Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003TJ0312

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (it-Tielet Awla) ta' l-14 ta' Lulju 2005.
    Wassen International Ltd vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trademark komunitarja - Proċedura ta' oppożizzjoni - Trademark nazzjonali preċedenti figurattiva li fiha l-element verbali "Selenium Spezial A-C-E' - Applikazzjoni għal trademark komunitarja verbali SELENIUM-ACE - Raġunijiet relattivi għal rifjut - Probabbiltà ta' konfużjoni - Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94.
    Kawża T-312/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2005:289

    62003A0312



    European Court reports 2005 Page II-02897


    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet


    Fil-kawża T-312/03

    Wassen International Ltd, stabbilita f'Leatherhead (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Edenborough, barrister , u S. Mayer, solicitor ,

    rikorrenti

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trademarks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Laitinen u M. Capostagno, bħala aġenti,

    konvenut

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI li hija

    Stroschein Gesundkost GmbH, stabbilita f'Hamburg (il-Ġermanja),

    li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tar-Raba' Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-18 ta' Ġunju 2003 (kawża R 121/2002-4), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Wassen International Ltd u Stroschein Gesundkost GmbH,

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla),

    komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u M. O. Czúcz, Mħallfin,

    Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Settembru 2003,

    wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-18 ta' Diċembru 2003,

    wara s-seduta ta' l-14 ta' Marzu 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza


    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1. Fis-16 ta' Frar 1999, Wassen International Ltd ippreżentat applikazzjoni għal trademark komunitarja ma' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( trademarks u disinni) (UASI) skond ir-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it- trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

    2. It- trademark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni hija t- trademark verbali SELENIUM-ACE.

    3. Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat- trademark jaqgħu taħt il-klassijiet 3 ("kożmetiċi; kremi għall-wiċċ; spapen; kremi u lozjonijiet kontra x-xjuħija"), 5 ("supplimenti ta' l-ikel; vitamini u minerali"), u 42 ("ħwienet ta' l-estetika") tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademarks , tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

    4. L-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat- Trademarks Komunitarji Nru 81/99 tal-11 ta' Ottubru 1999.

    5. Fis-16 ta' Diċembru 1999, Stroschein Gesundkost GmbH (iktar 'il quddiem il-"parti li opponiet") għamlet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi tar-reġistrazzjoni Ġermaniża Nru 39 519 649, tas-27 ta' Settembru 1995, tat- trademark figurattiva li ġejja:

    >image>0

    >image>1

    6. Din it- trademark ġiet irreġistrata għall-prodotti li ġejjin, li jaqgħu kemm taħt il-klassi 5 kif ukoll taħt il-klassi 30:

    "Preparazzjonijiet mhux mediċi u mhux farmaċewtiċi fuq il-bażi tal-lamtu, mlieħ tal-kalċju, magnesium stearate u ħmira, jew ta' taħlit ta' dawn l-elementi bħala supplimenti ta' l-ikel".

    7. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha li għalihom it- trademark preċedenti kienet irreġistrata u kienet imressqa kontra l-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3 u 5, speċifikati fl-applikazzjoni għat- trademark komunitarja. Il-motiv invokat in sostenn ta' din l-oppożizzjoni kienet il-probabbiltà ta' konfużjoni msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    8. Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Novembru 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħat l-oppożizzjoni u, konsegwentement, irrifjutat ir-reġistrazzjoni tat- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija kkunsidrat, sostanzjalment, li s-sinjali in kwistjoni kienu simili ħafna viżwalment u simili jew anki identiċi fonetikament. Minħabba l-identiċità tal-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 5 u ċertu xebh bejn il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 3 speċifikati fl-applikazzjoni għat- trademark komunitarja, min-naħa, u l-prodotti koperti mit- trademark preċedenti, min-naħa l-oħra, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkonkludiet li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni.

    9. Fit-30 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

    10. Permezz ta' deċiżjoni tat-18 ta' Ġunju 2003 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell. Sostanzjalment, huwa kkunsidra li l-elementi verbali kienu l-elementi dominanti tat- trademark preċedenti u, b'mod iktar partikulari, li l-kelma "selenium" tikkostitwixxi l-element l-iktar distintiv, li l-ittri "a", "c" u "e" isseparati b'sing ma jbiddlux il-perċezzjoni ta' l-ittri u li l-kelma "spezial" kienet ipperċepita mill-konsumaturi bħala indikazzjoni deskrittiva ta' numru partikulari ta' prodotti. Huwa wasal għall-konklużjoni li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni sostniet korrettament li s-sinjali kienu simili, li l-prodotti kienu, skond il-każijiet, identiċi jew simili, u sostna, ġustament, li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni għall-prodotti kollha kkonċernati.

    It-talbiet tal-partijiet

    11. Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

    - tilqa' ir-rikors;

    - tirrinvija l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni għat- trademark komunitarja quddiem l-UASI sabiex titħalla ssir ir-reġistrazzjoni tagħha;

    - tannulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni;

    - tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    - tikkundanna lill-parti li opponiet tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti fil-kuntest tal-preżenti rikors, ta' l-appell quddiem il-Bord ta' l-Appell u ta' l-oppożizzjoni quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

    12. L-UASI jitlob lill-Qorti tal-P rim'Istanza:

    - tiċħad ir-rikors;

    - tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

    Fuq l-ammissibbiltà ta' l-applikazzjoni sabiex il-kawża tkun irrinvijata quddiem l-UASI sabiex titħalla ssir ir-reġistrazzjoni

    13. Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tirrinvija l-kawża quddiem l-UASI u li tordnalu jirreġistra t- trademark komunitarja in kwistjoni.

    14. Skond l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, l-UASI huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għandhiex il-kompetenza li tindirizza ordni lill-UASI. Huwa l-obbligu, fil-fatt, ta' dan ta' l-aħħar li jasal għall-konsegwenzi tal-parti dispożittiva u tal-motivi ta' din is-sentenza [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T 106/00, Ġabra p. II 723, punt 18]. Għaldaqstant din it-talba hija inammissibbli.

    Fuq il-mertu

    15. Ir-rikorrenti tinvoka raġuni unika in sostenn tar-rikors tagħha, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    L-argumenti tal-partijiet

    16. Ir-rikorrenti ssostni li d-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u l-Bord ta' l-Appell wettqu t-tnejn li huma żbalji fl-evalwazzjoni taż-żewġ trademarks in kwistjoni. Hija tissottolinja li għandha ssir evalwazzjoni globali tat- trademark preċedenti u tat- trademark komunitarja, billi jiġu meħuda in kunsiderazzjoni t- trademarks fl-intier tagħhom, inklużi l-elementi figurattivi eventwali tagħhom. Mhuwiex possibbli li l-analiżi tkun limitata għall-elementi speċifiċi tat- trademark, b'mod partikulari meta ma tiġi ppreżentata ebda prova li turi li l-pubbliku rilevanti joqgħod fuq ċerti elementi u li t- trademarks in kwistjoni huma komposti minn ċerti elementi li waħedhom għandhom karattru distintiv dgħajjef, b'tali mod li l-karattru distintiv tat- trademarks jista' jirriżulta biss minn l-evalwazzjoni globali tagħhom.

    17. Ir-rikorrenti tikkunsidra li kien żball li ġew injorati l-effetti tal-kelma "spezial", is-snug bejn l-ittri "a", "c" u "e", kif ukoll l-element figurattiv tat- trademark preċedenti, għaliex anki jekk kull wieħed minn dawn l-elementi meħuda waħedhom għandhom biss effett limitat, l-effett kumulattiv tagħhom mhuwiex insinifikanti fil-kuntest ta' evalwazzjoni globali.

    18. Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ma kellux jikkunsidra l-kelma "selenium" bħala l-element l-iktar distintiv fit- trademark preċedenti. Kemm id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll il-Bord ta' l-Appell injoraw jew ma ħadux biżżejjed in kunsiderazzjoni l-fatt li x-xiri tal-prodotti in kwistjoni mhuwiex każwali, iżda għall-kuntrarju jsir biss wara eżami metikoluż ta' l-ingredjenti li jinsabu fil-prodotti differenti li jaqgħu taħt it- trademarks in kwistjoni. Il-pubbliku rilevanti ta' dawn il-prodotti jkunu interessati biss fi prodotti li fihom is-silenju, mingħajr ma jagħtu importanza għal jew li jkunu konxji tal-fatt li l-kelma "selenium" tista' tkun isem barrani jew l-isem xjentifiku tal-prodott mixtieq. Konsegwentement, il-kelma "selenium" ma tistax tiġi kkunsidrata mill-pubbliku rilevanti bħala "distintiva biżżejjed".

    19. Ir-rikorrenti tosserva li, fin-nuqqas ta' spażji jew ta' sing bejn l-ittri "a", "c" u "e", huwa ovvju li l-konsumatur jippronunzjahom bħala kelma, anki jekk il-kelma hekk miktuba mhijiex parti tal-lingwa tal-konsumatur ikkonċernat. Għaldaqstant, it- trademark preċedenti hija komposta mill-grupp ta' ittri "ace", ippronunzjati separatament, filwaqt li t- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha l-kelma "ace" mlissna bħala kelma.

    20. Ir-rikorrenti ssostni li, konsegwentement, it- trademarks kunfliġġenti għandhom jiġu mqabbla bil-mod segwenti : SELENIUM-ACE, għal dak li jirrigwarda t- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni, u l-element verbali "Selenium Spezial A-C-E" flimkien ma' element figurattiv, għal dak li jirrigwarda t- trademark preċedenti. Għalkemm għandhom karattru distintiv dgħajjef, il-kelma "spezial" u l-element figurattiv għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni. Barra minn hekk, il-kelma "selenium" għandha ukoll karattru distintif dgħajjef għall-konsumatur li jixtieq prodott li fih is-silenju. F'dak li jirrigwarda l-kelma "ace" u l-grupp ta' ittri "ace" separati b'sing, ir-rikorrenti ssostni li l-ewwel waħda hija invenzjoni li probabbilment m'għandha l-ebda sinifikat għall-konsumatur medju Ġermaniż, u li t-tieni waħda hija komposta b'mod ċar minn sempliċi ittri ta' l-alfabet.

    21. Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan li l-elementi verbali li jikkostitwixxu t- trademarks in kwistjoni huma differenti fuq livell fonetiku, minħabba li t- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni fiha kelma sseparata b'sing u t- trademark preċedenti fiha żewġ kelmiet flimkien ma' tliet ittri separati. Fuq livell viżiv, it- trademarks huma differenti ukoll, peress li t- trademark preċedenti fiha element figurattiv u ittri sseparati u mhux il-kelma barranija jew ivvintata "ace". Fuq il-livell kunċettwali, it- trademark proposta m'għandha l-ebda sinifikat ħlief dak li jirriżulta mill-kelma "selenium", li huwa l-element imfittex mill-pubbliku rilevanti, filwaqt li t- trademark preċedenti għandha sinifikat supplementari marbuta mal-grupp ta' ittri "ace".

    22. Ir-rikorrenti tosserva li l-Uffiċċju Ġermaniż għat- Trademarks u l-Privattivi wasal għall-istess konklużjoni f'deċiżjoni tal-21 ta' Awwissu 2002. Id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u l-Bord ta' l-Appell kellhom isegwu din id-deċiżjoni li tgħid li tista' ssir distinzjoni bejn it- trademarks , anki fil-każ li l-prodotti kkonċernati jkunu identiċi.

    23. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li kemm id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll il-Bord ta' l-Appell żbaljaw meta poġġew fuq ir-rikorrenti l-oneru tal-prova dwar in-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni. Hija l-parti li opponiet li għandha tallega l-eżistenza ta' dik il-probabbiltà u ġġib il-provi. Fil-kawża preżenti, il-parti li opponiet ma ppreżentat ebda element in sostenn ta' l-allegazzjoni li teżisti effettivament konfużjoni fis-suq Ġermaniż. Konsegwentement, fin-nuqqas ta' prova kemm min-naħa u kemm minn oħra, il-kwistjoni għandha tiġi riżolta fuq il-bażi ta' paragun ipotetiku bejn it- tradmarks kunfliġġenti.

    24. L-UASI jsostni li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra korrettament li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni minħabba x-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni, evalwati globalment, kif ukoll minħabba l-identiċità u x-xebh bejn il-prodotti kkonċernati.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

    25. Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar oppożizzjoni minn sid ta' trademark preċedenti, ir-reġistrazzjoni ta' trademark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tiġix milqugħa meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha mat- trademark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti miż-żewġ trademarks , teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fl-ispirtu tal-pubbliku fit-territorju li fih it- trademark preċedenti hija protetta. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trademarks preċedenti huma dawk it- trademarks irreġistrati fl-Istat Membru li d-data tal-preżentata tagħhom tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għat- trademark komunitarja.

    26. Skond ġurisprudenza kostanti, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jiġu mill-istess intrapriża jew, jekk ikun il-każ, minn intrapriżi marbuta ekonomikament,

    27. Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha fil-kawża, b'mod partikulari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew tas-servizzi msemmija [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI - Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T 162/01, Ġabra p. II 2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza msemmija].

    28. F'din il-kawża, it- trademark preċedenti li fuqha tibbaża ruħha l-oppożizzjoni hija rreġistrata fil-Ġermanja. Barra minn hekk, il-prodotti in kwistjoni huma prodotti li jiġu kkunsmati immedjatament. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu għandha tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni huwa kkostitwit minn konsumaturi medji Ġermaniżi.

    29. Barra minn hekk, anki jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 ma fihx dispożizzjoni simili għal dik ta' l-Artikolu 7(2), li jgħid li huwa biżżejjed, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta' trademark , li teżisti raġuni assoluta għal rifjut f'parti biss tal-Komunità, hemm lok li l-istess soluzzjoni tiġi applikata għal din il-kawża. Min dan jirriżulta li r-reġistrazzjoni għandha tkun irrifjutata ukoll, anki jekk ir-raġuni relattiva għal rifjut teżisti biss f'parti tal-Komunità [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Marzu 2004, Mülhens vs l-UASI - Zirh International (ZIRH), T 355/02, li għada mhijiex ippubblikata fil-Ġabra, punt 36].

    30. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet hemm lok li jiġi eżaminat il-paragun imwettaq mill-Bord ta' l-Appell f'dak li jirrigwarda, min-naħa, il-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, is-sinjali konfiġġenti.

    F'dak li jirrigwarda l-paragun tal-prodotti

    31. L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument dwar l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, wara domanda mill-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti spjegat fis-seduta illi ma kinitx applikat għal restrizzjoni ta' l-applikazzjoni tagħha għat- trademark . Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha li għalihom it- trademark preċedenti kienet irreġistrata u kienet kontra l-prodotti inklużi fil-klassijiet 3 u 5 imsemmija fl-applikazzjoni għat- trademark . Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-prodotti koperti mit- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni huma parzjalment identiċi għall-prodotti koperti mit- trademark preċedenti, u parzjalment simili. F'dawn iċ-ċirkustanzi, jista' jingħad li l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għat- trademark huma parzjalment identiċi għall-prodotti koperti mit- trademark preċedenti, u parzjalment simili.

    F'dak li jirrigwarda l-paragun tas-sinjali

    32. Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, f'dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa mogħtija minnhom, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikulari, ta' l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs l-UASI - Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T 292/01, Ġabra p. II 4335, punt 47, u l-ġurisprudenza msemmija].

    33. F'dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta' evalwazzjoni globali tat- trademarks in kwistjoni mill-Bord ta' l-Appell, għandu jiġi kkunsidrat li dan ta' l-aħħar wettaq evalwazzjoni analitika ta' kull wieħed mill-elementi speċifiċi tas-sinjali in kwistjoni u, wara, interpreta b'mod korrett ir-riżultati miksuba permezz ta' evalwazzjoni globali bbażata fuq sommarju ta' l-informazzjoni kollha.

    34. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ma injorax la l-effetti tal-kelma "spezial", la s-separazzjoni ta' l-ittri "a", "c" u "e" permezz ta' sing, u lanqas l-element figurattiv tat- trademark preċedenti.

    35. Fil-fatt, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, b'mod korrett, li l-kelma "spezial" tikkorrispondi għal aġġettiv Ġermaniż li jfisser "speċjali" u li jista' jiġi pperċepit mill-konsumaturi tat-territorju ta' riferenza bħala indikazzjoni deskrittiva ta' numru partikulari ta' prodotti.

    36. It-tieni nett, għandu jiġi msemmi li l-Bord ta' l-Appell eżamina ukoll l-influwenza tal-grupp ta' ittri "ace". Huwa kkunsidra li l-pubbliku rilevanti jifhem probabbilment dawn l-ittri bħala riferenza għal sustanzi oħra li normalment ikunu f'supplimenti ta' l-ikel, bħal per ezempju l-vitamini. Barra minn hekk, hija sostniet li ċ-ċirkustanza li dawn l-ittri huma miktuba b'sing jew le mhijiex importanti, peress li n-nuqqas ta' sinjal li jissepara ma setgħax, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, ibiddel b'mod sinifikattiv il-perċezzjoni li l-konsumatur jista' jkollu minn dawn it-tliet ittri mqiegħda fl-istess ordni.

    37. Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-element figurattiv, il-Bord ta' l-Appell osserva, fid-deċiżjoni kkontestata, li, meta trademark hija komposta minn elementi verbali u figurattivi, dawk ta' l-ewwel għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala iktar distintivi mit-tieni, għaliex il-konsumatur medju jagħmel riferenza għall-prodott in kwistjoni iktar faċilment billi jgħid l-isem minflok joqgħod jispjega l-element figurattiv tat- trademark . Huwa kkunsidra b'mod korrett li din il-linja ġenerali ta' raġunar tista' tiġi raġonevolment applikata fil-kawża preżenti. Skond il-Bord ta' l-Appell, huwa raġonevoli li wieħed jissoponi li l-konsumatur medju se jipperċepixxi l-element verbali bħala trademark u l-element figurattiv bħala element dekorattiv. Jista' jingħad ukoll li l-element figurattiv jinsab taħt l-elementi verbali, jiġifieri, f'pożizzjoni inqas viżibbli.

    38. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni l-elementi l-oħra ħlief il-kelma "selenium" għandhom jiġu miċħuda.

    39. It-tieni nett, għandu jiġi nnutat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra b'mod korrett li l-kelma "selenium" tikkostitwixxi l-element dominanti tat- trademark preċedenti.

    40. Fil-fatt, peress li t- trademark preċedenti hija komposta minn elementi verbali (il-kliem "selenium", "spezial" u l-grupp ta' ittri "ace") u minn element figurattiv, għandu jiġi mfakkar li l-Bord ta' l-Appell sostna, ġustament, li l-parti verbali hija iktar distintiva mill-parti figurattiva. Għandu jingħad ukoll li l-kelma "selenium" hija kelma Ingliża li tikkorrispondi għan-nom Germaniż "Selen", li jirreferi għal element kimiku. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, jekk il-konsumaturi ta' riferenza mhumiex kapaċi li jifhmu li l-kelma "selenium" tirreferi għal ingredjent tal-prodott li jixtiequ jixtru, din il-kelma tkun partikularment distintiva, peress li tinftiehem bħala isem il-prodott u mhux bħala deskrizzjoni tal-kontenut tiegħu. Barra minn hekk, anki jekk, kif josserva l-Bord ta' l-Appell, huwa possibbli li l-konsumaturi jistgħu jidentifikaw dan l-element bħala ingredjent tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt it- trademark preċedenti, jibqa' l-fatt li, skond il-pożizzjoni tiegħu fit- trademark preċedenti u meta mqabbel ma' l-elementi l-oħra tas-sinjal preċedenti, il-kelma "selenium" tilgħab rwol preponderanti meta l-pubbliku rilevanti jidentifka s-sinjal u jiftakru.

    41. Fil-fatt, għandu jiġi indikat f'dan ir-rigward li l-kelma "selenium" tilgħab rwol importanti fl-evalwazzjoni viżiva u fonetika tat- trademark preċedenti, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni inizjali tagħha, jiġifieri fil-pożizzjoni l-iktar viżibbli. Hija għalhekk l-ewwel waħda li tingħaraf. Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-kelma "spezial" tfisser "speċjali" fil-Ġermaniż. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell seta' ġustament jsostni li l-pubbliku rilevanti jipperċepixxi dan l-element bħala wieħed purament deskrittiv u ta' tifħir. Fl-aħħar nett, l-għaqda ta' l-ittri "ace" tista' tiġi pperċepita mill-konsumaturi bħala riferenza għal ċerti sustanzi li normalment ikunu fihom is-supplimenti ta' l-ikel, bħal vitamini.

    42. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-Bord ta' l-Appell wettaq żball meta kkunsidra l-kelma "selenium" bħala l-element l-iktar distintiv tat- trademark preċedenti, għandu jiġi miċħud.

    43. It-tielet nett, għandu jiġi osservat li l-Bord ta' l-Appell wettaq evalwazzjoni globali bbażata fuq sommarju ta' l-informazzjoni kollha li rriżulta minn dawn l-evalwazzjonijiet. Hija setgħet ġustament issostni ukoll li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni u s-sinjal preċedenti huma simili ħafna, għar-raġuni li l-ewwel wieħed jipproduċi kważi kompletament l-element verbali ta' dak ta l-aħħar.

    44. Fil-fatt, il-Bord ta' l-Appell ġustament sostna li s-sinjali konfliġġenti, meħuda flimkien, kienu simili, billi kien hemm iktar aspetti li jixxiebħu milli differenzi. Għandu jiġi kkonstatat li s-sinjal preċedenti huwa riprodott b'mod kważi identiku fl-applikazzjoni għat- trademark komunitarja, u ż-żewġ sinjali huma differenti biss fuq il-livell ta' l-elementi tas-sinjal preċedenti li huma l-inqas distintivi, jiġifieri l-kelma "spezial", l-element figurativ u ż-żewġt isnug li jisseparaw it-tliet ittri "a", "c" u "e", imqiegħda, madankollu, f'ordni identika fis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, peress li t- trademark li għaliha saret l-applikazzjoni hija verbali, hija tista' tintuża mill-applikant flimkien ma' kull tipa, inkluża dik użata mit- trademark preċedenti. Għaldaqstant, jista' jingħad li s-sinjali in kwistjoni jagħtu lok għal impressjoni ġenerali ta' xebh fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali.

    45. Għaldaqstant, l-argument li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx evalwazzjoni globali tat- trademarks in kwistjoni għandu jiġi miċħud ukoll.

    46. F'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord ta' l-Appell injora d-deċiżjoni ta' l-Uffiċċju Ġermaniż għat-Trademarks u l-Privattivi dwar l-istess trademarks u l-istess prodotti, minkejja l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kien il-pajjiż ikkonċernat bl-oppożizzjoni, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, is-sistema komunitarja tat- trademarks hija sistema awtonoma, komposta minn numru ta' regoli u bil-għan li tilħaq obbjettivi li huma speċifiċi għaliha, bl-applikazzjoni tagħha li hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Diċembru 2000, Messe München vs l-UASI (electronica), T 32/00, Ġabra p. II 3829, punt 47]. Konsegwentement, anki jekk il-Bord ta' l-Appell jista' jieħu in kunsiderazzjoni deċiżjonijiet ta' awtoritajiet nazzjonali, din is-setgħa diskrezzjonali ma tistax teżonera l-Bord ta' l-Appell mill-obbigu tiegħu li jwettaq l-evalwazzjoni tiegħu biss fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni komunitarja rilevanti. Għaldaqstant, l-UASI u, fil-kawża preżenti, il-qorti komunitarja, mhumiex marbuta b'deċiżjoni adottata fi Stat Membru. Jirriżulta għalhekk li l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

    47. F'dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Bord ta' l-Appell żbalja meta poġġa fuqha l-oneru tal-prova dwar in-nuqqas ta' probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament 40/94, fi proċedimenti li jirrigwardaw ir-raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-eżami ta' l-UASI għandu jkun ristrett għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet. Jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li kemm il-parti li opponiet kif ukoll ir-rikorrenti għandhom jippreżentaw lill-UASI motivi in sostenn tat-talbiet rispettivi tagħhom. F'dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni li l-parti li opponiet sostniet li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it- trademarks in kwistjoni minħabba l-identiċità ta' l-elementi distintivi tagħhom u għaliex il-prodotti tal-klassijiet 5 u 3 huma rispettivament identiċi u simili għal dawk koperti mit- trademark preċedenti. Għaldaqstant, il-parti li opponiet tat motiv in sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha, jiġifieri l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni, li in sostenn tagħha hija ressqet varji argumenti li, barra minn hekk, ittieħdu in kunsiderazzjoni mill-UASI, b'tali mod li dan ta' l-aħħar ma bbażax ruhu biss fuq l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

    48. Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, jista' jingħad li l-Bord ta' l-Appell ma wettaqx żball fl-evalwazzjoni meta wasal għall-konklużjoni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament 40/94, min-naħa minħabba li x-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni, evalwati globalment, u, min-naħa l-oħra minħabba l-identiċità u x-xebħ bejn il-prodotti koperti mit- trademarks ikkonċernati. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li grad baxx ta' xebh bejn it- trademarks tista' tiġi kkumpensata bi grad għoli ta' xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti, u viċi versa (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt19). Fil-kawża preżenti, il-prodotti huma parzjalment identiċi u parzjalment simili. Jirriżulta minn din l-identiċità u min dan ix-xebh li d-differenzi bejn is-sinjali in kwistjoni huma mnaqqsa fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni.

    49. Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda r-raġuni invokata mir-rikorrenti kif ukoll ir-rikors fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li l-Qorti tal-Prim'Istanza tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    50. Taħt l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, konformement mat-talba ta' l-UASI.

    Parti operattiva


    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

    taqta' u tiddeciedi li:

    1) Ir-rikors huwa miċħud.

    2) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.

    Top