Valige katsefunktsioonid, mida soovite proovida

See dokument on väljavõte EUR-Lexi veebisaidilt.

Dokument 62003CJ0532

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta' Diċembru 2007.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs l-Irlanda.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Kuntratti pubbliċi - Artikoli 43 KE u 49 KE - Servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza.
Kawża C-532/03.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2007 I-11353

Euroopa kohtulahendite tunnus (ECLI): ECLI:EU:C:2007:801

Kawża C-532/03

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

L-Irlanda

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kuntratti pubbliċi — Artikoli 43 KE u 49 KE — Servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali C. Stix-Hackl, ippreżentati fl-14 ta’ Settembru 2006 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas — Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni

(Artikolu 226 KE)

Bla ħsara għall-obbligu ta’ l-Istati Membri li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 10 KE, jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skond l-Artikolu 211 KE, li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tat-Trattat, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika minnha ta’ l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni

B’hekk, fir-rigward ta’ rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-provvista, mingħajr reklamar minn qabel, minn entità pubblika lil oħra ta’ servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza hija kuntrarja għal-libertà ta’ l-istabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, f’dan il-każ, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika ta’ l-eżistenza ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, peress li ma jistax jiġi eskluż li l-entità pubblika kkonċernata tipprovdi s-servizzi in kwistjoni billi teżerċita l-kompetenzi tagħha stess. F’dan ir-rigward, l-eżistenza sempliċi, bejn żewġ entitajiet pubbliċi ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament li jirrigwarda dawn is-servizzi ma timplikax li l-provvista ta’ servizzi kkonċernata tikkostitwixxi għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li hemm lok li tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli fundamentali tat-Trattat.

(ara l-punti 28-29, 36-37)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Diċembru 2007(*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Kuntratti pubbliċi – Artikoli 43 KE u 49 KE – Servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza”

Fil-kawża C‑532/03

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressqa fid-19 ta’ Diċembru 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Wiedner u X. Lewis, bħala aġenti, assistiti minn J. Flynn, QC, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins u E. Regan, SC, kif ukoll minn C. O’Toole, barrister, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u C. Wissels, kif ukoll minn P. van Ginneken, bħala aġenti,

intervenjent

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis (Relatur) u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, MM J. Makarczyk, M. Ilešič, J. Malenovský u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: K. Sztranc-Slawiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-4 ta’ April 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ppermettiet lid-Dublin City Council, (iktar ’il quddiem id-“DCC”), li ħa post id-Dublin Corporation Fire Brigade, jipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza mingħajr ma l-Eastern Regional Health Authority (iktar ’il quddiem “l-Awtorità”), li qabel kienet magħrufa bħala l-Eastern Health Board, assigurat reklamar minn qabel, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi jidhru fid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), kif emendata mid-Direttiva 92/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”). L-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50 jipprovdi b’mod partikolari li l-kuntratti ta’ servizz pubbliku huma kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3       L-Artikolu 65(1), tal-Liġi ta’ l-1953 dwar is-saħħa pubblika (Health Act 1953), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fl-1999, li hija applikabbli fil-kawża preżenti (iktar ’il quddiem il-“Health Act”):

“Bla ħsara għad-direttivi ġenerali tal-Ministru, id-dipartiment tas-sanità jista’, taħt il-kundizzjonijiet u skond il-modalitajiet meqjusa xierqa, jassisti lil entità li tipprovdi jew li tipproponi li tipprovdi servizzi, simili jew komplementari għal dawk li d-dipartiment tas-sanità jista’ jipprovdi, b’waħda jew aktar mill-modalitajiet li ġejjin:

a) billi jikkontribwixxi għall-ispejjeż sostnuti mill-entità.”

4       L-Artikolu 57 tal-Health Act jipprovdi:

“Korporazzjoni tas-sanità tista’ tagħmel arranġamenti għall-provvista ta’ ambulanzi jew mezzi oħra ta’ trasport għat-trasferiment tal-pazjenti […]”.

5       Skond l-Artikolu 25 tal-Liġi ta’ l-1981 dwar is-servizzi ta’ tifi tan-nar (Fire Services Act 1981):

“Awtorità għall-prevenzjoni ta’ nirien tista’, indipendentement mill-eżistenza ta’ periklu ta’ nar, tagħmel l-interventi ta’ emerġenza kollha jew tieħu sehem fihom, u bħala konsegwenza, tadotta dawk il-miżuri għall-għajnuna jew għas-sigurtà ta’ persuni u għall-protezzjoni tal-proprjetà li tqis meħtieġa għal tali skop.”

6       L-Artikolu 9(1)(a) tal-Liġi ta’ l-1981 jipprovdi li “the council of a city” hija l-awtorità ta’ tifi tan-nar għall-finijiet ta’ l-imsemmija liġi.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

7       Id-DCC, li huwa responsabbli għas-servizzi ta’ pumpieri professjonali f’Dublin, jipprovdi s-servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza f’parti taż-żona li taqa’ taħt l-awtorità tiegħu, b’mod partikolari fil-belt ta’ Dublin. Huwa kien jassigura servizz bħala awtorità tas-sanità sa’ l-1960, u sussegwentement bħala awtorità lokali permezz tas-servizz permanenti tiegħu ta’ tifi tan-nar.

8       B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 65 tal-Health Act u sabiex jassisti finanzjarjament għall-provvista tas-servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza, l-East Coast Area Health Board, li huwa korporazzjoni kompetenti fis-sanità distinta mill-awtorità li teżerċita l-funzjonijiet tagħha permezz ta’ delega tagħhom, jagħmel ħlas annwali favur id-DCC, li l-ammont finali tiegħu huwa ddeterminat wara negozjati bejn dan ta’ l-aħħar u l-imsemmija korporazzjoni. Dan l-ammont jirrappreżenta l-ispejjeż sostnuti mid-DCC għall-provvista tas-servizzi in kwistjoni.

9       Matul ix-xahar ta’ Ġunju 1998, l-Eastern Health Board u d-Dublin Corporation Fire Brigade fasslu abbozz ta’ ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza. Fil-bidu tas-sena 2003, jiġifieri f’data li tikkorrispondi mat-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, l-imsemmi abbozz kien fih il-modalitajiet ta’ finanzjament bejn dawn iż-żewġ entitajiet u deskrizzjoni tal-ġestjoni ta’ l-ispejjeż ta’ dan il-proġett.

10     Dan l-abbozz ta’ ftehim ta lok għal ilment ippreżentat lill-Kummissjoni li fih ġie sostnut li kellu jkun is-suġġett ta’ reklamar minn qabel skond ir-rekwiżiti tad-Direttiva 92/50. Saret korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi bil-għan li jsir magħruf jekk kienx jeżisti kuntratt li għalih japplika kwalunkwe obbligu ta’ reklamar.

11     Billi kkunsidrat li l-provvista tas-servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza lill-awtorità, imwettqa fuq il-bażi ta’ ftehim konkluż mingħajr reklamar minn qabel, ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43 KE u 49 KE, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE

12     Wara li intimat lill-Irlanda sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni, fid-17 ta’ Diċembru 2002 indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, li fiha stidnitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

13     Billi qieset li r-risposta ta’ l-Irlanda għall-imsemmija opinjoni motivata ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

14     Il-Kummissjoni tqis li l-mekkaniżmu li taħtu s-servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza huma pprovduti mid-DCC, skond il-ftehim konkluż ma’ l-Awtorità, li tiegħu ma sar l-ebda reklamar, jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 43 KE u 49 KE, kif ukoll tal-prinċipji tad-dritt Komunitarju.

15     Skond il-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ kuntratt bil-miktub, il-provvista ta’ tali servizzi ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50. Madankollu, l-imsemmi mekkaniżmu għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-libertajiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, li fosthom hemm il-prinċipju ta’ trasparenza.

16     Hija u tinvoka s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 1987, CEI et Bellini (27/86 sa 29/86, Ġabra p. 3347), il-Kummissjoni ssostni li d-dritt Komunitarju japplika integralment għas-sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt id-Direttivi fuq il-kuntratti pubbliċi. Hija żżid li, skond il-punti 60 sa 62 tas-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria et Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745), ir-rispett tar-regoli tat-Trattat KE dwar il-libertajiet fundamentali in ġenerali u l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni fuq il-bażi taċ-ċittadinanza jimplika, b’mod partikolari, obbligu ta’ trasparenza li jippermetti li s-suq tas-servizzi jkun miftuħ għall-kompetizzjoni u li l-imparzjalità tal-proċeduri ta’ għoti tiġi kkontrollata.

17     F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw għall-provvista tas-servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza. Hija tqis li d-DCC jipprovdi tali servizzi bi ħlas fuq l-inizjattiva ta’ l-awtorità. Fil-fatt, dan ta’ l-aħħar igawdi minn rwol attiv meta jivverifika li s-servizzi pprovduti jissodisfaw l-eżiġenzi tiegħu u jikkontrolla l-ħlas mogħti għalih. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Awtorità tidher li tilħaq il-kważi totalità ta’ l-ispejjeż sostnuti mid-DCC għall-provvista tas-servizzi tiegħu.

18     L-Irlanda tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija akkużata bih.

19     Waqt is-seduta, dan l-Istat Membru ppreċiża li l-kawża preżenti tirrigwarda s-servizzi ta’ intervent f’emerġenza (“mobile emergency medical service”), li għandu jiġi pprovdut fil-kuntest ta’ servizz pubbliku. Huwa jsostni li l-Kummissjoni ma rnexxielhiex tressaq provi li d-DCC assigura s-servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza fuq inizjattiva ta’ l-Awtorità u lanqas ma wriet li l-ftehim konkluż bejn din ta’ l-aħħar u d-DCC jikkostitwixxi l-għoti ta’ “kuntratt pubbliku”.

20     F’dak li jirrigwarda l-finanzjament tas-servizzi, l-Irlanda tirrileva li l-Awtorità tipparteċipa fih fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, skond id-dispożizzjonijiet tal-Health Act, u li l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħha tkopri biss parti mill-ispejjeż sostnuti mid-DCC. Fil-kawża preżenti, m’hemmx prezzijiet definiti u l-Awtorità toqgħod attenta li tikkontrolla jew tillimita l-ammont li l-liġi tawtorizzaha tħallas lid-DCC bħala l-parteċipazzjoni tagħha fl-ispejjeż ta’ l-imsemmija servizzi.

21     L-Irlanda tqis li l-Artikolu 25 tal-Fire Services Act 1981 jikkonferixxi speċifikament is-setgħat legali għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza lid-DCC. Dan ta’ l-aħħar kien ħa f’idejh dan is-servizz fil-kwalità tiegħu bħala awtorità lokali li, taħt id-dritt nazzjonali huwa wkoll l-awtorità ta’ tifi tan-nar.

22     L-Irlanda ssostni li l-fatt li s-servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza u s-servizzi tat-tifi tan-nar huma kkonċentrati f’korporazzjoni pubblika huwa vantaġġ fir-rigward tas-sanità u s-sigurtà pubblika peress li l-membri tas-sezzjonijiet magħquda ta’ trasport u tifi tan-nar għandhom taħriġ ta’ assistenza medika f’emerġenza.

23     Barra minn hekk, l-Irlanda tirrileva li, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Humber et Edel (263/86, Ġabra p. 5365), l-imsemmija servizzi, li jaqgħu taħt l-Anness 1B tad-Direttiva 92/50, mhumiex servizzi li normalment jingħataw bi ħlas taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

24     F’dak li jirrigwarda l-eventwali diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, l-Irlanda ssostni li d-dritt nazzjonali tagħha ma jipprojbix lil min jipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza li joriġinaw minn Stat Membru ieħor milli jistabbilixxu jew jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Irlanda.

25     Fil-fatt, dan l-Istat Membru jikkunsidra li l-Kummissjoni ma rreferiet għal ebda dispożizzjoni li tirriżulta f’diskriminazzjoni diretta jew indiretta, kemm fil-Fire Services Act 1981 jew fil-Health Act. Fil-kawża preżenti, l-Irlanda tibbaża ruħha fuq is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et (C-70/95, Ġabra p. I-3395), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li tiġi rriżervata l-parteċipazzjoni, fis-sistema ta’ assistenza soċjali li għandha bħala għan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ residenzi lil anzjani, għal operaturi privati li m’għandhomx skop ta’ qligħ ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

26     L-Irlanda żżid li l-Artikoli 43 KE u 49 KE mhumiex applikabbli peress li s-servizzi in kwistjoni huma “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” u li l-finanzjament pubbliku tagħhom huwa limitat għal dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż reali ta’ tali servizzi.

27     Ir-Renju ta’ l-Olanda, li ġie ammess jintervjeni in sostenn tat-talbiet ta’ l-Irlanda permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-15 ta’ Ġunju 2004, isostni li l-prinċipju ta’ trasparenza ma japplikax f’sitwazzjoni li ma tippreżenta l-ebda rabta mas-suq intern, f’dan il-każ, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Sussidjarjament, dan l-Istat Membru jsostni li, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-prinċipju ta’ trasparenza għandu jiġi rrispettat meta d-Direttiva 92/50 mhijiex applikabbli, huma l-Istati Membri li għandhom jippreċiżaw il-kunċett ta’ “livell ta’ reklamar adegwat”.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28     Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, kif ukoll jirriżulta mit-talbiet fir-rikors promotur, dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jirrigwardax l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, iżda jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-provvista, mingħajr reklamar minn qabel, mid-DCC, ta’ servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza tmurx kontra r-regoli fundamentali tat-Trattat, u b’mod iktar partikolari, il-libertà ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi stabbiliti rispettivament fl-Artikoli 43 KE u 49 KE.

29     Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bla ħsara għall-obbligu ta’ l-Istati Membri li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 10 KE, jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skond l-Artikolu 211 KE, li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tat-Trattat (sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑494/01, Ġabra p. I-3331, punt 42), fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika minnha ta’ l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 96/81, Ġabra p.1791, punt 6 ; tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/00, Ġabra p, I-6695, punt 26, u tas-26 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑135/05, Ġabra p. I-3475, punt 26).

30     Il-Kummissjoni tqis li ż-żamma tal-ftehim bejn id-DCC u l-Awtorità, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe reklamar minn qabel, tikkostitwixxi ksur tar-regoli tat-Trattat u, barra minn hekk, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trasparenza.

31     In sostenn tat-teżi tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li, anki fin-nuqqas ta’ kuntratt bil-miktub li jagħti d-dettalji tal-modalitajiet li taħthom is-servizzi għandhom jiġu pprovduti mid-DCC, il-korrispondenza annessa ma’ l-ittra tad-19 ta’ Settemrbu 2002 tindika li l-ammont ta’ dawn is-servizzi u l-prinċipji tal-ħlas tagħhom kienu ġew eżaminati mill-partijiet u fformalizzati f’abbozz ta’ ftehim konkluż matul ix-xahar ta’ Ġunju tas-sena 1998. B’mod iktar partikolari, f’ittra tal-15 ta’ Jannar 1999, mehmuża ma’ l-ittra tad-19 ta’ Settembru 2002, il-persuna responsabbli għall-finanzi tad-DCC kienet ikkonstatat li n-negozjati fuq il-finanzjament tas-servizz ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza kien wassal, f’Ġunju 1998, għal ftehim li jiddetermina l-ispejjeż eventwali imposti mid-DCC fuq l-Awtorità.

32     Il-Kummissjoni ssostni li jidher li d-DCC u l-Awtorità qablu li jikkonkludu ftehim fuq il-livell ta’ servizzi li għandhom jitwettqu u li ġie abbozzat kuntratt f’dan is-sens. Għaldaqstant, skond il-Kummissjoni, id-DCC tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza fuq inizjattiva ta’ l-Awtorità taħt ħlas.

33     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-inkartament li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti kemm lill-Awtorità u kif ukoll lid-DCC iwettqu servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza. Skond l-Artikolu 25 tal-Fire Services Act 1981, Awtorità għall-prevenzjoni ta’ nirien tista’, indipendentement mill-eżistenza ta’ periklu ta’ nar jew le, twettaq l-interventi ta’ emerġenza kollha jew tieħu sehem fihom, u konsegwentement tadotta dawk il-miżuri għall-għajnuna jew għas-sigurtà ta’ persuni u għall-protezzjoni tal-proprjetà li tqis meħtieġa għal tali skop. B’hekk, skond l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi, awtorità lokali bħalma hija d-DCC hija l-awtorità responsabbli għas-servizzi ta’ tifi tan-nar.

34     Mill-1899 u sas-sena 1960, id-DCC assigura servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza fil-kwalità ta’ awtorità tas-sanità. Konsegwentement, huwa aġixxa kemm bħala awtorità lokali, u, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 25 tal-Fire Services Act 1981, ipprovda l-imsemmija servizzi permezz tad-dipartiment permanenti tiegħu ta’ tifi tan-nar.

35     Konsegwentement, mhuwiex eskluż li d-DCC ipprovda tali servizzi lill-pubbliku billi eżerċità l-kompetenzi tiegħu stess, ibbażati direttament fil-liġi, u billi uża l-finanzi tiegħu stess, anki jekk irċieva għal dan il-għan kontribuzzjoni mħallsa mill-Awtorità li kienet tkopri parti mill-ispejjeż li jikkorrispondi għall-prezz ta’ dawn is-servizzi.

36     F’dan ir-rigward, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 tas-sentenza preżenti, hija l-Kummissjoni, f’dan il-każ, li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika ta’ l-eżistenza ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni f’dan ir-rigward.

37     Issa, la l-argumenti tal-Kummissjoni u lanqas id-dokumenti prodotti ma juru li kien jeżisti għoti ta’ kuntratt pubbliku, peress li ma jistax jiġi eskluż li d-DCC kien qed jipprovdi s-servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza billi jeżerċita l-kompetenzi tiegħu stess ibbażati direttament fuq il-liġi. Barra minn hekk, l-eżistenza sempliċi, bejn żewġ entitajiet pubbliċi ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament li jirrigwarda dawn is-servizzi ma timplikax li l-provvista ta’ servizzi kkonċernata tikkostitwixxi għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li hemm lok li tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli fundamentali tat-Trattat.

38     Peress li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt it-Trattat, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

39     Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Irlanda.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: L-Ingliż.

Üles