Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CC0408

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 11 ta' Settembru 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Salzgitter AG.
Appell - Għajnuna mill-Istat - Approvazzjoni tal-Kummissjoni abbażi tat-Trattat KE - Impriża ta’ l-azzar - Artikoli 4(c) FA, 67 FA, u 95 FA - Trattat KEFA - Trattat KE - Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar - Applikazzjoni konkomittanti - Inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna - Notifika obbligatorja ta’ l-għajnuna mogħtija - Nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni - Nuqqas ipprorogat ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni - Deċiżjoni ta’ restituzzjoni - Prinċipju ta’ ċertezza legali - Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi - Drittijiet tad-difiża - Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża C-408/04 P.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2007:491

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2007 ( 1 )

Kawża C-408/04 P

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Salzgitter AG

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Approvazzjoni tal-Kummissjoni abbażi tat-Trattat KE — Impriża ta’ l-azzar — Artikoli 4(c) KEFA, 67 KEFA, u 95 KEFA — Trattat KEFA — Trattat KE — Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar — Applikazzjoni konkomitanti — Inkompatibbiltà ta’ l-għajnuna — Notifika obbligatorja ta’ l-għajnuna mogħtija — Nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni — Nuqqas ta’ reazzjoni ipprorogat mill-Kummissjoni għal tul ta’ żmien — Deċiżjoni ta’ restituzzjoni — Prinċipju ta’ ċertezza legali — Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni”

1. 

“Sur President,

Sinjuri Mħallfin,

Il-kawża li għandna quddiemna llum tirrigwarda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar [ ( 2 )] dwar l-għajnuna. […]

[…]

[…], dak li huwa relevanti […], hu li nsolvu l-problema tad-delimitazzjoni sistematika bejn, min-naħa waħda, il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(c), [KEFA], u min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 67 [KEFA]. Sinjuri, din hija problema li, m’għandniex ninjoraw, l-interpreti tat-Trattat KEFA ilhom li fittxew is-soluzzjoni għaliha żmien ilu. […]

[…]” ( 3 )

2. 

Kif kien għamel qablu l-Avukat Ġenerali Lagrange fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-5 ta’ Novembru 1960 fil-kawża De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja ( 4 ), l-Avukat Ġenerali Roemer jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-problema delikata tad-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ l-Artikoli 4 KEFA u 67 KEFA.

3. 

L-Artikolu 4(c) KEFA jistabbilixxi projbizzjoni fil-prinċipju ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi ta’ l-azzar u tal-faħam. L-Artikolu 67 KEFA, min-naħa l-oħra, huwa maħsub biex jevita d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li jistgħu joħolqu ċerti politiċi ta’ l-Istati Membri.

4. 

Fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għal darb’oħra qed tiġi mitluba tiddeċiedi dwar il-portata u l-applikabbiltà ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Għalkemm din il-kwistjoni ġuridika ilha tiġi diskussa għal żmien twil, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma qatatha b’mod espliċitu.

5. 

Fil-kawża preżenti, il-kwistjoni tirrifletti żewġ diffikultajiet li ltaqgħu magħhom il-fundaturi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u ta’ l-Azzar (iktar ’il quddiem il-“KEFA”) fl-istabbiliment u l-implementazzjoni ta’ sistema tagħha stess ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat.

6. 

L-ewwel waħda hija bbażata fuq in-natura fundamentalment dinamika tas-suq komuni stabbilit mit-Trattat KEFA. Għaldaqstant, il-projbizzjoni fil-prinċipju ta’ għajnuna mill-Istat, stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA, kellha tiġi adattata għall-ħtiġijiet ta’ politika li qabel kollox kellha tindirizza l-problemi strutturali ta’ l-ekonomija ta’ l-industriji tal-faħam u ta’ l-azzar. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat diversi Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar ( 5 ).

7. 

It-tieni diffikultà hija marbuta ma’ l-integrazzjoni parzjali miksuba mit-Trattat KEFA. Meta ffirmawh, l-Istati Membri rrinunzjaw il-kompetenzi tagħhom fir-rigward ta’ l-istituzzjoni u l-funzjonament tas-suq ta’ l-azzar u tal- faħam, iżda żammu r-responsabbiltà tal-politika ekonomika ġenerali tagħhom. L-Artikolu 67 KEFA jippermetti għaldaqstant li tiġi stabbilita koordinazzjoni bejn dawn id-diversi politiċi, bil-għan li s-suq komuni jiġi mħares kontra kull distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-ħolqien tal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) ( 6 ), fil-25 ta’ Marzu 1957, madankollu biddel iċ-ċirkustanzi. L-istabbiliment ta’ din il-Komunità ġdida qajjem il-kwistjoni tal-koeżistenza ta’ dawn iż-żewġ sistemi ġuridiċi, il-KEFA u l-KE, u dik tal-koordinazzjoni tas-sistema tagħhom ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat.

8. 

Din il-kawża tqajjem ukoll kwistjoni oħra, iktar transversali, peress li tmur lil hinn mid-distinzjonijiet bejn is-sistemi tal-KEFA u tal-KE ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat. Il-problema hija marbuta mal-ħarsien tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi meta l-Kummissjoni tordna lill-awtoritajiet nazzjonali jirkupraw l-għajnuna li tkun ingħatat illegalment lil impriża.

9. 

Fil-każ preżenti, l-awtoritajiet Ġermaniżi adottaw liġi, fil-5 ta’ Awwissu 1971, intiża sabiex tikkontribwixxi għall-iżvilupp taż-żona tul il-fruntjiera bejn dik li kienet ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja u dik li kienet r-Repubblika Ċekoslovakka (iktar ’il quddiem iz-“Zonenrandgebiet”) ( 7 ). Din il-liġi kienet tipprevedi inċentivi fiskali favur investimenti mwettqa minn impriżi fir-reġjuni li jinsabu f’din iż-żona. L-imsemmija liġi, kif ukoll l-emendi li saru wara, kienu ġew approvati mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE.

10. 

L-impriża ta’ l-azzar Salzgitter AG — Stahl und Technologie ( 8 ) ibbenefikat minn ammortamenti straordinarji u riżervi eżenti mit-taxxa fuq il-bażi taz-ZRFG ( 9 ). Permezz tad-Deċiżjoni 2000/797/KEFA ( 10 ). il-Kummissjoni ddikjarat li l-għajnuna kontenzjuża kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar (Artikolu 1), u ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-għajnuna mogħtija illegalment lil Salzgitter (Artikoli 2 u 3).

11. 

Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn Salzgitter quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej. Fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni ( 11 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx titlob ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija lill-impriża benefiċjarja mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

12. 

Din is-sentenza fil-preżent hija s-suġġett ta’ żewġ appelli.

13. 

L-appell prinċipali huwa mressaq mill-Kummissjoni u huwa intiż għall-annullament tas-sentenza appellata, in kwantu din annullat id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar ir-rimbors ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Dan, b’mod partikolari, iqajjem tliet kwistjonijiet.

14. 

L-ewwel waħda tirrigwarda ċ-ċarezza tal-kuntest ġuridiku applikabbli u, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ notifika ta’ din l-għajnuna.

15. 

It-tieni waħda tirrigwarda l-aġir adottat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat. Il-kwistjoni hija jekk din l-istituzzjoni, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet amministrattivi tagħha, naqsitx mid-dmir tagħha ta’ diliġenza, billi ma kkonstatatx, meta eżaminat id-dokumenti mibgħuta mill-impriża benefiċjarja, in-nuqqas ta’ notifika ta’ l-għajnuna in kwistjoni u billi ma ħadet ebda azzjoni f’dan ir-rigward.

16. 

It-tielet kwistjoni tirrigwarda l-ħarsien tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi meta l-Kummissjoni ordnat l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija illegalment. Il-kwistjoni hija jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ indikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni setgħetx leġittimament titlob ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’mod partikolari tiddeċiedi dwar jekk l-atti jew l-aġir tal-Kummissjoni setgħux jagħtu fir-rigward ta’ l-impriża li bbenefikat mill-għajnuna lok għal aspettattiva leġittima tali li timpedixxi lill-Kummissjoni milli ġġiegħel lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tordna r-restituzzjoni ta’ l-għajnuna u lil Salzgitter tirrimborsha lura.

17. 

L-appell inċidentali huwa ppreżentat minn Salzgitter u huwa intiż għall- annullament tas-sentenza appellata, in kwantu din ċaħdet il-motivi ta’ annullament tagħha relatati mal-kwalifikazzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni u mal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja interveniet b’sostenn ta’ dan l-appell.

18. 

Fil-kuntest ta’ l-imsemmi appell, Salzgitter tikkontesta l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza kemm dwar il-portata kif ukoll dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 4 KEFA u 67 KEFA. Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija b’mod partikolari dwar jekk l-Artikolu 4(c) KEFA huwiex applikabbli għal għajnuna mogħtija lil impriża ta’ l-azzar meta din tingħata fil-kuntest ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna li tkun ġiet approvata preċedentement mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-Trattat KE jew jekk l-implementazzjoni ta’ din il-miżura taqax taħt l-Artikolu 67 KEFA.

19. 

F’dawn il-Konklużjonijiet, ser nipproponi, fl-ewwel lok, li jiġi miċħud l-appell inċidentali ta’ Salzgitter. Ser nispjega għalfejn il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi, m’għamlet ebda żball ta’ dritt, min-naħa waħda, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 4(c) KEFA biex tiddikjara l-għajnuna in kwistjoni inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar u, min-naħa l-oħra, billi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet issodisfat għal kollox l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata.

20. 

Fit-tieni lok, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell prinċipali ppreżentat mill-Kummissjoni. Effettivament, fl-iżvilupp segwenti, ser insostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt billi ddeċidiet li l-obbligu ta’ notifika ta’ l-għajnuna in kwistjoni ma jirriżultax b’mod ċar mill-kuntest ġuridiku applikabbli. Ser nispjega għalfejn inqis li dan l-obbligu kien ċar u mingħajr ebda kundizzjoni u għalfejn id-deċiżjoni kkontestata, in kwantu ordnat l-irkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni, la kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas dak tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ta’ l-impriża benefiċjarja.

21. 

Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, ser nippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-konsegwenzi li għandhom jiġu derivati minn dan l-iżball ta’ dritt f’ din il-kawża.

I — Il-kuntest ġuridiku

22.

It-Trattat KEFA jipprojbixxi, fil-prinċipju, l-għajnuna mogħtija mill-Istati lill-impriżi ta’ l-azzar. Dan jistabbilixxi, fl-Artikolu 4(c) tiegħu li huma inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar u, konsegwentement, pprojbiti taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi Trattat “is-sussidji jew l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew il-piżijiet speċjali imposti minnhom, taħt kwalunkwe forma li jkunu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

23.

L-Artikolu 67 KEFA jgħid hekk:

“1.   Kull azzjoni ta’ Stat Membru li jista’ jkollha riperkussjoni kunsiderevoli fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam jew ta’ l-azzar għandha tiġi nnotifikata lill-[Kummissjoni] mill-gvern ikkonċernat.

2.   Jekk tali azzjoni hija ta’ natura, billi żżid sostanzjalment id-differenzi fl-ispejjeż tal-produzzjoni, b’mod ieħor għajr b’varjazzjoni fil-produttività, li tipprovoka skwilibriju serju, il-[Kummissjoni], wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u mal-Kunsill, tista’ tieħu l-miżuri li ġejjin:

Jekk l-azzjoni ta’ dan l-Istat ikollha effetti dannużi fuq l-impriżi tal-faħam jew ta’ l-azzar li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ dan l-Istat, il-[Kummissjoni] tista’ tawtorizzah jagħtihom għajnuna li l-ammont, il-kundizzjonijiet u t-tul taż-żmien tagħha huma stabbiliti bi ftehim magħha. […]

Jekk l-azzjoni ta’ dan l-Istat ikollha effetti dannużi fuq l-impriżi tal-faħam jew ta’ l-azzar li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stati Membri oħra, il-[Kummissjoni] għandha tindirrizzalu rakkomandazzjoni sabiex jirrimedja għal dawn permezz ta’ miżuri li huwa jqis li huma l-iktar kompatibbli ma’ l-ekwilibriju ekonomiku tiegħu.

3.   Jekk l-azzjoni ta’ dan l-Istat tnaqqas id-differenzi fl-ispejjeż ta’ produzzjoni billi tagħti vantaġġ speċjali, jew billi timponi piżijiet speċjali, fuq l-impriżi tal-faħam jew l-azzar li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu meta mqabbla ma’ l-industriji l-oħrajn ta’ l-istess pajjiż, il-[Kummissjoni] hija awtorizzata, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u mal-Kunsill, tindirizza lil dak l-Istat ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24.

Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, il-Kummissjoni tista’, fuq parir konformi tal-Kunsill li jaġixxi b’unanimità, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, tadotta deċiżjoni jew rakkomandazzjoni “[f]il-każijiet kollha mhux previsti fit-[…] Trattat, li fihom [din] id-deċiżjoni jew [din] ir-rakkomandazzjoni […] tkun tidher li hija meħtieġa biex jitwettaq, fil-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5, wieħed mill-objettivi tal-Komunità, kif definiti fl-Artikoli 2, 3 u 4” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, l-imsemmija deċiżjoni jew l-imsemmija rakkomandazzjoni tista’, taħt l-istess forom, tiddetermina s-sanzjonijiet applikabbli.

25.

Barra minn hekk, it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA jgħid li “jekk diffikultajiet imprevisti, li jirriżultaw mill-esperjenza, fil-modalitajiet ta’ applikazzjoni tat-[…] Trattat, jew bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet ekonomiċi jew tekniċi li taffettwa direttament is-suq komuni tal-faħam u l-azzar, irendu neċessarju adattament tar-regoli dwar l-eżerċizzju mill-[Kummissjoni] tas-setgħat mogħtija lilha, emendi adatti jistgħu jsiru, mingħajr ma jistgħu jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2, 3 u 4,jew ir-relazzjoni tas-setgħat mogħtija rispettivament lill-[Kummissjoni] u lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, dawn l-emendi jridu jsiru permezz ta’ proposti stabbiliti bi ftehim mal-Kummissjoni u l-Kunsill, u huma suġġetti għall-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.

Huwa fuq il-bażi ta’ l-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ l-Artikolu 95 KEFA li l-Kummissjoni adottat serje ta’ sitt deċiżjonijiet, ta’ portata ġenerali, komunament imsejħa “Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar”.

27.

Dawn il-Kodiċi kellhom l-objettiv li jindirizzaw il-kriżi li laqtet lis-settur Komunitarju ta’ l-azzar billi jawtorizzaw l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-impriżi ta’ l-azzar f’każijiet limittivament elenkati, b’deroga għalhekk mill-projbizzjoni stretta u assoluta stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA. L-imsemmija Kodiċi kienu suġġetti għal emendi suċċessivi, skond id-diffikultajiet ċikliċi tas-suq.

28.

Dawn il-Kodiċi jiffissaw il-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru jista’ jagħti għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar b’mod kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. Dawn jiddefinixxu l-kunċett ta’ għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar, jiffissaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-għajnuna u jistabbilixxu r-regoli proċedurali fir-rigward tan-notifika tagħhom lill-Kummissjoni. L-għajnuna li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed minn dawn il-Kodiċi tibqa’ suġġetta għall-projbizzjoni fil-prinċipju, li tinsab fl-Artikolu 4(c) KEFA.

29.

L-Ewwel Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 257/80/KEFA ( 12 ). Dan kien applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 1981. Skond ir-raba’ premessa ta’ dan l-Ewwel Kodiċi, l-objettiv tiegħu kien li jistabbilixxi sistema li tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna speċifika lill-industrija ta’ l-azzar f’każijiet definiti b’mod limitat, filwaqt li l-applikazzjoni għall-industrija ta’ l-azzar ta’ skemi ta’ għajnuna ġenerali u reġjonali baqgħu suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 67 KEFA kif ukoll tal-Artikoli 87 KE u 88 KE ( 13 ).

30.

L-Ewwel Kodiċi ġie ssostitwit bit-Tieni Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni Nru 2320/81/KEFA tal-Kummissjoni ( 14 ), applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 1985. Dan it-Tieni Kodiċi stabbilixxa regoli iktar stretti li kienu jippreskrivu t-tneħħija progressiva ta’ l-għajnuna. Dan stabilixxa sistema Komunitarja globali, li tiżgura trattament uniformi ta’ “[k] ull għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar iffinanzjata minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ Stat, taħt kwalunkwe forma, kemm jekk din tkun speċifika u kemm jekk le” ( 15 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

31.

Fl-1 ta’ Jannar 1986 daħal fis-seħħ it-Tielet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar ( 16 ). Huwa minn din id-data li l-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bl-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

32.

Skond l-Artikolu 1(1) ta’ dan it-Tielet Kodiċi, “[k]ull għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar iffinanzjata minn Stat Membru, kif ukoll minn awtoritajiet territorjali jew permezz ta’ riżorsi ta’ Stat, taħt kwalunkwe forma, kemm jekk din tkun speċifika u kemm jekk le, tista’ titqies bħala għajnuna Komunitarja, u għaldaqstant, bħala kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni biss jekk tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 5 [ ( 17 )]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33.

L-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmi Kodiċi jgħid hekk:

“Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata fi żmien xieraq biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-proġetti li jistitwixxu jew jimmodifikaw għajnuna msemmija fl-Artikoli 2 sa 5. Hija għandha tiġi infurmata taħt l-istess kundizzjonijiet dwar il-proġetti intiżi sabiex japplikaw għas-settur ta’ l-azzar skemi ta’ għajnuna li fir-rigward tagħhom hija diġà ddeċidiet fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

34.

Skond l-Artikolu 6(2) tat-Tielet Kodiċi, il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata wkoll dwar kull proġett ta’ interventi finanzjarji (bħat-teħid ta’ ishma azzjonarji, l-għoti ta’ kapital jew il-miżuri simili) ta’ l-Istati Membri, ta’ l-awtoritajiet territorjali jew ta’ entitajiet li jużaw għal dan il-għan riżorsi ta’ Istat għall-benefiċċju ta’ impriżi ta’ l-azzar. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk dawn l-interventi jinkludux elementi ta’ għajnuna u għandha tevalwa, jekk ikun il-każ, il-kompatibbiltà tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan it-Tielet Kodiċi.

35.

Ma’ l-iskadenza ta’ l-imsemmi Tielet Kodiċi, fil-31 ta’ Diċembru 1988, daħlu fis-seħħ ir-Raba’ u l-Ħames Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar ( 18 ).

36.

Bħat-Tielet Kodiċi, dawn il-Kodiċi huma applikabbli għal kull għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar iffinanzjata minn Stat Membru, kemm jekk tkun speċifika u kemm jekk le. Dawn jipprevedu regoli proċedurali identiċi f’dak li jirrigwarda n-notifika ta’ miżuri finanzjarji li l-Istati Membri għandhom l-intenzjoni jadottaw favur l-impriżi tas-settur ta’ l-azzar.

37.

Il-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar applikabbli fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni huwa s-Sitt wieħed u l-aħħar wieħed fis-serje. Dan ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2496/96/KEFA ( 19 ). L-imsemmi Kodiċi kien applikabbli mill-1 ta’ Jannar 1997 sat-22 ta’ Lulju 2002.

38.

L-Artikolu 1 ta’ dan is-Sitt Kodiċi, intitolat “Prinċipji”, jgħid:

“1.   L-għajnuna mogħtija lill-industrija ta’ l-azzar iffinanzjata minn Stat Membru, minn awtoritajiet territorjali jew permezz ta’ riżorsi ta’ Stat, taħt kwalunkwe forma u kemm jekk din tkun speċifika jew le, tista’ tiġi meqjusa bħala għajnuna Komunitarji u, għaldaqstant, bħala kompatibbli mal-funzjonament tajjeb tas-suq komuni biss jekk din tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2 sa 5[ ( 20 )].

[…]

3.   L-għajnuna li taqa’ taħt din id-deċiżjoni tista’ tingħata biss wara li jsiru l-proċeduri previsti fl-Artikolu 6 u ma tistax tagħti lok għal xi ħlas wara t-22 ta’ Lulju 2002.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

39.

L-Artikolu 6 ta’ l-imsemmi Kodiċi, intitolat “Proċedura”, jipprevedi li kull proġett intiż sabiex tiġi istitwita għajnuna msemmija fl-Artikoli 2 sa 5 ta’ l-istess Kodiċi u kull proġett ta’ trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi għall-benefiċċju ta’ impriżi ta’ l-azzar għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni, li tevalwa l-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni. Bis-saħħa ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(4), il-miżuri ppjanati jistgħu jiġu implementati biss bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni u skond il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha.

40.

L-Artikolu 6(5) tas-Sitt Kodiċi jipprevedi li, jekk, wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tikkunsidra li intervent finanzjarju jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jew jekk tiddubita l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’dan u tistieden lill-partijiet kkonċernati u lill-Istati Membri l-oħrajn jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Jekk wara li tkun irċeviet dawn l-osservazzjonijiet u wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità jirrispondi għalihom, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura in kwistjoni hija għajnuna li mhijiex kompatibbli mar-regoli ta’ l-imsemmi Kodiċi, hija għandha tieħu deċiżjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tevalwa l-għajnuna in kwistjoni. Meta Stat Membru ma jikkonformax ma’ l-imsemmija deċiżjoni, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88 KE.

41.

Wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fit-23 ta’ Lulju 2002, l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija lill-impriżi ta’ l-azzar kif ukoll lill-impriżi tal-faħam waqat taħt ir-regoli tat-Trattat KE.

II — Il-fatti li wasslu għall-kawża

42.

Salzgitter hija impriża ta’ l-azzar li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ( 21 ).

A — Il-miżuri fiskali stabbiliti miz-ZRFG

43.

Fil-Ġermanja, iz-ZRFG ġiet adottata fil-5 ta’ Awwissu 1971.

44.

Din il-liġi ġiet approvata, flimkien ma’ l-emendi ulterjuri tagħha, mill-Kummissjoni, wara eżami tal-miżuri li din tipprevedi fid-dawl tal-Artikoli 87 KE u 88 KE ( 22 ). L-imsemmija liġi kienet tapplika għas-setturi kollha ta’ l-ekonomija. Din b’hekk kienet tikkonsisti f’skemi ġenerali ta’ għajnuna mhux speċifika għas-settur tal-faħam u l-azzar. Iz- ZRFG skadiet fl-1995.

45.

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi kien jipprevedi inċentivi fiskali taħt il-forma ta’ ammortamenti straordinarji u riżervi eżenti mit-taxxa għall-investimenti magħmula f’kull stabbiliment ta’ impriża li tinsab fiz-Zonenrandgebiet. L-ammortamenti straordinarji kienu jippermettu lill-impriżi benefiċjarji jniżżlu fil-bilanċ tagħhom kantità ta’ ammortamenti,, relatati ma’ investimenti ammissibbli, ogħla, meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni ġenerali, fl-ewwel sena jew fl-ewwel snin wara l-imsemmija investimenti ta’ l-impriżi. Dan kien ifisser għal dawn l-impriżi bażi ta’ taxxa mnaqqsa u għalhekk likwidità ikbar għall-ewwel sena jew għall-ewwel snin wara l-investimenti, li kienet tagħtihom vantaġġ ta’ dħul u ħruġ tal-flus. Kien miksub ukoll vantaġġ simili mill-imsemmija impriżi permezz ta’ riżervi eżenti mit-taxxa. Madankollu, l-ammortamenti straordinarji u r-riżervi eżenti mit-taxxa ma kinux kumulattivi.

46.

L-Artikolu 3 taz-ZRFG kien japplika mingħajr distinzjoni għas-setturi kollha ta’ attività, għal kull tip ta’ investiment, kemm jekk mobbli u kemm jekk immobbli u għall-impriżi kollha, mingħajr distinzjoni ta’ daqs, attività jew sede. Madankollu, kundizzjoni neċessarja sabiex wieħed ikun jista’ jibbenifika mill-miżuri previsti f’dan l-Artikolu kienet li l-istabbilimenti li fihom kienu saru l-investimenti kellhom jinsabu fiz-Zonenrandgebiet.

B — Il-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 6(5) tas-Sitt Kodiċi u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

47.

Wara li skopriet fil-kontijiet annwali ta’ Preussag Stahl AG, waħda mill-kumpanniji tal-grupp attwali Salzgitter, li din kienet ingħatat iktar minn għajnuna waħda bejn l-1986 u l-1995 fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 3 taz-ZRFG, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Marzu 1999 bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(5) tas-Sitt Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar fir-rigward ta’ l-għotjiet konċessi u mogħtija minn dan l-Istat Membru lil Salzgitter ( 23 ).

48.

Fit-28 ta’ Ġunju 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 4(c) KEFA u tas-Sitt Kodiċi.

49.

Fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter, skond l-Artikolu 3 taz- ZRFG, fil-forma ta’ ammortamenti straordinarji u riżervi eżenti mit-taxxa, għal bażi ta sussidju ta’ rispettivament 484 miljun u 367 miljun DEM, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

50.

Skond l-Artikoli 2 u 3 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-imsemmija għajnuna mingħand Salzgitter.

III — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

51.

Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Settembru 2000, Salzgitter ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. B’digriet tad-29 ta’ Marzu 2001 tal-President tar-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 24 ), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni b’sostenn tat-talbiet ta’ Salzgitter.

52.

Sabiex isostni r-rikors tagħha, l-impriża benefiċjarja invokat tmien motivi ta’ annullament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-ewwel, it-tieni, it-tielet u s-seba’ motivi, qabel ma annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata.

53.

Permezz ta’ l-ewwel motiv tagħha, Salzgitter akkużat lill-Kummissjoni li kkwalifikat, b’mod żbaljat, l-ammortamenti straordinarji u r-riżervi eżenti mit-taxxa previsti fl-Artikolu 3 taz-ZRFG, bħala għajnuna mill-Istat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv, billi kkunsidrat li l-għajnuna in kwistjoni kienet tabilħaqq tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 4(c) KEFA.

54.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, Salzgitter akkużat lill-Kummissjoni li wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA u, b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv, fuq il-bażi tar-raġunijiet mogħtija fil-punti 103 sa 118 tas-sentenza appellata. Wara li rrilevat, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li l-Artikolu 4(c) KEFA u l-Artikolu 67 KEFA jirrigwardaw żewġ oqsma differenti, u li dan l-aħħar Artikolu ma jaqax taħt il-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

55.

Fil-punti 112 sa 115 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement enfasizzat li l-inċertezzi marbuta ma’ l-iżviluppi tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma jbiddlux dan l-istat ta’ fatt. Hija tippreċiża, b’mod partikolari, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li, għalkemm, sa mit-Tieni Kodiċi, il-Kodiċi jikkonċernaw kollha l-għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar, kemm jekk hija speċifika għas-settur tal-faħam u l-azzar u kemm jekk le, din il-preċiżjoni għandha biss bħala għan li tagħti lura lill-Artikolu 4(c) KEFA l-portata oriġinali tiegħu, peress li dan ta’ l-aħħar ma jistabbilixxi ebda distinzioni bejn it-tipi ta’ għajnuna li jaqgħu taħt il-projbizzjoni tiegħu.

56.

Fil-punt 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Artikolu 4(c) KEFA kien applikabbli, bl-esklużjoni tal-Artikolu 67 KEFA u, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet it-tieni motiv.

57.

Permezz tat-tielet motiv tagħha, Salzgitter akkużat lill-Kummissjoni li ma eżaminatx ex ufficio, fis-sens tal-Artikolu 95 KEFA, jekk l-għajnuna in kwistjoni setatx tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan il-motiv, billi kkunsidrat, fil-punti 136 sa 147 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kienet għamlet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-applikabbiltà tal-Artikolu 95 KEFA.

58.

Permezz tar-raba’ u l-ħames motivi tagħha, Salzgitter takkuża lill- Kummissjoni li għamlet żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwalifikazzjoni ta’ ċerti proġetti ta’ investiment. Fil-kuntest tas-sitt motiv, hija sostniet li l-Kummissjoni kienet ukoll għamlet żball ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tar-rata ta’ attwalizzazzjoni determinanti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx dawn il-motivi.

59.

Permezz tas-seba’ motiv tagħha, Salzgitter ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, billi ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-ewwel lok, iddeċidiet, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas ta’ terminu preskrittiv jew in-nuqqas ta’ notifika minn qabel ta’ l-għajnuna in kwistjoni ma kinux jeskludu ksur, mill-Kummissjoni, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Hija enfasizzat ukoll, fil-punt 163 ta’ din is-sentenza, li Salzgitter ma setgħetx tinżamm responsabbli għan-nuqqas ta’ notifika ta’ din l-għajnuna, in kwantu l-impriża benefiċjarja m’hijiex l-interlokutur istituzzjonali tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat. Sussegwentement, fil-punti 165 u 166 ta’ l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament aċċettat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna ma jistax jinvoka aspettattiva leġittima fir-regolarità ta’ din l-għajnuna meta din tkun ingħatat bi ksur tar-regoli proċedurali, Salzgitter ma invokatx, fil-każ preżenti, aspettativa leġittima fir-regolarità ta’ l-għajnuna, iżda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li ma jistax ikun limitat għall-kundizzjonijiet rikjesti għall-ħolqien ta’ aspettativa leġittima minn naħa tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna

60.

Wara li fakkret, fil-punti 168 sa 173 tas-sentenza appellata, l-iżviluppi fil-gwida ta’ kondotta adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-ewwel tliet Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 174 ta’ dik is-sentenza:

“[…] is-sitwazzjoni li rriżultat mill-adozzjoni tat-Tieni u t-Tielet Kodiċi […], kienet ikkaratterizzata minn elementi ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza, attribwibbli lill-Kummissjoni::

In-natura impliċita ta’ rtirar parzjali — u, għaldaqstant, ta’ natura li mhijiex ċara biżżejjed — tan-nuqqas ta’ oġġezzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ [l-4 ta’ Awwissu 1971, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1971”];

ambigwità rigward il-portata ta’ l-irtirar impliċitu tan-nuqqas ta’ oġġezzjoni, iċċitat iktar ’il fuq għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk l-applikazzjoni sussegwenti ta’ l-Artikolu 3 taz-ZRFG kellhiex tiġi nnotifikata bħala “proġett”, fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi […].”

61.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement irrivelat, fil-punti 176 sa 179 tas-sentenza appellata, l-obbligi partikolari li l-Kummissjoni kienet imponiet fuq l-impriżi ta’ l-azzar bil-għan li tindirizza l-kriżi fis-settur. Dawn kellhom jikkomunikaw lis-servizzi tal-Kummissjoni informazzjoni dwar l-produzzjoni ta’ azzar tagħhom u l-investimenti tagħhom fil-kuntest tas-sistemi ta’ sorveljanza stabbiliti mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li kienet teżisti konnessjoni ġuridika bejn dawn is-sistemi differenti u indikat li l-Kummissjoni għaldaqstant kienet neċessarjament mwassla tivverifika, matul l-eżami tad-dokumenti mibgħuta mill-impriżi, jekk iż-żamma jew iż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ma kinux jirriżultaw minn għajnuna mill-Istat mhux awtorizzata. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl ta’ l-informazzjoni mibgħuta minn Salzgitter wara l-1988, il-Qorti tal-Prim’Istanza qiset li l-Kummissjoni kien imissa rrilevat u kkonstatat in-nuqqas ta’ notifika ta’ l-għajnuna in kwistjoni u bdiet azzjoni marbuta ma’ dan . Hija fakkret ukoll li l-Kummissjoni kienet eżaminat mill-ġdid l-iskema ta’ għajnuna prevista miz-ZRFG fl-1988 u adottat deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni matul ix-xahar ta’ Diċembru 1988 fuq il-bażi tat-Trattat KE.

62.

Fil-punt 180 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant iddeduċiet li:

“Is-sitwazzjoni ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza deskritta fil-punt 174 […], flimkien man-nuqqas ipprorogat ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni, minkejja l-konoxxenza tagħha ta’ l-għajnuna li minnha kienet tibbenefika [Salzgitter], b’hekk ikkreat, bi ksur għall-obbligu ta’ diliġenza impost fuq din l-istituzzjoni, sitwazzjoni ekwivoka li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tikkjarifika qabel ma setgħet tieħu azzjoni intiża sabiex tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna diġà mħallsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1970, Il-Kummissjoni vs Franza, 26/69, Ġabra p. 565, punti 28 sa 32)”.

63.

Fil-punt 181 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li din il-kjarifika ma kinitx ingħatat mill-Kummissjoni, u fil-punt 182 ta’ din is-sentenza, hija kkonkludiet li l-Kummissjoni ma setgħetx titlob l-irkupru ta’ l-għajnuna mħallsa lil Salzgitter bejn l-1986 u l-1995, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

64.

Konsegwentement, fil-punt 183 ta’ l-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet is-seba’ motiv u annullat l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata in kwantu dawn obbligaw lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-għajnuna mogħtija illegalment lil Salzgitter.

65.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 184 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok li tagħti deċiżjoni dwar il-motivi intiżi, essenzjalment, għat-tnaqqis u għall-kalkolu ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi restitwita. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet it-tmien motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Hija kkunsidrat, effettivament, li l-istħarriġ ġudizzjarju li hija kienet wettqet matul l-eżami ta’ l-ewwel tliet motivi invokati minn Salzgitter kien juri, ampjament, li dan l-obbligu kien ġie rrispettat mill-Kummissjoni.

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

66.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni ressqet dan l-appell. Hija titlob l-annullament tas-sentenza appellata, ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u, finalment, li Salzgitter tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

67.

Salzgitter titlob li l-appell jiġi miċħud. Barra minn hekk, permezz ta’ l-appell inċidentali tagħha hija titlob, min-naħa waħda, l-annullament tas-sentenza appellata, in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha fil-prim’istanza u, min-naħa l-oħra, l-annullament ta’ l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Salzgitter tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

68.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li interveniet b’sostenn tar-risposta u ta’ l-appell inċidentali mressqa minn Salzgitter, titlob li l-appell prinċipali jiġi miċħud, li s-sentenza appellata tiġi annullata, in kwantu din ċaħdet ir-rikors ta’ Salzgitter fil-prim’ istanza u, finalment, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat.

69.

L-appelli mressqa kontra s-sentenza appellata jqajjmu, essenzjalment, żewġ problemi ta’ dritt.

70.

Fil-kuntest ta’ l-appell prinċipali, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta ddeċidiet li hija kienet kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-għajnuna mogħtija indebitament lil Salzgitter, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ preżenti.

71.

Fil-kuntest ta’ l-appell inċidentali, Salzgitter issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat il-portata u l-applikabbiltà tal-Artikoli 4(c) KEFA, 67 KEFA u 95 KEFA għall-finijiet ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata. Hija b’mod partikolari takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kkommettiet żball ta’ dritt meta kkunsidrat li l-eżami ta’ l-għajnuna kontenzjuża kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA.

72.

In kwantu l-kwistjoni mqajjma mill-appell inċidentali hija relatata mal-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, fil-fehma tiegħi din għandha tiġi eżaminata qabel l-appell prinċipali.

V — Fuq l-appell inċidentali

73.

B’sostenn ta’ l-appell inċidentali tagħha, Salzgitter tqajjem żewġ aggravji.

74.

Permezz ta’ l-ewwel aggravju tagħha, Salzgitter tikkontesta l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-legalità tal-bażi tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ssostni li, fis-sentenza appellata, hija interpretat b’mod żbljat l-Artikoli 4(c) KEFA, 67 KEFA u 95 KEFA.

75.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Salzgitter issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat, b’mod żbaljat, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata meħtieġa skond ir-raba’ inċiż tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5, KEFA, u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 15, KEFA ( 25 ).

A — Fuq l-ewwel aggravju ibbażat fuq żball ta’ dritt fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(c) KEFA, 67 KEFA u 95 KEFA

76.

L-ewwel aggravju jikkonsisti fi tliet partijiet, ibbażati fuq żbalji differenti ta’ dritt magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-portata u l-applikabbiltà tal-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA, fit-tieni lok, fir-rigward tal-firxa tal-kompetenzi tal-Kummissjoni stabbilita fl-Artikolu 95 KEFA u, fit-tielet lok, fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-prassi deċiżjonali tagħha.

1. Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq żball ta’ dritt fir-rigward tal-portata u l-applikabbiltà tal-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA

77.

Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, Salzgitter tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ dritt meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet validament tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 4(c) KEFA għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni ( 26 ).

a) L-argumenti tal-partijiet

78.

In sostenn ta’ l-argument tagħha, Salzgitter tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-għajnuna mhux speċifika għas-settur tal-faħam u ta’ l-azzar ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA. Hija ssemmi, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1960, Compagnie des hauts fourneaux u fonderies de Givors et vs L-Awtorità Għolja ( 27 ), De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq; L-Olanda vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks ( 28 ). Salzgitter tikkontesta wkoll l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza ( 29 ), tistabbilixxi li l-għajnuna mhux speċifika għall-impriżi ta’ l-azzar kienet diġà pprojbita mill-Artikolu 4(c) KEFA qabel l-adozzjoni ta’ l-Ewwel Kodiċi.

79.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tappoġġa l-analiżi ta’ Salzgitter billi tibbaża ruħha, fl-ewwel lok, fuq is-sistematika tat-Trattat KEFA. Hija tikkonstata li l-piżijiet u s-sussidji li jirrigwardaw speċifikament il-faħam u l-azzar kienu allegatament strettament ipprojbiti mill-Artikolu 4(c) KEFA, filwaqt li l-Artikolu 67 KEFA kien intiż biex japplika għall-miżuri ġenerali ta’ l-Istat. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA għal għajnuna mhux speċifika għas-settur tal-faħam u l-azzar mhux biss tmur kontra l-prinċipju ta’ integrazzjoni parzjali li fuqu huwa bbażat it-Trattat KEFA, iżda tneħħi wkoll kull effett utli tal-Artikolu 67 KEFA.

80.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibbaża ruħha, fit-tieni lok, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattati KEFA u KE. Filwaqt li l-kontroll ta’ l-għajnuna previst mit-Trattat KE jirrigwarda, kif jirriżulta mill-Artikolu 87(3)(a) sa (e), KE, il-miżuri ta’ għajnuna ġenerali, it-Trattat KEFA jorganizza esklużivament il-kontroll ta’ l-għajnuna maħsuba għas-settur tal-faħam u l-azzar. Għaldaqstant, l-aċċettazzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA għall-iskemi ġenerali ta’ għajnuna, tammonta sabiex jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE kif ukoll is-setgħat ta’ eżenzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 87 KE.

81.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja targumenta li l-interpretazzjoni li hija tiddefendi ma ddgħajjafx il-kontroll tal-Kummissjoni fuq l-għajnuna mill-Istat, in kwantu r-riperkussjonijiet ta’ l-iskemi ġenerali ta’ għajnuna fuq is-settur ta’ l-azzar u tal-faħam huma evalwati fir-rigward tal-Artikoli 87 KE u 88 KE kif ukoll ta’ l-Artikolu 67 KEFA.

82.

Fid-dawl ta’ dawn id-diversi elementi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni għaldaqstant li l-kunċett ġuridiku difiż mill-Kummissjoni sa mit-Tielet Kodiċi huwa żbaljat u li d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Kodiċi huma inkompatibbli ma’ l-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA.

83.

Il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li l-Artikolu 67 KEFA m’huwiex applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Din id-dispożizzjoni tkopri biss il-miżuri ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jadottaw fil-kuntest tal-politika ekonomika u soċjali tagħhom jew il-miżuri settorjali li ma jirrigwardawx speċifikament lill-industrija ta’ l-azzar u tal-faħam. L-Artikolu 4(c) KEFA japplika, min-naħa l-oħra, għall-għajnuna mhux speċifika għas-suq komuni tal-faħam u l-azzar.

b) Evalwazzjoni

84.

Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju tagħha, Salzgitter titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar il-portata u l-applikabbiltà rispettivi tal-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA. Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija dwar jekk l-Artikolu 4(c) KEFA huwiex applikabbli għal għajnuna mogħtija lil impriża ta’ l-azzar meta din issir fil-kuntest ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna li preċedentement ġiet approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-Trattat KE, jew jekk l-implementazzjoni ta’ din il-miżura taqax taħt l-Artikolu 67 KEFA.

85.

Għandu jiġi mfakkar, effettivament, li, fil-kawża preżenti, l-iskema ġenerali ta’ għajnuna adottata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz taz-ZRFG, kienet ġiet awtorizzata mill-Kummissjoni, fl-1971, fuq il-bażi tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Kif jirriżulta wkoll mill-fatti ppreżentati mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-aħħar emendi ta’ din il-liġi kienu ġew approvati mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mat-Trattat KE.

86.

Kien fl-applikazzjoni ta’ din l-iskema ġenerali li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat għajnuna lil Salzgitter. Din l-impriża, għandu jiġi mfakkar, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-għajnuna, li tħallset bejn l-1986 u l-1995 ( 30 ), kienet inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar, skond l-Artikolu 4(c) KEFA. Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija dwar jekk l-għajnuna in kwistjoni fil-fatt taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjoni.

87.

Fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti, ġew ippreżentati żewġ opinjonijiet.

88.

L-ewwel waħda, li hija dik tal-Kummissjoni, targumenta favur interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 4(c) KEFA. Din id-dispożizzjoni tkopri kull għajnuna li jistgħu jgawdu minnha l-impriżi ta’ l-azzar jew tal-faħam.

89.

It-tieni opinjoni, li hija mressqa minn Salzgitter u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tikkonsisti fl-għoti ta’ interpretazzjoni restrittiva tal-portata tal-Artikolu 4(c) KEFA. Dan l-Artikolu japplika esklużivament għall-għajnuna speċifika favur impriżi fis-settur tal-faħam u l-azzar, jiġifieri għall-għajnuna li minnha dawn l-impriżi jibbenefikaw speċjalment jew prinċipalment minħabba l-attività tagħhom fis-settur ta’ l-azzar jew tal-faħam. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-għajnuna mogħtija lill-industrija ta’ l-azzar jew tal-faħam fuq il-bażi ta’ skemi ta’ għajnuna ġenerali jew reġjonali. Il-kompatibbiltà ta’ din ta’ l-aħħar hija xorta waħda eżaminata fuq il-bażi tal-Artikolu 67 KEFA, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE.

90.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu Salzgitter u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-fehma tiegħi l-eżami ta’ l-għajnuna in kwistjoni jaqa’ ferm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA.

91.

Qabel ma nippreżenta r-raġunijiet li jwassluni biex niddefendi dan l-argument, ser niddeskrivi, fl-ewwel lok, l-istat tal-kwistjoni, sabiex inkunu nistgħu nifhmu sew is-sistematika tat-Trattat KEFA. Fil-kuntest ta’ dan l-istudju, ser nistudja, fl-ewwel lok, il-portata u l-applikabbiltà rispettivi tal-Artikoli 4 KEFA u 67 KEFA. Ser nippreżenta, sussegwentement, l-opinjonijiet ta’ l-Avukati Ġenerali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. Fl-aħħar, ser nippreċiża l-konfini tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat stabbilita mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-Trattat KEFA.

92.

Ser nispjega, fit-tieni lok, u fid-dawl ta’ l-elementi li ser nistabbilixxi, għalfejn inqis li l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni taqa’ ferm taħt l-Artikolu 4(c) KEFA.

i) L-istat tal-kwistjoni

— Ir-regoli previsti mit-Trattat KEFA

93.

Ma jirriżultax b’mod ċar mill-kliem tal-Artikoli 4 KEFA u 67 KEFA jekk il-kompatibbiltà ta’ għajnuna, bħal dik in kwistjoni fil-kawża preżenti, għandhiex tiġi eżaminata fir-rigward ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jew l-oħra. L-interpretazzjoni tagħhom hija saħanistra iktar delikata peress li ma jeżistux, fil-kuntest tat-Trattat KEFA, xogħolijiet preparatorji jew dokumenti komuni għall-firmatarji kollha li għandhom valur interpretattiv ( 31 ). Għaldaqstant huwa neċessarju li ssir referenza għall-istruttura u għall-objettivi ta’ dan it-Trattat.

94.

Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li t-Trattat KEFA kiseb biss integrazzjoni ekonomika parzjali, billi ħoloq suq komuni limitat għas-settur tal-faħam u l-azzar.

95.

Fil-kuntest ta’ dan it-Trattat, l-Istati Membri rrinunzjaw il-kompetenzi tagħhom fir-rigward ta’ l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri żammu r-responsabbiltà għall-politika ekonomika ġenerali tagħhom, kif jindika l-kliem tal-Artikolu 26 KEFA ( 32 ).

96.

Il-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-azzar u tal-faħam b’hekk tista’ tiġi affettwata b’żewġ modi. Tista’ tiġi milquta minn miżuri nazzjonali li jirrigwardaw speċifikament u esklużivament l-industriji tal-faħam u l-azzar, bħas-sussidji jew l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi. Tista’ tiġi milquta wkoll minn distorsjonijiet li jirriżultaw mid-diskrepanza bejn il-miżuri ta’ politika ġenerali adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-kompetenzi li huma żammu.

97.

It-Trattat KEFA b’hekk ippreveda żewġ forom distinti ta’ azzjoni kontra dawn id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni: l-Artikolu 4(c) KEFA u l-Artikolu 67 KEFA.

L-Artikolu 4(c) KEFA

98.

L-Artikolu 4(c) KEFA jipprojbixxi, fil-prinċipju, l-għajnuna mill-Istat, fi ħdan is-suq komuni tal-faħam u l-azzar, in kwantu din tista’ thedded it-twettiq ta’ wieħed mill-objettivi essenzjali tiegħu, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kompetizzjoni ħielsa.

99.

Skond din id-dispożizzjoni, huma rikonoxxuti bħala inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar u, għaldaqstant, għandhom ikunu mneħħija u pprojbiti taħt il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat KEFA, fi ħdan il-Kommunità “is-sussidji jew l-għajnuna mogħtija mill-Istati jew il-piżijiet speċjali imposti minnhom, taħt kwalunkwe forma”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].

100.

L-Artikolu 4(c) KEFA huwa fformulat b’mod strett. Il-Qorti tal-Ġustizzja irrilevat żmien ilu il-“ġeneralità [tiegħu] mhux wisq komuni” ( 33 ) u rrikonoxxiet l-applikabbiltà immedjata tiegħu ( 34 ). Dan l-Artikolu jirrigwarda l-interventi diretti ta’ l-Istati Membri fil-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar u jistabbilixxi regola ta’ projbizzjoni pura u sempliċi li l-ksur tagħha qiegħed lill-Isatt Membru li jiksirha fi ksur sħiħ mat-Trattat KEFA.

101.

L-imsemmija dispożizzjoni tipprojbixxi kull għajnuna mingħajr ebda restrizzjoni, b’mod li din titqies bħala inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar mingħajr m’hu meħtieġ li jiġi stabbilit, b’differenza mill-Artikolu 87(1) KE, jekk din taffettwax l-iskambji bejn l-Istati Membri jew jekk din tfixkilx jew theddidx li tfixkel il-kompetizzjoni ( 35 ).

102.

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-kliem tiegħu, l-Artikolu 4(c) KEFA ma jistabbilixxi ebda distinzjoni bejn l-għajnuna individwali u l-iskemi ta’ għajnuna u lanqas bejn l-iskemi ta’ għajnuna speċifiċi jew non speċifiċi għas-settur tal-faħam u l-azzar.

103.

Madankollu, kif ser naraw, il-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni ma tfissirx barra minn hekk li kull għajnuna mill-Istat, mogħtija fi ħdan is-suq komuni tal-faħam u l-azzar, hija kkunsidrata bħala inkompatibbli ma’ l-objettivi tat-Trattat KEFA. Effettivament, fl-istruttura tiegħu, l-Artikolu 4(c) KEFA ma jipprekludix li l-Kummissjoni tawtorizza, b’deroga, fuq il-bażi ta’ l-ewwel u tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, għajnuna mill-Istat li tippermetti, b’mod konformi ma’ l-objettivi tat-Trattat KEFA, li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet imprevisti.

L-Artikolu 67 KEFA

104.

L-Artikolu 67 KEFA huwa maħsub biex jistabbilixxi koordinazzjoni politika bejn l-Istati Membri. Huwa intiz biex itaffi d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mid-diskrepanza bejn il-miżuri politiċi nazzjonali adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-kompetenzi li huma żammu u li jistgħu jolqtu lis-suq ta’ l-azzar u tal-faħam tal-Komunità.

105.

L-imsemmija dispożizzjoni tobbliga lill-Istat Membru li jadotta miżura li jista’ jkollha riperkussjoni sinjifikanti fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam u l-azzar, biex jinnotifikaha lill-Kummissjoni. Jekk din l-azzjoni jkollha effetti dannużi għall-impriżi ta’ l-azzar jew tal-faħam attivi fis-suq ta’ dak l-Istat jew fi Stat Membru ieħor, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv u mal-Kunsill, jew tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna lil dawn l-impriżi, li l-ammont, il-kundizzjonijiet u t-tul ta’ żmien tagħha huma ffissati bi qbil magħha, jew tindirizza rakkomandazzjoni lil dan l-Istat sabiex huwa jirrimedja l-effetti dannużi ta’ l-azzjoni tiegħu permezz tal-miżuri li fil-fehma tiegħu jkunu l-iktar kompatibbli ma’ l-ekwilibriju ekonomiku tiegħu.

106.

Il-Qorti tal-Ġustizzja minn żmien ilu tat lil din id-dispożizzjoni interpretazzjoni restrittiva. Hija kkunsidrat li l-Artikolu 67 KEFA huwa dispożizzjoni korrettiva għan-natura parzjali ta’ l-integrazzjoni mwettqa mit-Trattat KEFA.

107.

Għaldaqstant, fis-sentenza Groupement des industries sidérurgiques luxembourgeoises vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 67 KEFA huwa “miżura ta’ kumpens” li tippermetti “li jiġu annullati l-effetti ta’ tfixkil għall-kompetizzjoni li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ma [jkunux] neħħew, u b’hekk li jiġi impedit li dan it-tfixkil […], minħabba l-fatt li [jkun] baqa’ jeżisti wara l-istabbiliment tas-suq komuni, jikkomprometti l-missjoni li l-Artikolu 2 tat-Trattat tat lill-Komunità ‘b’mod armonjuż ma’ l-ekonomija ġenerali ta’ l-Istati Membri’” ( 36 ).

108.

Sussegwentement, fis-sentenza Compagnie des hauts fourneaux u fonderies de Givors et vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kunsidrat li l-Artikolu 67 KEFA jipprevedi unikament “miżuri ta’ protezzjoni” kontra miżuri ta’ l-Istati li ma jirrigwardawx b’mod dirett u immedjat l-industriji. Dawn il-miżuri ta’ protezzjoni huma intizi biss biex “jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw, fis-suq komuni, minn azzjoni ta’ Stat li l-[Kummissjoni ma jkollhiex] is-setgħa li twaqqaf direttament” ( 37 ).

109.

Kien fis-sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet bejn il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA billi kkunsidrat li dawn kienu jirrigwardaw “żewġ oqsma distinti” ( 38 ). Il-qorti Komunitarja kkonstatat li l-Artikolu 67 KEFA ma jistax jirrigwarda l-istess miżuri bħal dawk iddikjarati bħala mħassra u pprojbiti mill-Artikolu 4(c) KEFA, u dan għal żewġ raġunijiet.

110.

L-ewwel waħda hija marbuta ma’ l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA. Effettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat li, jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, imħassra u pprojbita fuq il-bażi tal-Artikolu 4(c) KEFA, tista’ tiġi permessa fuq il-bażi tal-Artikolu 67 KEFA (bl-eċċezzjoni tal-miżuri rrakkomandati mill-Kummissjoni), il-portata tal-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 4 KEFA tkun, fil-fehma tagħha, affettwata bil-kbir.

111.

It-tieni waħda hija relatata mad-differenza tal-mezzi mpoġġija għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 KEFA. Effettivament, għall-kuntrarju tal-Artikolu 4 KEFA, li jagħti kompetenza esklużiva lill-Komunità, l-Artikolu 67 KEFA jirriżerva għal din ta’ l-aħħar sempliċi setgħa ta’ “rakkomandazzjoni”.

112.

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret, f’sentenza iktar reċenti tal-5 ta’ Ġunju 2001, ESF Elbe-Stahlwerke Feralpi vs Il-Kummissjoni ( 39 ), li l-Artikolu 67 KEFA “jirrigwarda unikament il-vantaġġi favur l-industrija ta’ l-azzar li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni jew regolamenti ta’ Stat marbuta mal-politika ekonomika ġenerali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, u mhux is-sussidji pubbliċi mogħtija speċjalment lill-industrija tal-faħam u l-azzar jew, bħal f’din il-kawża, lil impriża ta’ l-azzar partikolari, li jaqgħu taħt l-Artikolu 4(c) [KEFA]” ( 40 ).

113.

Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li l-objettiv tal-Artikolu 67 KEFA hu li jippermetti lill-Kummissjoni tawtorizza l-għoti ta’ miżuri kumpensatorji jew “miżuri ta’ protezzjoni” lil impriżi ta’ l-azzar meta dawn ta’ l-aħħar isofru minn miżuri ta’ politika ekonomika ġenerali.

— L-opinjonijiet ta’ l-Avukati Ġenerali dwar il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ l-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA

114.

L-eżami tal-konklużjonijiet mogħtija mill-Avukati Ġenerali fil-kawżi hawn fuq iċċitati jurina d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom fid-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA meta mqabbel ma’ dak tal-Artikolu 67 KEFA.

115.

L-Avukati Ġenerali Lagrange, Roemer u Geelhoed kollha qablu li l-Artikolu 4(c) KEFA jikkonċerna biss is-sussidji speċjali li jirrigwardaw esklużivament lill-industrija tal-faħam u ta’ l-azzar, filwaqt li l-vantaġġi li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni ġenerali għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-Artikolu 67 KEFA ( 41 ).

116.

L-Avukat Ġenerali Lagrange, fil-Konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-5 ta’ Novembru 1960 fil-kawża li tat lok għas-sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, qis li wieħed ma setax “jeskludi ipso jure mill-kompetenza ta’ l-Istati Membri dak kollu li, f’leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip, jirrigwarda speċjaljment l-industriji kollha [tal-KEFA] jew parti minnhom”. Dan, fil-fehma tiegħu, ikun “estensjoni abużiva ta’ l-azzjoni tal-KEFA f’qasam li huwa rriżervat għall-kompetenza ta’ l-Istati”. Sabiex issir distinzjoni bejn il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(c) KEFA u dawk imsemmija fl-Artikolu 67 KEFA, l-Avukat Ġenerali Lagrange ppropona li jintuża kriterju bbażat fuq l-“objettiv reali tal-miżura”. Bħala eżempju tal-proposta tiegħu, huwa ħa l-eżempju ta’ miżura leġiżlattiva li temenda l-modi ta’ kif titħallas is-sigurtà soċjali u li tinkludi regoli partikolari għal ċerti professjonijiet (l-industriji tal-minjieri, per eżempju). Fil-fehma tiegħu, miżura ta’ dan it-tip ma tistax tiġi meqjusa, a priori, bħala għajnuna jew sussidju pprojbit taħt l-Artikolu 4(c) KEFA. Peress illi l-objettiv ta’ din il-miżura huwa wieħed soċjali u l-adozzjoni ta’ regoli partikolari ta’ finanzjament għal professjonijiet partikolari hija ġġustifikata minn raġunijiet leġittimi marbuta ma’ l-objettivi segwiti mil-leġiżlazzjoni ġenerali, din tibqa’ fil-kompetenza nazzjonali u ma taqax taħt l-Artikolu 67 KEFA ( 42 ).

117.

L-Avukat Ġenerali Roemer, min-naħa l-oħra, qis, fil-Konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fl-10 ta’ Ġunju 1971 fil-kawża li tat lok għas-sentenza L-Olanda vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-intenzjoni ta’ l-awturi tat-Trattat KEFA ma setgħetx kienet li jagħtu effett assolut lill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA.

118.

Min-naħa waħda, peress li s-sussidji jikkostitwixxu strument ferm attwali tal-politika ekonomika, soċjali u industrijali, ma jkunx raġonevoli li l-industriji tal-faħam u l-azzar jitneħħew kompletament mill-azzjoni benefiċjarja li tirriżulta għalihom minn miżuri li l-Istati Membri jieħdu fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ekonomika ġenerali tagħhom, u li jiġi kkunsidrat li fir-rigward ta’ dawn l-industriji teżisti projbizzjoni assoluta ta’ sussidji. Tali sistema tintroduċi lakuna sostanzjali fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ politika ekonomika ġenerali ta’ l-Istati Membri.

119.

Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 KEFA u ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, li tippermetti li tiġi mitigata l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA, timplika proċedura pedantika (opinjoni konformi tal-Kunsill b’vot unanimu u konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv) u tkun teħtieġ l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet li diffiċli biex jintlaħqu (problemi fundamentali u persistenti ta’ l-ekonomija).

120.

Finalment, li jiġi ammess li l-Artikolu 4(c) KEFA jirrigwarda kull għajnuna li minnha jistgħu jibbenefikaw l-impriżi ta’ l-azzar ikun ta’ ħsara għall-iżvilupp armonjuż tal-Komunitajiet, peress li d-dispożizzjonijiet iddedikati għall-għajnuna fit-Trattat KE jipprevedu, huma wkoll, eċċezzjonijiet sinjifikanti għall-projbizzjoni ta’ sussidji, u dan b’kunsiderazzjoni, għal darb’oħra, tal-kompetenzi li l-Istati Membri rriżervaw għalihom infushom.

121.

Finalment, l-Avukat Ġenerali Geelhoed ikkunsidra, fil-Konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fit-8 ta’ Frar 2001 fil-kawża li tat lok għas-sentenza Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni ( 43 ), li fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 44 ), il-projbizzjoni ta’ għajnuna stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA hija suġġetta biss għal żewġ eċċezzjonijiet. L-ewwel waħda hija bbażata fuq il-fatt li “il-miżura trid tkun taqa’ taħt il-kategorija ta’ ‘sussidji jew għajnuna mogħtija mill-Istati’”, u t-tieni waħda fuq il-fatt li “[din] għandha tirrigwarda speċifikament u esklużivament is-settur tal-faħam u l-azzar” ( 45 ).

— L-istabbiliment tas-sistema KEFA ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat

122.

Minkejja l-projbizzjoni fil-prinċipju ta’ għajnuna mill-Istat, stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi sistema li tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-industrija ta’ l-azzar, sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ kriżi li laqtet lil dan is-settur mit-tmiem tas-snin 70. Il-funzjonament ta’ din is-sistema kellu jiġi kkoordinat mas-sistema ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat stabbilita mit-Trattat KE.

Il-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar

123.

Il-prinċipji u l-mezzi ta’ azzjoni stabbiliti fil-kuntest tat-Trattat KEFA kienu jirrispondu għas-sitwazzjoni li kienet teżisti fil-mument meta ġie ffirmat. Fl-ewwel lok dawn kienu orjentati lejn tkabbir tal-produzzjoni u aċċess ugwali għal dawk li jużaw il-prodotti tal-KEFA, mingħajr ebda diskriminazzjoni ( 46 ). Dan l-orjentament jispjega l-istrettezza tar-regoli relatati mal-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar, bħall-projbizzjoni ġenerali tas-sussidji u ta’ l-għajnuna mill-Istat, l-obbligu li jiġu ppubblikati l-listi ta’ prezzijiet u t-tariffi tat-trasport kif ukoll il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni.

124.

Din l-ewwel Komunità ta’ integrazzjoni madankollu kienet ta’ natura fundamentalment dinamika. Ċerti regoli tas-suq, stabbiliti mit-Trattat KEFA, kellhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta’ politika li qabel kollox kellha tindirizza l-problemi strutturali ta’ l-ekonomija ta’ l-industriji tal-faħam u ta’ l-azzar ( 47 ).

125.

Sabiex tindirizza l-ħtiġijiet tar-ristrutturar tas-settur ta’ l-azzar, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ewwel u tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, biex tistabbilixxi skema Komunitarja li tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għall-industrija ta’ l-azzar f’ċerti każijiet limitati ( 48 ). Kif diġà indikajt, is-sistema adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-imsemmija dispożizzjoni ħadet il-forma ta’ deċiżjonijiet ta’ portata ġenerali, imsejħa “Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar”.

126.

Dawn il-Kodiċi jawtorizzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet u wara l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, derogi għall-projbizzjoni fil-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 4(c) KEFA, favur kategoriji determinati ta’ għajnuna li l-istess Kodiċi jelenkaw b’mod eżawrenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk tikkunsidra li dawn għandhom jiġu interpretati b’mod strett ( 49 ). L-imsemmija Kodiċi huma wkoll ta’ applikazzjoni limitata fiż-żmien, in kwantu jistabbilixxu regoli ta’ adattament ta’ l-industrija ta’ l-azzar għall-objettivi tat-Trattat KEFA skond il-ħtiġijiet eżistenti f’perijodu partikolari ( 50 ).

127.

L-Ewwel Kodiċi fih spjegazzjoni, li, fir-rigward ta’ din il-kawża, għandha tiġi enfasizzata. Effettivament, skond l-Artikolu 1 tiegħu, dan il-Kodiċi jirrigwarda biss l-għajnuna mogħtija speċifikament lill-impriżi tal-faħam u l-azzar. Skond l-istess Kodiċi, l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ għajnuna ġenerali u reġjonali għall-industrija ta’ l-azzar tibqa’ b’hekk suġġetta għall-kontroll tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 67 KEFA u tal-Artikoli 87 KE u 88 KE ( 51 ). Il-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar suċċessivi jistabbilixxu sistema ta’ kontroll differenti, peress li jissuġġettaw kull għajnuna li taqa’ taħt il-kategoriji eżenti li huma jiddefinixxu għal trattament uniformi, fil-kuntest ta’ proċedura waħda li taqa’ taħt it-Trattat KEFA.

128.

L-għajnuna li ma taqax taħt il-kategoriji msemmija mill-imsemmija Kodiċi tibqa’ esklużivament suġġetta għall-Artikolu 4(c) KEFA. Din l-għajnuna madankollu tista’ tibbenefika minn deroga individwali għall-projbizzjoni stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni jekk il-Kummissjoni tkun tal-fehma, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha taħt l-Artikolu 95 KEFA, li din l-għajnuna hija meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq ta’ l-objettivi tat-Trattat KEFA ( 52 ).

Il-koordinazzjoni ta’ l-iskemi ta’ għajnuna KE u KEFA

129.

Il-kwistjoni li jeħtieġ li nirrispondi tirrifletti ugwalment id-diffikultajiet mqajjma mill-koeżistenza taż-żewġ sistemi ġuridiċi li huma t-Trattati KE u KEFA. Effettivament, l-iżvilupp dejjem akbar tal-KE u l-elaborazzjoni, fi ħdanha, ta’ sistema ta’ regoli ta’ kompetizzjoni fl-oqsma l-iktar diversi ta’ l-attività ekonomika, urew koinċidenzi fis-setturi ta’ interess komuni. Il-koeżistenza ta’ dawn iż-żewġ Komunitajiet qajmet b’hekk b’mod partikolari il-kwistjoni tal-koordinazzjoni tas-sistema tagħhom ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat.

130.

Iż-żewġ Komunitajiet, flimkien mal-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika, huma elementi ta’ kostruzzjoni kollettiva. Id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mit-Trattati KE, KEFA u EURATOM b’hekk għandhom jiġu interpretati u applikati skond dan l-għan komuni, jiġifieri bħala li jiffurmaw parti minn sistema ġuridika waħda, intiża għal integrazzjoni ekonomika sħiħa. Madankollu, għandu jiġi mħares li tiġi rispettata l-ispeċifiċità tar-regoli stabbiliti minn kull wieħed minn dawn it-Trattati meta dawn ta’ l-aħħar jispeċifikaw hekk.

131.

F’dak li jirrigwarda t-Trattat KEFA, din ir-regola hija ffissata b’mod ċar u inekwivoku fl-Artikolu 305(1) KE. Din id-dispożizzjoni tippreċiża, fil-fatt, li “[i]d-disposizzjonijiet ta’ dan it-[Trattat KE] m’għandhomx jolqtu l-dawk tat-Trattat [KEFA], b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri […] u r-regoli stipulati minn dak it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar”.

132.

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet ripetutament li r-regoli tat-Trattat KEFA u d-dispożizzjonijiet kollha adottati għall-applikazzjoni tiegħu jżommu, minkejja d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ( 53 ). Għaldaqstant, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE huma applibbli biss b’mod sussidjarju, fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi fit-Trattat KEFA ( 54 ).

133.

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-Trattat KEFA jipprovdi regoli speċifiċi, b’tali mod li r-regoli derivati mit-Trattat KE ma japplikawx.

134.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li d-“differenza ċara bejn il-kliem tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(c) [KEFA] u dawk ta’ l-Artikolu [88](1) [KE] hija biżżejjed biex jiġi stabbilit li, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri ma kellhomx l-intenzjoni jżommu l-istess regoli u lanqas l-istess kamp ta’ intervent tal-Komunitajiet” ( 55 ).

135.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din l-analiżi fis-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’din il-kawża, ir-Renju ta’ Spanja akkuża lill-Kummissjoni li eżaminat il-kompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward tal-Artikolu 4(c) KEFA ( 56 ). Din il-leġiżlazzjoni, li kienet applikabbli qabel l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja fil-Komunitajiet Ewropej, kienet tippermetti li jingħata tnaqqis fiskali lill-impriżi għall-ispejjeż u l-investimenti mwettqa barra minn pajjiżhom. Wara li ġiet avżata minn impriżi kompetituri ta’ l-impriżi benefiċjarji, il-Kummissjoni fetħet proċedura bil-għan li tiġi eżaminata l-legalità ta’ l-għajnuna kontenzjuża biss fir-rigward tar-regoli tat-Trattat KEFA. Effettivament, għall-kuntrarju tat-Trattat KE, it-Trattat KEFA ma jirrikonoxxix il-kunċett ta’ “għajnuna eżistenti”. Wara li kkonstatat li l-iskema ta’ tnaqqis fiskali in kwistjoni setgħet tagħti vantaġġ lill-impriżi ta’ l-azzar, il-Kummissjoni ddeċidiet li kull għajnuna mogħtija mir-Renju ta’ Spanja, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, favur impriżi ta’ l-azzar tal-KEFA, ma kinitx kompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar, skond l-Artikolu 4(c) KEFA.

136.

Fil-kuntest tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja argumenta b’mod partikolari li l-esklużjoni ta’ l-impriżi ta’ l-azzar mill-benefiċċju tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni kienet tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-impriżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-aggravju ma kienx fondat safejn “l-impriżi ta’ l-azzar, safejn huma koperti mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat KEFA, mhumiex fl-istess sitwazzjoni bħall-impriżi l-oħra” ( 57 ).

137.

Fir-rigward ta’ din il-ġurisprudenza, l-impriżi li jeżerċitaw attivitajiet ta’ produzzjoni li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA b’hekk jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn impriżi oħrajn li jaqgħu taħt it-Trattat KE. Dan jirriżulta mir-regoli speċifiċi stabbiliti mit-Trattat KEFA biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar u biex jiġu indirizzati l-problemi strutturali tiegħu. Anki jekk it-Trattat KE jistabbilixxi sistema ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat ferm iktar flessibbli mit-Trattat KEFA, dawk l-impriżi jibqgħu suġġetti għaldaqstant għar-regoli speċifiċi stabbiliti minn dan ta’ l-aħħar ( 58 ).

138.

Il-konklużjonijiet li nistgħu nieħdu, għall-kawża preżenti, mil-elementi hawn fuq imsemmija huma dawn,

It-Trattat KEFA jipprevedi sistema ta’ kontroll speċifika ta’ l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi ta’ l-azzar, adattata għall-kundizzjonijiet tal-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar. Din is-sistema hija stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA kif ukoll mid-diversi Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar. Skond l-Artikolu 305(1) KE, u fid-dawl tal- ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE japplikaw fuq b’mod sussidjarju.

Skond l-Artikolu 4(c) KEFA, l-għajnuna mogħtija lill-impriżi ta’ l-azzar hija inkompatibbli mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar, sakemm din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjonijiet espressament previsti u debitament awtorizzati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar ( 59 ).

Safejn it-Trattat KEFA jikseb biss integrazzjoni parzjali, l-Artikolu 67 KEFA jippermetti lill-Kummissjoni tagħti miżuri kumpensatorji għall-benefiċċju ta’ impriża ta’ l-azzar meta din issofri mill-azzjoni li Stat Membru adotta fil-kuntest tal-politika ekonomika ġenerali tiegħu. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat KE, l-applikazzjoni tiegħu għandha tikkunsidra l-eżistenza ta’ sistema KE ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat.

139.

Wara li l-kwistjonijiet tal-każ ġew hekk imfakkar, ser nispjega għalfejn fil-fehma tiegħi l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkunsidra li l-eżami ta’ l-għajnuna in kwistjoni kien jaqa’ ferm taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA.

ii) Is-soluzzjoni li nipproponi

140.

Fil-kawża preżenti, niftakkru li, l-għajnuna in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna individwali li kienet ġiet mogħtija lil impriża ta’ l-azzar b’applikazzjoni ta’ skema awtorizzata minn qabel mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-Trattat KE.

141.

Jirriżulta mill-elementi tal-proċess li l-għajnuna in kwistjoni tidħo fil-kuntest ta’ politika ġenerali intiża sabiex jiġu rrimedjati l-iżvantaġġi ekonomiċi speċifiċi li minnhom issofri z-Zonenrandgebiet. Hija z-ZRFG li tiffissa l-objettivi u l-kuntest li fih jiġu adottati l-miżuri ta’ eżekuzzjoni, bħal dawk in kwistjoni. Għaldaqstant huwa diffiċli li tiġi evalwata l-għajnuna kontenzjuża b’mod iżolat, peress li din hija l-espressjoni ta’ politika koerenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fi kliem ieħor, iz-ZRFG tikkostitwixxi l-bażi ġuridika li fuqha l-miżuri konkreti kollha ta’ applikazzjoni huma adottati u li tippermetti li dawn jiġu kkunsidrati bħala interdipendenti. Minn din il-perspettiva, ma nistax ma nirrikonoxxix li l-applikazzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni għal Salzgitter hija maħsuba biex tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ proġett ikbar, dak li jiġi żgurat żvilupp bilanċjat fl-ekonomija ta’ dan ir-reġjun li jinsab mal-fruntjiera. Fil-fehma tiegħi huma essenzjalment dawn l-objettivi ġenerali li ddeterminaw l-adozzjoni taz-ZRFG u ta’ l-għajnuna in kwistjoni. Għaldaqstant huwa diffiċli għaliha biex nafferma, fid-dawl ta’ l-elementi għad-dispożizzjoni tiegħi, li l-industrija ta’ l-azzar ġiet meħuda in kunsiderazzjoni bħala tali u li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppruvat issostniha speċjalment, abbażi tal-ħtiġijiet partikolari tagħha. Fi kwalunkwe każ, l-industrija ta’ l-azzar ma kinitx weħidha li bbenefikat mill-inċentivi fiskali previsti miz-ZRFG, u l-ammortamenti straordinarji kif ukoll ir-riżervi eżenti mit-taxxa ma kinux ġew irriżervati għaliha esklużivament.

142.

Għaldaqstant, ma ninstabux fil-kuntest ta’ miżuri adottati speċjalment u esklużivament favur l-impriżi ta’ l-azzar. Kieku dan kien il-każ, ma kien ikun hemm ebda dubju dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA.

143.

Għaldaqstant x’inhi n-natura ta’ l-għajnuna in kwistjoni?

144.

Fil-kawża preżenti, Salzgitter issostni, effettivament, li l-għajnuna li minnha hija bbenefikat tikkostitwixxi miżura ta’ eżekuzzjoni individwali ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna li kienet ġiet preċedentement awtorizzata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant hija targumenta li hija ma kinitx obbligata tinnotifika din il-miżura individwali fuq il-bażi tat-Trattat KEFA u tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, L-Italja vs Il-Kummissjoni ( 60 ).

145.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri individwali ta’ eżekuzzjoni ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna li kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni ma kellhomx għalfejn jiġu nnotifikati lilha, ħlief jekk id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni kienet suġġetta għal riżervi f’dan is-sens. Effettivament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “[peress] li l-għajnuna individwali hija sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni ta’ l-iskema ġenerali ta’ għajnuna, il-fatturi li l-Kummissjoni għandha tqis biex tevalwaha huma l-istess bħal dawk li hija applikat fl-eżami ta’ l-iskema ġenerali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkonkludiet li jkun inutli li l-għajnuna individwali tiġi suġġetta għal eżami ġdid mill-Kummissjoni ( 61 ).

146.

Fil-kawża preżenti, il-kwistjoni għaldaqstant hija jekk l-għajnuna mħallsa lil Salzgitter tikkostitwixxix sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni individwali taz-ZRFG — li, fid-dawl tal-ġurisprudenza iċċitata iktar ’il fuq, ma jkollhiex għalfejn tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni — jew jekk din l-għajnuna għandha, għall-kuntrarju, tiġi evalwata indipendendement miz-ZRFG.

147.

Anki jekk l-għajnuna in kwistjoni tista’ titqies bħala wieħed mill-elementi ta’ politika ġenerali fil-qasam ekonomiku, industrijali, reġjonali u soċjali, jiena xorta waħda ma naħsibx li din tikkonsisti f’sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni individwali li, fid-dawl tal-ġurisprudenza invokata minn Salzgitter, ma teħtiġx li tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

148.

Effettivament, jiena tal-fehma li l-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija m’hijiex applikabbli għall-każ preżenti. Fil-kawża li tat lok għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-għajnuna individwali in kwistjoni kif ukoll l-iskema ġenerali ta’ għajnuna fil-kuntest li fih ingħatat, kienu jirrigwardaw biss impriżi li jaqgħu taħt it-Trattat KE.

149.

Dan m’huwiex il-każ fil-kawża preżenti. Effettivament, l-impriżi benefiċjarji taz-ZRFG jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ Trattati KE u KEFA. Issa, kif diġà indikajt, it-Trattat KEFA u r-regoli adottati fuq il-bażi tiegħu jistabbilixxu sistema speċifika ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat li għaliha huma suġġetti l- impriżi ta’ l-azzar. Il-fatturi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra biex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni b’hekk huma differenti skond jekk il-miżuri humiex ta’ benefiċċju għal impriżi li jaqgħu taħt it-Trattat KE jew taħt it-Trattat KEFA.

150.

L-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni lil Salzgitter b’hekk ma jikkostitwixxix sempliċi miżura ta’ eżekuzzjoni individwali taz-ZRFG, peress li l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din għandu jkun suġġett għar-regoli partikolari li t-Trattat KEFA jistabbilixxi għall-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat.

151.

Evidentement, l-objettiv m’huwiex li l-industriji ta’ l-azzar u tal-faħam jiġu mċaħħda mill-benefiċċji eventwali ta’ miżura ta’ politika ġenerali. L-intenzjoni tiegħi lanqas m’hi, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li naċċetta l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA għall-iskemi ġenerali ta’ għajnuna. L-analiżi tiegħi hija bbażata unikament fuq l-għan aħħari tas-sistema stabbilita mit-Trattat KEFA u fuq il-ħtieġa li tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ miżuri, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tas-suq ta’ l-azzar u tar-regoli speċifiċi previsti minn dan it-Trattat. Huwa f’dan ir-rigward li l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi, li jeżiġi li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni il-“proġetti intiżi biex japplikaw għas-settur ta’ l-azzar skemi ta’ għajnuna li fir-rigward tagħhom hija diġà tkun iddeċidiet fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [KE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jieħu t-tifsira sħiħa tiegħu.

152.

Fid-dawl ta’ l-elementi hawn fuq imsemmija, nikkunsidra għaldaqstant li l-eżami ta’ l-għajnuna in kwistjoni, anki jekk din tidħol fil-kuntest ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna preċedentement awtorizzata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-Trattat KE, għandu jsir, b’mod iżolat, fid-dawl tar-regoli tat-Trattat KEFA.

153.

Il-kwistjoni b’hekk hija jekk l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna kontenzjuża għandhiex issir fuq il-bażi tal-Artikolu 4(c) KEFA jew tal-Artikolu 67 KEFA.

154.

Jiena tal-fehma li l-Artikolu 67 KEFA m’huwiex applikabbli f’din il-kawża.

155.

Kif diġà indikajt ( 62 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ilha ħafna li tat interpretazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni billi kkunsidrata bħala “miżura ta’ protezzjoni” kontra miżuri ta’ l-Istat li m’għandhomx effett dirett u immedjat fuq l-industriji tal-faħam u l-azzar iżda li xorta waħda huma tali li jaffettwaw, permezz ta’ l-effetti tagħhom, il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn ta’ l-aħħar ( 63 ). L-imsemmija dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jagħtu għajnuna lill-impriżi ta’ l-azzar li jkunu sfaw vittmi ta’ azzjoni mill-Istat adottata fil-kuntest tal-politika ekonomika ġenerali tagħhom. Din l-għajnuna hija rimedju, li l-ammont, il-kundizzjonijiet u t-tul ta’ żmien tagħha huma suġġetti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Ma naħsibx li, l-Artikolu 67 KEFA jista’ jilleġittima sistema ta’ sussidji li minnha jibbenefikaw l-impriżi ta’ l-azzar biss għall-fatt li din hija għajnuna mhux speċifika, jiġifieri li tikkonċerna simultanjament is-setturi tal-faħam u l-azzar u setturi ekonomiċi oħra ( 64 ).

156.

Fil-każ preżenti, huwa evidenti, fil-fehma tiegħi, li l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter ma tikkostitwixxix miżura ta’ kumpens fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Effettivament, mill-elementi tal-proċess ma jirriżultax li din l-għajnuna ngħatatilha biex jiġu rrimedjati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li hija soffriet minħabba l-adozzjoni taz-ZRFG.

157.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni ma kinitx taqa’ taħt l-Artikolu 67 KEFA. Bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma, għall-kuntrarju, li l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar kellha tiġi eżaminata fuq il-bażi tal-Artikolu 4(c) KEFA u tar-regoli stabbiliti fis-Sitt Kodiċi.

158.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kliem wiesgħa tal-Artikolu 4(c) KEFA, li jirrigwarda, infakkar “l-għajnuna mogħtija mill-Istati […], taħt kwalunkwe forma” ( 65 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fid-dawl ta’ l-elementi li elaborajt, naħseb li din id-dispożizzjoni b’hekk tinkludi kull għajnuna mogħtija lill-impriżi ta’ l-azzar, irrispettivament mill-forma jew l-oriġini tagħha, kemm jekk ingħatat speċifikament lil impriża ta’ l-azzar kif ukoll jekk hija adottata b’applikazzjoni ta’ skema ġenerali jew reġjonali ta’ għajnuna. Wieħed m’għandux jinsa li din id-dispożizzjoni ġiet abbozzata fl-1951, anki qabel ma ġiet stabbilita l-KEE, u l-elaborazzjoni ta’ kontroll tas-sistemi ġenerali jew reġjonali ta’ l-għajnuna mill-Istat.

159.

L-interpretazzjoni li nissuġġerixxi għal din id-dispożizzjoni tippermetti li jiġi żgurat trattament uniformi ta’ l-għajnuna kollha mogħtija lis-settur ta’ l-azzar sabiex din tkun suġġetta għal dixxiplina koerenti u effikaċi.

160.

Din is-soluzzjoni tippermetti, barra minn hekk, li jiġi żgurat trattament ugwali bejn l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi. Effettivament, fil-fehma tiegħi, ikun kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali jekk jiġi awtorizzat l-għoti ta’ għajnuna lil impriża ta’ l-azzar minħabba li din tingħata taħt skema ġenerali ta’ għajnuna u li tiġi rrifjutata, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 4(c) KEFA, għajnuna li l-ammont, il-kundizzjonijiet u t-tul ta’ żmien tagħha jkunu kważi identiċi, għas-sempliċi raġuni li tkun tikkonsisti f’għajnuna mogħtija speċifikament lil impriża ta’ l-azzar. Kieku dan kien il-każ, l-Istati Membri jistgħu jkunu mħeġġa li jadottaw skemi ġenerali ta’ għajnuna li, fil-prattika, jibbenefikaw biss lill-impriżi fis-setturi ta’ l-azzar u l-faħam. Stat Membru jkun jista’, per eżempju, jadotta skema reġjonali ta’ għajnuna, li tkun awtorizzata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-Trattat KE, iżda li tkun tibbenefika lil reġjuni li fihom huma stabbiliti impriżi li fil-biċċa l-kbira tagħhom jaqaw taħt is-setturi tal-faħam u l-azzar. Din is-sitwazzjoni inevitabbilment twassal għal riskju li l-projbizzjoni fil-prinċipju ta’ għajnuna mill-Istat, stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA, titlef kull effett utli tagħha u tkun evitata favur ir-regoli iktar flessibbli tat-Trattat KE.

161.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 67 KEFA, jiena tal-fehma li dan ikopri l-miżuri kollha li jippermettu li jiġu kkumpensati l-effetti ta’ ħsara li jsofru l-impriżi ta’ l-azzar minħabba regoli ta’ politika ekonomika ġenerali, bl-eċċezzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat li l-kundizzjonijiet ta’ għoti tagħha huma rregolati speċifikament fl-Artikolu 4(c) KEFA u mill-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar.

162.

Fid-dawl ta’ l-elementi hawn fuq ippreżentati, għaldaqstant jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlet ebda żball ta’ dritt meta ddeċidiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-għajnuna in kwistjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA.

163.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrespinġi l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju.

2. Fuq it-tieni parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq żball ta’ dritt imwettaq fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-Kummissjoni

164.

Permezz tat-tieni parti ta’ l-ewwel aggravju, Salzgitter tqis li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti biex testendi, fil-kuntest ta’ l-għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi ta’ l-azzar fuq il-bażi ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna awtorizzata fuq il-bażi tat-Trattat KE. Billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet b’mod validu tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 4(c) KEFA għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-għajnuna in kwistjoni, evalwat, b’mod żbaljat, il-firxa tal-kompetenzi tagħha.

a) Argumenti tal-partijiet

165.

Salzgitter, li għandu jiġi mfakkar, targumenta favur interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 4(c) KEFA, tikkunsidra li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti li testendi, fil-kuntest ta’ Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-iskemi ta’ għajnuna mhux speċifiċi għas-settur tal-faħam u l-azzar. Hija ssostni li effettivament, dan jimplika emenda tat-Trattat KEFA. Issa, l-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, li fuqu huma bbażati d-diversi Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, ma jipprovdix bażi ġuridika adattata għal tali emenda. Skond Salzgitter, il-Kummissjoni kien imissha, biex tagħmel dan, irrispettat il-proċedura prevista jew fit-tielet u r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, jew fl-Artikolu 96 KEFA.

166.

Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li hija ma emendatx il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA,peress li t-test ta’ din id-dispożizzjoni baqa’ l-istess mit-23 ta’ Lulju 1952. Għaldaqstant, hija m’għamlet ebda reviżjoni tat-Trattat KEFA ( 66 ).

b) Evalwazzjoni

167.

Fil-kuntest ta’ din il-parti, Salzgitter tikkontesta l-proċedura adottata mill-Kummissjoni li, skond hija, testendi, fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA. Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-ilment, għandhom jiġu mfakkra d-diversi mekkaniżmi ta’ emendi ġuridiċi previsti fit-Trattat KEFA u li ssostni Salzgitter.

168.

Il-proċedura normali ta’ reviżjoni ta’ dan it-Trattat hija stabbilita fl-Artikolu 96 KEFA. Fil-verżjoni oriġinali tagħha, li kienet għadha fis-seħħ meta ġew adottati t-Tieni u t-Tielet Kodiċi, din id-dispożizzjoni kienet tippermetti lil kull Stat Membru u lill-Kummissjoni jipproponu emendi għall-imsemmi Trattat. Dawn l-emendi kienu adottati bi qbil komuni mill-konferenza tar-rappreżentanti permanenti ta’ l-Istati Membri.

169.

F’opinjoni mogħtija fis-17 ta’ Diċembru 1959 ( 67 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, mistoqsija fuq il-bażi tat-tielet u r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, kkonstatat li ma jistax ikun hemm deroga minn din il-proċedura “ħlief fil-każijiet fejn ma jkunx hemm preġudizzju la għall-istruttura ġenerali tat-Trattat u lanqas għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Membri, u b’mod partikolari għar-relazzjonijiet bejn is-setgħat trasferiti lill-Komunità u s-setgħat riżervati għall-Istati Membri, u li huwa biss f’dawn il-każijiet li [setgħet] tiġi adottata l-proċedura tar-‘reviżjoni żgħira’” .

170.

Il-proċedura tar-‘reviżjoni żgħira’ hija prevista fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA. L-emendi proposti mill-Kummissjoni u l-Kunsill huma suġġetti għall-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija msejħa tevalwa, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt, il-konformità tal-proposti mad-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi paragrafu.

171.

I-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA jistabbilixxi li:

dawn l-emendi għandhom ikollhom bħala għan “l-adattament tar-regoli dwar l-eżerċizzju mill-[Kummissjoni] tas-setgħat mogħtija lilha”;

dawn l-emendi ma jistgħux jiġu proposti ħlief “jekk minħabba diffikultajiet imprevisti, li jirriżultaw mill-esperjenza […] jew minn bidla profonda fil-kundizzjonijiet ekonomiċi jew tekniċi l taffettwa direttament lis-suq komuni tal-faħam u l-azzar, ikun meħtieġ [tali] adattament”;

barra minn hekk, dan l-adattament għandu jwassal għal emendi xierqa, u finalment,

dawn l-emendi la jistgħu jippreġudikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 KEFA sa 4 KEFA u lanqas ir-relazzjoni tas-setgħat attribwiti rispettivament lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-Komunità.

172.

Fir-rigward ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, dan jippermetti lill-Kummissjoni tadotta deċiżjoni jew rakkomandazzjoni, fil-każijiet kollha mhux previsti fit-Trattat KEFA, meta din id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni tidher li tkun meħtieġa biex jinkiseb, fil-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 KEFA, wieħed mill-objettivi tal-Komunità, kif definiti fl-Artikoli 2 KEFA sa 4 KEFA. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jew tirrakkomanda fuq opinjoni konformi tal-Kunsill, li jiddeċiedi fuq bażi unanima, u wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv.

173.

Nistgħu naraw mingħajr wisq diffikultajiet id-differenzi formali bejn iż-żewġ ipoteżi previsti fl-Artikolu 95 KEFA. Fil-kuntest ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, dan jippermetti lill-Kummissjoni biex timla lakuna fit-Trattat KEFA li tipparalizza l-azzjoni tagħha billi jippermettilha tadotta deċiżjoni jew rakkomandazzjoni f’każ mhux previst f’dan it-Trattat, iżda mingħajr ta’ temendah. Barra minn hekk, hija meħtieġa minn qabel opinjoni konformi mill-Kunsill adottata fuq bażi unanima. Fil-kuntest tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA, dan jikkonsisti f’emenda ta’ dispożizzjoni ta’ l-imsemmi Trattat“dwar l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat mogħtija lilha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-unanimità tal-Kunsill m’hijiex meħtieġa, iżda opinjoni favorevoli tal-Qorti tal-Ġustizzja u vot tal-Parlament Ewropew huma meħtieġa.

174.

Fil-każ preżenti, Salzgitter takkuża lill-Kummissjoni li bbażat ruħha fuq l-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA fil-kuntest tad-diversi Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, meta hija kien imissha osservat il-proċedura prevista jew fl-Artikolu 96 KEFA, jew fit-tielet u r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA.

175.

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li stabbilixxejt fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, nemmen li dan l-ilment m’huwiex fondat.

176.

Effettivament, jekk, skond kif naħseb, l-Artikolu 4(c) KEFA huwa applikabbli għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi ta’ l-azzar taħt skema ġenerali ta’ għajnuna, allura l-Kummissjoni ma estendietx il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni meta hija adottat ir-regoli stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar. Meta wieħed iqis li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni mhux prevista mit-Trattat KEFA fejn hija kienet meħtieġa taġixxi, jidhirli li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tibbaża ruħha fuq l-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA biex tindirizza, permezz ta’ l-imsemmija regoli, il-ħtiġijiet ta’ ristrutturar tas-suq ta’ l-azzar.

177.

Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan ir-rigward, ma għamlet ebda żball ta’ dritt u nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrespinġi t-tieni parti ta’ l-ewwel aggravju.

3. Fuq it-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq żball ta’ dritt imwettaq fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni

178.

Permezz ta’ t-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju, Salzgitter issostni li, fil-punti 112 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreżentat il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni b’mod żbaljat ( 68 ).

a) Argumenti tal-partijiet

179.

Salzgitter issostni li huwa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEFA fl-1952, u mhux fil-bidu tas-snin 70, li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 4(c) KEFA kien japplika unikament għall-għajnuna speċifika favur l-impriżi ta’ l-azzar. F’dan ir-rigward, Salzgitter tibbaża ruħha fuq ir-rapport ippubblikat mill-Awtorità Għolja tal-KEFA fl-1963, intitolat “It-Trattat KEFA mill-1952 sa l-1962”, fuq it-test tar-raba’ premessa ta’ l-Artikolu 1 ta’ l-ewwel Kodiċi, fuq il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-IX rapport tagħha fuq il-politika tal-kompetizzjoni kif ukoll fuq il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fis-settur tal-faħam. Salzgitter takkuża, b’mod partikolari, lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kkunsidrat, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li t-Tieni Kodiċi ta’ l-azzar kellu l-għan li jirrestitwixxi lill-Artikolu 4(c) KEFA l-portata oriġinali tiegħu, meta din, fir-realtà, kienet emenda mhux awtorizzata tat-Trattat KEFA.

180.

Il-Kummissjoni tqis li l-fatt li hija ddefendiet perspettiva differenti fir-rigward tal-Artikolu 4(c) KEFA, qabel it-Tielet Kodiċi, m’huwiex sinjifikattiv għall-għajnuna mogħtija lil Salzgitter in kwantu din il-perspettiva ma kienet ġiet imniżżla f’ebda att individwali li jista’ jsir definittiv fir-rigward ta’ l-impriża benefiċjarja qabel l-1 ta’ Jannar 1986 ( 69 ).

b) Evalwazzjoni

181.

Fil-punti 112 sa 117 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreżentat ir-regoli li adottat il-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-Ewwel u t-Tieni Kodiċi. Din l-espożizzjoni, għalkemm ma tirrigwardax ir-regoli applikabbli għall-kawża preżenti, madankollu tippermetti li jiġi evalwat il-kuntest ġuridiku tal-kawża u titfa dawl fuq il-bidliet fl-interpretazzjoni tal-Kummissjoni.

182.

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni din ta’ l-aħħar, dan m’huwiex insinjifikattiv fil-kuntest ta’ din il-kawża.

183.

Fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li “fil-bidu tas-snin 70 u sa l-adozzjoni [tat-Tieni Kodiċi], il-Kummissjoni kkunsidrat li l- Artikolu 4(c) KEFA huwa applikabbli għall-għajnuna speċifika favur l-impriżi li joperaw fl-industrija ta’ l-azzar biss”. Sussegwentement hija osservat, fil-punt 115 ta’ l-imsemmija sentenza, li “[mill-imsemmi Kodiċi], il-Kodiċi jipprevedu ‘l-għajnuna kollha għall-industrija ta’ l-azzar […] kemm jekk huma speċifiċi u kemm jekk le’, din il-preċiżjoni għandha biss bħala suġġett li tagħti lura lill-Artikolu 4(c) KEFA l-portata oriġinali ( 70 )”.

184.

Fil-kuntest ta’ din il-parti, Salzgitter tikkritika għal darb’oħra l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal- “portata oriġinali” tal-Artikolu 4(c) KEFA. Hija fil-fatt targumenta li kien sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEFA, u mhux biss mis-snin 70 u l-adozzjoni tat-Tieni Kodiċi, li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kien limitat għall-għajnuna speċifika favur l-impriżi ta’ l-azzar.

185.

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet li stabbilixxejt fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, nemmen li l-Qorti tal-Prim’Istanza ppreżentat b’mod korrett il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, u b’hekk nikkunsidra li l-argument ta’ Salzgitter ma jistax jiġi aċċettat.

186.

Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrespinġi t-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju bħala infondata u, għaldaqstant, li tiċħad l-ewwel aggravju fit-totalità tiegħu.

B — Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

187.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Salzgitter targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta ddeċidiet, fil-punt 184 tas-sentenza appellata, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tirrispetta r-rekwiżiti stabbiliti mit-Trattat KEFA ( 71 ).

1. Argumenti tal-partijiet

188.

Salzgitter issostni li l-Kummissjoni ma timmotivax ir-raġunijiet għalfejn hija tbegħdet mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha billi applikat l-Artikolu 4(c) KEFA għal għajnuna mhux speċifika għas-setturi tal-faħam u l-azzar, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u bi ksur tal-Artikolu 67 KEFA.

189.

Salzgitter targumenta wkoll li l-Kummissjoni naqset milli tispjega għalfejn l-evalwazzjoni tagħha kienet titbiegħed mill-prassi deċiżjonali tagħha dwar is-settur tal-faħam.

190.

Finalment, Salzgitter takkuża lill-Kummissjoni li ma tatx ir-raġunijiet għalfejn id-deċiżjoni kkontestata kienet titbiegħed mill-prassi deċiżjonali tagħha f’każijiet simili, bħal fil-kawża li tat lok għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/347/KEFA ( 72 ).

191.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirrimarka li l-iżvilupp tal-kunċett ġuridiku tal-Kummissjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA kien jimplika li kellha tingħata motivazzjoni u ġustifikazzjoni akbar fid-deċiżjoni kkontestata ( 73 ).

192.

Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, targumenta li l-prassi tagħha inbidlet mid-dħul fis-seħħ tat-Tielet Kodiċi u li din hija mmotivata biżżejjed fuq dan il-punt ( 74 ). Hija tirrifjuta l-eżistenza ta’ obbligu ta’ motivazzjoni partikolari, billi tqis li d-dmirijiet tagħha huma rregolati, b’mod eżawrenti, fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 15 KEFA u fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 95 KEFA (konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv u opinjoni konformi tal-Kunsill).

2. Evalwazzjoni

193.

Fuq bażi preliminari, infakkar li l-kwistjoni tal-portata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni hija kwistjoni ta’ dritt li tista’ tiġi suġġetta għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’appell. Aggravju ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-portata ta’ dan l-obbligu huwa għaldaqstant ammissibbli, anki jekk dan jimplika neċessarjament it-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatti li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha biex tasal għall-konklużjoni tagħha ( 75 ).

194.

Jirriżulta mill-kliem tar-raba’ inċiż tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5 KEFA, u mill-kliem ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 15 KEFA, li l-Komunità għandha “tagħmel pubbliċi il-motivi ta’ l-azzjoni tagħha” u li “id-deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet tal-[Kummissjoni] għandhom ikunu mmotivati u għandhom jinkludu l-opinjonijiet li għandhom jiġu milqugħa b’mod obbligatorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll mill-prinċipji ġenerali tat-Trattat KEFA li l-Kummissjoni hija obbligata timmotiva d-deċiżjonijiet ġenerali jew individwali li hija tadotta u dan, irrispettivament mill-bażi ġuridika magħżula għal dan il-għan. Barra minn hekk, in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jaqaw taħt il-ksur tal-formalitajiet sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 33 KEFA u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jiġi mqajjem ex officio mill-qrati Komunitarji ( 76 ).

195.

Skond ġurisprudenza kostanti, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni skond l-Artikolu 15 KEFA għandu jissodisfa l-istess prinċipji bħal dawk stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 253 KE ( 77 ).

196.

Dawn il-prinċipji huma dawn li ġejjin. Il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura ta’ l-att in kwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku ir-raġunar ta’ l-istituzzjoni, li tkun l-awtriċi ta’ l-att, b’mod li jippermetti lill-qrati Komunitarji jeżerċitaw l-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati — destinatarji jew persuni oħra kkonċernati mill-att, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 33 KEFA — isiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda. Madankollu m’huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt jew ta’ dritt rilevanti, in kwantu l-kwistjoni dwar jekk din il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 5 KEFA u 15 KEFA għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tat-test ta’ l-att, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat ( 78 ). Fil-kuntest tal-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat, l-eżami tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandu jikkunsidra wkoll l-evalwazzjonijiet kumplessi li għandhom isiru mill-istituzzjoni u l-għażliet ta’ natura diskrezzjonarja li hija tista’ tadotta.

197.

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-evoluzzjoni fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tal-Artikoli 4(c) KEFA u 67 KEFA, nemmen li dan l-ilment m’huwiex relevanti.

198.

Effettivament, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni mas-suq tal-faħam u l-azzar m’hijiex ibbażata fuq tali evoluzzjoni. Jirriżulta, fil-fatt, mill-kuntest tad-deċiżjoni ikkontestata u b’mod partikolari mill-punti 59 sa 66 u 109 sa 133 tagħha li, f’moħħ il-Kummissjoni, l-Artikolu 4(c) KEFA kien ikopri, sa mill-bidu, l-imsemmija għajnuna. Dan huwa wkoll dak li argumentajt fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ewwel aggravju ta’ l-appell inċidentali.

199.

Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tal-portata u l-applikabbiltà rispettivi ta’ kull waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet.

200.

Il-Kummissjoni tispjega fil-fatt, b’mod dettaljat, għalfejn “l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna illegali in kwistjoni mas-suq komuni għandu jsir fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 4(c) [KEFA] u tal-[Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar] suċċessivi” ( 79 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tindika, fl-ewwel lok, fil-kuntest ta’ l-eżami tan-natura ta’ l-għajnuna in kwistjoni, ir-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li l-Artikolu 67 KEFA m’huwiex applikabbli (punt 66). Hija tispjega, fit-tieni lok, fil-kuntest ta’ l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna kontenzjuża mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar, għalfejn l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(2)(c) KE għal impriża ta’ l-azzar hija eskluża a priori (punti 110 sa 120). Hija tippreċiża, fit-tielet lok, ir-raġunijiet għalfejn deċiżjoni individwali, fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KEFA, ma kinitx ġustifikata fil-każ preżenti (punti 121 sa 125). Finalment, u fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tesponi r-regoli speċifiċi relattivi, b’mod partikolari, għat-termini ta’ notifika, li kienu ġew adottati fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar applikabbli wara l-1986 (punti 67 sa 76 u 126 sa 133).

201.

Dawn il-motivi ppermettew lil Salzgitter, kif ukoll lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isiru jafu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(c) KEFA kienu sodisfatti fil-każ preżenti. Barra minn hekk, dawn ta’ l-aħħar setgħu jikkontestaw, b’mod dettaljat, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni. Barra dan, u kif juri l-istħarriġ ġudizzjarju li setgħet twettaq il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tas-sentenza appellata, l-imsemmija motivi jippermettu lill-qorti Komunitarja tivverifika l-fondatezza ta’ dawn l-evalwazzjonijiet.

202.

Għaldaqstant, ma naħsibx li l-Kummissjoni kellha barra minn hekk tesponi, f’att li, infakkar, huwa ta’ portata individwali, l-evoluzzjoni tal-prassi deċiżjonali tagħha wara l-adozzjoni tal-Ewwel u t-Tieni Kodiċi, peress li dawn ta’ l-aħħar, barra minn hekk, huma inapplikabbli għal din il-kawża.

203.

Fir-rigward tat-tieni ilment, naħseb ukoll li dan m’huwiex relevanti peress li r-regoli li jirregolaw l-interventi ta’ l-Istati Membri favur l-industrija tal-faħam huma differenti minn dawk stabbiliti fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar.

204.

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-tielet ilment, ma nemminx li l-Kummissjoni kellha tagħti raġunijiet għalfejn l-evalwazzjoni tagħha kienet differenti minn dik adottata fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet preċedenti. Effettivament, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” jirreferi, fit-Trattat KE bħal fit-Trattat KEFA, għal sitwazzjoni oġġettiva u r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni differenti fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha m’humiex rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna in kwistjoni taqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA.

205.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena tal-fehma li l-aggravju ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, f’dak illi huwa bbażat fuq l-ilmenti hawn fuq imsemmija, għandu jiġi miċħud. Nikkunsidra, effettivament, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfa r-rekwiżiti kemm taċ-ċarezza kif ukoll tal-kontrollabbiltà li jirriżultaw mill-Artikoli 5 KEFA u 15 KEFA, peress li l-kuntest fattwali u legali huwa spjegat b’mod biżżejjed preċiż.

206.

Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet korrettament tikkonkludi, fil-punt 184 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet immotivat b’mod suffiċjenti għall-finijiet tad-dritt id-deċiżjoni kkontestata.

207.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni aggravju.

208.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-appell inċidentali mressaq minn Salzgitter għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

VI — Fuq l-appell prinċipali

209.

B’sostenn ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(c) KEFA kif ukoll tat-Tielet, ir-Raba’, il-Ħames u s-Sitt Kodiċi, u, fit-tieni lok, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

A — Fuq l-ewwel aggravju ibbażat, fuq il-ksur tal-Artikolu 4(c) KEFA kf ukoll tat-Tielet, ir-Raba’, il-Ħames u s-Sitt Kodiċi

210.

L-ewwel aggravju jikkonsisti f’sitt partijiet, ibbażati fuq, fl-ewwel lok, analiżi żbaljata dwar in-natura inċerta u ekwivoka tal-kuntest ġuridiku applikabbli, fit-tieni lok, żball ta’ dritt imwettaq fit-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ewwel żewġ Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, fit-tielet lok, interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fir-raba’ lok, kontradizzjoni tal-motivi fis-sentenza appellata, fil-ħames lok, evalwazzjoni żbaljata fir-rigward ta’ l-għarfien, mill-Kummissjoni, ta’ l-applikazzjoni taz-ZRFG għal impriżi ta’ l-azzar, u, fis-sitt lok, kontestazzjoni tal-ġurisprudenza derivata mis-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland ( 80 ).

211.

Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkontesta l-analiżi li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet, fil-punti 158 sa 183 tas-sentenza appellata, dwar il-motiv invokat fil-prim’istanza, ibbażat fuq ksur allegat tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (is-seba’ motiv). Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ dritt meta ddeċidiet li, fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, hija ma kinitx osservat il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi ordnat ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter bejn l-1986 u l-1995.

212.

Biex tilqa’ l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Prim’Istanza rraġunat fi tliet stadji.

213.

Fl-ewwel lok, hija eżaminat iċ-ċarezza tal-kuntest ġuridiku. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, li s-sitwazzjoni li rriżultat mill-adozzjoni tat-Tieni u t-Tielet Kodiċi kienet inċerta u ekwivoka. Din l-analiżi hija kkontestata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju tagħha.

214.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-aġir tal-Kummissjoni. Wara li kkonstatat li din kienet irċeviet ċertu ammont ta’ informazzjoni mingħand Salzgitter u li hija kienet xorta waħda tat deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni dwar l-implementazzjoni taz-ZRFG, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punti 176 sa 180 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza billi ma rrilevatx, matul l-eżami ta’ dawn id-dokumenti, in-nuqqas ta’ notifika ta’ l-għajnuna in kwistjoni u billi ma ħadet ebda azzjoni f’dan ir-rigward. Din il-konstatazzjoni hija kkritikata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ħames parti ta’ l-ewwel aggravju.

215.

Finalment, huwa fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 181 u 182 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tirkupra l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter. Il-konsegwenzi li l-Qorti tal-Prim’Istanza toħroġ mill-konstatazzjonijiet imsemmija huma kkontestati mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju.

216.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena naħseb li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan l-ewwel aggravju billi jiġu eżaminati suċċessivament l-ewwel, il-ħames u t-tielet partijiet tiegħu, safejn dawn jikkontestaw it-tliet evalwazzjonijiet li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata.

1. Fuq l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażat fuq analiżi żbaljata fir-rigward taċ-ċarezza tas-sitwazzjoni ġuridika in kwistjoni

217.

Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ l-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tgħid li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta mill-adozzjoni tat-Tieni u t-Tielet Kodiċi kienet inċerta u ekwivoka.

a) Argumenti tal-partijiet

218.

Il-Kummissjoni tqis li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-awtorizzazzjoni ta’ l-għajnuna li tinsab fid-deċiżjoni tal-1971 kienet ġiet irtirata b’mod taċitu u parzjali meta ġie adottat it-Tieni Kodiċi jew, ta’ mill-inqas, it-Tielet Kodiċi, hija żbaljata.

219.

Hija targumenta li din l-awtorizzazzjoni, li kienet ibbażata fuq it-Trattat KE, ma setgħax ikollha effett fil-kuntest tat-Trattat KEFA. L-Artikolu 4(c) KEFA kien applikabbli u, b’mod konformi mas-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1969, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, l-għajnuna lill-impriżi ta’ l-azzar kienet strettament ipprojbita qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-Ewwel Kodiċi ( 81 ). Hija tqis li kien biss bis-saħħa ta’ l-Ewwel Kodiċi li l-imsemmija awtorizzazzjoni, kif ukoll dawk li ġew warajha, kienet ġiet iddikjarata applikabbli għall-qasam kopert mit-Trattat KEFA, u li din l-awtorizzazzjoni ġenerali temporanja skadiet ma’ l-Ewwel Kodiċi fil-31 ta’ Diċembru 1981.

220.

Il-Kummissjoni tikkontesta, barra minn hekk, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ippreżentata fil-punti 173 u 174 tas-sentenza appellata, li tgħid li ma kienx jidher b’mod ċar jekk l-applikazzjoni ulterjuri ta’ l-Artikolu 3 taz-ZRFG għal Salzgitter kinitx taqa’ taħt l-obbligu ta’ notifika ta’ “proġetti”, skond l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi. Skond il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni hija ferm ċara.

221.

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikolu 67 KEFA m’huwiex applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, peress illi l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri ta’ għajnuna fil-kuntest tal-politika ekonomika u soċjali tagħhom ( 82 ). Hija tirrimarka li l-Artikolu 4(c) KEFA jipprojbixxi l-għajnuna “taħt kwalunkwe forma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li l-ġurisprudenza ċċitata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qatt ma rreferiet, fir-rigward tal-Artikolu 67 KEFA, għal “skemi ta’ għajnuna” applikabbli globalment. Hija ssostni wkoll li dan l-Istat Membru ma nformahiex dwar l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter u li b’hekk huwa ma jistax jippretendi li hija awtorizzata fuq il-bażi tal-Artikolu 67 KEFA.

222.

Salzgitter tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettiet ebda żball ta’ dritt billi kkonstatat li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta mill-adozzjoni tat-Tieni u t-Tielet Kodiċi ma kinitx ċara biżżejjed. Hija tikkunsidra li l-Kummissjoni kien imissha, fit-Tieni u t-Tielet Kodiċi tagħha, jew fi kwalunkwe komunikazzjoni oħra, espremiet il-modifika tal-kunċett ġuridiku tagħha fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(c) KEFA ( 83 ). Hija targumenta b’mod partikolari li, billi ma ssollevat ebda oġġezzjoni għall-implementazzjoni taz-ZRFG, il-Kummissjoni nisslet, fir-rigward ta’ l-impriżi, aspettattiva leġittima fil-legalità ta’ dik in-leġiżlazzjoni.

223.

Salzgitter targumenta, barra minn hekk, li l-Artikolu 4(c) KEFA m’huwiex applikabbli għal miżuri ġenerali ta’ l-Istati Membri dwar is-setturi kollha ta’ l-ekonomija bħal dawk taz-ZRFG, fatt li l-Kummissjoni kienet ikkonfermat fl-ewwel parti tal-premessi ta’ l-Ewwel u t-Tieni Kodiċi. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni applikat b’mod retroattiv l-Artikolu 4(c) KEFA, li huwa kuntrarju għad-dritt Komunitarju u li jista’ jqiegħed f’dubju d-deċiżjonijiet ta’ investiment fit-tul ta’ l-impriża benefiċjarja ( 84 ).

224.

Salzgitter tgħid ukoll li l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fis-settur tal-faħam li tikkonsisti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 67 KEFA għal għajnuna mhux speċifika għal dan is-settur tappoġġa din l-analiżi.

225.

Salzgitter targumenta li l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk l-applikazzjoni tar-regoli fiskali previsti fiz-ZRFG għal impriżi ta’ l-azzar kellhiex tkun is-suġġett ta’ notifika ġdida minkejja l-awtorizzazzjoni preċedentement mogħtija mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-Trattat KE. Hija tgħid ukoll li għajnuna eżistenti bħal dik prevista miz-ZRFG ma setatx tiġi suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-imsemmija dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, Salzgitter tirreferi għas-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, dwar in-notifika tal-miżuri individwali ta’ eżekuzzjoni ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna ( 85 ). Fil-fehma tagħha, in kwantu l-Kummissjoni kienet awtorizzat mingħajr riżerva l-applikazzjoni taz-ZRFG fuq il-bażi tat-Trattat KE u ma kienet issollevat ebda oġġezzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 67 KEFA, l-implementazzjoni taz-ZRFG għall-benefiċċju ta’ impriża ma setgħetx tiġi kkwalifikata bħala “għajnuna ġdida” u, għaldaqstant, bħala “proġett” fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi.

226.

Salzgitter ssostni wkoll, finalment, li billi nnotifikat iz-ZRFG lill-Kummissjoni fl-1971, b’mod konformi mat-Trattat KE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet għarrfet ukoll lill-Kummissjoni dwarha skond l-Artikolu 67 KEFA. Hija tqis li, billi awtorizzat il-miżuri fiskali notifikati fuq il-bażi tat-Trattat KE, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll impliċitament li dawn il-miżuri ma kellhom ebda “riperkussjoni sinjifikattiva fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fl-industriji tal-faħam u ta’ l-azzar fis-sens tal- Artikolu 67 (1) KEFA.

227.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, l-istess argument bħal Salzgitter. Hija targumenta li l-għajnuna ġenerali m’hijiex suġġetta għal obbligu ta’ informazzjoni skond l-Artikolu 67(1) KEFA, jekk din ma tistax toħloq riperkussjoni sinjifikattiva fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industriji tal-faħam jew ta’ l-azzar, fatt li ġie kkonfermat impliċitament mill-Kummissjoni billi awtorizzat, f’diversi okkażjonijiet, il-miżuri previsti miz-ZRFG. Hija tikkunsidra li, fi kwalunkwe każ, dawn il-miżuri jistgħu jitqiesu bħala għajnuna eżistenti, mhux suġġetti għal obbligu distint ta’ notifika fuq il-bażi tat-Trattat KEFA.

b) Evalwazzjoni

228.

Kif diġà indikajt ( 86 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, li:

“[…] is-sitwazzjoni, li rriżultat mill-adozzjoni tat-Tieni u t-Tielet Kodiċi […], kienet ikkaratterizzata minn elementi ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza, attribwibbli lill-Kummissjoni:

In-natura impliċita ta’ rtirar parzjali-u, għaldaqstant, ta’ natura li mhijiex ċara biżżejjed — tan-nuqqas ta’ oġġezzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1971;

ambigwità rigward il-portata ta’ l-irtirar impliċitu tan-nuqqas ta’ oġġezzjoni, iċċitat iktar ’il fuq għal dak li jikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk l-applikazzjoni sussegwenti ta’ l-Artikolu 3 taz-ZRFG kellhiex tiġi nnotifikata bħala “proġett”, fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi […]”.

229.

Fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni, min-naħa waħda, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt f’dak li jirrigwarda l-effetti tat-Tieni u t-Tielet Kodiċi fuq id-deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni adottat fir-rigward ta’ l-Artikolu 3 taz-ZRFG fl-4 ta’ Awwissu 1971. Hija tikkontesta, min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar iċ-ċarezza ta’ l-obbligu ta’ notifika tal-proġetti ta’ għajnuna in kwistjoni stabbilit fl-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi.

230.

Jiena tal-fehma li dan l-ilment huwa fondat, għar-raġunijiet li ser nagħti.

231.

Fl-ewwel lok, fil-fehma tiegħi, għall-kuntrarju ta’ dak li qalet il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-adozzjoni tat-Tieni u t-Tielet Kodiċi ma wasslitx għall-irtirar parzjali u impliċitu tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1971. Effettivament, kif diġà indikajt fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-appell inċidentali, jiena tal-fehma li din id-deċiżjoni, ibbażata fuq l-Artikoli 87 KE u 88 KE, kienet tikkonċerna biss lill-impriżi li jaqgħu taħt it-Trattat KE u ma kinitx tirrigwarda lil dawk li jaqgħu taħt it-Trattat KEFA ( 87 ). L-adozzjoni tat-Tieni u t-Tielet Kodiċi b’hekk ma setgħetx twassal għall-irtirar ta’ l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fl-1971 peress li, fil-fehma tiegħi, din ma kinitx tikkonċerna l-impriżi ta’ l-azzar.

232.

Fit-tieni lok, jiena tal-fehma li l-obbligu ta’ notifika ta’ l-għajnuna in kwistjoni kien jirriżulta ferm ċar mill-kliem ta’ l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi.

233.

L-imsemmi Artikolu 6 jistabbilixxi proċedura ta’ eżami minn qabel mill-Kummissjoni tal-proġetti kollha ta’ għajnuna stabbiliti mill-Istati Membri, bil-għan li tiġi evitata għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. Għal dan il-għan, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tat-Tielet Kodiċi teħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien suffiċjenti dwar il-proġetti li huma intiżi sabiex jistabbilixxu jew jimmodifikaw għajnuna imsemmija f’dan il-Kodiċi sabiex hija tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha ( 88 ). Barra minn hekk, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmi Kodiċi, il-Kummissjoni għandha tiġi “infurmata taħt l-istess kundizzjonijiet dwar proġetti intiżi biex japplikaw għas-settur ta’ l-azzar skemi ta’ għajnuna li fir-rigward tagħhom hija diġà iddeċidiet fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat [KE]” ( 89 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. In-notifika għandha ssir f’terminu ta’ żmien li l-Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat bħala “terminu perentorju” ( 90 ). Skond l-Artikolu 6(4) ta’ dan l-istess Kodiċi, l-Istat Membru ma jistax jimplementa l-miżuri pproġettati, kemm jekk ikunu speċifiċi u kemm jekk huma meħuda b’applikazzjoni ta’ skema ġenerali ta’ għajnuna awtorizzata fuq il-bażi tat-Trattat KE, sakemm il- Kummissjoni ma tkunx approvathom. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 88(3) KE, dan il-kontroll huwa essenzjali sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tas-suq komuni ( 91 ).

234.

Jirriżulta b’mod ċar mit-test tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tat-Tielet Kodiċi li, wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, fl-1 ta’ Jannar 1986, l-obbligu li jiġu nnotifikati miżuri finanzjarji, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża preżenti, kien ċar u mingħajr ebda kundizzjoni.

235.

Din l-analiżi hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

236.

Effettivament, dan l-obbligu jinsab, fi kliem identiċi, fl-Artikolu 6(1) tar-Raba’, il-Ħames u s-Sitt Kodiċi. Mistoqsija dwar il-portata ta’ tali dispożizzjoni fil-kuntest tal-Ħames Kodiċi, il-qorti Komunitarja b’hekk ikkunsidrat li, kif kienet miktuba, din id-dispożizzjoni “ma [kienet tħalli] ebda dubju lill-awtoritajiet pubblċi dwar l-obbligu li huma kellhom li jinnotifikaw l-għajnuna in kwistjoni u li jissuġġettaw l-għoti tagħhom għall-pożizzjoni adottata minn qabel mill-Kummissjoni, indipendentement mill-eventwali kwalifika tagħha bħala għajnuna” ( 92 ).

237.

Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 174 tas-sentenza appellata, fil-fehma tiegħi l-obbligu ta’ notifika introdott mill-Kummissjoni fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) tat-Tielet Kodiċi kien jirrigwarda, b’mod ċar, l-għajnuna bħal dik in kwisjtoni fil-kawża preżenti. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’kunsiderazzjoni għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Kumitat Konsultattiv tal-KEFA, u Salzgitter, b’kusiderazzjoni għall-pożizzjoni ekonomika b’saħħitha tagħha, kienu t-tnejn f’pożizzjoni li jkunu jafu dwar l-introduzzjoni ta’ dan l-obbligu fil-kuntest tat-Tielet Kodiċi u taż-żamma tiegħu fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar suċċessivi. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 181 tas-sentenza appellata, jiena ma naħsibx li l-Kummissjoni kienet obbligata tagħti ebda kjarifika tar-regoli fil-kuntest tat-Tielet Kodiċi jew tal-Kodiċi ulterjuri.

238.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li Salzgitter u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu preċiżament il-portata u ta’ l-obbligi tagħhom, u dan mill-adozzjoni tat-Tielet Kodiċi fl-1986. Għaldaqstant kien jeżisti, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Qorti tal-Prim’Istanza, obbligu ta’ notifika ċar u inekwivoku ta’ l-għajnuna in kwistjoni, skond l-Artikolu 6 tat-Tielet, ir-Raba’, il-Ħames u s-Sitt Kodiċi.

239.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jiena b’hekk inqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt fl-analiżi dwar iċ-ċarezza tal-kuntest ġuridiku applikabbli.

240.

Din il-konstatazzjoni hija, fil-prinċipju, biżżejjed biex jintlaqa’ l-appell imressaq mill-Kummissjoni u biex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata. Fil-fehma tiegħi, xorta waħda, għandu jitkompla l-eżami tal-ħames u t-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju, sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi li għandhom jinħarġu, f’din il-kawża, minn dan l-iżball ta’ dritt.

2. Fuq il-ħames parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata fir-rigward ta’ l-għarfien tal-Kummissjoni dwar l-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni

241.

Permezz tal-ħames parti ta’ l-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt billi kkonstatat, fil-punt 179 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet taf dwar l-applikazzjoni taz-ZRFG għal Salzgitter għal diversi snin qabel ma ħadet azzjoni u b’hekk naqset mill-obbligu tagħha ta’ diliġenza.

a) Argumenti tal-partijiet

242.

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 175 sa 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tindika sempliċement id-dokumenti li kienu ġew innotifikati lill-Kummissjoni, iżda ma tippreċiżax jekk dawn fihomx informazzjoni dwar għajnuna li ma kinitx ġiet innotifikata. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssemmi ebda dispożizzjoni legali li tobbliga lill-amministrazzjoni tal-Kummissjoni tikkunsidra dawn id-dokumenti barra mill-proċedura li fil-kuntest tagħha dawn kienu ntbagħtu lilha.

243.

Il-Kummissjoni tippreċiża li, għall-istess raġuni ta’ l-eżistenza ta’ l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat għall-industrija ta’ l-azzar, la hu previst u lanqas neċessarju li tintbagħat informazzjoni bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni inkarigati mis-sorveljanza tas-sistema ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ l-azzar u dawk inkarigati mill-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat. Hija tgħid ukoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma rrispettatx l-obbligu li tagħti rendikont ta’ l-għajnuna mogħtija previst fl-Artikolu 7 tal-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar fis-seħħ bejn l-1986 u l-2002 u li ma ntbagħtet ebda informazzjoni lid-dipartimenti inkarigati mill-applikazzjoni ta’ l-imsemmija Kodiċi.

244.

Il-Kummissjoni tirrimarka li l-impriżi ta’ l-azzar m’humiex obbligati jibagħtulha r-rapporti ta’ l-attività tagħhom jew il-kontijiet annwali tagħhom fil-kuntest tas-sistema ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ l-azzar, b’tali mod li hija m’hijiex obbligata, fil-prinċipju, taqra dawn id-dokumenti.

245.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tinsab fil-punt 179 tas-sentenza appellata, li tgħid li r-rapporti ta’ attività u l-kontijiet annwali li Salzgitter li hija bagħtet lill-Kummissjoni indikaw l-eżistenza ta’ riżervi eċċezzjonali għall-benefiċċju tagħha. Il-Kummissjoni tgħid ukoll li, fi kwalunkwe każ, dawn m’humiex l-ammonti jew ir-riżervi użati għall-investimenti li huma determinanti fis-sistema tal-kwoti, iżda l-effetti li l-investimenti kellhom fuq il-kapaċità ta’ produzzjoni u sussegwentement fuq il-produzzjoni nnifisha. Hija tippreċiża li, anki jekk kellha tiġi aċċettata l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 178 tas-sentenza appellata, li tgħid li s-sorsi ta’ finanzjament kellhom jiġu effettivament komunikati lill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ kwoti, ir-riżervi in kwistjoni ma jikkorrispondux għal sorsi ta’ finanzjament iżda għal differiment ta’ taxxa mogħti għal investimenti partikolari.

246.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssemmix dispożizzjoni li minnha jista’ jirriżulta li hija għandha l-obbligu li tieħu konjizzjoni ta’ dokumenti barra mill-proċedura li fil-kuntest tagħha dawn intbagħtula. Hija tgħid ukoll li l-fatt li d-dokumenti ntbagħtu spontanjament minn Salzgitter ma jistax prova li l-Kummissjoni ħadet konjizzjoni tal-kontenut tagħhom. L-impriża benefiċjarja barra minn hekk ma ppruvatx tali fatt.

247.

Fil-kuntest ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, il-Kummissjoni insistiet fuq ir-riksji li tista’ twassal l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza kemm fuq is-sistema ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat kif ukoll fuq l-organizzazzjoni amministrattiva tagħha.

248.

Effettivament hija, min-naħa waħda, indikat li kieku t-trasmissjoni spontanja ta’ dokumenti lil kwalunkwe dipartiment tal-Kummissjoni, li jista’ jkun fihom biss osservazzjonijiet vagi dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, kienet biżżejjed biex jiġi pprojbit l-uniku mezz ta’ azzjoni tagħha fir-rigward ta’ l-għoti ta’ għajnuna illeċita jew mhux kompatibbli mas-suq komuni, ikun hemm riskju li l-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat, ibbażat fuq l-obbligu ta’ notifika, jisfa fix-xejn.

249.

Hija rrilevat, min-naħa l-oħra, li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza toħloq riskju li jitqiegħed f’dubju acquis essenzjali ta’ l-organizzazzjoni amministrattiva moderna tal-Kummissjoni, jiġifieri t-tqassim ċar u nett tal-kompetenzi, favur sistema amministrattiva li fiha kull aġent tal-Kummissjoni jkollu jinnotifika immedjatament lill-awtorità kompetenti kull ksur ta’ l-ordni ġuridiku li jkun ġie għall-attenzjoni tiegħu.

250.

Salzgitter tikkunsidra li din il-parti tibbaża ruħha fuq kunsiderazzjonijiet ta’ fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex obbligata li tkun taf fil-kuntest ta’ appell. Fuq bażi sussidjarja, hija ssostni li l-obbligu għall-Kummissjoni, previst fil-kuntest tas-sistema ta’ sorveljanza tal-kwoti ta’ l-azzar, li tikkunsidra l-għajnuna mogħtija preċedentement jimplika l-obbligu li tieħu konjizzjoni tar-rapporti ta’ attività li jintbagħtula . Hija tgħid ukoll li l-kontijiet annwali li jinsabu f’dawn ir-rapporti indikaw b’mod ċar li Salzgitter kienet ibbenefikat mill-miżuri fiskali previsti miz-ZRFG u li barra minn hekk kien fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti ta’ attività li l-Kummissjoni bagħtitilha talba għal informazzjoni fl-1998. Hija targumenta li dan is-suġġett ġie diskuss ukoll matul laqgħa mal-Kummissjoni fl-1982 li fiha kienu pparteċipaw ukoll id-dipartimenti inkarigati mill-ġestjoni tal-kwoti ta’ l-azzar kif ukoll dawk inkarigati mill-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat. Hija tikkunsidra li l-obbligu għall-Kummissjoni li tieħu konjizzjoni ta’ l-informazzjoni mibgħuta lilha jirriżulta mid-dritt għas-smiegħ ( 93 ) u li l-Kummissjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tinvoka kontra ċittadin il-fatt li dan ta’ l-aħħar ikun bagħat komunikazzjoni lil diviżjoni inkompetenti.

251.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li, bħala awtorità ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra kull informazzjoni li tintbagħtilha. Hija tgħid ukoll li d-dipartimenti amministrattivi inkarigati mill-ġestjoni tal-kwoti ta’ l-azzar huma, permezz tal-kompetenza tagħhom, kapaċi jagħrfu l-informazzjoni li jirċievu għall-kontroll ta’ l-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar u li huma obbligati jibagħtu l-informazzjoni rilevanti lid-dipartimenti inkarigati mill-kontroll ta’ l-għajnuna.

b) Evalwazzjoni

252.

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Salzgitter, fil-fehma tiegħi din il-ħames parti hija ammissibbli.

253.

Huwa magħruf li, skond l-Artikolu 32 E tat-Trattat KEFA, li huwa identiku għall-Artikolu 225 KE, l-appell għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija, fil-prinċipju, kompetenti biex tevalwa l-fatti ( 94 ).

254.

Madankollu nqis, li l-analiżi ta’ l-imsemmija parti ma tqajjimx sempliċement problema ta’ evalwazzjoni ta’ fatti. Nikkunsidra, effettivament, li l-eżami tal-fondatezza tagħha jqajjem, fid-dawl tal-konklużjonijiet li stabbilixxejt fil-kuntest ta’ l-ewwel parti, kwistjoni ta’ dritt.

255.

Il-kwistjoni hija jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlitx żball ta’ dritt meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza billi ma rrilevatx l-eżistenza ta’ l-għajnuna in kwistjoni u n-nuqqas ta’ notifika ta’ din ta’ l-aħħar minkejja li kien jeżisti obbligu ċar u mingħajr kundizzjonijiet għall-Istat Membru li jagħti notifika.

256.

Għandu jingħad, fuq bażi preliminari, li l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tas-sentenza appellata, dwar obbligu eventwali li l-informazzjoni tintbagħat bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni, huma partikolari għall-kawża preżenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rrimarkat dan f’diversi partijiet, b’mod partikolari fil-punti 179 u 182 ta’ l-imsemmija sentenza. Il-konklużjonijiet tagħha huma derivati minn obbligi partikolari li l-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi ta’ l-azzar, bil-għan li tegħleb l-istat ta’ kriżi manifest fis-settur Ewropew ta’ l-azzar.

257.

Fil-punti 176 u 177 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeskriviet l-obbligi ta’ l-impriżi ta’ l-azzar li jirriżultaw mill-istabbiliment ta’ sistema ta’ sorveljanza tal-produzzjoni tagħhom ta’ l-azzar ( 95 ). Għall-applikazzjoni ta’ din is-sistema, stabbilita fl-1980, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kellha informazzjoni regolari dwar il-produzzjoni u l-kunsinni ta’ l-impriżi kkonċernati. Hija osservat ukoll li kienet stabbilixxiet, fil-kuntest ta’ l-adattament ta’ l-istess sistema, konnessjoni ċara bejn l-għoti ta’ għajnuna mhux awtorizzata u l-kwoti ta’ produzzjoni, sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 A(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2177/83/KEFA ( 96 ) kien jawtorizza lill-Kummissjoni“tnaqqas il-kwoti ta’ impriża, meta hija [kkonstatat] li l-impriża in kwistjoni [bbenefikat] minn għajnuna mhux awtorizzata mill-Kummissjoni skond it-[Tieni Kodiċi] jew jekk il-kundizzjonijiet li taħthom kienet awtorizzata l-għajnuna ma [kinux ġew] osservati” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

258.

Kien fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 97 ) li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 178 tas-sentenza appellata, li “[g]ħalhekk, il-Kummissjoni kellha bil-fors tasal sabiex tivverifka l-informazzjoni relatata mal-produzzjoni ta’ l-impriżi ta’ l-industrija ta’ l-azzar li hija kienet qed tirċievi minn dawn ta’ l-aħħar, b’mod partikolari sabiex tiddetermina jekk iż-żamma jew iż-żieda fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni ma rriżultawx minn għajnuna mill-Istat mhux awtorizzata”.

259.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat ukoll l-eżistenza ta’ qafas b’saħħtu ta’ programmi ta’ investiment ta’ l-impriżi ta’ l-azzar ( 98 ) u fakkret li l-Kummissjoni kienet eżaminat mill-ġdid l-iskema ta’ għajnuna prevista miz-ZRFG fl-1988 u li kienet adottat deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni matul ix-xahar ta’ Diċembru 1988 fuq il-bażi tat-Trattat KE.

260.

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi u ta’ l-informazzjoni mibgħuta minn Salzgitter lill-Kummissjoni skond l-obbligi hawn fuq imsemmija li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 179 tas-sentenza appellata, li din ta’ l-aħħar “kellha tosserva u tikkonstata n-nuqqas ta’ notifika ta’ [l-għajnuna kkontestata] u tibda l-proċedimenti adegwati”. Fin-nuqqas ipprorogat ta’ reazzjoni mill-Kummissjoni u fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ ċarezza tas-sitwazzjoni ġuridika, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk iddeċidiet, fil-punt 180 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ħolqot, “bi ksur għall-obbligu ta’ diliġenza […], sitwazzjoni ekwivoka” li hija kellha l-obbligu li tikkjarifika qabel ma tordna r-restituzzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija.

261.

Għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi huwa diffiċli, fil-kawża preżenti, li l-Kummissjoni tiġi akkużata li naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta’ diliġenza, anki meta l-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni ma kien is-suġġett ta’ ebda notifika, taħt kwalunkwe forma, minkejja n-natura ċara u mingħajr kundizzjonijiet ta’ dan l-obbligu.

262.

Jiena nibbaża l-evalwazzjoni tiegħi fuq analiżi tas-setgħat u tar-responsabbiltajiet li għandhom rispettivament il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-kuntest ta’ sistema ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat.

263.

Il-Kummissjoni, bħall-istituzzjonijiet Komunitarji kollha, hija suġġetta, fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet amministrattivi tagħha, għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

264.

Sa minn waħda mill-ewwel sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-prinċipju jifforma parti integrali mir-regoli mhux miktuba tal-legalità Komunitarja ( 99 ). Ir-rekwiżiti marbuta ma’ dan il-prinċipju ġew stabbiliti progressivament mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma ġew ikkristalizzati fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea ( 100 ).

265.

Il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jeħtieġ li l-Kummissjoni twettaq eżami serju u eżawrenti tad-data kollha, ġuridika jew fattwali, li jista’ jkollha effett fuq l-adozzjoni ta’ att ( 101 ). Barra minn hekk, in kwantu l-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva biex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, hija obbligata tagħmel eżami diliġenti u imparzjali ta’ kull każ li hija għandha konjizzjoni tiegħu. Id-dmir ta’ diliġenza, li l-Qorti tal-Prim’Istanza takkuża lill-Kummissjoni li kisret, jikkonsisti fi ħtieġa ta’ trattament amministrattiv “fi żmien raġonevoli”. Skont il-qorti Komunitarja, dan iż-żmien “għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest ta’ din ta’ l-aħħar, ta’ l-istadji proċedurali diversi li l-Kummissjoni għandha ssegwi, tal-kumplessità tal-kawża kif ukoll ta’ l-importanza għad-diversi partijiet ikkonċernati” ( 102 ). L-istituzzjonijiet b’hekk m’għandhomx jipprolongaw indefinittivament il-proċeduri u b’xi mod hija l-passività tagħhom, meta huma obbligati li jaġixxu fi żmien raġonevoli, li hija penalizzata.

266.

Fil-prattika, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba teħtieġ li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri interni kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-funzjonament tajjeb tad-dipartimenti tagħha ( 103 ). F’dan ir-rigward, hija għandha setgħa ta’ organizzazzjoni interna. Il-Kummissjoni tifforma unità waħda organizzattiva u funzjonali ( 104 ). Id-dipartimenti tagħha madankollu huma maqsuma f’direttorati ġenerali, direttorati, unitajiet jew diviżjonijiet skond pjan ta’ tqassim tal-kompetenzi magħmul b’tali mod sabiex jiġu evitati kemm jista’ jkun l-koinċidenza ta’ kompetenzi u x-xogħol doppju ( 105 ). Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ l-azzjoni tagħha, il-Kummissjoni tipprevedi wkoll, fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Intern tagħha tal-1963, li d-dipartimenti tagħha għandhom “jaħdmu f’kooperazzjoni kemn jista’ jkun mill-qrib”. Skond din id-dispożizzjoni, qabel ma dokument ikun sottomess lill-Kummissjoni, id-dipartiment responsabbli għandu javża lid-dipartimenti kollha li huma kkonċernati bis-saħħa tal-pjan ta’ tqassim tal-kompetenzi jew minħabba n-natura tas-suġġett, sabiex jiġi evitat kull xogħol doppju u biex jinkisbu l-kunsens jew l-osservazzjonijiet tagħhom ( 106 ).

267.

Fil-kawża preżenti, jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Kummissjoni kienet irċeviet, mill-1988, rapporti ta’ attività u kontijiet annwali ta’ Salzgitter, li mill-qari tagħhom kien jirriżulta li hija kienet ibbenefikat minn riżervi eċċezzjonali, skond l-Artikolu 3 taz-ZRFG. Skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn l-indikazzjonijiet setgħu jirriżultaw ukoll mill-eżami li sar, fl-1988, mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà, mat-Trattat KE, ta’ l-iskema ġenerali ta’ għajnuna.

268.

Bħall-Qorti tal-Prim’Istanza, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ l-eżistenza tal-għajnuna in kwistjoni. Effettivament, kif jirriżulta wkoll b’mod ċar mis-sentenza appellata, il-Kummissjoni ippruvat ħafna tissorvelja l-attività ta’ l-impriżi ta’ l-azzar permezz ta’ għadd sħiħ ta’ miżuri “antikriżi” li kienu jippermettulha jkollha massimu ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Salzgitter ( 107 ).

269.

Il-konnessjoni bejn l-iskema ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ l-azzar u dik ta’ l-għajnuna mill-Istat hija ċara. Din tirriżulta mill-Artikolu 15 A tad-deċiżjonijiet imsemmija mill-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll mill- Artikolu 14 tagħhom ( 108 ). Meta l-Kummissjoni tapplika xi waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, hija neċessarjament imwassla teżamina l-kontijiet ta’ l-impriża fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mibgħuta minnha ( 109 ).

270.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri kollha jifformaw totalità koerenti u li wieħed ma jistax jikkritika l-introduzzjoni, fl-iskema tal-kwoti ta’ produzzjoni, ta’ kriterji li jaqgħu taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-industrija ta’ l-azzar, għaliex it-tnejn li huma, irrispettivament mid-differenzi bejn il-bażi ġuridiċi tagħhom u l-kriterji ta’ applikazzjoni tagħhom, għandhom bħala objettiv ir-ristrutturar. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant m’huwiex arbitrarju jew diskriminatorju li d-data li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ waħda minn dawn l-iskemi tista’ tittieħed bħala bażi ta’ referenza fl-iskema l-oħra ( 110 ).

271.

Madankollu, il-Kummissjoni m’għandha ebda obbligu fir-rigward tal-konsegwenzi li hija għandha toħroġ minn konstatazzjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ notifika ta’ għajnuna. Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk adottat approċċ partikolarment prudenti u rispettuż tad-diversi proċeduri stabbiliti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-miżuri anti-kriżi. F’dan ir-rigward, nirreferi għas-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1982, Klöckner-Werke vs Il-Kummissjoni ( 111 ). F’din il-kawża, l-impriża rikorrenti akkużat, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni li ma kkunsidratx, fil-kuntest tal-kalkolu tal-kwoti ta’ produzzjoni, sussidji pubbliċi li minnhom kienu bbenefikaw ċertu numru ta’ impriżi f’diversi Stati Membri, bi ksur tat-Trattat KEFA. Skond Klöckner-Werke AG, il-Kummissjoni kien imissha rreaġixxiet għall-għoti ta’ dawn is-sussidji pubbliċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx “obbligata tikkunsidra, fil-kuntest tal-miżuri previsti fl-Artikolu 58 [KEFA] [ ( 112 )], id-distorsjonijiet maħluqa fis-suq ta’ l-azzar permezz ta’ l-għoti ta’ għajnuna eventwalment inkompatibbli mat-Trattat” ( 113 ). Hija rrilevat li l-implementazzjoni tal-Artikolu 58 KEFA, li jeħtieġ, min-natura tiegħu stess, azzjoni mill-iktar fis, ibbażata fuq kriterji sempliċi, ma kinitx kompatibbli mat-teħid in kunsiderazzjoni ta’ data bħall-għajnuna pubblika, li l-evalwazzjoni tagħha kienet teħtieġ investigazzjonijiet partikolarment kumplessi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għaldaqstant li “[g]ħalkemm ma jistax jiġi eskluż li, fit-tqassim tal-kwoti ta’ produzzjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra sitwazzjonijiet li jmorru kontra l-Artikolu 4(c) [KEFA] u r-regoli stabbiliti permezz tad-deċiżjonijiet tagħha f’dan il-qasam, debitament stabbiliti permezz tal-proċeduri previsti għal dan il-għan, kif hija diġà tagħmel fl-azzjoni tagħha ta’ sorveljanza ta’ l-investimenti, wieħed ma jistax madankollu jasal sal-punt li jeżiġi li l-miżuri ta’ anti-kriżi ta’ l-Artikolu 58 [KEFA] jiġu użati bħala rimedju kontra l-effett ta’ għajnuna illeċitia mogħtija mill-Istati Membri” ( 114 ).

272.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni għaldaqstant m’għandha ebda obbligu fir-rigward tal-konsegwenzi li hija għandha toħroġ, fil-kuntest tat-tqassim tal-kwoti ta’ produzzjoni, min-nuqqas eventwali ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat. Xorta jibqa’ l-fatt, madankollu, li l-Kummissjoni, bħala awtorità ta’ sorveljanza, kienet obbligata taġixxi bid-diliġenza kollha meħtieġa.

273.

Madankollu, ma naħsibx li dan in-nuqqas ta’ diliġienza jista’, f’din il-kawża, jeżenta lill-Istat Membru milli jordna l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija illegalment u lill-impriża benefiċjarja milli tirrimborsa dik l-għajnuna.

274.

Effettivament, inqis li la r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas Salzgitter m’huma ġġustifikati jsostnu ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, min-naħa tal-Kummissjoni, meta l-għoti ta’ l-għajnuna in kwistjoni ma kien is-suġġett ta’ ebda notifika, taħt kwalunkwe forma, minkejja n-natura ċara u mingħajr ebda kundizzjoni ta’ dan l-obbligu.

275.

Huwa importanti li jiġi mfakkar, effettivament, li d-dritt għal amministrazzjoni tajba m’huwiex prerogattiv assolut, opponibbli f’kull ċirkustanza kontra l-amministrazzjoni Komunitarja. Effettivament, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, għalkemm il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jimponi fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji għadd ta’ obbligi, dan jimplika wkoll ċerta diliġenza min-naħa tal-parti kkonċernata ( 115 ). Għaldaqstant, il-garanziji offruti lill-persuna li hija suġġetta għall-amministrazzjoni ma jistgħux ikunu użati minn persuna li kienet negliġenti jew in mala fede.

276.

Fil-kawża preżenti, huwa kostanti li ebda notifika ta’ l-għajnuna kontenzjuża ma kienet saret fl-1988 jew matul is-snin segwenti. Issa, kif kienet iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-attitudni tikkostitwixxi “ksur partikolarment serju, in kwantu din tmur kontra […] sistema essenzjali għall-ħarsien tas-suq komuni” ( 116 ).

277.

L-obbligu ta’ notifika minn qabel huwa, effettivament, il-bażi tas-sistema ta’ kontroll preventiv stabbililta mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-diversi Kodiċi. ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar. Dan l-obbligu jippermettilha tiżgura s-sorveljanza tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar, b’mod konformi ma’ l-objettivi segwiti mit-Trattat KEFA, billi tawtorizza l-għoti lill-industrija ta’ l-azzar ta’ ċerta għajnuna b’kunsiderazzjoni tas-sensittività partikolari tas-settur. Dan l-obbligu jippermetti wkoll li jitneħħew id-dubji eventwali ta’ l-istat Membru li jkun qed jikkunsidra jistabbilixxi miżura dwar jekk din tkunx tikkostitwixxi għajnuna awtorizzata mill-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar applikabbli jew le. Għaldaqstant huwa kostanti li l-obbligu ta’ notifika għandu bħala għan aħħari ċ-ċertezza legali u għaldaqstant għandu, fuq din il-bażi, jiġi rrispettat b’mod strett ( 117 ).

278.

Billi introduċiet, fl-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi, proċedura ta’ notifikazzjoni ta’ proġetti bħal dak in kwistjoni f’din il-kawża, il-Kummissjoni eżerċitat ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat KEFA fil-qasam tal- għajnuna mill-Istat, peress li kien jidhrilha li l-iskemi li hija kienet preċedentement awtorizzat fuq il-bażi tat-Trattat KE setgħu jaffetwaw il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni tal-faħam u l-azzar.

279.

Kif jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-ħames premessa ta’ dan il-Kodiċi, l-objettiv kien li “tiġi stabbilita sistema Komunitarja globali li tiżgura trattament ugwali għal kull għajnuna li minnha [setgħet] tkompli tibbenefika l-industrija ta’ l-azzar, fil-kuntest ta’ proċedura waħda” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

280.

Din is-sistema tippermetti li jiġi evitat li skema ġenerali ta’ għajnuna, awtorizzata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tat-Trattat KE, tista’ tagħti lok għal applikazzjonijiet ġodda fil-kuntest tat-Trattat KEFA, meta jirriżulta li din tmur kontra l-funzjonament tajjeb tas-suq komuni ta’ l-azzar kif ukoll ir-regoli definiti fil-kuntest tal-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar.

281.

L-imsemmija sistema tiżgura wkoll trattament ugwali bejn l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi skond jekk jinnotifikawx għajnuna mogħtija speċifikament lil impriża ta’ l-azzar, skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ t-Tielet Kodiċi, jew għajnuna mogħtija taħt skema ġenerali ta’ għajnuna, skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ dan l-istess Kodiċi. Effettivament, ikun kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li għajnuna mogħtija taħt skema ġenerali ta’ għajnuna awtorizzata fuq il-bażi tat-Trattat KE tkun awtorizzata għall-kuntrarju għal dik innotifikata skond Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar. Tali każ imsemmi ikun imur kontra l-objettivi segwiti mit-Trattat KEFA u jneħħi kull effett utli tas-sistema ta’ kontroll preventiv stabbilita mill-Kummissjoni fl-Artikolu 6 tat-Tielet, ir-Raba’, il-Ħames u s-Sitt Kodiċi. Tali sitwazzjoni toħloq ukoll ir-riskju li jiġu evitati r-regoli fformulati fil-kuntest tat-Trattat KEFA, u b’mod partikolari l-projbizzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat ifformulata fl-Artikolu 4(c) KEFA, favur ir-regoli iktar flessibbli tat-Trattat KE.

282.

Issa, f’din il-kawża, m’huwiex ikkontestat li l-għajnuna kontenzjuża ngħatat, b’mod kuntrarju għall-obbligi imposti fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi u tal-Kodiċi segwenti, mingħajr ma kienet is-suġġett ta’ notifika, taħt kwalunkwe forma.

283.

Huwa evidenti li l-komunikazzjoni lill-Kummissjoni, minn Salzgitter, tar-rapporti ta’ attività tagħha jew ta’ kull dokument ieħor ta’ natura identika, fil-kuntest tas-sistema ta’ sorveljanza tal-kwoti ta’ l-azzar u ta’ l-investimenti, ma tistax tissostitwixxi notifika, fil-forma tajba u meħtieġa, li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-imsemmija dispożizzjoni.

284.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proċedura prevista fl-Artikolu 88(3) KE, l-obbligu ta’ notifika minn qabel jaqa’ biss fuq l-Istati Membri. Per eżempju, dan l-obbligu ma jistax jiġi sodisfatt jekk in-notifika ssir mill-impriża benefiċjarja ta’ l-għajnuna ( 118 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk tinterpreta b’mod ferm strett l-obbligu ta’ notifika minn qabel ta’ l-għajnuna mill-Istat previst fit-Trattat KE. Iktar u iktar dan għandu jkun il-każ fil-kuntest tat-Trattat KEFA, li, għandu jiġi mfakkar, jawtorizza l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat biss fuq il-bażi ta’ deroga.

285.

Minn dan isegwi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tonqos mill-obbligu ta’ notifika li hija kellha taħt l-Artikolu 6 tat-Tielet, ir-Raba’ u l-Ħames Kodiċi billi tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni kellha tagħmel permezz ta’ l-istudju tad-dokumenti mibgħuta minn Salzgitter jew fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-iskema ġenerali ta’ għajnuna li hija setgħet twettaq fuq il-bażi tat-Trattat KE.

286.

Kieku dan kien il-każ, fil-fatt, Stat Membru jkun jista’ jevita l-obbligu tiegħu ta’ notifika minn qabel ta’ l-għajnuna u, għaldaqstant, ineħħi kull effett utli tal-kontroll preventiv tal-Kummissjoni.

287.

Fil-kawża preżenti, huwa kostanti li, billi ma nnotifikatx lill-Kummissjoni, għal perijodu ta’ kważi għaxar snin, il-proġetti intiżi sabiex japplikaw l-Artikolu 3 taz-ZRFG għall-benefiċċju ta’ Salzgitter, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha.

288.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fl-ipoteżi li l-Kummissjoni naqset mid-dmir tagħha ta’ diliġenza, jiena b’hekk tal-fehma, għall-kuntrarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li dan il-fatt ma kellux jeżonera lill-Istat Membru mid-dmir tiegħu li jirkupra l-għajnuna in kwistjoni, safejn, fin-nuqqas ta’ notifika minn qabel, din kienet ġiet mogħtija illegalment lil Salzgitter u kellha tiġi rkuprata.

289.

Issa, fil-kuntest ta’ l-analiżi tat-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju, ser neżamina jekk il-Kummissjoni setgħetx xorta waħda tordna r-rimbors ta’ l-għajnuna in kwistjoni mingħajr ma tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

3. Fuq it-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

290.

Nifhem li, permezz tat-tielet parti ta’ l-ewwel aggravju, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li applikat, b’mod żbaljat, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, billi ddeċidiet li hija kienet kisret dawn il-prinċipji billi ordnat ir-rimbors ta’ l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter bejn l-1986 u l-1995.

a) Argumenti tal-partijiet

291.

Il-Kummissjoni tqis li s-sentenza appellata tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali in kwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ma osservatx in-natura tar-regoli dwar l-għajnuna għall-industrija ta’l-azzar. Dawn ta’ l-aħħar huma fi stat ta’ żvilupp kontinwu, bħal dawk li jirrigwardaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni li l-operaturi ekonomiċi għandhom jistennew emendi għar-regoli applikabbli u m’humiex iġġustifikati li jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq il-fatt li dawn mhux ser ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet ġodda ( 119 ).

292.

Salzgitter issostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod korrett il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

293.

Hija tfakkar li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat fil-konfront ta’ regoli Komunitarji, in kwantu l-Kummissjoni stess ħolqot preċedentement sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal aspettattiva leġittima ( 120 ). Issa, fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni awtorizzat, min-naħa waħda, f’diversi okkażjonijiet u mingħajr riżerva, iz-ZRFG u, min-naħa l-oħra, ipproklamat, fil-kuntest ta’ l-Ewwel Kodiċi, li hija kienet obbligata tkompli tikkunsidra l-iskemi ta’ għajnuna, bħaz-ZRFG, bħala legali ( 121 ).

294.

Barra minn hekk, Salzgitter tippreċiża li kien biss fl-1998 li l-Kummissjoni bdiet teżamina l-iskemi fiskali ta’ l-Istati Membri mill-perspettiva tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal ċerti deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, li fihom din ta’ l-aħħar ma ordnatx l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija taħt skema fiskali nazzjonali, għal raġunijiet marbuta b’mod partikolari mal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ( 122 ). Hija b’hekk issostni li d-deċiżjoni kkontestata, billi teħtieġ ir-rimbors ta’ l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter, tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

295.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta rreferiet għas-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Duff et ( 123 ) u Oliveira vs Il-Kummissjoni ( 124 ) in kwantu dawn jiddefinixxu l-protezzjoni offruta mill-prinċipju ta’ ċertezza legali fl-iktar tifsira wiesgħa tagħha. Wara li fakkret li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, regoli Komunitarja jissodisfaw l-obbligu ta’ ċertezza legali biss jekk dawn jippermettu lill-partijiet ikkonċernati jkun jafu, b’eżatezza, il-firxa ta’ l-obbligi li dawn jimponu fuqhom u li jadottaw id-dispożizzjonijeit konsegwenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li tali evalwazzjoni tiddependi mill-kuntest li fih ir-regoli Komunitarji jkunu ġew adottati u minn paragun mas-sitwazzjoni ġuridika preċedentement eżistenti. Issa, fil-kawża preżenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li l-partijiet kkonċernati ma kinux f’pożizzjoni li jkunu jafu preċiżament il-portata ta’ l-obbligi tagħhom safejn ir-regoli l-ġodda la kienu ċari u lanqas suffiċjentement immotivati. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iġġustifikata meta rrikonoxxiet ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

b) Evalwazzjoni

296.

Kif diġà indikajt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 182 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx titlob, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża preżenti, ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter mingħajr ma tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet fil-fatt ikkunsidrat li l-kuntest ġuridiku applikabbli għall-impriża benefiċjarja ma kienx ċar u li l-Kummissjoni, billi m’għamlet ebda reazzjoni għall-informazzjoni li kienet intbagħtitilha mill-impriża benefiċjarja u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, kienet naqset mill-obbligu ta’ diliġenza u kienet b’hekk ħolqot sitwazzjoni ekwivoka.

297.

Fid-dawl tal-konklużjonijiet li stabbilixxejt fil-kuntest ta’ l-eżami taż-żewġ partijiet preċedenti, inqis, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Kummissjoni, billi ordnat ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuna in kwistjoni, ma kisritx la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas dak ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ta’ Salzgitter.

i) Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

298.

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jimplika li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għal-liġi ( 125 ). Dan jeħtieġ li kull att ta’ l-istituzzjonijiet li jipproduċi għal effetti ġuridiċi jkun ċar, preċiż u jinġieb għall-għarfien tal-persuna kkonċernata b’tali mod li din tkun tista’ ssir taf b’ċertezza l-mument minn meta l-imsemmi att jidħol fis-seħħ u jibda jipproduċi l-effetti ġuridiċi tiegħu. Dan il-prinċipju huwa impost b’mod partikolarment rigoruż fil-każ ta’ att li jista’ jagħti lok għal konsegwenzi finanzjarji, bil-għan li jippermetti lill-persuna kkonċernata tkun taf b’ċertezza l-firxa ta’ l-obbligi li dan jimponi fuqha ( 126 ). Dan jista’ jkun il-każ ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat ( 127 ).

299.

Fid-dawl ta’ l-elementi li diġà stabbilixxejt, ma naħsibx li l-Kummissjoni, billi ordnat ir-rimbors ta’ l-għajnuna kontenzjuża, setgħet kisret iċ-ċertezza legali ta’ Salzgitter.

300.

Kif diġà indikajt, il-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar kienu ġew adottati mill-Kummissjoni fil-forma ta’ deċiżjonijiet ta’ portata ġenerali. Fuq din il-bażi, dawn ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dawn il-Kodiċi jawtorizzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, derogi mill-projbizzjoni, fil-prinċipju, ta’ għajnuna mill-Istat stabbilita fl-Artikolu 4(c) KEFA, favur kategoriji partikolari ta’ għajnuna li huma jelenkaw b’mod eżawrenti. Ir-regoli li dawn jistabbilixxu huma, fil-fehma tiegħi, ċari. Dan huwa dak li diġà kkunsidrajt fil-punti 232 sa 238 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, fir-rigward ta’ l-obbligu ta’ notifika minn qabel tal-proġetti ta’ għajnuna. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’kunsiderazzjoni għall-parteċipazzjoni tagħha fil-Kumitat Konsultattiv tal-KEFA, u Salzgitter, b’kunsiderazzjoni għall-pożizzjoni ekonomika b’saħħitha tagħha, it-tnejn kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu l-portata ta’ l-obbligi imposti fuqhom mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat.

301.

Fir-rigward tal-prevedibbiltà tar-regoli applikabbli, naħseb ukoll li Salzgitter kienet f’pożizzjoni li tipprevedi li r-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-diversi Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar setgħu jkunu adattati jew emendati skond l-evoluzzjoni fil-qagħda ekonomika tas-settur ta’ l-azzar.

302.

Effettivament, kif il-Kummissjoni korrettament osservat, ir-regoli dwar l-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar huma fi żvilupp kontinwu. Il-Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar u r-regoli li dawn jistabbilixxu huma validi biss għal perijodu determinat. Dawn il-Kodiċi jħassru lil xulxin u kull Kodiċi jinvolvi verżjoni ġdida tad-dispożizzjonijiet derogatorji, billi jadatthom għall-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi ta’ l-industrija ta’ l-azzar. Billi emendat dawn il-Kodiċi, il-Kummissjoni riedet preċiżament tagħmel ċert li l-għoti ta’ l-għajnuna ma tkunx sitwazzjoni permanenti, iżda li tibqa’ eċċezzjoni limitata fiż-żmien, li tindirizza sitwazzjoni u ħtiġijiet speċifiċi. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza, fil-kuntest ta’ Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, l-għoti ta’ għajnuna partikolari lil ċerti impriżi ta’ l-azzar, toħloq sitwazzjoni ġuridika li tista’ tiġi mmodifikata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, kif dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fil-qasam ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, li s-suġġett tagħhom jeħtieġ adattament kostanti skond il-varjazzjonijiet fil-qagħda ekonomika ( 128 ). Wara l-iskadenza ta’ Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, il-Kummissjoni b’hekk tista’ tadotta, fil-kuntest ta’ Kodiċi ieħor, regoli ġodda jekk hija tqis li din hija r-risposta li għandha twassal għaliha applikazzjoni korretta tar-regoli tat-Trattat KEFA.

303.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi d-deċiżjoni kkontestata, billi tindika li l-għajnuna in kwistjoni ma kinitx ġiet innotifikata u billi teżiġi bħala konsegwenza r-rimbors tagħha, ma turix għaldaqstant li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi ma nnotifikatx l-imsemmija għajnuna b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Tielet, ir-Raba’ u l-Ħames Kodiċi, ma rrispettatx dan il-prinċipju.

ii) Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

304.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’każ ta’ bdil tar-regola, dan għandu l-għan li jiżgura l-protezzjoni ta’ sitwazzjonijiet akkwistati b’mod leġittimu minn persuna jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi b’mod partikolari ( 129 ). Madankollu, meta sitwazzjoni tista’ tiġi mmodifikata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattiva leġittima tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti ( 130 ).

305.

Fil-kawża preżenti u fid-dawl ta’ l-elementi li diġà stabbilixxejt preċedentement, inqis fl-ewwel lok li la Salzgitter u lanqas ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jistgħu jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

306.

Huwa magħruf, effettivament, li fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri ma jistgħux jinqdew bl-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji biex jaħarbu mill-obbligu li jirkurpaw l-għajnuna mogħtija illegalment meta din ingħatat bi ksur tar-regoli tal-proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, effettivament, li kieku dan kien il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq l-illegalità ta’ l-aġir tagħhom stess biex idgħajjfu l-effikaċja tal-kontroll imwettaq mill-Kummissjoni ( 131 ).

307.

Huwa magħruf ukoll li, meta titqies in-natura imperattiva tal-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat, l-operaturi ekonomiċi jista’ jkollhom aspettattiva leġittima fir-regolarità ta’ l-għajnuna biss jekk din tkun ingħatat b’osservanza tal-proċedura prevista għal dan il-għan u, b’mod partikolari, tal-kompetenzi attribwiti lill-Kummissjoni ( 132 ). Hija wkoll ġurisprudenza kostanti li operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu mill-osservanza ta’ din il-proċedura ( 133 ).

308.

Issa, fil-kuntest ta’ dawn il-Konklużjonijiet, insostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi ma nnotifikatx l-għajnuna in kwistjoni, ma rrispettatx il-proċedura prevista, mill-1986, mid-diversi Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar. Nikkunsidra wkoll li Salzgitter kienet f’pożizzjoni li tkun taf preċiżament il-portata ta’ l-obbligi tagħha fil-kuntest tal-kontroll ta’ l-għajnuna mill-Istat stabbilit mill-Kummissjoni.

309.

Għaldaqstant jiena tal-fehma, fid-dawl tal-ġurisprudenza hawn fuq imsemmija u fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża preżenti, li la r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas Salzgitter ma setgħu jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi biex jevitaw l-obbligu ta’ rkupru ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

310.

Fi kwalunkwe każ, ma naħsibx li l-Kummissjoni setgħet nisslet aspettattiva leġittima fir-rigward ta’ l-Istat Membru kkonċernat u ta’ l-impriża benefiċjarja dwar il-kompatibbiltà, fir-rigward tar-regoli tat-Trattat KEFA, ta’ l-għajnuna in kwistjoni.

311.

Kif l-Avukat Ġenerali Léger kien irrirmarka fil-punti 365 sa 370 tal-Konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi huwa, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ammess meta tliet kundizzjonijiet huma sodisfatti.

312.

Fl-ewwel lok, irid ikun hemm att jew aġir ta’ l-amministrazzjoni Komunitarja li seta’ ta lok għal din l-aspettattiva. Din l-amministrazzjoni trid tkun ipprovdiet, barra minn hekk, assigurazzjonijiet preċiżi ( 134 ).

313.

Fit-tieni lok, l-operatur ekonomiku m’għandux ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-bidla fil-pożizzjoni adottata preċedentement mill-ammininistrazzjoni Komunitarja. Effettivament, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, meta operatur ekonomiku prudenti u infurmat huwa f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ att Komunitarju ta’ natura li jista’ jaffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi meta dan l-att ikun ġie adottat ( 135 ). L-aspettattiva mnissla mill-att jew l-aġir ta’ l-amministrazzjoni Komunitarja hija b’hekk “leġittima” u għandha, bħala konsegwenza, tiġi protetta meta l-persuna kkonċernata setgħet raġonevolment tafda fiż-żamma jew fl-istabilità tas-sitwazzjoni hekk maħuqa, kif seta’ jagħmel operatur ekonomiku “prudenti u infurmat”.

314.

Fit-tielet lok, l-interess Komunitarju segwit mill-att ikkontestat m’għandux jiġġustifika l-ksur ta’ l-aspettattiva leġittima tal-persuna kkonċernata. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta l-bilanċ ta’ l-interessi in kwistjoni juri li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-interess Komunitarju ma jipprevalix fuq dak tal-persuna kkonċernata fiż-żamma tas-sitwazzjoni li hija setgħet leġittimament tqis bħala stabbli ( 136 ).

315.

Għandu jiġi eżaminat, fil-kawża preżenti, jekk l-atti jew l-aġir tal-Kummissjoni setgħux joħolqu fir-rigward ta’ l-impriża benefiċjarja aspettattiva leġittima ta’ tali natura li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli ġġiegħel lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tordna r-restituzzjoni ta’ l-għajnuna u lil Salzgitter tirrimborsa dik l-għajnuna.

316.

Fil-fehma tiegħi dan mhux il-każ. Effettivament, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Salzgitter u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni ma setgħetx nisslet aspettattiva leġittima meta hija awtorizzat, fuq il-bażi tat-Trattat KE, l-iskema ġenerali ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 3 taz-ZRFG jew meta hija adottat l-Ewwel Kodiċi, jew inkella, meta hija naqset milli tirreaġixxi għall-informazzjoni mibgħuta lilha minn Salzgitter.

317.

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ l-Artikolu 3 taz-ZRFG, inqis li dawn ma setgħux taw assigurazzjonijiet preċiżi dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni mar-regoli tat-Trattat KEFA. Kif diġà indikajt fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-appell inċidentali, dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati unikament fuq il-bażi tal-Artikoli 87 KE u 88 KE u kienu jirrigwardaw l-impriżi li jaqgħu taħt it-Trattat KE. In kwantu l-għajnuna in kwistjoni bbenefikat lil impriża li taqa’ taħt it-Trattat KEFA, il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar b’hekk kienet taqa’ taħt ir-regoli partikolari ta’ dan l-aħħar Trattat u ta’ l-atti adottati għall-eżekuzzjoni tiegħu ( 137 ).

318.

F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-Ewwel Kodiċi, naħseb ukoll li dawn ma setgħux nisslu, fir-rigward ta’ Salzgitter, aspettattivi leġittimi dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar.

319.

Effettivament, kif diġà indikajt, ir-regoli li tistabbilixxi l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar jindirizzaw sitwazzjoni u ħtiġijiet preċiżi u dawn huma validi biss għal perijodu determinat. Issa, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, għalkemm il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi huwa fost il-prinċipji fundamentali tal-Komunità, l-operaturi ekonomiċi madankollu m’humiex ġustifikati li jibbażaw l-aspettattiva leġittima tagħhom fuq iż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mmodifikata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji. Fis-sentenza Wirtschaftsvereinigung Stahl et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-qorti Komunitarja indikat ukoll li “il-funzjonament tajjeb tas-suq komuni ta’ l-azzar evidentement [kien jinvolvi] il-bżonn evidenti ta’ bidla kostanti skond il-varjazzjonijiet fis-sitwazzjoni ekonomika” ( 138 ). Rigward il-miżuri intiżi biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta’ kriżi, hija ddeċidiet li l-operaturi ekonomiċi ma setgħux jinvokaw dritt akkwistat għaż-żamma ta’ sitwazzjoni ġuridika eżistenti f’mument partikolari ( 139 ).

320.

Għaldaqstant, kif diġà rajna, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza, fil-kuntest ta’ Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar, l-għoti ta’ kategorija ta’ għajnuna lil ċerti impriżi ta’ l-azzar, toħloq sitwazzjoni ġuridika li tista’ tiġi mmodifikata bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

321.

Minn dan isegwi li, meta l-Kummissjoni tippreċiża, min-naħa waħda, fil-kuntest tar-raba’ premessa ta’ l-Ewwel Kodiċi, li dan huwa llimitat għall- “għajnuna speċifika biss” [traduzzjoni mhux uffiċjali] — waqt li l-applikazzjoni għall-industrija ta’ l-azzar ta’ l-iskemi ta’ għajnuna ġenerali jibqgħu suġġetti għall-kontroll tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 67 KEFA kif ukoll ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE — u meta hija tindika, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 10 ta’ l-istess Kodiċi, li dan huwa “applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 1981”, [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa ċar li, minn din id-data ‘l quddiem, il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli differenti. Salzgitter, li hija meqjusa li taf ir-regoli applikabbli, b’hekk kienet f’pożizzjoni li tipprevedi li dawn setgħu jkunu adattati jew emendati skond id-data ċiklika tas-suq ta’ l-azzar. Fi kliem ieħor, meta hija tiddeċi, fil-kuntest tat-Tieni Kodiċi, li tistabbilixxi proċedura uniformi għall-għajnuna kollha għall-industrija ta’ l-azzar, u meta hija tistipola b’mod iktar partikolari, fil-kuntest tat-Tielet Kodiċi, obbligu ta’ notifika ta’ għajnuna, bħal dik in kwistjoni fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ma tiksirx, fil-fehma tiegħi, il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

322.

Fl-aħħar, għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ reazzjoni tal-Kummissjoni wara li rċeviet l-informazzjoni mibgħuta minn Salzgitter, fil-fehma tiegħi dan ma setax ħoloq fir-rigward ta’ din l-impriża aspettattiva leġittima dwar il-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna in kwistjoni mas-suq komuni tal-faħam u l-azzar. Effettivament, din l-informazzjoni ma kinitx ġiet ikkomunikata fil-kuntest ta’ notifika skond ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 6 tat-Tielet Kodiċi u tal-Kodiċi suċċessivi, iżda fil-kuntest tal-programmi ta’ qafas tal-produzzjoni ta’ l-azzar u tal-programmi ta’ sorveljanza ta’ l-investimenti. Fil-fehma tiegħi dan mhumiex biżżejjed biex Salzgitter tkun tista’ raġonevolment temmen li l-għajnuna li minnha hija bbenefikat ma qajmet ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ( 140 ).

323.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi l-atti jew l-aġir li adottat il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma setgħux nislu fir-rigward ta’ Salzgitter aspettattiva leġittima ta’ natura tali li tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli ġġiegħel lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tordna r-restituzzjoni ta’ l-għajnuna u lill-impriża benefiċjarja tirrimborsha.

324.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha u fir-rigward tal-konklużjonijiet li diġà stabbilixxejta fil-kuntest ta’ l-eżami taż-żewġ partijiet preċedenti, inqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi ordnat ir-rimbors ta’ l-għajnuna li, fin-nuqqas ta’ notifika, kienet ingħatat illegalment lil Salzgitter.

325.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara l-ewwel aggravju fondat u tannulla s-sentenza appellata safejn din annullat l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata dwar ir-rimbors ta’ l-għajnuna mogħtija lil Salzgitter bejn l-1986 u l-1995.

326.

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, nikkunsidra li m’hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq il-partijiet l-oħra ta’ dan l-aggravju. Inqis ukoll li m’hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-tieni aggravju ta’ dan l-appell.

VII — Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

327.

L-Artikolu 61(1) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħid li jekk l-appell ikun fondat sewwa, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza biex din tiddeċidiha.

328.

Fil-kawża preżenti, nikkunsidra li l-kawża m’hijiex fi stat li tista’ tiġi deċiża. Effettivament, l-eżami tal-motivi invokati minn Salzgitter fil-kuntest tar-rikors tagħha għal annullament inevitabbilment jeħtieġ verifiki ta’ fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx fil-kuntest tas-sentenza appellata. B’mod partikolari qed naħseb fir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwalifika ta’ ċerti investimenti bħala miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, fil-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni in kwantu l-Kummissjoni ma kkwalifikatx ċerti proġetti ta’ investiment bħala miżuri intiżi għall-ħarsien ta’ l-ambjent, u fis-sitt motiv,ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tar-rati ta’ attwalizzazzjoni determinanti.

329.

Dawn il-konsiderazzjonijiet iwassluni biex nipproponi r-rinviju ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċiedi dwar il-merti u li jiġu rriżervati l-ispejjeż.

VIII — Konklużjoni

330.

Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi:

1)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (T-308/00), hija annullata safejn din tannulla l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/797/KEFA, tat-28 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Salzgitter AG, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija ta’ l-azzar, illum il-ġurnata miġbura flimkien taħt l-isem Salzgitter AG — Stahl und Technologie (SAG).

2)

Il-kawża hija rrinvjata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) It-Trattat KEFA ġie ffirmat f’Pariġi, fit-18 ta’ April 1951, mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta’ l-Olanda. Dan it-Trattat daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Lulju 1952 u ġie konkluż għal perjodu ta’ 50 sena. Skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

( 3 ) Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Roemer ippreżentati fl-10 ta’ Ġunju 1971 fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Lulju 1971, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (59/70, Ġabra p. 639).

( 4 ) Sentenza tat-23 ta’ Frar 1961 (30/59, Ġabra p. 1).

( 5 ) Fl-iżviluppi segwenti, ser nippreċiża x’jikkostitwixxi Kodiċi ta’ Għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar.

( 6 ) Li saret il-Komunità Ewropea (KE) bis-saħħa tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

( 7 ) Zonenrandförderungsgesetz, iktar ’il quddiem iż-“ZRFG”.

( 8 ) Iktar ’il quddiem “Salzgitter” jew l-“impriża benefiċjarja”.

( 9 ) Iktar ’il quddiem l-“l-għajnuna kontenzjuża” jew “l-għajnuna in kwistjoni”

( 10 ) Deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mill-Ġermanja favur Salzgitter AG, Preussag Stahl AG u s-sussidjarji tal-grupp li joperaw fl-industrija ta’ l-azzar, illum il-ġurnata miġbura flimkien taħt l-isem Salzgitter AG — Stahl und Technologie (SAG) (ĠU L 323, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 11 ) T-308/00, Ġabra p. II-1933 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

( 12 ) Deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 1980, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna speċifika lill-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 29, p. 5, iktar ’il quddiem l-“l-Ewwel Kodiċi”).

( 13 ) Ara, ukoll, l-Artikolu 1 ta’ l-Ewwel Kodiċi.

( 14 ) Deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 1981, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna speċifika lill-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 228, p. 14), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 1018/85/KEFA, tad-19 ta’ April 1985 (ĠU L 110, p. 5, iktar ’il quddiem it-“Tieni Kodiċi”).

( 15 ) Ara l-Artikolu 1(1) tat-Tieni Kodiċi.

( 16 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 484/85/KEFA, tas-27 ta’ Novembru 1985, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 340, p. 1, iktar ’il quddiem it-“Tielet Kodiċi”).

( 17 ) L-Artikoli 2 sa 5 tat-Tielet Kodiċi jippreċiżaw, rispettivament, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għar-riċerka u għall-iżvilupp, għajnuna favur il-ħarsien ta’ l-ambjent, għajnuna għall-għeluq ta’ installazzjonijiet tal-produzzjoni ta’ l-azzar u, fl-aħħar, għajnuna reġjonali għall-investiment.

( 18 ) Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Nri 322/89/KEFA, tal-1 ta’ Frar 1989, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 38, p. 8, iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Kodiċi”), u 855/91/KEFA tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Novembru 1991, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 362, p. 57, iktar ’il quddiem il-“Ħames Kodiċi”).

( 19 ) Deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 1996, li tistabbilixxi regoli Komunitarji għall-għajnuna lill-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 338, p. 42, iktar ’il quddiem is-“Sitt Kodiċi”).

( 20 ) L-Artikoli 2 sa 5 ta’ dan il-Kodiċi jippreċiżaw, rispettivament, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għar-riċerka u għall-iżvilupp, għajnuna favur il-ħarsien ta’ l-ambjent, għajnuna għall-għeluq ta’ installazzjonijiet tal-produzzjoni ta’ l-azzar, kif ukoll għajnuna reġjonali prevista minn sistemi ġenerali favur impriżi li jinstabu fil-Greċja.

( 21 ) Skond l-Artikolu 80 KEFA, l-impriżi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunità huma dawk li jeżerċitaw attività ta’ produzzjoni fil-qasam tal-faħam u l-azzar. Fil-każ preżenti, Salzgitter timmanifattura l-prodotti msemmija fl-Anness I tat-Trattat KEFA.

( 22 ) ĠU 1993, C 3, p. 3.

( 23 ) ĠU C 113, p. 9.

( 24 ) Salzgitter vs Il-Kummissjoni (T-308/00).

( 25 ) Ir-raba’ inċiż tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5, KEFA, jgħid li “[il-Komunità] għandha tippubblika r-raġunijiet għall-azzjoni tagħha u tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-osservanza tar-regoli previsti mit-[Trattat KEFA]”, u l-ewwel paragrafu ta’ .l-Artikolu 15 KEFA jippreċiża li “[i]d-deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet tal-[Kummissjoni] għandhom ikunu mmotivati”.

( 26 ) Punti 97 sa 112 tar-rispsota u ta’ l-appell inċidentali.

( 27 ) 27/58 sa 29/58, Ġabra p. 501.

( 28 ) C-390/98, Ġabra p. I-6117.

( 29 ) 6/69 u 11/69, Ġabra p. 523.

( 30 ) L-1986 hija d-data minn meta t-Tielet Kodiċi ta’ l-għajnuna għall-Industrija ta’ l-Azzar jipprevedi obbligu ta’ notifika ta’ l-għajnuna mogħtija lill-impriżi ta’ l-azzar. L-1995 hija d-data ta’ skadenza taz-ZRFG.

( 31 ) Ara P. Reuter, La Communauté européenne du charbon et de l’acierdu droit et de jurisprudence, Pariġi, 1953, u, b’mod partikolari, id-daħla ta’ Robert Schuman.r-rapport tad-delegazzjoni Franċiża dwar it-Trattat u l-Konvenzjoni ffirmati f’Pariġi fit-18 ta’ April 1951, “Action des États et conditions de la concurrence”, taqsima III, Reuter, P., op. cit., p. 111 sa 116.

( 32 ) L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 26 KEFA jippreċiża li “[i]l-Kunsill għandu jeżerċita is-setgħat attribwiti lilu fil-każijiet previsti u bil-mod indikat fit- […] Trattat, b’mod partikolari bil-għan li tiġi armonizzata l-azzjoni tal-[Kummissjoni] u dik tal-gvernijiet responsabbli għall-politika ekonomika ġenerali tal-pajjiż tagħhom” Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-23 ta’ April 1956, Groupement des industries sidérurgiques luxembourgeoises vs L-Aworità Għolja (7/54 u 9/54, Ġabra p. 53, 96).

( 33 ) Sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq (p. 42).

( 34 ) Sentenza Groupement des industries sidérurgiques luxembourgeoises vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq (p. 91).

( 35 ) Sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-501/00, Ġabra p. I-6717, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) P. 97. Din il-kawża tirrigwarda piż fuq fjuwil solidu għal użu mhux domestiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan il-piż kien japplika bl-istes mod għall-operaturi industrijali kollha u b’hekk ma setax jitqies li japplika speċifikament u esklussivament għas-settur tal-faħam u l-azzar.

( 37 ) P. 526.

( 38 ) P. 47.

( 39 ) T-6/99, Ġabra p. II-1523.

( 40 ) Punt 85.

( 41 ) Dan l-argument ġie propost ukoll minn parti mill-akkademiċi legali. Ara, b’mod partikolari, P. Reuter, op. cit. (p. 194 u 195), kif ukoll J. Mertens de Wilmars, “Aides CECA et aides CEE: Aspects juridiques d’une convergence économique”, Du droit international au droit de l’intégration, Liber amicorum en l’honneur de Pierre Pescatore, Nomos, Baden-Baden, 1987, p. 421.

( 42 ) Min-naħa l-oħra, l-Avukat Ġenerali Lagrange jikkunsidra li, kieku kellu jiġi stabbilit li l-għan tal-miżura in kwistjoni ma kienx soċjali, iżda ekonomiku, u kien jikkonsisti jew fl-impożizzjoni fuq l-impriżi ta’ piżijiet li normalment ma kinux ikunu soġġetti għalihom, jew li jiġu eżentati minn piż li normalment ikunu suġġetti għalih, din il-miżura tikkostitwixxi piż speċjali jew sussidju pprojbit taħt l-Artikolu 4(c) KEFA.

( 43 ) Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2001 (C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717).

( 44 ) L-Avukat Ġenerali Geelhoed jirreferi għaż-żewġ sentenzi hawn fuq iċċitati Groupement des industries sidérurgiques luxembourgeoises vs L-Awtorità Għolja u De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja.

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 29 sa 41 ta’ l-imsemmija konklużjonijiet (enfasizzati minni).

( 46 ) Ara l-Artikoli 2 KEFA sa 4 KEFA.

( 47 ) Għadd kbir ta’ kummentaturi kkritikaw id-differenza bejn in-natura “statika” tar-regoli tat-Trattat KEFA u n-natura dinamika ta’ dinja ekonomika fi progress kostanti. Ara, b’mod partikolari, W. Much, “Principales tendances de l’évolution ta’ droit de la Communauté européenne du charbon et de l’acier”, Rivista di diritto europeo, Ruma, 1965, p. 3, 13.

( 48 ) Infakkar li l-Artikolu 95 KEFA jipprevedi mekkaniżmi differenti ta’ adattament ġuridiku tat-Trattat KEFA għal sitwazzjonijiet li t-test ma kkunsidrax mingħajr madankollu m’hemm lok li ssir emenda ta’ dan it-Trattat, li teħtieġ ratifika mill-Istati Membri skond il-proċeduri kostituzzjonali tagħhom. Ara, f’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 95 KEFA, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2000, British Steel vs Il-Kummissjoni (C-1/98 P, Ġabra p. I-10349, punt 40).

( 49 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Settembru 1997, UK Steel Association vs Il-Kummissjoni (T-150/95, Ġabra p. II-1433, punt 114).

( 50 ) Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, (C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I-7869, punt 120).

( 51 ) Ir-raba’ premessa ta’ l-Ewwel Kodiċi.

( 52 ) Ara, b’mod partikolari, id-Digriet tat-3 ta’ Mejju 1996, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C-399/95 R, Ġabra p. I-2441, punt 20), u s-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iktar ’il fuq (punti 153 sa 155).

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1982, Franza, L-Italja u r-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (188/80 sa 190/80, Ġabra p. 2545, punti 30 u 31), kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Marzu 1999, Forges de Clabecq vs Il-Kummissjoni, (T-37/97, Ġabra p. II-859, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ara b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda leġiżlazzjoni marbuta mar-rifużjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1987, Deutsche Babcock Handel (328/85, Ġabra p. 5119 punti 6 sa 14).

( 55 ) Punt 102.

( 56 ) Is-suġġett ta’ din il-kawża kien rikors għal annullament ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/168/KEFA tal-31 ta’ Ottubru 2000, dwar il-liġijiet Spanjoli fuq it-taxxa fuq il-kumpanniji (ĠU 2001, L 60, p. 57).

( 57 ) Punt 127. Ara wkoll is-sentenza Forges de Clabecq vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 132).

( 58 ) Huwa minnu li l-Artikolu 87 KE jinkludi projbizzjoni ta’ l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, din il-projbizzjoni mhux biss hija immedjatament suġġetta għal diversi derogi iżda, barra minn hekk, m’hijiex, la fil-prinċipju u minkejja l-formulazzjoni ġenerali tagħha, ta’ natura assoluta bħal dik prevista mit-test tat-Trattat KEFA jekk m’hu għal xejn minħabba li din tinkludi diġà l-kriterju doppju, li għandha tkun ikkonċernata għajnuna li,fl-ewwel lok, tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u li, fit-tieni lok, tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet.

( 59 ) Kif diġà indikajt qabel, għajnuna tista’ tiġi awtorizzata wkoll fuq il-bażi ta’ deċiżjoni individwali.

( 60 ) C-47/91, Ġabra p. I-4635.

( 61 ) Punt 21.

( 62 ) Ara l-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) Sentenza Compagnie des hauts fourneaux u fonderies de Givors et vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq (p. 526).

( 64 ) Ara, f’dan ir-rigward, Mertens de J. Wilmars, op. cit., (p. 429).

( 65 ) Enfasi tiegħi.

( 66 ) Punt 61 tar-replika.

( 67 ) Ġabra p. 551, 556.

( 68 ) Punti 122 sa 138 tar-risposta u appell inċidentali.

( 69 ) Punt 62 tar-replika.

( 70 ) Enfasi tiegħi.

( 71 ) Punt 139 sa 142 tar-risposta u appell inċidentali.

( 72 ) Deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2001, dwar id-dispożizzjonijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa previsti minn Franza għall-istabbiliment ta’ impriżi barra mill-pajjiż (ĠU 2002, L 126, p. 27).

( 73 ) Punt 53 tar-risposta u ta’ l-intervent in sostenn ta’ l-appell inċidentali.

( 74 ) It-tielet u r-raba’ premessi tat-Tielet Kodiċi.

( 75 ) Sentenza tal-20 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs V (C-188/96 P, Ġabra p. I-6561, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 76 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 2005, CIS vs Il-Kummissjoni (T-102/03, Ġabra p. II-2357, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 77 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-197/99 P, Ġabra p. I-8461, punt 72) u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Settembru 1996, NALOO vs Il-Kummissjoni (T-57/91, Ġabra p. II-1019, punti 298 sa 300), kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 1997, British Steel vs Il-Kummissjoni (T-243/94, Ġabra p. II-1887, punti 159 u 160).

( 78 ) Sentenzi tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il-Kummissjoni, (172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 24); tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni (C-350/88, Ġabra p. I-395, punti 15 u 16); Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72), u Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73).

( 79 ) Punt 109 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 80 ) C-24/95, Ġabra p. I-1591.

( 81 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza.

( 82 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq.

( 83 ) Salzgitter tirreferi għas-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Kvaerner Warnow Werft (C-181/02 P, Ġabra p. I-5703, punt 41).

( 84 ) Salzgitter tirreferi għas-sentenza Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 85 ) Punt 21.

( 86 ) Ara l-punti 60 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 87 ) Ara l-punti 149 sa 152 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 88 ) It-Tielet Kodiċi jirrigwarda l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, l-għajnuna favur il-ħarsien ta’ l-ambjent, l-għajnuna għall-għeluq ta’ installazzjonijiet ta’ l-azzar u, finalment, l-għajnuna reġjonali għall-investimenti prevista minn skemi ġenerali.

( 89 ) Enfasi tiegħi.

( 90 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punti 49 sa 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 91 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni (C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 17), u tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 70).

( 92 ) Digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punt 55).

( 93 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859).

( 94 ) Nixtieq infakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha biss ġurisdizzjoni, min-naħa waħda, biex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti tal-proċess li kunu ġew ippreżentati lilha, u min-naħa l-oħra, biex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tad-distorsjoni ta’ l-elementi li kienu ġew ippreżentati lilha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Madankollu, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ kompetenti biex teżerċita stħarriġ fuq il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li jkunu ġew derivati mill-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni,C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punti 51 u 52).

( 95 ) Din is-sistema kienet stabbilita, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 58 KEFA, permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2794/80/KEFA, tal-31 ta’ Ottubru 1980, li tistabbilixxi sistema ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ azzar għall-impriżi ta’ l-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 291, p. 1). Din is-sistema ġiet ipprorogata f’diversi okkażjonijiet sat-30 ta’ Ġunju 1988.

( 96 ) Deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 1983, li testendi s-sistema ta’ sorveljanza u ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ ċerti prodotti għall-impriżi ta’ l-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 208, p. 1). Il-kontenut ta’ l-Artikolu 15 A ta’ din id-deċiżjoni jidher, fi kliem kważi identiċu, fl-Artikolu 15 A tad-deċiżjonijiet ulterjuri ta’ estenzjoni, jiġifieri d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Nri 234/84/KEFA tal-31 ta’ Jannar 1984 (ĠU L 29, p. 1), 3485/85/KEFA, tas-27 ta’ Novembru 1985 (ĠU L 340, p. 5) u 194/88/KEFA, tas-6 ta’ Jannar 1988 (ĠU L 25, p. 1).

( 97 ) Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għas-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1985, Finsider vs Il-Kummissjoni (250/83, Ġabra p. 131, punt 9); tal-15 ta’ Ottubru 1985, Krupp u Thyssen vs Il-Kummissjoni (211/83 u 212/83 u 77/84 u 78/84, Ġabra p. 3409, punt 34), u tas-7 ta’ April 1987, Dillinger Hüttenwerke vs Il-Kummissjoni (226/85, Ġabra p. 1621, punt 12).

( 98 ) Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3302/81/KEFA, tat-18 ta’ Novembru 1981, dwar l-informazzjoni li l-impriżi ta’ l-industrija ta’ l-azzar huma obbligati jipprovdu dwar l-investimenti tagħhom (ĠU L 333, p. 35), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2093/85/KEFA, tas-26 ta’ Lulju 1985 (ĠU L 197, p. 19), fis-seħħ sas-16 ta’ Ottubru 1991.

( 99 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1957, Société des usines à tubes de la Sarre vs L-Awtorità Għolja (1/57 u 14/57, Ġabra p. 201, 220).

( 100 ) ĠU 2000, C 364, p. 1. Ara, fir-rigward tal-kontenut u l-portata ta’ dan il-prinċipju, D. Simon, “Le principe de ‘bonne administration’ ou la ‘bonne gouvernance concrète’”, f’Le droit de l’Union européenne en principes, Liber amicorum en l’honneur de Jean Raux, Apogée, Rennes, 2006, p. 155.

( 101 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14); tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Jannar 1992, La Cinq vs Il-Kummissjoni (T-44/90, Ġabra p. II-1, punt 86); tad-19 ta’ Marzu 1997, Oliveira vs Il-Kummissjoni (T-73/95, Ġabra p. II-381, punt 32), u tal-11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il-Kunsill (T-70/99, Ġabra p. II-3495, punt 182).

( 102 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni (T-95/96, Ġabra p. II-3407, punt 75).

( 103 ) Ara, fil-kuntest tat-Trattat KEFA, l-Artikolu 16 KEFA. Dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni interna huma stabbiliti fil-kuntest ta’ regolament intern. Ir-Regolamenti interni fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti kienu dawk tad-9 ta’ Jannar 1963 (ĠU 1963, 17, p. 181) u tas-17 ta’ Frar 1993 (ĠU L 230, p. 15). Dan ta’ l-aħħar kien ġie ssostitwit bir-Regolament intern tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Settembru 1999 (ĠU L 252, p. 41), u sussegwentement b’dak tad-29 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 308, p. 26).

( 104 ) Skond l-Artikolu 17 tar-Regolamenti interni tal-1963 u tal-1993, “[i]l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha, biex tipprepara u twettaq l-azzjoni tagħha, numru ta’ servizzi li jifformaw amministrazzjoni waħda” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 105 ) Artikoli 19 tar-Regolament intern tal-1963, 18 tar-Regolament intern tal-1993, 17 tar-Regolament intern tal-1999, u 19 tar-Regolament intern tal-2000.

( 106 ) L-imsemmija dispożizzjoni tinsab fi kliem kważi identiċi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament intern tal-1993, fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament intern tal-1999, u fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament intern tal-2000. Ara wkoll M. Kindblom-Törnell, “The role of the cabinets in the decision-making process of the European Commission”, Liber amicorum en l’honneur de Sven Norberg, Bruylant, Brussell, 2006, p. 329, 230.

( 107 ) Nosserva li, wara t-tneħħija tas-sistema ta’ kwoti matul ix-xahar ta’ Ġunju 1988, ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 47 KEFA d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2448/88/KEFA, tad-19 ta’ Lulju 1988, li tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza għal ċerti prodotti għall-impriżi ta’ l-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 212, p. 1) Skond din id-Deċiżjoni, applikabbli bejn l-1 ta’ Lulju 1988 u t-30 ta’ Ġunju 1990, l-impriżi kienu obbligati jiddikjaraw kull xahar lill-Kummissjoni l-produzzjonijiet u l-kunsinni tagħhom ta’ azzar. Sa mill-1991 u bil-għan li jiġu rrimedjati d-diffikultajiet persistenti fis-suq ta’ l-azzar, ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 54 KEFA, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3010/91/KEFA, tal-15 ta’ Ottubru 1991, dwar l-informazzjoni li l-impriżi ta’ l-industrija ta’ l-azzar huma obbligati jipprovdu dwar l-investimenti tagħhom (ĠU L 286, p. 20).

( 108 ) Ara l-Artikolu 14 tad-deċiżjonijiet ta’ estensjoni li jissemmew fin-nota 96.

( 109 ) Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-impriżi ta’ l-azzar li jitolbu l-benefiċċju ta’ l-Artikoli 14 u 15 tad-Deċiżjoni Nru 1696/82/KEFA u l-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tagħhom (ĠU 1982, C 318, p. 3).

( 110 ) Sentenza Krupp Thyssen et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Ara wkoll is-sentenza Dillinger Hüttenwerke, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Artikoli 14 A u 14 B tad-deċiżjoni Nru 234/84, dwar l-għoti ta’ kwoti ta’ produzzjoni supplementari, għandhom jiġu applikati u interpretati fid-dawl tat-Tieni Kodiċi. Minn dan isegwi li impriża li għandha tissodisfa l-kriterji għall-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna ma tistax tibbenefika minn kwota supplementari skont l-Artikolu 14 A ta’ l-imsemmija deċiżjoni (punti 13 sa 15).

( 111 ) 119/81, Ġabra p. 2627.

( 112 ) Is-sistema ta’ sorveljanza u ta’ kwoti ta’ produzzjoni ta’ l-azzar hija bbażata fuq din id-dispożizzjoni.

( 113 ) Sentenza Klöckner-Werke vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19, enfasi tiegħi).

( 114 ) Idem (enfasi tiegħi). Ara, ukoll, is-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 1983, Klöckner-Werke vs Il-Kummissjoni (136/82, Ġabra p. 1599, punt 36), u Klöckner-Werke vs Il-Kummissjoni (311/81 u 30/82, Ġabra p. 1549, punt 36), kif ukoll Finsider vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

( 115 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Mejju 2003, Josanne et vs Il-Kummissjoni (T-82/01, Ġabra p. II-2013, punt 81).

( 116 ) Digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 117 ) Sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (C-99/98, Ġabra p. I-1101, punti 73 u 85).

( 118 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2006, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni (C-442/03 P u C-471/03 P, Ġabra p. I-4845, punt 103).

( 119 ) Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et (C-63/93, Ġabra p. I-569, punt 20).

( 120 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Niemann (C-14/01, Ġabra p. I-2279, punt 56).

( 121 ) L-ewwel u r-raba’ premessa ta’ l-Ewwel Kodiċi.

( 122 ) Deċiżjonijiet tal-Kummisjoni 2002/347; 2003/755/KE, tas-17 ta’ Frar 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Belġju favur ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju (ĠU L 282, p. 25); 2003/515/KE, tas-17 ta’ Frar 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuna implementata mill-Olanda għall-attivitajiet ta’ finanzjament internazzjonali (ĠU L 180, p. 52), u 2003/601/KE, tas-17 ta’ Frar 2003, dwar l-iskema ta’ għajnuna C 54/2001 (ex NN 55/2000) L-Irlanda — dħul esteru (ĠU L 204, p. 51).

( 123 ) Punt 20.

( 124 ) Punt 29.

( 125 ) Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (325/85, Ġabra p. 5041, punt 18).

( 126 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand Frères u Garancini (169/80, Ġabra p. 1931, punt 17) u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Hewlett-Packard vs Il-Kummissjoni (T-313/04, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 127 ) Sentenza Duff et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 20).

( 128 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 52).

( 129 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2000, Rombi u Arkopharma (C-107/97, Ġabra p. I-3367, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 130 ) Sentenzi Delacre et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Ottubru 1997, Wirtschaftsvereinigung Stahl et vs Il-Kummissjoni (T-244/94, Ġabra p. II-1963, punti 58 u 59).

( 131 ) Ara, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-Trattat KE, is-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1997, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-169/95, Ġabra p. I-135, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 132 ) Ara, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-Trattat KE, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punti 150 sa 152).

( 133 ) Ara s-sentenza Alcan Deutschland, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 134 ) Sentenza Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 135 ) Idem.

( 136 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish (C-183/95, Ġabra p. I-4315, punt 57).

( 137 ) Nirreferi għall-punti 149 sa 152 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 138 ) Punt 59.

( 139 ) Idem.

( 140 ) Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni (223/85, Ġabra p. 4617) mhijiex applikabbli fil-kawża preżenti. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet effettivament ikkunsidrat li d-dewmien min-naħa tal-Kummissjoni (26 xahar) biex tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat seta’ stabbilixxa aspettattiva leġittima fir-rigward tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna b’tali mod li jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tordna lill-awtoritajiet nazzjonali jordnaw ir-restituzzjoni ta’ l-għajnuna. Madankollu, fl-imsemmija kawża, din l-għajnuna kienet ġiet innotifikata.

Top