Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0433

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) ta' l-14 ta' Lulju 2005.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
    Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Negozjar, konklużjoni, ratifika u implementazzjoni ta' ftehim bilaterali minn Stat Membru - Trasport ta' merkanżiji jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni - Kompetenza esterna tal-Komunità - Artikolu 10 KE - Regolamenti (KEE) Nru 3921/91 u (KE) Nru 1356/96.
    Kawża C-433/03.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:462

    62003J0433



    European Court reports 2005 Page 00000


    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet


    Fil-kawża C-433/03

    li għandha bħala għan rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-10 ta' Ottubru 2003,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , irrappreżentata minn C. Schmidt, W. Wils u A. Manville, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti

    vs

    Repubblika Federali tal-Ġermanja , irrappreżentata minn W.-D. Plessing, bħala aġent, assistit minn G. Schohe, Rechtsanwalt ,

    konvenuta

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), C. Gulmann, J. Makarczyk u P. Kris, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2005,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza


    1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tiddikjara li:

    a) wara li nnegozjat, ikkonkludiet u implementat individwalment:

    - il-ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Rumanija dwar in-navigazzjoni interna, iffirmat f'Bonn fit-22 ta' Ottubru 1991 BGBl. 1993 II, p. 770, aktar 'il quddiem il-"ftehim konkluż mar-Rumanija"),

    - il-ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja dwar in-navigazzjoni interna, iffirmat f'Varsavja fit-8 ta' Novembru 1991 (BGBl. 1993 II, p. 779, aktar 'il quddiem il-"ftehim konkluż mal-Polonja"), u

    - il-ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern ta' l-Ukraina dwar in-navigazzjoni interna, iffirmat f'Bonn fl-14 ta' Lulju 1992 (BGBl. 1994 II, p. 258, aktar 'il quddiem il-"ftehim konkluż ma' l-Ukraina"), u

    b) wara li rrifjutat li tiddenunzja l-ftehim konklużi bejn ir-Rumanija, il-Polonja u l-Ukraina kif ukoll:

    - il-ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista taċ-Ċekoslovakkja dwar in-navigazzjoni interna, iffirmat fi Praga fis-26 ta' Jannar 1988 (BGBl. 1989 II, p. 1035, aktar 'il quddiem il-"ftehim konkluż maċ-Ċekoslovakkja"), u

    - il-ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika Popolari ta' l-Ungerija dwar in-navigazzjoni interna, iffirmat f'Budapest fil-15 ta' Jannar 1988 (BGBl. 1989 II, p. 1026, aktar 'il quddiem il-"ftehim konkluż ma' l-Ungerija"),

    ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3921/91 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom dawk it-trasportaturi li mhumiex residenti jistgħu jittrasportaw merkanzija jew passiġġieri [minn] passaġġi fuq l-ilma interni ġewwa Stat Membru (ĠU L 373, p. 1), għal dak li jikkonċerna l-ftehim imsemmija fil-punt a), kif ukoll tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1356/96, tat-8 ta' Lulju 1996, dwar regoli komuni li japplikaw għat-trasport ta' merkanzija jew passiġġieri [minn] passaġġi fuq l-ilma interni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi stabbilita l-libertà li jiġu pprovduti tali servizzi tat-trasport (ĠU L 175, p. 7), għal dak li jikkonċerna il-ftehim imsemmija fil-punt b).

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni komunitarja

    Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

    2. L-Artikolu 10 KE jgħid is-segwenti:

    "L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta' l-obbligi li jirriżultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

    Huma m'għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista' tipperikola r-realizzazzjoni ta' l-għanjiet ta' dan it-Trattat."

    3. Għal dak li jikkonċerna l-materja tat-trasport, l-Artikolu 70 KE jipprovdi li l-għanijiet tat-Trattat jintlaħqu mill-Istati Membri fil-kuntest ta' politika komuni.

    4. L-Artikolu 71(1) KE jipprovdi li:

    "Bl-iskop li jwettaq l-Artikolu 70, u filwaqt illi jqis il-fatturi partikolari tat-trasport, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jistabbilixxi:

    a) regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar;

    b) il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' trasport f'xi Stat Membru;

    c) miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport;

    d) provvedimenti oħra xierqa."

    5. Fuq il-bażi ta' din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kunsill adotta r-Regolamenti Nru 3921/91 u Nru 1356/96.

    Ir-Regolament Nru 3921/91

    6. Skond it-tielet premessa, ir-Regolament Nru 3921/91 jipprovdi li t-trasportaturi li mhumiex residenti jitħallew jagħmlu vjaġġi ta' trasport nazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li l-Istat Membru kkonċernat jimponi fuq it-trasportaturi tiegħu.

    7. Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li, b'effett mill-1 ta' Jannar 1993, kull trasportatur ta' merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni għandu jitħalla jwettaq it-trasport nazzjonali ta' merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni f'isem ħaddieħor fi Stat Membru li fih ma jkollux sede, prassi magħrufa bħala "kabotaġġ", kemm il-darba huwa jkollu sede fi Stat Membru skond il-leġiżlazzjoni tiegħu u, jekk ikun il-każ, ikun ikkwalifikat jeffettwa trasporti internazzjonali tal-merkanzija jew tal-persuni permezz ta' navigazzjoni. It-tieni paragrafu ta' dan l-Artiklu jipprovdi li, jekk ikun issodisfa dawn il-kundizzjonijiet, dan it-trasportatur jista' jeżerċita l-kabotaġġ temporanjament fl-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma joħloq sede jew stabbiliment ieħor.

    8. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) ta' l-istess Regolament jipprovdi li, sabiex kull trasportatur jitħalla jeffettwa l-kabotaġġ, it-trasportatur jista' juża biss bastimenti li l-proprjetarju jew proprjetarji tagħhom huma persuni naturali domiċiljati fi Stat Membru u li jkunu ċittadini ta' Stati Membri, jew persuni legali li jkollhom is-sede rreġistrata fi Stat Membru u li s-sehem maġġoritarju tagħhom jappartjenu lil ċittadini ta' l-Istati Membri.

    9. Fl-aħħarnett, skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3921/91, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jaffettwawx id-drittijiet eżistenti taħt il-Konvenzjoni Riveduta dwar in-Navigazzjoni fuq ir-Rhine, iffirmat f'Mannheim fis-17 ta' Ottubru 1868 (aktar 'il quddiem "Konvenzjoni ta' Mannheim").

    Ir-Regolament Nru 1356/96

    10. Hekk kif jirriżulta mit-titolu u mit-tieni premessa tiegħu, l-għan tar-Regolament Nru 1356/96 huwa li tiġi stabbilita l-prestazzjoni libera ta' servizzi fil-kamp ta' trasport tal-merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta' l-eliminazzjoni tar-restrizzjoni kollha imposti fuq min jipprovdi s-servizzi, għar-raġuni tan-nazzjonalità tiegħu jew tal-fatt li huwa għandu s-sede fi Stat Membru barra dak li fih ikun ser jipprovdi s-servizz.

    11. L-Artikoli 1 u 2 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li kull trasportatur ta' merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni għandu jkun awtorizzat jwettaq operazzjonijiet ta' trasport bejn l-Istati Membri u bi tranżitu minnhom, mingħajr diskriminazzjoni għar-raġuni tan-nazzjonalità tiegħu jew il-post ta' fejn għandu s-sede. L-imsemmi Artikolu 2 jindika ukoll il-kundizzjonijiet ta' din l-awtorizzazzjoni.

    12. Skond l-Artikolu 3 ta' l-istess Regolament, id-dispożizzjonijiet tiegħu "ma jaffettwax id-drittijiet ta' operaturi ta' pajjiżi terzi taħt il-Konvenzjoni Riveduta dwar in-Navigazzjoni fuq ir-Rhine (Il-Konvenzjoni ta' Mannheim), il-Konvenzjoni dwar in-Navigazzjoni fuq id-Danubju (Il-Konvenzjoni ta' Belgrad) jew id-drittijiet li jirriżultaw mill-obbligazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità Ewropea."

    Il-ftehim bilaterali konklużi mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    13. Il-ftehim imsemmija fil-punt 1 ta' din is-sentenza (aktar 'il quddiem, flimkiem, il-"ftehim bilaterali") fihom dispożizzjonijiet dwar l-użu reċiproku tar-rotot ta' navigazzjoni mill-bastimenti tal-partijiet kontraenti għat-trasport ta' persuni u ta' merkanzija.

    14. Dawn il-ftehim jipprovdu, b'mod partikolari, li t-trasport ta' persuni u/jew ta' merkanzija effettwat mill-bastimenti ta' parti kontraenti bejn il-portijiet tal-parti l-oħra (kabotaġġ) u t-trasport ta' persuni u/jew ta' merkanzija effetwat mill-bastimenti ta' parti kontraenti bejn il-portijiet tal-parti l-oħra u dawk ta' Stat terz (kooperazzjoni ma' l-Istati terzi) huma suġġetti għal awtorizzazzjoni speċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet kontraenti kkonċernati.

    15. Il-ftehim konklużi ma' l-Ungerija u ċ-Ċekoslovakkja ġew irratifikati permezz ta' żewġ liġijiet ta' l-14 ta' Diċembru 1989 u daħlu fis-seħħ fil-31 ta' Jannar u fl-4 ta' Mejju 1990, rispettivament. Il-ftehim konklużi mar-Rumanija u l-Polonja ġew irratifikati permezz ta' żewġ liġijiet tad-19 ta' April 1993 u daħlu fis-seħħ fid-9 ta' Lulju u fl-1 ta' Novembru 1993, rispettivament. Il-ftehim konkluż ma' l-Ukraina ġie rratifikat b'liġi tat-2 ta' Frar 1994 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1994.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

    16. Fit-28 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill rakkomandazzjoni għal deċiżjoni relatata mal-ftuħ ta' negozjati li jikkonċernaw il-konklużjoni ta' ftehim multilaterali bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi fl-ambitu tat-trasport ta' persuni u ta' merkanzija permezz ta' navigazzjoni.

    17. Permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' Diċembru 1992, il-Kunsill "awtorizza l-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehim multilaterali li jikkonċerna r-regoli applikabbli għat-trasport mix-xmara ta' vjaġġaturi u ta' merkanzija bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, bil-Polonja fuq naħa u l-Istati kuntrattwali tal-konvenzjoni tad-Danubju (L-Ungerija, Iċ-Ċekoslovakkja, Ir-Rumanija, Il-Bulgarija, L-ex-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi, L-ex-Jugoslavja, u L-Awstrija) fuq in-naħa l-oħra."

    18. Wara din id-deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra ta' l-20 ta' April 1993, talbet lil diversi Stati Membri, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, "sabiex jastjenu mill-inizjattivi kollha li jistgħu jikkompromettu l-iżvolġiment tajjeb tan-negozjati magħmula fuq livell komunitarju u, b'mod partikolari, li jirrinunċjaw għar-ratifika ta' ftehim diġà inizjati jew iffirmati kif ukoll għall-ftuħ ta' negozjati ġodda mal-pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant f'dak li jirrigwarda n-navigazzjoni interna."

    19. Fit-8 ta' April, il-Kunsill iddeċieda li kellha tingħata prijorità lit-tmexxija tan-negozjati mar-Repubblika Ċeka, mar-Repubblika ta' l-Ungerija, mar-Repubblika tal-Polonja u mar-Repubblika tas-Slovakkja.

    20. In-negozjati multilaterali mmexxija mill-Kummissjoni ġew konklużi fil-5 ta' Awwissu 1996 bl-inizjalar ta' abbozz ta' ftehim multilaterali, li abbażi tiegħu, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill, fit-13 ta' Diċembru 1996, proposta għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta' ftehim li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-trasport b'navigazzjoni ta' merkanzija jew passiġġieri bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tas-Slovakkja, min-naħa l-oħra.

    21. Madankollu, sa llum ma ġie konkluż l-ebda ftehim multilaterali mill-Komunità mal-pajjiżi kkonċernati.

    22. Permezz ta' ittra ta' notifika formali ta' l-10 ta' April 1995 u ta' ittra ta' notifika formali komplementari ta' l-24 ta' Novembru 1998, il-Kummissjoni għamlet użu mill-proċedura ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ta' Stat prevista fl-Artikolu 226 KE u talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tiddenunzja l-ftehim bilaterali.

    23. Peress illi fir-risposti tiegħu tat-23 ta' Ġunju 1995 u tas-26 ta' Frar 1999 il-Gvern Ġermaniż ikkontesta l-fatt li l-konklużjoni tal-ftehim bilaterali kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt komunitarju, fit-28 ta' Frar 2000, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' din l-opinjoni fi żmien xahrejn min-notifika.

    24. Peress illi kkunsidrat li s-sitwazzjoni baqgħet insodisfaċenti, il-Kummssjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

    Fuq l-ammissibbiltà

    25. Il-Gvern Ġermaniż isostni, l-ewwel nett, li r-rikors huwa inammissibbli fir-rigward tal-ftehim konklużi ma' l-Ungerija u ċ-Ċekoslovakkja. Fil-fatt, dawn ta' l-aħħar ma kinux ġew eżaminati fl-opinjoni motivata.

    26. F'dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, għal dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta' inkompatibbiltà tal-ftehim bilaterali mar-Regolament Nru 1356/96, l-opinjoni motivata isemmi l-ftehim konklużi ma' l-Ungerija u ċ-Ċekoslovakkja b'mod inekwivoku u f'diversi partijiet u li, fil-punt 2 tar-risposta tagħha għall-opinjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja espressament ħadet pożizzjoni fuq din il-kwistjoni.

    27. Il-Gvern Ġermaniż jikkontesta, it-tieni nett, l-ammissibbiltà tar-rikors safejn il-Kummissjoni għamlet referenza għas-sentenzi tal-5 ta' Novembru 2002, magħrufa bħala "open sky", Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-466/98, Ġabra p. I-9427); Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C-467/98, Ġabra p. I-9519); Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja (C-468/98, Ġabra p. I9575);Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-469/98, Ġabra p. I-9627);Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-471/98, Ġabra p. I-9681); Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-472/98, Ġabra p. I-9741); Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-475/98, Ġabra p. I-9797), Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-476/98, Ġabra p. I-9855), peress illi dawn ta' l-aħħar ġew deċiżi wara l-għeluq tal-proċedura prekontenzjuża. Skond il-Gvern Ġermaniż, qabel ma ressqet ir-rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, il-Kummissjoni kellha tindirizza opinjoni motivata ġdida lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b'kunsiderazzjoni għal dan il-kuntest ġurisprudenzjali ġdid.

    28. Jekk huwa minnu li l-għan tar-rikors imressaq bis-saħħa ta' l-Artikolu 226 KE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista f'din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq eċċezzjonijiet identiċi, madankollu din il-kundizzjoni, fi kwalunkwe każ, ma tasalx biex timponi koinċidenza perfetta tal-formulazzjoni tagħhom, peress illi l-għan tal-kawża ma ġiex estiż jew immodifikat iżda, għall-kuntrarju, huwa ġie sempliċiment, ristrett (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta' Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-279/94, Ġabra p. I-4743, punti 24 u 25; tal-25 ta' April 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C-52/00, Ġabra p. I-3827, punt 44, u tal-11 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-139/00, Ġabra p. I-6407, punti 18 u 19).

    29. Permezz tar-riferiment, fir-rikors tagħha, għas-sentenzi "open sky", il-Kummissjoni riedet sempliċement tippreżenta l-ġurisprudenza l-aktar reċenti relatati mal-prinċipji dwar il-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità, mingħajr ma testendi, timmodifika jew tirrestrinġi l-għan tal-kawża, kif iddefinit fl-opinjoni motivata tat-28 ta' Frar 2000.

    30. Minn dak li ntqal preċedentement ir-rikors huwa ammissibbli.

    Fuq ir-rikors

    31. Preliminarjament, il-Gvern Ġermaniz jitlob lill-Qorti sabiex tiddikjara li r-rikors huwa mingħajr għan fir-rigward tal-ftehim konklużi maċ-Ċekoslovakkja, l-Ungerija u l-Polonja minħabba l-adeżjoni għall-Unjoni Ewropea, fl-1 ta' Mejju 2004, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblija tal-Polonja u tar-Repubblika Slovakka.

    32. F'dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru kif ippreżentata fl-aħħar taż-żmien stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-110/00, Ġabra p. I-7545, punt 13, u tad-19 ta' Frar 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-310/03, Ġabra p. I-1969, punt 7).

    33. F'dan il-każ, iż-żmien stabbilit fl-opinjoni motivata skada fit-28 ta' April 2000, b'mod illi l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta' l-Ungerija, tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Repubblika Slovakka għall-Unjoni Ewropea m'għandhiex effett fuq din il-kawża.

    34. Il-Kummissjoni tressaq tliet eċċezzjonijiet in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel nett, hija ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret il-kompetenza esterna tal-Komunità skond is-sentenza tal-31 ta' Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, magħrufa bħala "AETR" (22/70, Ġabra p. 263). It-tieni nett, hija tinvoka ksur ta' l-Artikolu 10 KE. It-tielet nett, hija ssostni li l-ftehim bilaterali huma inkompatibbli mar-Regolament Nru 1356/96.

    Fuq l-ewwel eċċezzjoni, ibbażata fuq ksur tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità

    L-argumenti tal-partijiet

    35. Permezz ta' l-ewwel eċċezzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssottomettiet li bin-negozjar, bil-konklużjoni, bir-ratifika u bid-daħla fis-seħħ tal-ftehim bilaterali kontenzjużi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kiser il-kompetenza esklużiva tal-Komunità fis-sens tas-sentenza magħrufa bħala "AETR", iċċitata aktar 'il fuq. Fil-fatt, dawn il-ftehim ser ikollhom effett fuq ir-regoli komuni adottati mill-Komunità fir-Regolament Nru 3921/91.

    36. B'mod partikolari, l-Kummissjoni tikkunsidra li, safejn jippermettu, permezz ta' awtorizzazzjoni speċjali, l-aċċess għall-kabotaġġ fil-Ġermanja għat-trasportaturi tal-pajjiżi terzi kkonċernati, il-ftehim bilaterali kontenzjużi jaffetwaw ir-regoli komuni li jinsabu fir-Regolament Nru 3921/91, safejn dawn ta' l-aħħar jarmonizzaw kompletament, mill-1 ta' Jannar 1993, il-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-kabotaġġ fl-Istati Membri tal-Komunità.

    37. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament Nru 3921/91 ikopri mhux biss it-trasportaturi komunitarji, iżda wkoll it-trasportaturi ta' pajjiżi terzi minħabba li l-Artikolu 6 tiegħu jirrikonoxxi d-drittijiet ta' aċċess għat-trasportaturi Żvizzeri fir-rigward tal-Konvenzjoni ta' Mannheim.

    38. Il-Gvern Ġermaniż isostni li d-dispożizzjonijiet previsti fil-ftehim konklużi mal-Polonja, ir-Rumanija u l-Ukraina ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 3921/91 jew ta' qasam li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa diġà kopert minnu, b'tali mod li dawn il-ftehim ma jaffettwawx ir-regoli komuni adottati mill-Komunità fl-imsemmi regolament.

    39. Fil-fatt, il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li r-Regolament Nru 3921/91 jippreżenta natura purament interna. Dan ta' l-aħħar jorganizza biss il-kabotaġġ fuq il-passaġġi navigabbli ta' Stat Membru minn trasportaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra u ma jinkludi ebda klawsola li tikkonċerna l-kundizzjonijiet li fihom it-trasportaturi tal-pajjiżi terzi jistgħu jkunu awtorizzati jipprovdu servizzi ta' kabotaġġ fuq passaġġi ta' navigazzjoni tal-Komunità.

    40. F'dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż isostni li r-rinviju għall-Konvenzjoni ta' Mannheim, stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3921/91, għandu jiġi interpretat bħala klawsola dwar it-trattament li għandu jiġi rriżervat għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss lill-Iżvizzera u ma tagħmilx ħlief tikkonferma d-drittijiet li jirriżultaw minn din l-imsemmija konvenzjoni.

    Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

    41. Għandu jiġi rrilevat li, jekk it-Trattat KE ma jattribwixxix, b'mod espliċitu, kompetenza esterna lill-Komunità f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport permezz ta' navigazzjoni, l-Artikoli 71(1) u 80(1) KE jipprovdu xorta waħda setgħa diskrezzjonali tal-Komunità f'dan il-qasam.

    42. Fil-punti 16 sa 18 u 22 tas-sentenza tagħha "AETR", iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti ddeċidiet li l-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali ma tirriżultax biss minn attribuzzjoni espliċita tat-Trattat, iżda tista' toħroġ ukoll minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat u minn atti adottati, fil-kuntest ta' dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istituzzjonijiet tal-Komunità. B'mod partikolari, kull darba li l-Komunità, għall-implementazzjoni ta' politika komuni prevista fit-Trattat, adottat xi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, taħt kwalunkwe forma, xi regoli komuni, l-Istati Membri m'għandhomx aktar id-dritt, sew jekk jaġixxu individwalment sew jekk kollettivament, li jidħlu għal obbligi, ma' l-Istati terzi, li jaffettwaw dawn ir-regoli. Fil-fatt, meta u safejn dawn ir-regoli komuni jiġu stabbiliti, il-Komunità biss hija f'pożizzjoni li tassumi u teżegwixxi, b'effett fuq il-qasam ta' applikazzjoni tas-sistema legali komunitarja kollha, l-impenji adottati fir-rigward ta' Stati terzi. Safejn dawn ir-regoli komunitarji huma adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat, l-Istati Membri ma jistgħux, barra mill-kuntest ta' l-istituzzjonijiet komuni, jassumu obbligi li jistgħu jaffetwaw l-imsemmija regoli jew li jibdlu l-iskop tagħhom.

    43. Fil-fatt, kieku l-Istati Membri kellhom jibqgħu liberi li jidħlu għal obbligi internazzjonali li jaffetwaw ir-regoli komuni, l-għan li jrid jintlaħaq minn dawn ir-regoli, mill-missjoni tal-Komunità u mill-iskopijiet tat-Trattat jiġi kompromess (sentenza tat-2 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-266/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).

    44. Il-kundizzjonijiet li fihom l-iskop tar-regoli komuni jista' jiġi affetwat jew mibdul minn obbligi internazzjonali ta' l-Istati Membri u konsegwentement, il-kundizzjonijiet li fihom il-Komunità takkwista kompetenza esterna esklużiva mill-fatt ta' l-eżerċizzju tal-kompetenza interna tagħha ġew, b'mod partikolari, imfakkra mill-Qorti fis-sentenzi tagħha magħrufa bħala "open sky", iċċitati aktar 'il fuq.

    45. Tali huwa l-każ meta l-obbligi internazzjonali jaqgħu taħt il-qasam ta' applikazzjoni tar-regoli komuni jew, fi kwalunkwe każ, taħt qasam diġa kopert fil-parti l-kbira minn tali regoli, u dan l-istess jekk ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-imsemmija obbligi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 108).

    46. Huwa b'hekk li, meta fl-atti leġiżlattivi tagħha l-Komunità inkludiet klawsoli relatati mat-trattament li għandu jiġi rriżervat għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew li hija espressament ikkonferiet lill-istituzzjonijiet tagħha kompetenza biex jinnegozjaw mal-pajjiżi terzi, hija takkwista kompetenza esterna esklużiva safejn huwa kopert minn dawn l-atti (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 109).

    47. Huwa l-istess hekk ukoll, anki fin-nuqqas ta' klawsola espressa li tippermetti lill-istituzzjonijiet tagħha jinnegozjaw ma' pajjiżi terzi, meta l-Komunità wettqet armonizzazzjoni kompluta f'qasam partikolari, minħabba li r-regoli komuni li ġew adottati jistgħu jkunu affetwati fis-sens tas-sentenza "AETR", iċċitata iktar 'il fuq, jekk l-Istati Membri jikkonservaw libertà ta' negozjar mal-pajjiżi terzi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 110).

    48. Hekk kif jirriżulta mit-titolu u mill-Artikoli 1 u 2 tiegħu, ir-Regolament Nru 3921/91 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess tat-trasport nazzjonali ta' merkanzija jew persuni permezz ta' navigazzjoni fi Stat Membru għal dak li jirrigwarda t-trasportaturi komunitarji biss. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jkoprux ħlief it-trasportaturi, ta' merkanzija jew persuni permezz ta' navigazzjoni li huma stabbiliti fi Stat Membru, u li jużaw bastimenti li l-proprjetarju jew proprjetarji tagħhom huma persuni naturali domiċiljati fi Stat Membru u li jkunu ċittadini ta' Stat Membru jew persuni legali li jkollhom sede fi Stat Membru u li s-sehem maġġoritarju tagħhom jappartjenu lil ċittadini ta' l-Istati Membri (sentenza tat-2 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 46).

    49. Ir-riferiment li jsir għad-drittijiet eżistenti taħt il-Konvenzjoni ta' Mannheim fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3921/91, ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti peress illi, permezz ta' din id-dispożizzjoni, il-Komunità ma tagħmilx ħlief tieħu att tad-drittijiet li jirriżultaw għall-Iżvizzera minn din il-Konvenzjoni (sentenza tat-2 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitati aktar 'il quddiem, punt 47).

    50. Isegwi li r-Regolament Nru 3921/91 ma jirregolax il-kundizzjonijiet ta' aċċess tat-trasportaturi mhux komunitarji għat-trasport nazzjonali ta' merkanziji jew persuni permezz ta' navigazzjoni fi Stat Membru (sentenza tat-2 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 48).

    51. Permes illi l-ftehim konklużi mal-Polonja, ir-Rumanija u l-Ukraina ma jaqgħux taħt qasam diġa kopert mir-Regolament Nru 3921/91, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jaffettwaw lil dan ta' l-aħħar għar-raġuni invokata mill-Kummissjoni.

    52. Barra minn hekk, il-fatt stess li r-Regolament Nru 3921/91 ma jirregolax is-sitwazzjoni ta' trasportaturi stabbiliti fi Stati terzi li joperaw ġewwa l-Komunità juri li l-armonizzazzjoni effettwata minn dan ir-Regolament m'għandhiex natura kompluta.

    53. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-Komunità akkwistat kompetenza esterna esklużiva, fis-sens tas-sentenza "AETR", iċċitata aktar 'il fuq, fil-qasam irregolat mill-ftehim konklużi mal-Polonja, ir-Rumanija u L-Ukraina.

    54. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

    Fuq it-tieni eċċezzjoni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 10 KE

    L-argumenti tal-partijiet

    55. Permezz tat-tieni eċċezzjoni, il-Kummissjoni ssostni li, peress illi rratifikat u implementat ftehim konklużi mal-Polonja, ir-Rumanija u l-Ukraina wara li l-Kunsill ddeċieda, fis-7 ta' Diċembru 1992, li jawtorizza n-negozjar ta' ftehim multilaterali f'isem il-Komunità u li, fl-ittra tagħha ta' l-20 ta' April 1993, hija talbet lill-Gvern Ġermaniż jirrinunzja għar-ratifika ta' dawn il-ftehim, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkompromettiet l-implementazzjoni ta' din id-deċiżjoni u naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE. Fil-fatt, in-negozjar mill-Kummissjoni ta' ftehim multilaterali f'isem il-Komunità kif ukoll il-konklużjoni ulterjuri mill-Kunsill ser ikun aktar diffiċli minħabba l-interferenza ta' l-inizjattivi individwali ta' Stat Membru.

    56. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni żżid li ż-żamma fis-seħħ, permezz ta' komunikazzjoni ta' l-24 ta' Marzu 1993, ippubblikata fit-22 ta' April 1993 fil-Bundesgesetzblatt (BGBl. 1993 II, p. 762), tal-ftehim konkluż maċ-Ċekoslovakkja wkoll tikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 10 KE.

    57. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Istati Membri ma jistgħux, skond il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, jiġu mġiegħla jiddenunzjaw ftehim bilaterali diġà konkluż mal-pajjiżi terzi minħabba l-fatt li n-negozjati kienu diġà saru mill-Kummissjoni fl-istess qasam bħala dak irregolat minn dawn il-ftehim. Fil-fatt, safejn ir-riżultat ta' dawn in-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehim multilaterali f'isem il-Komunità huma, min-natura tagħhom inċerti, tali denunzja jkollha effett li toħloq lakuna legali sad-dħul fis-sens ta' tali ftehim multilaterali.

    58. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi Gvern jikkunsidra li huwa kkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 10 KE peress illi, wara li kien ikkonsulta l-Kummissjoni matul in-negozjati tal-ftehim bilaterali, huwa impenja ruħu li jiddenunzjahom mal-konklużjoni ta' ftehim komunitarju u jnaqqas iż-żmien tad-denunzja tagħhom għal sitt xhur.

    59. Huwa jsostni wkoll li l-ftehim bilaterali kienu ġew iffirmati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 1992.

    Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

    60. Fir-rigward, l-ewwel nett, għall-ammissibbiltà ta' l-ewwel eċċezzjoni dwar iż-żamma fis-seħħ tal-ftehim konkluż maċ-Ċekoslovakkja, għandu jiġi kkonstatat li din ġiet imqajma mill-Kummissjoni fir-replika tagħha u li, konsegwentement, mhijiex ser tiġi eżaminata mill-Qorti. Fil-fatt, tali eċċezzjoni mhijiex imsemmija mill-Kummissjoni fir-rikors oriġinali tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' Lulju 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 298/86, Ġabra p. 4343, punt 8).

    61. Skond ġurisprudenza kostanti, parti ma tistax, matul istanza, tibdel l-għan ta' l-istess kawża, b'tali mod li l-mertu tar-rikors għandu jiġi eżaminat unikament fid-dawl tal-konklużjonijet tar-rikors oriġinali ta' istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta' Settembru 1979, Il-Kummissjoni vs Franza, 232/78, Ġabra p. 2729, punt 3, u tas-6 ta' April 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-256/98, Ġabra p. I-2487, punt 31).

    62. Konsegwentement, safejn jikkonċerna ż-żamma fis-seħħ tal-ftehim konkluż maċ-Ċekoslovakkja, l-eċċezzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

    63. Għal dak li jikkonċerna, it-tieni nett, il-mertu ta' l-imsemmija eċċezzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 10 KE jirrikjedi lill-Istati Membri biex lill-Komunità jiffaċilitawlha l-adempiment tal-missjoni tagħha u li ma jieħdux miżuri li jistgħu jqiegħdu l-għanijiet tat-Trattar fil-perikolu.

    64. Għandu jiġi mfakkar ukoll li dan l-obbligu ta' kooperazzjoni leali huwa ta' applikazzjoni ġenerali u ma jiddependix la min-natura esklużiva u la mill-kompetenza komunitarja kkonċernata u lanqas mid-dritt eventwali, għall-Istati Membri, li jikkuntrattaw obbligi fir-rigward ta' Stati terzi (sentenza tat-2 Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 58).

    65. F'dan ir-rigward, il-Qorti diġà ddeċidiet li l-Istati Membri huma suġġetti għal dmirijiet partikolari ta' azzjoni u ta' astensjoni f'sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni ressqet xi proposti lill-Kunsill li, minkejja li ma ġewx aċċettati minn dan ta' l-aħħar, jikkostitwixxu l-bidu ta' azzjoni komunitarja miftehma (sentenzi tal-5 ta' Mejju 1981, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 804/79, Ġabra p. 1045, punt 28 u tat-2 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 59).

    66. Għalhekk, l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim multilaterali f'isem il-Komunità jimmarka l-bidu ta' azzjoni komunitarja miftehma fuq il-pjan internazzjonali u jimplika, taħt dan it-titolu, jekk mhux dmir ta' astensjoni min-naħa ta' l-Istati Membri, għall-inqas obbligu ta' kooperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-istituzzjonijiet komunitarji sabiex jiġi ffaċilitat l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità u li jiggarantixxu l-unità u l-koerenza ta' l-azzjoni u tar-rappreżentazzjoni internazzjonali ta' din ta' l-aħħar (sentenza tat-2 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 60).

    67. Fil-każ in eżami, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Novembru 1992 involviet bidla sustanzjali fil-kuntest ġuridiku li huma bbażati fuqu l-ftehim konklużi mal-Polonja, ir-Rumanija u l-Ukraina u rrendiet neċessarji kooperazzjoni u konsultazzjoni aktar mill-qrib mal-Kummissjoni qabel ma wieħed jipproċedi għar-ratifika u l-implementazzjoni ta' l-imsemmija ftehim.

    68. Kif enfasizza, fost l-oħrajn, l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress illi saru xi konsultazzjonijiet bejn il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni f'mument li ġew innegozjati u ffirmati l-ftehim konklużi mal-Polonja, ir-Rumanija u l-Ukraina, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 1992, huwa kkonstatat li, wara din id-data, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja pproċediet għar-ratifika u għall-implementazzjoni ta' l-imsemmija ftehim mingħajr ma kkooperat jew ikkonsultat il-Kummissjoni.

    69. Minħabba tali komportament, l-Istat Membru kkomprometta l-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 1992 u, konsegwentement, l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità kif ukoll ir-realizzazzjoni ta' l-għanijiet tat-Trattat.

    70. Il-konsultazzjoni mal-Kummissjoni tirrikjedi aktar milli din ta' l-aħħar u l-Kunsill kienu qablu dwaru għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta' negozjar tal-ftehim multilaterali f'isem il-Komunità, li japplikaw ir-regoli ta' komportament li jinsabu fil- gentleman's agreement anness mal-mandat ta' negozjati tas-7 ta' Diċembru 1992 u li jipprovdi għal koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. F'dan ir-rigward, il-punt 3(d) tat-Titolu II, ta' dan il- gentleman's agreement jipprovdi li "waqt in-negozjati, il-Kummissjoni titkellem f'isem il-Komunità u r-rappreżentanti ta' l-Istati Membri m'għandhomx jintervjenu ħlief fuq it-talba tal-Kummissjoni" u li "r-rappreżentanti ta' l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jieħdu kull azzjoni li tista' taffettwa l-eżekuzzjoni tajba tad-dmirijiet tagħhom mill-Kummissjoni".

    71. Jekk huwa minnu, kif ġie enfasizzat mill-Gvern Ġermaniż, li l-ftehim bilaterali ġew iffirmati qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 1992, jibqa' l-fatt li l-ftehim konklużi mal-Polonja, r-Rumanija u l-Ukraina ġew irratifikati u implementati wara din id-data.

    72. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-Gvern Ġermaniż impenja ruħu li jiddenunzja l-ftehim bilaterali mal-konklużjoni ta' ftehim multilaterali f'isem il-Komunità mhuwiex ta' natura li juri li l-obbligu ta' kooperazzjoni leali prevista fl-Artikolu 10 KE ma ġiex irrispettat. Fil-fatt, safejn huwa intervjena wara n-negozjati u l-konklużjoni ta' l-imsemmi ftehim, tali denunzja tkun ipprivata minn kull effett utli peress illi b'ebda mod ma tkun iffaċilitat in-negozjati multilaterali mmexxija mill-Kummissjoni.

    73. Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li peress illi rratifikat u implementat il-ftehim konklużi mal-Polonja, ir-Rumanija u l-Ukraina mingħajr ma kienet ikkooperat u kkonsultat mal-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE.

    74. Isegwi li t-tieni eċċezzjoni hija bbażata fuq il-miżura indikata fil-punt preċedenti.

    Fuq it-tielet eċċezzjoni, ibbażata fuq inkompatibbiltà ta' ftehim bilaterali mar-Regolament Nru 1356/96

    L-argumenti tal-partijiet

    75. Permezz tat-tielet eċċezzjoni, il-Kummissjoni ssostni li ż-żamma, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1356/96, tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali li jipprovdu għall-possibbiltà, għall-bastimenti rreġistrati fi Stati terzi kkonċernati, li jipprovdu servizzi ta' trasport permezz ta' navigazzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Stati Membri l-oħra tal-Komunità, li għandhom awtorizzazzjoni speċjali ta' l-awtorità kompetenti, hija inkompatibbli ma' l- Artikoli 1 u 2 ta' l-imsemmi Regolament kif ukoll ma' l-għanijiet ġenerali tiegħu.

    76. Fil-fatt, peress illi ppermettiet l-għotja unilaterali tad-drittijiet ta' passaġġ mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew mill-inqas irriżervat lil dan l-Istat Membru d-dritt li jagħti unilateralment id-drittijiet ta' passaġġ, f'komunikazzjonijiet interni tal-Komunità, lit-trasportaturi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1356/96, il-ftehim bilaterali jimmodifikaw, b'mod unilaterali u mingħajr il-kontroll tal-Komunità, in-natura u l-iskop tar-regoli li jikkonċernaw il-prestazzjoni libera ta' servizzi ta' trasport intrakomunitarja permezz ta' navigazzjoni kif iddefiniti fid-dritt komunitarju. Skond il-Kummissjoni, huwa stabbilit li t-trasportaturi u l-intrapriżi ta' navigazzjoni Ċeki, Ungeriżi, Pollakki, Rumeni Slovakki u Ukraini li jistgħu jkunu awtorizzati, b'applikazzjoni ta' dawn il-ftehim, sabiex jeffettwaw servizzi ta' trasport bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Istati Membri l-oħra tal-Komunità ma jissodisfaw ebda minn dawn il-kundizzjonijiet.

    77. Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-ftehim bilaterali ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1356/96 jew ta' qasam fil-parti l-kbira tiegħu kopert minnu

    78. Fil-fatt, skond dan il-Gvern, ir-Regolament Nru 1356/96 għandu għan uniku li jwaqqaf suq intern billi jiddefinixxi r-regoli komunitarji applikabbli għat-trasport ta' merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni bejn Stati Membri u ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tirregola l-aċċess ta' intrapriżi ta' pajjiżi terzi għas-servizzi ta' trasport ta' persuni jew ta' merkanziji permezz ta' navigazzjoni fit-territorju tal-Komunità.

    Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

    79. Għandu jiġi mfakkar li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1356/96 huwa t-twettiq tal-prestazzjoni libera ta' servizzi fil-qasam tat-trasport ta' merkanzija jew ta' passiġġieri permezz ta' passaġġi ta' navigazzjoni bejn Stati Membri permezz tat-tneħħija ta' kull restrizzjoni jew diskriminazzjoni fir-rigward tal-persuna li tipprovdi servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu jew il-post fejn huwa stabbilit.

    80. Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1356/96, din is-sistema ta' prestazzjoni libera ta' servizzi ta' trasport ta' merkanzija jew ta' passiġġieri permezz ta' navigazzjoni hija ta' benefiċċju għal kull trasportatur li:

    - huwa stabbilit fi Stat Membru skond il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru,

    - huwa kkwalifikat f'dak l-Istat Membru li jeffettwa t-trasport internazzjonali ta' merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni,

    - juża għal dawn l-operazzjonijiet ta' trasport ta' bastimenti għan-navigazzjoni li huma rreġistrati fi Stat Membru jew, fin-nuqqas ta' reġistrazzjoni, għandhom ċertifikat ta' sħubija fi flotta ta' Stat Membru, u

    - jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3921/91, jiġifieri juża bastimenti li l-proprjetarju jew proprjetarji tagħhom huma persuni naturali domiċiljati fi Stat Membru u li jkunu ċittadini ta' Stat Membru jew persuni legali li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru u li is-sehem maġġoritarju tagħhom jappartjeni lil ċittadini ta' Stat Membru.

    81. Kif jindika l-Avukat Ġenerali fil-punti 85 u 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk ir-Regolament Nru 1356/96 jistabbilixxi sistema ta' prestazzjoni libera ta' servizzi ta' trasport permezz ta' navigazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunità favur trasportaturi stabbiliti f'dawn ta' l-aħħar, allura għandu jiġi kkonstatat li s-sistema hekk stabbilità mir-Regolament Nru 1356/96 m'għandhiex bħala skop jew effett li timpedixxi lit-trasportaturi stabbiliti fil-pajjiżi terzi jew lill-bastimenti rreġistrati f'dawn ta' l-aħħar li jwettqu tali servizzi bejn Stati Membri tal-Komunità. (ara s-sentenza tat-2 ta' Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata aktar 'il fuq, punt 73).

    82. Barra minn hekk, il-ftehim bilaterali kontenzjużi ma jistabbilixxux sistema prestazzjoni libera ta' servizzi ta' trasport ta' merkanzija jew persuni permezz ta' navigazzjoni bejn Stati Membri favur it-trasportaturi Ċeki, Ungeriżi, Pollakki, Slovakki, Rumeni u Ukraini, iżda jillimitaw ruħhom li jipprovdu għall-possibbiltà, bl-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet, għall-bastimenti rreġistrati fil-pajjiżi terzi konċernati, li jeffettwaw tali servizzi bejn ir-Repubblika Federali u l-Istati Membri l-oħra tal-Komunità.

    83. Isegwi li, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali ma mmodifikawx la n-natura u lanqas l-iskop tar-Regolament Nru 1356/96.

    84. F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

    85. Meta wieħed iqis il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu, min-naħa, jiġi kkonstatat li, peress illi rratifikat u implementat il-ftehim bilaterali mingħajr ma kkooperat jew kkonsultat mal-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE u, min-naħa l-oħra, ir-rikors għandu jiġi miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.

    Fuq l-ispejjeż

    86. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar. Peress illi parti biss mir-rikors tal-Kummissjoni ġie milqugħ, hemm lok li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

    Parti operattiva


    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi li:

    1) Peress illi rratifikat u implementat

    - il-ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Rumanija dwar in-navigazzjoni interna, iffirmat f'Bonn fit-22 ta' Ottubru1991

    - il-ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja dwar in-navigazzjoni interna, iffirmat f'Varsavja fit-8 ta' Novembru 1991, u

    - il-ftehim bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern ta' l-Ukraina dwar in-navigazzjoni interna, iffirmat f'Bonn fl-14 ta' Lulju 1992,

    mingħajr ma kkooperat jew ikkonsultat mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE.

    2) Ir-rikors huwa miċħud fir-rigward tat-talbiet l-oħra.

    3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

    Top