b’laqgħat multilaterali fuq bażi regolari fuq erba’ livelli:

–        ‘laqgħat ta’ livell għoli’, li fihom ikunu preżenti l-ogħla uffiċjali eżekuttivi tal-kumpaniji, fejn jiġu stabbiliti l-prinċipji prinċipali tal-kooperazzjoni;

–        ‘laqgħat internazzjonali ta’ livell ta’ ħidma’ li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta’ blokok tal-grafita f’diversi kategoriji u l-iffissar ta’ prezzijiet minimi għal kull kategorija;

–        laqgħat ‘reġjonali’ (Ewropej);

–        laqgħat ‘lokali’ (nazzjonali) li jikkonċernaw is-suq Taljan, Ġermaniż, Franċiż, Britanniku u Spanjol.

[…]

21      Fir-rigward tas-suq tal-grafita estruża, jidher ċar mid-deċiżjoni li żewġ parteċipanti prinċipali fis-suq Ewropew għat-tali prodotti, SGL u UCAR, ammettew li pparteċipaw f’sensiela ta’ laqgħat bilaterali li kienu jittrattaw dan is-suq fil-perijodu ta’ bejn l-1993 sa l-aħħar ta’ l-1996. UCAR u SGL ftehmu li jgħollu l-prezzijiet tal-grafita estruża fis-suq tal-Komunità/ŻEE. Huma ddiskutew regolarment il-prezzijiet u l-klassifikazzjoni ta’ prodotti sabiex jevitaw milli jikkompetu fuq prezzijiet. Il-prezzijiet il-ġodda ġew fil-fatt imħabbra lix-xerrejja kkonċernati minn waħda mill-partijiet.

22      Abbażi tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-evalwazzjoni legali tad-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq il-kumpanniji in kwistjoni multi kkalkolati skond il-metodu stipulat fil-Linji gwida fuq il-metodu ta’ ffissar tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA […] u l-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni.

23      Taħt l-Artikolu 1(1) tal-parti operattiva tad-deċiżjoni, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u prattiċi miftehma li affettwaw is-swieq tal-Komunità u taż-ŻEE tal-grafita speċjali iżostatika:

[…]

(b)      SGL, minn Lulju 1993 sa Frar 1998;

[…]

24      Taħt il-paragrafu (2) ta’ l-istess Artikolu, l-impriżi segwenti kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi indikati, f’numru ta’ ftehim u prattiċi miftehma li affettwaw is-swieq tal-Komunità u taż-ŻEE tal-grafita speċjali estruża:

–        SGL, minn Frar 1993 sa Novembru 1996;

[…]

25      L-Artikolu 3 tal-parti operattiva timponi l-multi li ġejjin:

[…]

(b)      SGL:

–        Grafita speċjali iżostatika: EUR 18 940 000;

–        Grafita speċjali estruża: EUR 8 810 000;

[…]

26      Barra minn hekk, l-Artikolu 3 jordna li l-multi għandhom jitħallsu sa tliet xhur mid-data li d-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata b’rata ta’ imgħax ta’ 6,75 % fil-każ li dan ma jseħħx.

27      Id-deċiżjoni ntbagħtet lir-rikorrenti b’ittra ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002. Din l-ittra kienet tgħid li wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ ħlas speċifikat fid-deċiżjoni l-Kummissjoni kienet se tieħu miżuri biex tirkupra s-somom in kwistjoni; madankollu, li kieku kellhom jinbdew il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-Kummissjoni ma tieħux miżuri biex tinforza s-sentenza sakemm jitħallas l-imgħax b’rata ta’ 4,75 % u tingħata garanzija bankarja”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

IV – Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

13.      B’atti separati, SGL u impriżi oħra li ġew indirizzati mid-deċiżjoni kkontestata ressqu rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

14.      Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari ddeċidiet li:

“Fil-Kawża T-91/03 SGL Carbon vs Il-Kummissjoni:

–        tiffissa l-multa imposta fuq ir-rikorrenti skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni COMP/E-2/37.667 għal EUR 9 641 970 fir-rigward tal-ksur li sar fis-settur tal-grafita iżostatika;

–        tiċħad ir-rikors mill-bqija;

–        tordna lir-rikorrenti tħallas żewġ terzi mill-ispejjeż tagħha u tbati żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni, u lill-Kummissjoni tħallas terz ta’ l-ispejjeż tagħha u terz ta’ l-ispejjeż tar-rikorrenti”.

V –    It-talbiet tal-partijiet

15.      SGL Carbon titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiċħad parzjalment is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitjiet Ewropej tal-15 ta’ Ġunju 2005 fil-kawżi magħquda T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03, safejn din tiċħad ir-rikors fil-Kawża T-91/03, imressqa kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002) 5083 finali tas-17 ta’ Diċembru 2002 dwar il-proċedura taħt l-Artikolu 81 KE;

–        sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikou 3 tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2002 u tnaqqas ulterjorment l-ammont ta’ imgħax li għandu jitħallas qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll l-imgħax għal nuqqas ta’ ħlas stabbilit fil-parti operattiva tas-sentenza kkontestata, kif suppost;

–        tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha tal-proċeduri.

16.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tiċħad l-appell;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

VI – L-appell

17.      SGL tressaq sitt motivi in sostenn ta’ l-appell tagħha li fih tallega li kien hemm applikazzjoni żbaljata tar-regoli tal-proċedura u ksur tad-dritt Komunitarju.

18.      Fl-ewwel motiv tagħha, SGL tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ non bis in idem billi naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni multi preċedenti li ġew imposti fuqha fl-Istati Uniti. It-tieni motiv huwa magħmul kontra ż-żieda ta’ 35 % fl-ammont tal-multa biex tirrifletti r-rwol ta’ SGL bħala l-unika mexxejja. It-tielet motiv jikkonċerna n-nuqqas li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra l-ilment ta’ SGL li jgħid li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura mingħajr rimedju bl-għarfien inadegwat tal-lingwa tat-tim tal-Kummissjoni li kien qed jaħdem fuq il-każ. Fir-raba’ motiv, SGL tallega li l-kooperazzjoni mogħtija minnha ma ngħatatx il-kunsiderazzjoni xierqa. Fil-ħames ilment tagħha, SGL tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità tagħha li tħallas il-multa u l-multi imposti kienu sproporzjonatament għoljin. Fis-sitt motiv, SGL issostni li l-iffissar tar-rata ta’ imgħax mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx korretta.

A –    L-ewwel motiv dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ non bis in idem

L-argumenti prinċipali

19.      Bl-argumenti mressqa fl-ewwel motiv tagħha, SGL essenzjalment issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball fid-dritt billi fil-punti 112 sa 116 tas-sentenza kkontestata naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-multi preċedenti imposti fuq SGL fl-Istati Uniti fl-1999. Dawn il-penalitajiet, anki abbażi ta’ prinċipji ta’ ekwità, suppost wasslu għal tnaqqis fil-multa imposta. Dan jirriżulta minn interpretazzjoni korretta tal-prinċipju fundamentali ta’ non bis in idem, li hu, kontra l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli wkoll fir-rigward tal-penalitajiet imposti minn Stati li mhumiex membri.

20.      Fir-rigward tal-kontenut u l-portata ta’ l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, SGL tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (“KEDB”), is-sistemi legali interni ta’ l-Istati Membri u numru ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Ma jistax jirriżulta minn Boehringer,(7), kif sostniet żbaljatament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 112 tas-sentenza kkontestata, li r-regola kontra l-kumulu tal-penalitajiet ma tapplikax f’kawża, bħal dik ikkonċernata, meta l-fatti li fuqhom huma bbażati ż-żewġ proċedimenti kriminali huma identiċi. Il-prinċipju ta’ territorjalità, li għaliha tirreferi l-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 113 tas-sentenza kkontestata, ma jmurx kontra din il-kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet fil-punt 116 tas-sentenza kkontestata li l-interessi protetti mill-awtoritajiet Komunitarji u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti ma kinux l-istess, din il-konstatazzjoni mhijiex korretta.

21.      Barra minn hekk, SGL issostni b’mod partikolari li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta sostniet fil-punt 114 tas-sentenza kkontestata li ma kienx hemm bżonn li tiġi kkunsidrata l-allegazzjoni ta’ SGL li l-penalitajiet imposti fl-Istati Uniti għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ta’ l-elettrodi tal-grafita kienu jikkonċernaw ukoll il-grafita speċjali jew li jisimgħu din l-allegazzjoni minn xhud innominat minn SGL. F’kull każ SGL ipprovat l-eżistenza ta’ ‘idem’.

22.      Fis-seduta SGL żiedet fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’SGL Carbon(8) li, minkejja l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-kunsiderazzjoni li għandha tittieħed nota f’kull każ ta’ sanzjoni imposta fuq impriża fi Stat li mhuwiex membru, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni m’għandhiex diskrezzjoni li tieħu din iċ-ċirkustanza in kunsiderazzjoni. B’hekk, partikolarment fil-kunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġi żgurat li s-sanzjoni tkun proporzjonata, il-Kummissjoni jista’ jkollha l-obbligu li tuża s-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha fil-każ b’mod li tieħu in kunsiderazzjoni sanzjonijiet preċedenti, bħal dawk ikkonċernati.

23.      Il-Kummissjoni tipprovdi argumenti ddettaljati biex tikkontesta dawk imressqa minn SGL u ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta billi sostniet li l-prinċipju ta’ non bis in idem ma kienx applikabbli f’dan il-każ.

Il-kunsiderazzjonijiet

24.      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ non bis in idem jipprojbixxi li l-istess presuna tiġi ssanzjonata iktar minn darba għall-istess imġiba illegali sabiex jiġi protett l-istess interess ġuridiku. Hija ġurisprudenza stabbilita li dan il-prinċipju, li huwa wkoll inkorporat fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li l-Qrati Komunitarji għandhom josservaw(9). Finalment, għandu jiġi mfakkar li l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju huwa suġġett għat-tliet kundizzjonijiet ta’ l-identiċità tal-fatti, l-identiċità ta’ min iwettaq il-ksur u l-identiċità ta’ interess ġuridiku protett. Skond dan il-prinċipju, għaldaqstant, l-istess persuna ma tistax tiġi ssanzjonata iktar minn darba għall-istess imġiba illegali intiża sabiex tipproteġi l-istess assi legali(10).

25.      Barra minn hekk, fir-rigward tal-motiv in kwistjoni, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet diġà ddeċidiet fis-sentenzi tagħha SGL Carbon(11) u Showa Denko(12), u essenzjalment waslet għall-istess konklużjoni f’Archer Daniels(13), li l-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni l-proċeduri u l-penalitajiet għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għaliha kienet suġġetta impriża fi Stati li mhumiex membri.

26.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet allegazzjonijiet simili f’SGL Carbon ibbażati essenzjalment fuq l-istess argumenti bħal dawk imressqa minn SGL f’dan il-każ.

27.      Għal dak li jirrigwarda l-portata ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non bis in idem f’każijiet fejn l-awtoritajiet ta’ Stat terz ikunu ħadu azzjoni skond is-setgħa tagħhom li jimponu penalitajiet fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni applikabbli f’dan l-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, l-ewwel irrimarkat għall-kuntest internazzjonali tat-tali akkordju, ikkaratterizzat b’mod partikolari bl-inizjattiva tas-sistemi legali ta’ Stati terzi fit-territorju rispettiv tagħhom u osservat li l-użu tas-setgħa mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi responsabbli għall-protezzjoni tal-libertà tal-kompetizzjoni fil-qrati territorjali tagħhom jissoddisfaw ir-rekwiżiti li huma partikolari għal dawn l-Istati(14).

28.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-elementi li jiffurmaw il-bażi tas-sistemi legali ta’ Stati oħrajn fil-qasam tal-kompetizzjoni ma jinkludux biss għanijiet u obbjettivi speċifiċi, iżda jirriżultaw ukoll fl-adozzjoni ta’ regoli sostantivi speċifiċi u varjetà wiesgħa ta’ konsegwenzi ġuridiċi, kemm jekk amministrattivi, kriminali jew ċivili, meta l-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati jkunu stabbilixxew li kien hemm ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni.

29.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni ċara ta’ dik is-sitwazzjoni – ikkaratterizzata b’diversi qrati territorjali u numru ta’ sistemi legali li jsegwu l-għanijiet u l-obbjettivi tagħhom speċifiċi għaliha – minn waħda kkaratterizzata bl-applikazzjoni esklużiva tad-dritt Komunitarju u l-liġijiet ta’ wieħed jew iktar Stati Membri f’kompetizzjoni għal impriża, jiġifieri, meta akkordju jkun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-sistema legali tal-Komunità Ewropea(15).

30.      Hija enfasizzat in-natura speċifika ta’ l-interess ġuridiku protett fuq livell Komunitarju, li fir-rigward tiegħu l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni taħt is-setgħat li għandha jistgħu jkunu kunsiderevolment differenti minn dawk magħmula minn Stati terzi.

31.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, essenzjalment fil-kunsiderazzjoni tad-differenza bejn l-interess legali mħares mis-sistemi legali tal-Komunità u l-interess imħares fi Stat terz, partikolarment l-Istati Uniti, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet kompletament intitolata li ssostni li l-prinċipju ta’ non bis in idem ma japplikax.

32.      Għaldaqstant, il-motiv korrispondenti ta’ SGL li jallega ksur tal-prinċipju ta’ non bis in idem, għandu għaldaqstant jiġi miċħud għall-istess raġuni.

33.      Fir-rigward tar-riferenza ta’ SGL għal prinċipji oħra, bħall-prinċipju ta’ ekwità, għandu jiżdied li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet f’SGL Carbon li m’hemmx prinċipji oħra, inklużi l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, li jobbligaw lill-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-proċeduri u l-penalitajiet li għalihom ġiet suġġetta l-impriża kkonċernata fi Stati terzi(16).

34.      Fir-rigward ta’ l-argument imressaq minn SGL fis-seduta, li SGL Carbon għandha tinftiehem li qalet li hija tagħti diskrezzjoni lill-Kummissjoni dwar jekk għandhiex tikkunsidra sanzjoni preċedentement imposta fi Stat terz u l-Kummissjoni tista fl-aħħar tkun meħtieġa tagħmel hekk, għandu jintqal li t-tali kunsiderazzjoni tidher li qed tipprova ddawwar l-interpretazzjoni ċara tal-Qorti tal-Ġustizzja għal waħda kuntrarja f’dik is-sentenza u ma jistax għaldaqstant jiġi aċċettat(17).

35.      Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlitx żball fid-dritt u kisret il-prinċipju ta’ non bis in idem billi fil-punti 112 sa 116 tas-sentenza taħt appell sabet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, meta imponiet is-sanzjoni fuq SGL, li tieħu in kunsiderazzjoni l-penalitajiet preċedentement imposti fuq SGL fl-Istati Uniti.

36.      Barra minn hekk, fir-rigward b’mod partikolari tar-riferiment magħmul għal Boehringer mil-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 112 tas-sentenza kkontestata, (18) il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ma ddeċidietx f’dik il-kawża fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex tħassar piena imposta mill-awtoritajiet ta’ Stat terz, minħabba li ma jkunx ġie stabbilit li l-azzjonijiet tar-rikorrenti li għalihom saru l-ilmenti tal-Kummissjoni, fuq naħa, u l-awtoritajiet Amerikani, fuq oħra, kienu fil-verità identiċi(19).

37.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, f’dik il-kawża, li l-prinċipju ta’ non bis in idem jeżiġi li jkun hemm identiċità ta’ azzjonijiet u li dawn l-azzjonijiet m’għandhomx ikunu essenzjalment differenti fir-rigward kemm ta’ l-intenzjonijiet tagħhom u l-enfażi ġeografika tagħhom(20).

38.      Billi qalet fil-punt 112 tas-sentenza kkontestata, meta ressqet il-konstatazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ dan il-prinċipju, li “fejn il-fatti li fuqhom huma bbażati ż-żewġ proċedimenti kriminali jirriżultaw mill-istess ftehim iżda li madankollu ma jaqblux kemm fir-rigward tas-suġġett kif ukoll tal-kamp ġeografiku tagħhom, il-prinċipju ta’ non bis in idem ma japplikax”, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat sempliċement il-ġurisprudenza b’mod korrett.

39.      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 114 tas-sentenza kkontestata milli tikkunsidra l-allegazzjoni ta’ SGL li l-penalitajiet imposti fuqha mill-Istati Uniti għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju ta’ l-elettrodi tal-grafita kienu jikkonċernaw ukoll il-grafita speċjali kif ukoll milli f’dan ir-rigward tisma’ mix-xhieda nnominati minn SGL, għandu jiġi nnotat li, billi l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet, kif diġà ntqal iktar ’il fuq, intitolata li ssostni li l-prinċipju ta’ non bis in idem ma japplikax fir-rigward tal-penalitajiet imposti fi Stati terzi, minħabba n-nuqqas ta’ qbil ta’ l-interess ġuridiku protett, kien konsegwentment ġust li jiġi sostnut li ma kienx hemm bżonn li tibqa’ tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ ‘idem’ fir-rigward tal-fatti, jiġifieri l-istess imġiba. L-argument għandu għaldaqstant jiġi miċħud ukoll.

40.      Fid-dawl tat-tali kunsiderazzjonijiet, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

B –    It-tieni motiv, imressaq kontra ż-żieda ta’ 35 % fl-ammont tal-multa minħabba l-allegazzjoni li SGL kienet l-unika mexxejja

L-argumenti prinċipali

41.      Fit-tieni motiv tagħha, SGL tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 138 sa 155 u fil-punti 316 sa 331 tas-sentenza kkontestata, li qalet li SGL kienet mexxejja ta’ l-akkordju u sostniet li ż-żieda konsegwenti fl-ammont bażiku tal-multa għal SGL kellha titnaqqas minn 50 sa 35 %.

42.      Dan il-motiv huwa maqsum fi tnejn.

43.      L-ewwel nett, SGL essenzjalment issostni li ma ngħatat l-ebda ġustifikazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza talli żiedet l-ammont tal-multa b’35 %, peress li l-fatti li ma jistgħux jiġu kkontestati u l-konstatazzjonijiet kontraddittorji tal-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha ma jipprovdux bażi għal dan. F’dan ir-rigward, SGL tirreferi għall-argumenti tagħha mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif deskritti fil-punti 303 sa 310 tas-sentenza kkontestata.

44.      It-tieni nett, SGL essenzjalment issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata billi assumiet li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kienet suffiċjenti, safejn jikkonċerna l-attribuzzjoni tar-rwol ta’ mexxejja unika, biex tissoddisfa d-drittijiet tad-difiża tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li ma kienx evidenti mill-ilmenti tal-Kummissjoni li hija kellha l-intenzjoni li tqis lil SGL bħala l-unika mexxejja. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għaldaqstant żbaljata li ssegwi ma’ l-opinjoni fil-punt 150 tas-sentenza kkontestata li tgħid li SGL setgħet tiddefendi lilha nnifisha b’mod approprjat abbażi ta’ l-informazzjoni li kienet tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

45.      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha mressqa minn SGL u ssostni li l-motiv huwa ta’ l-inqas parzjalment inammissibbli.

Il-kunsiderazzjonijiet

46.      Fir-rigward ta’ l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, għandu, fl-ewwel lok, jiġi mfakkar li appell jista’ jkun biss ibbażat fuq raġunijiet relatati mal-ksur tar-regoli tad-dritt, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fatti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha ġurisdizzjoni esklużiva, l-ewwel, biex tistabbilixxi l-fatti ħlief fejn impreċiżjoni sostantiva tal-konstatazzjonijiet tagħha tkun tidher mid-dokumenti sottomessi lilha u, it-tieni, li dawn il-fatti jiġu evalwati. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma għandha l-ebda kompetenza biex tikkonstata l-fatti jew, bħala regola, biex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat in sostenn ta’ dawn il-fatti. Sakemm il-provi nkisbu kif suppost u l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli tal-proċedura fir-rigward ta’ l-oneru tal-prova u tas-smigħ tal-provi jkunu ġew osservati, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza biss li għandha teżamina l-valur li għandu jingħata lill-provi li għandha quddiemha(21).

47.      Barra minn hekk, appell ma jistax jinstemgħa mill-Qorti tal-Ġustizzja safejn dan fil-verità ma jammontax għal iżjed minn talba għal eżami mill-ġdid tar-rikors li diġà ġie mressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Skond l-Artikolu 225 KE, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu, bil-kontra, jindika b’mod preċiż l-elementi tas-sentenza li SGL tixtieq li jiġu annullati kif ukoll l-argumenti legali speċifikament esposti in sostenn ta’ dan l-appell. Dan ir-rekwiżit mhuwiex soddisfatt b’appell li, mingħajr ma l-anqas jinkludi argument li speċifikament jidentifika ż-żball fid-dritt li allegatament jivvizzja s-sentenza kkontestata, sempliċement jirrepeti jew jikkwota l-motivi tad-dritt u argumenti li preċedentment tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza(22).

48.      Bl-ewwel parti tat-tieni motiv, SGL tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 316 et seq tas-sentenza kkontestata li SGL attwalment kienet mexxejja. Madankollu, hija ma tressaq l-ebda argument biex turi b’liema mod il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball fid-dritt f’dan ir-rigward. L-argumenti ta’ SGL huma għaldaqstant verament intiżi kontra l-konstatazzjonijet u l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, safejn SGL tirreferi għal u tirrepeti l-argumenti tagħha li diġà ġew esposti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, din il-parti tal-motiv tammonta fil-verità għal talba għal eżami mill-ġdid tar-rikors li diġà tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

49.      Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li, kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha, f’dan ir-rigward, tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

50.      Madankollu, safejn SGL issostni li r-raġunijiet tas-sentenza kkontestata huma kontradittorji, din tikkostitwixxi kwistjoni tad-dritt li hija miftuħa, bħala tali, għal reviżjoni ġuridika fuq appell(23).

51.      Skond SGL, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata huma kontraddittorji peress li hija sostniet, minn naħa, fil-punt 328 et seq ta’ dik is-sentenza, li l-imġiba tal-membri l-oħra fl-akkordju, b’mod partikolari LCL u Tokai, ma kinitx differenti minn dik ta’ SGL kif allegat il-Kummissjoni, iżda fil-punt 331, xorta waħda sostniet iż-żieda, fi prinċipju, fejn sempliċment naqqsitha għal 35 %.

52.      Ma naqbilx li teżisti kontradizzjoni, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma qalitx li ma kienx hemm differenza bejn il-gravità tal-ksur ta’ SGL u dik ta’ Tokai u LCL, iżda sostniet biss li dik id-differenza ma kinitx daqshekk sinjifikattiva li tiġġustifika żieda ta’ 50 % ta’ l-ammont bażiku ffissat għal SGL. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżerċizzju tal-kompetenza illimitata tagħha, naqqset, fil-punt 331 tas-sentenza kkontestata, iż-żieda minn 50 sa 35 %. Dan l-argument huwa għaldaqstant infondat.

53.      L-ewwel parti tat-tieni motiv għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

54.      Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv li tallega l-ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ SGL, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeskriviet korrettament, fil-punt 139 tas-sentenza kkontestata, il-livell fir-rigward tal-kalkolu tal-multi kif inhu ddefinit minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jgħid li, sakemm il-Kummissjoni tindika espressament fil-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li hija tikkunsidra jekk huwiex f’loku li timponi multi fuq l-impriżi kkonċernati u li tispeċifika l-elementi prinċipali tal-fatt u tad-dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul ta’żmien ta’ l-allegat ksur u l-fatt li l-ksur sar “b’intenzjoni jew b’negliġenza”, hija tissoddisfa l-obbligu tagħha fir-rigward tad-dritt ta’ l-impriża li tinstemgħa(24).

55.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet ukoll korrettament li, billi tagħmel hekk, il-Kummissjoni tipprovdi lil dawk l-impriżi bl-elementi neċessarji sabiex jiddefendu lilhom infushom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur iżda wkoll kontra l-fatt li jiġu mmultati(25).

56.      Hija kienet korretta billi ssostni li d-drittijiet tad-difiża f’dan il-kuntest huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz ta’ l-opportunità li jsiru sottomissjonijiet fuq it-tul ta’ żmien, il-gravità u l-previdibbiltà tan-natura anti kompetittiva tal-ksur, iżda li, b’kuntrast, il-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li tispjega l-mod li fih hija tuża kull waħda minn dawn l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt biex tiddetermina l-livell tal-multa(26).

57.      Fil-fehma tiegħi, fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet mingħajr ma għamlet żball fid-dritt li l-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kkonċernata kellha indikazzjonijiet suffiċjentement preċiżi fir-rigward tal-mod li bih il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tiffissa l-multa, partikolarment fir-rigward tal-gravità tal-ksur.

58.      Kif innutat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 148 tas-sentenza kkontestata, minkejja t-tali klassifikazzjoni fl-aħħar nett ma ġietx aċċettata fir-rigward ta’ LCL, il-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet allega f’kull każ li SGL, flimkien ma’ LCL, kellha rwol ta’ mexxejja jew istigatriċi fl-akkordju. SGL kienet għaldaqstant informata li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tattribwilha r-rwol ta’ mexxejja u li dan setgħa jittieħed in kunsiderazzjoni għall-iffissar tal-multa.

59.      Li, wara kollox, SGL ġiet identifikata mill-Kummissjoni bħala l-unika mexxejja ta’ l-akkordu, skond jien, ma biddlix il-pożizzjoni ta’ SGL b’tali mod li kienet ta’ ħsara sostanzjali għad-dritt tagħha li tiddefendi ruħha, peress li hija fin-natura tal-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li tkun provviżorja u suġġetta għal emendi min-naħa tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni sussegwenti abbażi ta’ l-osservazzjonijiet imressqa quddiemha mill-partijiet, inkluż it-tneħħija ta’ ċertu allegazzjonijiet, bħall-allegazzjoni li LCL kellha rwol ta’ mexxejja.

60.      Biex iżżid, kif irrimarkat il-Kummissjoni, skond il-Linji Gwida u l-prattika tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, iż-żieda fil-multa imposta tista’ tkun ta’ 50 %, irrispettivament minn jekk hijiex waħda biss mill-parteċipanti fl-akkordju, jew iktar, li huma kklassifikati bħala mexxejja.

61.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet f’dan ir-rigward fil-punt 149 tas-sentenza kkontestata li m’hemm xejn li jissuġġerixxi li r-responsabbiltà ta’ SGL bħala mexxejja ewlenija ta’ l-akkordju kienet attwalment żdiedet bl-attribuzzjoni lilha ta’ parti mir-rwol ta’ tmexxija magħquda inizjalment attribwita mill-Kummissjoni lil LCL. Din tikkostitwixxi konstatazzjoni ta’ fatt li bħala tali mhijiex suġġetta għal reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ fejn SGL ma allegatx li l-Qorti tal-Prim’Istanza għawġet il-provi f’dan ir-rigward(27).

62.      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha wkoll tiġi miċħuda.

C –    It-tielet motiv li jallega żbalji fid-dritt fir-rigward ta’ l-ilment li jikkonċerna l-għarfien lingwistiku inadegwat tal-membri tat-tim tal-Kummissjoni li kien qed jaħdem fuq il-każ

L-argumenti prinċipali

63.      Fit-tielet motiv tagħha, SGL essenzjalment tilmenta li fil-punt 154 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-allegazzjoni tagħha li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew irrimedjabbilment miksura bl-għarfien lingwistiku inadegwat tal-membri tat-tim tal-Kummissjoni li kienet qed taħdem fuq il-każ, u dan għamlitu minkejja s-sottomissjonijiet issostanzjati ta’ SGL u l-offerta li tipprovdi l-provi.

64.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta sostniet li l-ilment tagħha kien sempliċement suppożizzjoni mhux sostnuta bi provi validi. Dan jammonta għal kunsiderazzjoni żbaljata tal-fatti.

65.      Barra minn hekk, il-fatt li l-uffiċjali kkonċernati kienu neqsin mill-għarfien lingwistiku neċessarju ċaħdu lil SGL mid-dritt tad-difiża tagħha fil-proċedura amministrattiva. Billi kkunsidrat din iċ-ċirkustanza irrilevanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

66.      Il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 154 u 155 tas-sentenza kkontestata huma korretti u mhux ivvizzjati b’evalwazzjoni żbaljata tal-fatti jew ksur tad-drittijiet tad-difiża. Hija tikkunsidra li peress li l-proċedura amministrattiva saret mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u ġiet konkluża mill-Kummissjoni Ewropea bħala tali, il-kapaċitajiet lingwistiċi ta’ membru partikolari tat-tim li kienet qed tinvestiga mhumiex deċiżivi.

Il-kunsiderazzjonijiet

67.      Safejn SGL tikkontesta, fit-tielet motiv tagħha, fl-ewwel lok, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 154 tas-sentenza kkontestata li fiha hija ċaħdet l-allegazzjoni ta’ SGL li l-Kummissjoni fdat il-“fajl Ġermaniż” ta’ SGL lill-uffiċjali li ma kellhomx għarfien suffiċjenti tal-Ġermaniż, din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjoni tal-fatti u evalwazzjoni tal-provi li ma jistgħux bħala tali jiġu kkontestati f’appell(28). Għaldaqstant, it-tielet motiv huwa għaldaqstant, f’dan ir-rigward, inammissibbli.

68.      Fir-rigward, barra minn hekk, ta’ l-argument imressaq fuq dan il-punt li SGL offriet provi ulterjuri biex issostni din l-allegazzjoni, għandu jiġi nnutat li hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa r-rilevanza tat-tali offerta għas-suġġett tal-kontenzjuż u l-bżonn li provi oħrajn jiġu eżaminati(29).

69.      Safejn SGL tallega, sussegwentement, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi kkunsidrat il-fatt li l-uffiċjali kkonċernati ma kellhomx l-għarfien lingwistiku meħtieġ (f’dan il-każ, il-Ġermaniż), għandu jiġi primarjament innutat, kif intqal iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet diġà ċaħdet din l-allegazzjoni abbażi tal-fatti, b’mod li l-kwistjoni, bħala tali, dwar jekk din iċ-ċirkustanza kisritx id-dritt li tinstemgħa, attwalment ma qamitx quddiem din il-Qorti.

70.      Fit-tieni lok, madankollu fl-opinjoni tiegħi l-kapaċitajiet lingwistiċi – jew in-nuqqas tagħhom – ta’ membru partikolari tat-tim ta’ investigaturi fi ħdan il-Kummissjoni ma jistax waħdu jkun deċiżiv. Il-Kummissjoni kollha hija responsabbli għat-tmexxija ta’ proċedimenti fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni u għandha responsabbiltà kollettiva għad-deċiżjonijiet finali li jikkonkludu dawn il-proċedimenti.

71.      Li kieku verament, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament osservat fil-punt 154 tas-sentenza kkontestata, SGL kien jirnexxielha turi li l-figuri li fuqhom straħet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux preċiżi, id-deċiżjoni tkun ivvizzjata bi żball fis-sustanza u tista konsegwentement tiġi annullata f’dan ir-rigward fuq din il-bażi, irrispettivament minn jekk dan l-iżball kienx fil-fatt attribwibbli għall-kapaċitajiet lingwistiċi insuffiċjenti ta’ membru partikolari tat-tim jew kull ċirkustanza oħra fi ħdan l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni li setgħet ġiegħlitha tikkawża t-tali żball.

72.      Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

D –    Ir-raba’ motiv li jallega li l-kooperazzjoni mogħtija minn SGL ma ngħatatx il-kunsiderazzjoni meħtieġa fir-rigward tat-tnaqqis tal-multa taħt il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni

L-argumenti prinċipali

73.      Fir-raba’ motiv tagħha, SGL tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 367 sa 375 tas-sentenza kkontestata, li fiha hija ċaħdet l-argumenti ta’ SGL li jallegaw il-ksur tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni u, b’mod relatat, in-nuqqas tat-tnaqqis tal-multa mogħtija minn din il-Qorti.

74.      SGL essenzjalment targumenta li l-kooperazzjoni tagħha ma ngħatatx il-kunsiderazzjoni meħtieġa. L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta sostniet fil-punt 367 tas-sentenza kkontestata li SGL ma kinitx intitolata għal tnaqqis ogħla minħabba li kienet ġiet żbaljatament ikklassifikata bħala mexxejja ewlenija. It-tieni nett, SGL issostni li kienet waqgħet vittma ta’ diskriminazzjoni, peress li l-kooperazzjoni li hija pprovdiet kienet ta’ l-inqas ta’ l-istess valur bħal dik ta’ parteċipanti oħra, partikolarment UCAR.

75.      SGL tikkritika l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 368, 370 u 373 tas-sentenza kkontestata u ssostni b’mod partikolari f’dan ir-rigward li l-valur tal-kooperazzjoni mogħtija ma jiddependix fuq il-kontribuzzjoni li qed tiġi attwalment ikkunsidrata mill-Kummissjoni.

76.      Skond il-Kummissjoni, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza in kwistjoni huma korretti u l-allegazzjonijiet ta’ SGL, li huma parzjalment inammissibbli, għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

77.      Hija tirreferi speċjalment għad-diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha fir-rigward tat-tnaqqis tal-multa u, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija mill-varji membri fl-akkordju. Barra minn hekk, kif ġie ġustament irrimarkat fis-sentenza kkontestata, li kieku l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iddeċidiet li l-Kummissjoni kellha tikkonstata li kien hemm ksur f’perijodu partikolari minn impriża partikolari, din il-Qorti kienet tassumi f’isimha s-setgħat tal-Kummissjoni.

Kunsiderazzjonijiet

78.      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat li, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni tgawdi minn marġini ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, inkluż it-tnaqqis tal-multa taħt il-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni(30). Filwaqt li hija għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja li trid tiżgura jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlitx evalwazzjoni korretta ta’ l-użu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ din id-diskrezzjoni, mhijiex kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qed tiddeċiedi fil-kuntest ta’ appell, li tissostitwixxi, għal raġunijiet ta’ ekwità, l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi, fl-eżerċiżzzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi(31).

79.      Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tat-tnaqqis mogħti lil SGL, il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, ibbażat l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward, fl-opinjoni tiegħi korrettament, fuq il-kunsiderazzjoni li, skond l-intestatura ċara tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, li tirreferi għal impriża li tkun “l-ewwel” impriża li tipprovdi provi “deċiżivi” ta’ l-akkordju, impriża waħda biss, f’dan ir-rigward l-ewwel waħda li tipprovdi t-tali provi fir-rigward ta’ akkordju iżda mhux, barra minn hekk, impriżi oħra li (sussegwentement) iressqu provi relatati ma’ perijodi partikolari jew aspetti tal-ħajja ta’ dan l-akkordju, tista’ tikkwalifika għal tnaqqis sostanzjali ħafna taħt it-taqsima B tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni.

80.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet għaldaqstant ġustament issostni li l-Kummissjoni kienet intitolata li tikkonstata li UCAR biss kienet l-ewwel impriża f’dak li jirrigwarda t-taqsimiet B u C tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni.

81.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ukoll korretta li tikkonstata fil-punt 367 tas-sentenza kkontestata li SGL ma speċifikatx il-kundizzjonijiet stabbiliti jew taħt it-taqsima B(b) tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni jew taħt it-taqsima B(e), minħabba r-rwol tagħha bħala mexxejja ewlenija. Din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq kunsiderazzjoni tal-fatti li, kif irrimarkajt iktar ’il fuq(32), mhijiex tali li tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

82.      Fir-rigward, sussegwentement, ta’ l-allegazzjoni ta’ SGL kontra l-punt 368 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx żbaljata li ssostni li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu tippremja kooperazzjoni bi tnaqqis fil-multa, meta l-Kummissjoni ma straħitx fuq il-provi kkonċernati fir-rigward tal-konstatazzjoni jew penalità tal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Komunità. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li t-tali kontribuzzjoni tista’ tiġġustifika tnaqqis fil-multa minħabba l-kooperazzjoni biss jekk din attwalment tippermetti lill-Kummissjoni twettaq ix-xogħol tagħha li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur u li ttemmha u għaldaqstant tgħin il-Kummissjoni tilħaq l-għanijiet tagħha(33), li ma jistax ikun il-każ ladarba l-Kummissjoni l-anqas ma ħadet il-kontribut ikkonċernat in kunsiderazzjoni.

83.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza korrettament irrimarkat fil-punti 369 u 370 tas-sentenza kkontestata li, minħabba d-diskrezzjoni li l-Kummissjoni għandha f’dan ir-rigward, hija ma tistax tiġi obbligata ssib u tippenalizza kull imġiba antikompetittiva, u l-anqas ma jistgħu l-Qrati Komunitarji jsibu – biss għal raġunijiet ta’ tnaqqis tal-multa – li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-provi li hija għandha, imissha kkonstatat li kien hemm ksur f’perijodu partikolari minn impriża partikolari. SGL ma tistax għaldaqstant issostni li l-kontribut tagħha kellu jiġi ppremjat bi tnaqqis sostanzjali tal-multa minħabba li l-Kummissjoni kienet, abbażi ta’ dan il-kontribut, obbligata tikkonstata jew tippenalizza ksur partikolari.

84.      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni ta’ SGL li l-kooperazzjoni mogħtija minnha ma ngħatatx il-kunsiderazzjoni xierqa meta mqabbla ma dik ta’ membri oħra ta’ l-akkordju, għandu fl-ewwel lok, jiġi nnutat, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament issostni fil-punt 371 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-kwalità u ta’ l-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri differenti ta’ akkordju. Fit-tieni lok, SGL ma wrietx b’liema mod il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli twaqqaf abbuż manifest ta’ din id-diskrezzjoni mill-Kummissjoni.

85.      Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni ta’ SGL li hi vittma ta’ diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ UCAR, għandu jiġi nnutat li, minkejja li huwa veru li, fil-kalkolu tal-multa u fl-għotja ta’ tnaqqis, il-Kummissjoni hija bħala prinċipju, anki jekk suġġetta għad-diskrezzjoni wiesgħa tagħha, marbuta bil-prinċipju ta’ trattament ugwali(34), il-kontribut mogħti minn UCAR ġustament wasslitha, kif semmejt iktar ’il fuq, biex tiġi kkategorizzata bħala “l-ewwel” impriża għall-bżonnijiet tat-taqsima B tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni. Minħabba din ir-raġuni biss, ir-rilevanza tal-kontribut tagħha u t-tnaqqis mogħti lilha m’humiex relatati mal-kontribut mogħti minn u t-tnaqqis mogħti lil SGL. Din ta’ l-aħħar ma tistax għaldaqstant issostni li ġiet iddiskriminata minħabba d-differenza bejn it-tnaqqis mogħti lilha u dak mogħti lil UCAR.

86.      Għaldaqstant il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tat-tnaqqis tal-multa mogħtija lil SGL mhumiex ivvizzjati bi żbalji ta’ dritt. Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

E –    Il-ħames motiv li jallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ SGL li tħallas il-multa u li l-multi imposti kienu sproporzjonatament għoljin

L-argumenti prinċipali

87.      Fil-ħames motiv tagħha, SGL issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta sostniet fil-punt 333 tas-sentenza kkontestata li l-Kummissjoni, meta ddeċidiet fuq l-ammont tal-multa, ma kellhiex l-obbligu tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’ SGL u n-nuqqas ta’ fondi li bihom tista’ tħallas il-multa.

88.      SGL essenzjalment tressaq żewġ argumenti in sostenn ta’ dan il-motiv. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-multa imposta – anki meta mnaqqsa – hija, fiha nnifisha, sproporzjonatament għolja, u dan wisq iżjed jekk il-kapaċità tal-kumpannija kkonċernata biex tħallas il-multa ma ttieħditx in kunsiderazzjoni meta ġiet adottata d-deċiżjoni. Fit-tieni lok, SGL issostni li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja huma legalment marbuta li jieħdu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ SGL li tħallas. Billi naqset milli tivverifika jekk il-multa imposta kinitx thedded il-vijabbiltà ekonomika tal-kumpannija kkonċernata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet kunsiderazzjoni żbaljata ta’ l-intestatura tal-punt 5(b) tal-Linji gwida.

89.      Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-argumenti huma inammissibbli jew, f’kull każ, infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet

90.      Safejn SGL ippreżentat fl-appell tagħha, l-ewwel nett, numru ta’ argumenti li jiddubitaw il-proporzjonalità tal-multa imposta, il-ħames motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, peress li l-pożizzjoni proprja tagħha hi li qed titlob verifika ġdida tal-multi, li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex il-kompetenza tagħmel fil-kuntest ta’ appell(35).

91.      It-tieni nett, fir-rigward ta’ l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ SGL li tħallas, għandu jiġi nnotat li, skond ġurisprudenza stabbilita, li hija kompletament riflessa fil-punt 333 tas-sentenza kkontestata, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal li jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq(36).

92.      Fir-rigward, sussegwentement, tal-punt 5(b) tal-linji gwida, li jgħid li l-kapaċità reali li impriża tħallas għandha tiġi kkunsidrata, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’SGL Carbon li dan il-provvediment bl-ebda mod ma jmur kontra l-ġurisprudenza msemmija ’il fuq. Kif irrimarkat il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, il-kapaċità ta’ ħlas tapplika biss f’‘kuntest soċjali partikolari’, ikkostitwit mill-konsegwenzi li l-ħlas ta’ multa jista’ jkollu, b’mod partikolari, billi tikkomporta żieda fil-qgħad jew deterjorament tas-setturi ekonomiċi ta’ fuq u ta’ isfel ta’ l-impriża kkonċernata(37).

93.      Fir-rigward ta’ dan kollu, naqbel mal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-fatt li miżura li ttieħdet minn awtorità tal-Komunità tirriżulta fl-insolvenza jew l-istralċ ta’ impriża partikolari mhuwiex ikkawżat bħala tali mid-dritt Komunitarju. Barra minn hekk, SGL ma ressqitx provi li kuntest soċjali speċifiku – fis-sens deskritt iktar ’il fuq – jeżisti.

94.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlitx żball fid-dritt billi ċaħdet, fil-punt 333 tas-sentenza kkontestata, il-motiv li jallega nuqqas mill-Kummissjoni li tikkunsidra l-kapaċità ta’ SGL li tħallas.

95.      Il-ħames motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

F –    Is-sitt motiv li jallega determinazzjoni żbaljata tar-rata ta’ imgħax

L-argumenti prinċipali

96.      Is-sitt motiv huwa dirett kontra l-punti 408 sa 415 tas-sentenza kkontestata, li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-motivi li bihom SGL talbet l-annullament tar-rati ta’ imgħax iffissati fil-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata (6,75 %) u l-ittra tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 (2 %).

97.      SGL tkompli ssostni l-argumenti tagħha mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li r-rati ta’ imgħax li ġew iffissati kienu għoljin wisq u li l-parti rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. L-imgħax partikolarment għoli li għandu jitħallas fl-aħħar jikkostitwixxi multa addizzjonali, mingħajr bażi legali.

98.      Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mressqa minn SGL – peress li huma relatati mal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u jikkostitwixxu ripetizzjoni ta’ l-argumenti li diġà tressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza – huma inammissibbli jew, f’kull każ, infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet

99.      Għandu jiġi nnotat, fl-ewwel lok, li f’risposta għall-allegata illegalità tar-rata ta’ interessi ta’ 6,75 % ffissata fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza korrettament irreferiet fil-punt 411 tas-sentenza kkontestata għal ġurisprudenza stabbilita li tgħid li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jinkludu s-setgħa li tiġi ddeterminat r-rata ta’ interessi pagabbli u d-determinazjoni ta’ l-arranġamenti ddettaljati għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni tagħha(38).

100. Hija sostniet ukoll ġustament li l-Kummissjoni kellha d-dritt tadotta punt ta’ referiment ogħla mir-rata tas-suq applikabbli li tingħata lil kommodatarju medju, f’miżura neċessarja biex tiskoraġġixxi dewmien fil-ħlas tal-multa(39).

101. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, SGL ma stabbilietx b’liema mod il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta sostniet fil-punt 412 tas-sentenza kkontestata li l-Kummissjoni ma qabżitx is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha, kif ġie diskuss iktar ’il fuq, fir-rigward ta’ l-iffissar tar-rata ta’ imgħax. Minnflok, SGL essenzjalment tirrepeti l-argumenti tagħha li diġà ġew eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-livell tar-rata eċċessiva, li fil-fatt jammontaw għal talba ta’ eżami mill-ġdid(40). F’dan ir-rigward, il-motiv għandu għaldaqstant jiġi ddikjarat bħala inammissibbli.

102. Fir-rigward, fit-tieni lok, ta’ l-allegata illegalità tar-rata ta’ interessi ta’ 2 % fuq ħlasijiet provviżorji magħmula mill-impriżi biex ikopru l-multi tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi korrettament, ikklassifikat dan il-motiv, li ma kienx tqajjem fl-att tar-rikors lejn din il-Qorti, bħala motiv ġdid skond l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant fil-punt 413 tas-sentenza kkontestata, hija kienet abilitata li ġustament tiċħad dan il-motiv baħla inammissibbli. Huwa għaldaqstant inqas possibbli għal SGL li tqajjimha fuq appell.

103. Is-sitt motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

104. Għaldaqstant mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

VII – L-ispejjeż

105. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi SGL Carbon tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VIII – Konklużjoni

106. Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)      Tiċħad l-appell.

(2)      Tordna lil SGL Carbon tbati l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ġabra p. II-10.


3 – Sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-308/04 P, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra). Dan l-appell huwa, f’dan ir-rigward, sa ċertu punt ukoll relatat ma’ l-appell imressaq fis-sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni (C-289/04 P, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra).


4 – ĠU 1962, 13, p. 204.


5 – ĠU 1998 C 9, p. 3


6 – ĠU 1996 C 207, p. 4.


7 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281).


8 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 3.


9 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il-Kummissjoni tal-KEEA (18/65 u 35/65, Ġabra p. 149), u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 59).


10 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P [2004] Ġabra I‑123, punt 338).


11 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 3.


12 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 3.


13 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (C-397/03 P, Ġabra p. I‑4429).


14 – Punti 28 u 29.


15 – Punt 30.


16 – Punti 33 sa 37.


17 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi SGL Carbon, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 3, fil-punt 36, u Showa Denko, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 3, fil-punt 60.


18 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 7.


19 – Ara s-sentenza Archer Daniels, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 13, punti 48 u 49.


20 – Ara s-sentenza SGL Carbon, punt 27.


21 – Ara, fost oħrajn, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Settembru 1996, San Marco Impex Italiana vs Il-Kummissjoni (C-19/95 P, Ġabra p. I‑4435, punt 40); is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu, 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni (C-53/92 P, Ġabra p. I‑667, punt 42), u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 177.


22 – Ara, f’dan ir-rigward, fost oħrajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1998, P Deere vs Il-Kummissjoni, (C-7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 20), u s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2005, Le Pen vs Il-Parlament, (C-208/03 P Ġabra p. I‑6051, punt 39 u l-ġurisprudenza citata).


23 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja P. Vidrányi vs Il-Kummissjoni, (C-283/90, Ġabra p. I‑4339, punt 29); ta’ l-20 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs V (C-188/96 P, Ġabra I‑6561, punt 24); tas-17 ta’ Diċembru 1998, P Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95, Ġabra p. I‑8417, punt 25), u tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni (C-401/96 P, Ġabra p. I‑2587, punt 53).


24 – Ara, f’dan ir-rigward, fost oħrajn, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21, punt 428, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra 1983, p. 3461, punti 19 u 20), u s-sentenza Showa Denko, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 3, punt 69.


25 – Ara b’mod partikolari, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21, punt 428, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21).


26 – Ara, f’dan ir-rigward, fost oħrajn, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21, punti 434 sa 439; ara wkoll, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward, b’mod partikolari s-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (T-23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 200).


27 – Ara l-punt 46 iktar ’il fuq.


28 – Ara l-punt 46 et seq u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21.


29 – Ara, f’dan ir-rigward, fost oħrajn, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21, punt 68, u Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 23, punt 70.


30 – Ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21, punti 393 u 394.


31 – Ara s-sentenzi SGL Carbon, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 3, punt 48, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21, punt 245.


32 – Ara l-punti 46 u 48 et seq.


33 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni (C-297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punti 36 u 37), u s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21, punt 399.


34 – Ara s-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 9, punt 617.


35 – Ara, fost oħrajn, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21, punti 245 u 246, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, P British Sugar vs Il-Kummissjoni (C-359/01 P, Ġabra p. I‑4933, punti 48 u 49).


36 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 54 u 55), u s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 21, punt 327.


37 – Sentenza SGL Carbon, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 3, punt 106.


38 – Ara s-sentenza SGL Carbon, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 3, punt 113.


39 – Ara, f’dan ir-rigward, ibid., il-punti 114 u 115.


40 – Ara l-punti 47 et seq.

Top