Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0226

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-2 ta' Diċembru 2004.
    José Martí Peix SA vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Sajd - Għajnuna finanzjarja Komunitarja - Tnaqqis ta' l-għajnuna - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 - Artikoli 1 u 3 - Preskrizzjoni.
    Kawża C-226/03 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:768

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    2 ta' Diċembru 2004 (*)

    "Appell – Sajd – Għajnuna finanzjarja Komunitarja – Tnaqqis ta' l-għajnuna – Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikoli 1 u 3 – Preskrizzjoni"

    Fil-kawża C-226/03 P,

    li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-22 ta' Mejju 2003,

    José Martí Peix SA, stabbilita f'Huelva (Spanja), irrappreżentata minn J.-R. García-Gallardo Gil-Fournier u  D. Domínguez Pérez, avukati,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn  S. Pardo Quintillán, bħala aġent, u J. Guerra Fernández, avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

     

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet u N. Colneric (Relatur), Imħallfin

    Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

    Reġistratur: Mugica Azarmendi, Amministratur Prinċipali,

     

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Ġunju 2004,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet,

    wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Settembru 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz ta' l-appell tagħha, il-kumpannija José Martí Peix SA (iktar 'il quddiem ir-"rikorrenti") titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta' Marzu 2003, José Martí Peix vs il-Kummissjoni (T-125/01, Ġabra p. II-865, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2001 dwar tnaqqis ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija lir-rikorrenti, fl-1991, għal proġett ta' twaqqif ta' kumpannija konġunta ta' sajd Ispano-Angolana u li tordna lir-rikorrenti tħallasha lura s-somma ta' EUR 639 520 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

     Il-kuntest ġuridiku

    2       L-Artikolu 44(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 4028/86, tat-18 ta' Diċembru 1986, dwar azzjonijiet Komunitarji għat-titjib u l-adattar ta’¯ l-istrutturi tas-settur tas-sajd u ta’¯ l-akkwakultura [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 376, p. 7) jipprovdi:

    "Waqt il-perijodu kollu ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna Komunitarja, l-awtorità jew korp magħżul għal dan il-għan mill-Istat Membru kkonċernat għandha tittrażmetti lill-Kummissjoni, fuq talba tiegħu, kull dokument probatorju u kull dokument ta’ natura li jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet finanzjarji jew kundizzjonijiet oħra imposti għal kull proġett huma sodisfatti. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tissospendi, tnaqqas jew tneħħi l-għajnuna, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 47:

    –       jekk il-proġett mhuwiex imwettaq kif previst, jew

    –       jekk ċerti kundizzjonijiet imposti ma jiġux sodisfatti, jew

    –       jekk il-benefiċjarju, kuntrarjament għall-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni tiegħu u riprodotta fid-deċiżjoni ta' għoti ta' l-għajnuna finanzjarja, ma jibdiex, fi żmien sena min-notifika ta' l-imsemmija deċiżjoni, iwettaq ix-xogħlijiet jew jekk ma pprovdiex, qabel l-iskadenza ta' dan it-terminu, garanziji suffiċjenti għall-eżekuzzjoni tal-proġett, jew

    –       jekk il-benefiċjarju ma jtemmx ix-xogħlijiet f'i żmien sentejn minn meta jinbdew, ħlief fil-każ ta' force majeure.

    Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri kkonċernati kif ukoll lill-benefiċjarju.

    Il-Kummissjoni għandha tirkupra dawk is-somom li l-ħlas tagħhom ma kienx jew mhuwiex iġġustifikat." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    3       L-Artikoli 1 u 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, p. 1) jipprovdu:

    "Artikolu 1

    1. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta' verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x'jaqsmu ma' l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità

    2. "Irregolarità" għandha tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta' operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista' jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget [baġit] ġenerali tal-Komunità jew il-budget [baġit] mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta'nefqa mhux iġġustifikata.

    [...]

    Artikolu 3

    1. Il-perijodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta' erba' snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f'Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perijodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

    F'każ ta' irregolaritajiet kontinwi jew ripetuti, it-terminu tal-limitazzjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih tieqaf l-irregolarità. Fil-każ tal-programmi multiannwi, it-terminu tal-limitazzjoni għandu f'kull każ jibqa' jiddekorri sakemm il-programm jitwaqqaf definittivament.

    It-terminu tal-limitazzjoni għandu jiġi interrott bi [kwalunkwe] att ta' l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwistjoni, li jkollha x'taqsam ma' l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.

    Madankollu, il-limitazzjoni għandha ssir effettiva mhux iktar tard mil-jum li fiħ perijodu li jkun id-doppju tal-perijodu tat-terminu jiskadi mingħajr ma l-awtorità kompetenti tkun imponiet penali, ħlief fejn il-proċedura amministrattiva tkun ġiet sospiża skond Artikolu 6(1).

    […]"

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    4       Il-fatti li taw lok għar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huma esposti kif ġej fil-punti 11 u 34 tas-sentenza kkontestata:

    "1       F'Ottubru 1991, [ir-rikorrenti] ppreżentat quddiem il-Kummissjoni, permezz ta' l-awtoritajiet Spanjoli, applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja Komunitarja bbażata fuq ir-Regolament Nru 4028/86 fil-kuntest ta' proġett għal twaqqif ta' kumpannija konġunta ta' sajd Ispano-Angolana. Dan il-proġett kien jipprovdi għat-trasferiment, għall-finijiet ta' attivitajiet ta' sajd, ta' tliet bastimenti, il-Pondal, il-Periloja u s-Sonia Rosal, lill-kumpannija konġunta mwaqqfa mir-rikorrenti, mill-kumpannija Portugiża Iberpesca - Sociedades de Pesca Ltda u minn soċju Angolan, Empromar N’Gunza.

    12       Permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta' Diċembru 1999 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni ta' għoti") il-Kummissjoni tat lill-proġett previst fil-punt preċedenti (proġett SM/ESP/17/91, iktar 'il quddiem il-"proġett") għajnuna Komunitarja għal ammont massimu ta' ECU 1 349 550. Din id-deċiżjoni kienet tipprovdi li r-Renju ta' Spanja kellu jikkompleta din l-għajnuna permezz ta' għajnuna ta' ECU 269 910.

    13       F'Novembru 1992, il-kumpannija konġunta, imsemmija Ibermar Empresa de Pesca Ltda, ġiet imwaqqfa u rreġistrata f'Luanda, fl-Angola. F'Diċembru 1992, it-tliet bastimenti tal-kumpannija konġunta ġew irreġistrati fil-port ta' Luanda.

    14       Permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Mejju 1993, il-Kummissjoni adottat, wara li saritilha talba mir-rikorrenti, deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni ta' l-għoti. L-emenda kienet tinvolvi l-bdil, f'dak li jikkonċerna s-soċju tal-pajjiż terz, ta' Empromar N’Gunza mill-kumpannija Marang, Pesca u Industrias de Pesca Ltda.

    15       Fit-18 ta' Mejju 1993, il-Kummissjoni rċeviet, permezz ta' l-awtoritajiet Spanjoli, applikazzjoni għal ħlas ta' l-ewwel parti ta' l-għajnuna bid-data ta' l-10 ta' Mejju 1993. Din l-applikazzjoni kienet akkumpanjata minn numru ta' dokumenti u ta' ċertifikati relatati mat-twaqqif tal-kumpannija konġunta, ir-reġistrazzjoni tal-bastimenti fil-port ta' Luanda, it-tneħħija tagħhom mir-reġistru tal-Komunita u l-ksib tal-liċenzji ta' sajd meħtieġa.

    16       Fl-24 ta' Ġunju 1993, il-Kummissjoni ħallset 80 % ta' l-għajnuna.

    17      Fl-20 ta' Mejju 1994, ir-rikorrenti ressqet talba għal ħlas tal-bqija ta' l-għajnuna quddiem l-awtoritajiet Spanjoni. Din it-talba kienet akkumpanjata mill-ewwel rapport perjodiku, li jkopri l-perijodu ta' attivita inkluż bejn l-20 ta' April 1993 u l-20 ta' April 1994. F'dan ir-rapport ġie indikat, b'mod partikolari, dan li ġej:

    "L-objettivi tagħna fuq żmien twil kellhom jiġu emendati minħabba n-nawfraġju tal-Pondal fl-20 ta' Lulju 1993. Aħna immedjatament tlabna lill-awtoritajiet responsabbli għas-sajd fl-Angola għas-sostituzzjoni ta' dan il-bastiment b'bastiment ieħor mill-flotta tagħna, iżda, fiż-żmien li qed jinkiteb dan ir-rapport, aħna għadna ma ksibniex l-awtorizazzjoni għal din is-sostituzzjoni".

    18       Il-Kummissjoni rċeviet l-applikazzjoni msemmija fil-punt preċedenti fis-7 ta' Settembru 1994 u ħallset il-bqija ta' l-għajnuna fl-14 ta' Settembru 1994.

    19       Fis-6 ta' Novembru 1995, il-Kummissjoni rċeviet it-tieni rapport perjodiku, bid-data tad-19 ta' Ġunju 1995, li jkopri l-perijodu ta' attività inkluż bejn l-20 ta' Mejju 1994 u l-20 ta' Mejju 1995. Dan ir-rapport kien isemmi n-nawfraġju tal-Pondal fl-20 ta' Lulju 1993 u kien isemmi d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom għas-sostituzzjoni ta' dan il-bastiment minħabba riluttanza ta' l-awtoritajiet Angolani.

    20       Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Diċembru 1996, il-Kummissjoni, peress li ma kinitx irċeviet it-tielet rapport perjodiku ta' attività, talbet informazzjoni f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet Spanjoli, li permezz ta' ittra tat-22 ta' Jannar 1997 weġbuha li dan ir-rapport kien għadu qiegħed jiġi mfassal.

    21       Fl-20 ta' Frar 1997, l-awtoritajiet Spanjoli rċevew ittra mingħand ir-rikorrenti, bid-data tal-31 ta' Jannar 1997, li kienet tinfurmahom b'diffikultajiet ta' tmexxija tal-kumpannija konġunta marbuta mal-kundizzjonijiet imposti mis-soċju Angolan u talbu, minħabba dawn id-diffikultajiet, bdil fil-pajjiż terz għall-bastimenti Periloja u Sonia Rosal. F'din l-ittra, ir-rikorrenti indikat li ż-żewġ bastimenti kienu ġew ittrasferiti lill-kumpannija konġunta Peix Camerún SARL u talbet li tiġi awtorizzata tippreżenta t-tielet rapport perjodiku ta' attivita fil-kuntest ta' din il-kumpannija ta' l-aħħar.

    22       Permezz ta' ittra bid-data ta' l-4 ta' Frar 1997, li waslet quddiem il-Kummissjoni fil-5 ta' Marzu 1997, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu lil din ta' l-aħħar it-talbiet tar-rikorrenti flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti u indikaw li huma kienu jaqblu ma dawn it-talbiet.

    23       Fl-4 ta' April 1997, il-Kummissjoni wieġbet lill-awtoritajiet Spanjoli li t-tielet rapport perjodiku ta' attività kellu jiġi ppreżentat f'Settembru 1996 u li, konsegwentement, dan ir-rapport kellu jiġi ppreżentat billi jkompli minn fejn kien ħalla r-rapport preċedenti u mhux fil-perspettiva l-ġdida proposta mir-rikorrenti.

    24       Permezz ta' l-ittra tat-18 ta' Ġunju 1997, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jibgħatu t-tielet rapport perjodiku ta' attività mill-iktar fis possibbli.

    25       Il-Kummissjoni rċeviet it-tielet rapport perjodiku ta' attività, li kien ikopri l-perijodu bejn l-20 ta' Mejju 1995 u l-20 ta' Mejju 1996, f'Settembru 1997. Fih kien jissemma l-aġir tas-soċju Angolan li kien ifixkel l-iżvolġiment normali ta' l-attivitajiet ta' sajd. Kien indikat li l-aħħar ħatt ta' ħut li ġej mill-Angola sar f'Marzu 1995 u li, fid-dawl tad-diffikultajiet marbuta ma' l-aġir imsemmi iktar 'il fuq, is-soċji Komunitarji kienu ddeċidew li jbiegħu l-ishma tagħhom fil-kumpannija konġunta lis-soċju Angolan u li jixtru lura l-bastimenti intiżi għall-proġett. Ir-rapport kien isemmi li, wara li nxtraw lura, ir-rikorrenti ttrasferiet il-bastimenti f'port fin-Niġerja fejn kienu suġġetti għal tiswijiet sa' l-1996.

    26       Permezz ta' ittra tas-6 ta' Marzu 1998, ir-rikorrenti pprovdiet, bħala risposta għal talba ppreżentata mill-awtoritajiet Spanjoli fis-26 ta' Frar 1998, kjarifiki dwar l-implementazzjoni tal-proġett. Fl-imsemmija ittra, kien indikat li l-bastimenti tal-kumpannija konġunta kienu ħallew l-ibħra ta' l-Angola matul l-ewwel kwart tas-sena 1995. Mid-dokumenti annessi ma din l-ittra kien jirriżulta li l-propjetarji Komunitarji kienu ċedew l-ishma tagħhom fil-kumpannija konġunta lis-soċju Angolan fit-3 ta' Frar 1995.

    27       Permezz ta' ittra tas-26 ta' Ġunju 1998, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli għal informazzjoni dwar l-istat tal-proġett. B'risposta għall din l-ittra, l-imsemmija awtoritajiet bagħtu lill-Kummissjoni l-ittra tar-rikorrenti tas-6 ta' Marzu 1998.

    Il-proċedura prekontenzjuża

    28       F'ittra tas-26 ta' Lulju 1999 indirizzata lir-rikorrenti u lill-awtoritajiet Spanjoli, M. Cavaco, Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali "Sajd" tal-Kummissjoni (DG XIV), ħabbar li, skond l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 4028/86, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tnaqqas l-għajnuna inizjalment mogħtija għall-proġett minħabba li, kuntrarjament għall-eżiġenzi stabbiliti minn dan ir-Regolament u mir-Regolament Nru 1956/91, il-kumpannija konġunta ma kinitx sfruttat għal tliet snin ir-riżorsi tas-sajd tal-pajjiż terz imsemmi fid-deċiżjoni ta' għoti ta' l-għajnuna. Rigward il-bastiment Pondal, din l-ittra kienet tgħid li, mid-dokumenti li kienet irċeviet il-Kummissjoni, seta jiġi konkluż li dan il-bastiment kien eżerċita l-attivitajiet tiegħu mill-20 ta' April sa l-20 ta' Lulju 1993, id-data tan-nawfraġju tiegħu, jiġifieri għal tliet xhur, li kien jiġġustifika tnaqqis ta' l-għajnuna ta' ECU 160 417. Madankollu ġie miżjud li l-kalkolu tal-Kummissjoni kien suġġett għall-ksib ta' elementi li jippruvaw li n-nawfraġju msemmi iktar 'il fuq kien jikkostitwixxi każ ta' force majeur. Rigward il-bastimenti Periloja u Sonia Rosal, kien indikat li, mill-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fid-dispożizzjoni tagħha, kien jirriżulta li dawn iż-żewġ bastimenti kienu eżerċitaw l-attività tagħhom fl-ibħra Angolani f'isem il-kumpannija konġunta bejn l-20 ta' April 1993 u l-20 ta' April 1994 kif ukoll bejn l-20 ta' Mejju 1994 u t-3 ta' Frar 1994, id-data li fiha r-rikorrenti biegħet l-ishma tagħha fl-imsemmija kumpannija, jiġifieri għal perijodu totali ta' 21 xahar, li kien jiġġustifika tnaqqis ta' l-għajnuna ta' ECU 114 520. B'kollox it-tnaqqis previst għaldaqstant kien jammonta għal ECU 274 937. Peress li l-għajnuna kienet diġà tħallset kompletament lir-rikorrenti, il-Kummissjoni kien biħsiebha titlob il-ħlas lura ta' din is-somma mingħand l-imsemmija rikorrenti. L-ittra kienet tindika li jekk ir-rikorrenti tonqos milli tesprimi formalment il-qbil tagħha mas-soluzzjoni proposta fi-żmien 30 ġurnata, il-Kummissjoni tkompli bil-proċedura ta' tnaqqis.

    29       Fil-5 ta' Ottubru 1999, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-kummenti tagħha fuq l-ittra ta' din ta' l-aħħar tas-26 ta' Lulju 1999. Essenzjalment, hija pprovdiet elementi intiżi sabiex jippruvaw li n-nawfraġju tal-bastiment Pondal kien każ ta' force majeure u indikat li hija kienet ippruvat tissostitwixxi dan il-bastiment b'bastiment ieħor mill-flotta tagħha, iżda li dan ma kienx possibbli minħabba l-aġir ta' l-awtoritajiet Angolani. F'dak li jirrigwarda l-bastimenti Periloja u Sonia Rosal, hija spjegat li d-diffikultajiet ikkawżati mis-soċju Angolan kienu ġiegħluha titrasferixxi l-attivita ta' dawn il-bastimenti lejn l-ibħra tal-Kamerun. Hija ppreċiżat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu ġew infurmati b'dan il-bdil f'Jannar ta' l-1997. Hija enfasizzat li l-formalitajiet mitluba għat-twaqqif u t-tħaddim tal-kumpannija konġunta kienu ġew sodisfatti u li l-attivitajiet ta' din ta' l-aħħar kienu intiżi prinċipalment għall-provvista bi prijorità lis-suq Komunitarju.

    30      Fid-9 ta' Novembru nżammet laqgħa bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti.

    31       Wara din il-laqgħa, ir-rikorrenti, fit-18 ta' Frar 2000, bagħtet nota ta' osservazzjonijiet lill-Kummissjoni fejn hija eċċepiet li l-fatti rrapportati mill-Kummissjoni kienu preskritti u allegat ksur, minn din ta' l-aħħar, tal-prinċipju ta' diliġenza u ta' amministrazzjoni tajba.

    32       Permezz ta' l-ittra tal-25 ta' Mejju 2000, indirizzata lir-rikorrenti u lill-awtoritajiet Spanjoli, is-Sur Smidt, Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali "Sajd" tal-Kummissjoni, indika li l-qari tad-dokumenti li r-rikorrenti kienet ippreżentat fil-5 ta' Ottubru 1999 kien juri li n-nawfraġju tal-Pondal kien seħħ fit-13 ta' Jannar 1993 u mhux fl-20 ta' Lulju 1993 kif ir-rikorrenti kienet indikat sa dak iż-żmien lil-Kummissjoni, u li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta' referenza għal dan in-nawfraġju fit-talba għal ħlas ta' l-ewwel parti ta' l-għajnuna li r-rikorrenti ippreżentat f'Mejju ta' l-1993, u l-indikazzjoni ta' l-20 ta' Lulju 1993 bħala d-data li fiha seħħ dan in-nawfraġju, fl-ewwel u fit-tieni rapport perjodiku ta' attività tal-kumpannija konġunta, kienu jikkostitwixxu irregolaritajiet ta' natura tali li jiġġustifikaw it-tneħħija tal-parti ta' l-għajnuna li tirrigwarda l-bastiment ikkonċernat. Peress li din il-parti ta' l-għajnuna kienet ta' ECU 525 000, u peress li l-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni li hija kienet esprimiet fis-26 ta' Lulju 1999 f'dak li jirrigwarda ż-żewġ bastimenti l-oħra tal-kumpannija konġunta, f'din l-ittra ġie propost li l-ammont totali tat-tnaqqis ta' l-għajnuna jkun ta' ECU 639 520. L-ittra kienet issemmi wkoll l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni kellha fir-rigward ta' l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-preskrizzjoni tal-miżuri previsti ta' tnaqqis u ta' rkupru. Hija indikat li, jekk ir-rikorrenti tonqos milli tesprimi formalment il-qbil tagħha mas-soluzzjoni proposta fi-żmien 30 ġurnata jew fin-nuqqas ta' elementi li jistgħu jiġġustifikaw bdil fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni, din ta' l-aħħar tkompli bil-proċeduri ta' tnaqqis u ta' ħlas lura.

    33       Fl-10 ta' Lulju 2000, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra ta' din ta' l-aħħar tal-25 ta' Mejju 2000. Essenzjalment hija osservat, f'dak li jirrigwarda l-bastiment Pondal, li dan kien innawfraga fit-13 ta' Jannar 1993, iżda li t-tneħħija tiegħu minn fuq ir-reġistru Angolan seħħet biss fl-20 ta' Lulju 1993, u dan kien jispjega għalfejn dan in-nawfraġju ma kienx issemma fit-talba għal ħlas ta' l-ewwel parti ta' l-għajnuna u r-referenza għal din id-data fl-ewwel rapport perjodiku ta' attività. F'dak li jirrigwarda ż-żewġ bastimenti l-oħra, hija sostniet li kien ġie stabbilit li hija kienet infurmat lill-awtoritajiet Spanjoli bil-bdil ta' pajjiż terz f'Jannar ta' l-1997. Hija sostniet ukoll il-bona fede tagħha f'din il-kwistjoni.

    34       Fid-19 ta' Marzu 2001, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tnaqqas l-għajnuna mogħtija għall-proġett għal EUR 710 030 u ordnat lir-rikorrenti tħallasha lura s-somma ta' EUR 639 520. […]"

     Is-sentenza kkontestata

    5       Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Ġunju 2001, ir-rikorrenti ressqet rikors kontra l-Kummissjoni għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata skond l-Artikolu 230 KE.

    6       Permezz tas-sentenza kkontestata, l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors bħala mhux fondat.

    7       Il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 81 sa 95 tas-sentenza kkontestata, eżaminat il-motivi tar-rikorrenti bbażati fuq l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 u l-preskrizzjoni tal-fatti:

    "81       F'dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-fatti li jirrigwardaw in-nawfraġju tal-bastiment Pondal, għandu jiġi mfakkar li l-irregolarita ġustament kkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti fil-fatt li r-rikorrenti għall-ewwel ħbiet dan in-nawfraġju u, wara, ipprovdiet data żbaljata dwar meta dan seħħ. L-azzjonijiet li bihom ir-rikorrenti ġiet akkużata fir-rigward tan-nawfraġju tal-bastiment Pondal għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu irregolaritaet kontinwi, fis-sens tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, safejn is-suġġett tagħhom kien identiku, jiġifieri nuqqas tar-rikorrenti mill-obbligu ta' informazzjoni u ta' lealtà tagħha f'dak li jirrigwarda dan in-nawfraġju. Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat, b'mod konformi ma' din l-istess dispożizzjoni, li, f'dak li jirrigwarda l-irregolarità relatata mal-bastiment Pondal, it-terminu ta' preskrizzjoni beda jiddekorri 'mill-jum li fih intemmet l-irregolarità'.

    82      F'dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li r-rikorrenti indikat in-nawfraġju tal-bastiment Pondal fl-ewwel rapport perjodiku ta' attività tal-kumpannija konġunta li hija bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli fl-20 ta' Mejju 1994, kien biss, kif hija ammettiet waqt is-seduta, fid-dokument tagħha tal-5 ta' Ottubru 1999, li jinkludi l-kummenti tagħha dwar l-ittra tal-Kummissjoni tas-26 ta' Lulju 1999, li hija indikat għall-ewwel darba lill-Kummissjoni d-data eżatta ta' dan in-nawfraġju, jiġifieri t-13 ta' Jannar 1993, u mhux l-20 ta' Lulju 1993 kif hija kienet indikat sa' dak iż-żmien. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-irregolaritajiet marbuta man-nuqqas tar-rikorrenti mill-obbligu ta' informazzjoni u ta' lealtà tagħha f'dak li jirrigwarda n-nawfraġju tal-bastiment Pondal ġie fi tmiemu fil-5 ta' Ottubru 1999. Ir-rikorrenti ma tistax, f'dawn iċ-ċirkustanzi, teċċepixxi l-preskrizzjoni tal-fatti kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' dan il-bastiment.

    […]

    91      [...] [I]l-fatti allegati jirrigwardaw il-bastimenti Peiloja u Sonia Rosal għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu irregolaritajiet kontinwi, fis-sens tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, peress li baqgħu għaddejin sa l-20 ta' Mejju 1996, data li tikkorrispondi, skond it-tielet rapport perjodiku ta' attività tal-kumpannija konġunta, mat-tmiem tal-perijodu ta' tliet snin ta' attività obbligatorja ta' l-imsemmija kumpannija u li fiha l-irregolarita ħadet il-forma definittiva allegata fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri n-nuqqas ta' attività taż-żewġ bastimenti imsemmija iktar 'il fuq fl-ibħra Angolani għal ħmistax mis-36 xahar li jikkostitwixxu l-perijodu msemmi iktar 'il fuq. F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu ta' preskrizzjoni ta' erba' snin għandu, skond din l-istess dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1988/95, jiġi kkunsidrat li beda jiddekorri 'mill-jum li fih intemmet l-irregolarità', jiġifieri, f'dan il-każ, fl-20 ta' Mejju 1996.

    92       Skond it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, il-preskrizzjoni tiġi interrotta bi kwalunkwe att ta' l-awtorità kompetenti, innotifikat lill-persuna in kwistjoni, u li jkun jirrigwarda l-investigazzjoni jew it-teħid ta' proċeduri legali dwar l-irregolarità.

    93       F'dan il-każ, fis-26 ta' Lulju 1999 il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti fejn infurmatha bil-ftuħ ta' proċedura ta' tnaqqis marbuta ma' irregolaritajiet li jikkonċernaw, b'mod partikolari, l-attività tal-bastimenti Periloja u Sonia Rosal. Mill-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 4028/86 jirriżulta […] li l-Kummissjoni kienet l-awtorità kompetenti, skond id-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, sabiex tnaqqas l-għajnuna mogħtija fuq il-bażi ta' l-imsemmi Regolament. Barra minn dan, l-ittra tas-26 ta' Lulju 1999 għandha, hekk kif tindika r-rikorrenti stess […], tiġi kkunsidrata bħala proċedimenti rigward l-irregolaritajiet imsemmija iktar 'il fuq. F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala att li jinterrompi l-preskrizzjoni fis-sens tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    94       Konsegwentement, anke jekk jiġi kkunsidrat, fuq il-bażi ta' qari letterali ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li t-terminu ta' preskrizzjoni ta' erba' snin stabbilit minn din id-dispożizzjoni jibda' jiddekorri, f'dak li jirrigwarda irregolarità kontinwa, mill-jum li fih tintemm l-imsemmija irregolarità anki meta l-awtorita kompetenti, bħal f'dan il-każ, tkun saret taf biss b'din l-irregolarità iktar tard, għandu jiġi kkonstatat li t-trażmissjoni ta' l-ittra tas-26 ta' Lulju 1999, li seħħet qabel ma skada t-terminu ta' erba' snin li beda jiddekorri fl-20 ta' Mejju 1996, interrompiet l-imsemmi terminu u kellha l-effett li jibda jiddekorri mill-ġdid it-terminu ta' erba' snin mis-26 ta' Lulju 1999. Minn dan isegwi li, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-fatti relatati mal-bastimenti Periloja u Sonia Rosal li jikkostitwixxu l-irregolarità ma kinux preskritti.

    95       Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet msemmija iktar 'il fuq, il-motiv ibbażat fuq il-preskrizzjoni għandu jiġi miċħud."

     It-talbiet tal-partijiet u l-motivi għall-annullament

    8       Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tiddikjara dan l-appell ammissibbli;

    –       tannulla s-sentenza kkontestata;

    –       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha sostnuti kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll dawk ta' quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

    9       Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –       tiċħad parzjalment l-appell bħala manifestament inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala mhux fondat;

    –       tiċħad l-appell, għall-bqija, bħala mhux fondat;

    –       sussidjarjament, jekk il-motiv ta' appell invokat mir-rikorrenti jiġi aċċettat, tikkunsidra bħala fondati l-allegazzjonijiet ppreżentati fil-ħames parti ta' l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni [inapplikabbiltà ta' l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95 għall-irregolaritajiet tal-każ in kwistjoni] u tiċħad ir-rikors għal annulament bħala mhux fondat,

    –       tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    10     Sabiex issostni l-appell tagħha, ir-rikorrenti tressaq motiv uniku bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta' "irregolarità[…] kontinw[a]" imsemmi fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

     Fuq l-appell

    11     Quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti sostniet li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata peress li, meta din ġiet addottata, il-fatti li mmotivaw it-tnaqqis kienu preskritti.

    12     Permezz ta' l-appell tagħha, ir-rikorrenti takkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza li, fil-punti 81 u 91 tas-sentenza kkontestata, ċaħdet dan il-motiv billi kkunsidrat li l-aġir allegat kontriha kellu jitqies li jikkostitwixxi irregolarità kontinwa, fis-sens tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    13     Dan il-motiv uniku huwa maqsum f'żewġ partijiet, l-ewwel parti tirrigwarda s-sitwazzjoni tal-bastiment Pondal filwaqt li t-tieni tirrigwarda dik tal-bastimenti Sonia Rosal u Periloja.

    14     Qabel kollox għandha tiġi eżaminata t-tieni parti.

     Fuq it-tieni parti tal-motiv uniku: il-bastimenti Sonia Rosal u Periloja

    15     Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv uniku, ir-rikorrenti ssostni li l-irregolarità kkostitwita mit-tluq tal-bastimenti Sonia Rosal u Periloja mill-Angola mhijiex kontinwa fis-sens tal-kunċett ta' "irregolarità kontinwa" previst fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, iżda speċifiku u li l-mument ta' meta bdiet tiddekorri l-preskrizzjoni kien Frar 1995, jiġifieri ż-żmien meta l-bastimenti ħallew l-ibħra Angolani.

    16     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, irregolarità tfisser kull ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta "minn att jew nuqqas" ta' operatur ekonomiku.

    17     Meta n-nuqqas li jkun ta lok għall-ksur tad-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju kkonċernat ikompli, l-irregolarita tkun "kontinwa" fis-sens tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu (3)(1) tar-Regolament Nru 2988/95.

    18     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet iġġustifikata meta, fil-punt 91 tas-sentenza kkontestata, ddeċidiet, minn naħa, li l-fatti allegati fir-rigward tal-bastimenti Periloja u Sonia Rosal kellhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu irregolarità kontinwa fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni u, minn naħa l-oħra, li t-terminu ta' preskrizzjoni ta' erba' snin kellu jiġi kkunsidrat li beda jiddekorri "mill-jum meta ntemmet l-irregolarità", jiġifieri, f'dan il-każ, l-20 ta' Mejju 1996.

    19     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, fil-parti B ta' l-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1956/91, tal-21 ta' Ġunju 1991, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 4028/86 (ĠU L 181, p.1), tinġibed l-attenzjoni ta' min japplika għal għajnuna finanzjarja Komunitarja dwar il-fatt li l-għoti ta' tali għajnuna huwa suġġett, b'mod partikolari, għall-fatt li l-kumpannija konġunta tkun intiża għall-isfruttar tar-riżorsi tas-sajd li jinsabu fl-ibħra tal-pajjiż terz ikkonċernat.

    20     Mis-sentenza kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti impenjat ruħha, skond l-eżiġenza imposta mid-deċiżjoni ta' għoti moqrija flimkien mal-leġiżlazzjoni applikabbli, li permezz tal-bastimenti Periloja u Sonia Rosal tisfrutta r-riżorsi ta' l-ibħra Angolani għal tliet snin, jiġifieri sa' l-20 ta' Mejju 1996.

    21     Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-irregolarità seħħet biss fi-Frar 1995. Fil-fatt, għalkemm l-irregolarità bdiet f'dak il-perijodu, meta l-bastimenti in kwistjoni telqu mill-Angola, hija baqgħet għaddejja sakemm spiċċa l-imsemmi perijodu ta' tliet snin.

    22     Mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq jirriżulta li t-tieni parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda.

     Fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku: il-bastiment Pondal

    23     Fil-kuntest ta' l-ewwel parti, ir-rikorrenti tressaq żewġ ilmenti.

    24     L-ewwel nett hija ssostni li l-informazzjoni li tat lok għat-tneħħija ta' l-għajnuna finanzjarja nkisbet wara investigazzjonijet inutli li kienu nbdew iktar minn erba' snin wara li seħħet l-irregolarità, jiġifieri n-nawfraġju, u, it-tieni nett, li t-terminu ta' preskrizzjoni li jirrigwarda l-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni falza kien skada.

     Fuq it-tieni lment

    25     Permezz tat-tieni lment tagħha, li għandu jiġi ttrattat fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-komunikazzjoni ta' l-informazzjoni żbaljata għandha tiġi kkunsidrata bħala ksur uniku mwettaq fid-data ta' meta din ġiet ikkomunikata. Id-dies a quo għaldaqstant mhuwiex il-jum ta' meta l-Kummissjoni skopriet l-iżball.

    26     Din l-affermazzjoni ta' l-aħħar hija korretta. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 4028/86. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien ma' l-ittra tas-26 ta' Lulju 1999 li għaliha hija tirreferi, il-Kummissjoni naqqset l-għajnuna inizjalment mogħtija għall-proġett tar-rikorrenti minħabba li din ta' l-aħħar ma kinitx irrispettat il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-deċiżjoni ta' għoti u mil-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli billi ma sfruttatx, għal perijodu ta' tliet snin, ir-riżorsi tas-sajd ta' l-Angola. Kien biss addizzjonalment li, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li l-fatt li ma kinitx semmiet, fit-talba għal ħlas ta' l-ewwel parti ta' l-għajnuna, jiġifieri fl-10 ta' Mejju 1993, li l-bastiment Pondal kien innawfraga fit-13 ta' Jannar 1993 kien jikkostitwixxi ksur gravi.

    27     Bħal fil-każ tal-bastimenti Sonia Rosal u Periloja, l-irregolarità li tirrigwarda t-tielet bastiment li kien jagħmel parti mill-proġett baqgħet għaddejja sakemm intemm il-perijodu ta' tliet snin, jiġifieri sa l-20 ta' Mejju 1996, data li għaldaqstant tikkostitwixxi d-dies a quo.

    28     Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt meta kkunsidrat, fil-punti 81 u 82 tas-sentenza kkontestata, li, f'dak li jirrigwarda l-bastiment Pondal, it-terminu ta' preskrizzjoni beda jiddekorri mill-5 ta' Ottubru 1999.

    29     Madankollu, minkejja li mill-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza jirriżulta ksur tad-dritt Komunitarju, il-parti dispożittiva tagħha tidher fondata minħabba motivi oħra ta' dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (is-sentenzi tad-9 ta' Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28; tat-13 ta' Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 58, u ta' l-10 ta' Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C-312/00 P, Ġabra p. I-11355, punt 57).

    30     F'dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tal-Kummissjoni tas-26 ta' Lulju 1999 kienet dokument ta' stħarriġ, kif tammetti wkoll ir-rikorrenti fil-punt 47 ta' l-appell tagħha. L-imsemmija ittra kienet intiża, b'mod partikolari, għall-istħarriġ ta' l-irregolaritajiet u għat-tnaqqis ta' l-għajnuna skond id-dettalji tan-nawfraġju tal-bastiment Pondal. Din interrompiet it-teminu ta' preskrizzjoni bil-konsegwenza li l-istħarriġ ma kienx preskritt.

    31     Wieħed ma jistax isostni, hekk kif tagħmel ir-rikorrenti, li hija l-informazzjoni żbaljata li tikkostitwixxi l-irregolarità u li, konsegwentement, id-dies à quo hija l-20 ta' Mejju 1994, id-data li fiha r-rikorrenti informat lill-awtoritajiet Spanjoli bin-nawfraġju tal-bastiment Pondal. Kif jirriżulta mill-punt 26 ta' din is-sentenza, din l-informazzjoni mhijiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-irregolarità li tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata.

    32     Lanqas ma jista' jiġi sostnut li huwa biżżejjed li l-elementi pprovduti mill-benefiċjarju jeżistu u jistgħu jiġu vverifikati. Anke jekk wieħed jippresupponi li, f'dan il-każ, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta' diliġenza tagħha, minn dan ma jsegwix li t-terminu ta' preskrizzjoni beda jiddekorri qabel il-jum meta ntemm l-obbligu tar-rikorrenti li tisfrutta r-riżorsi tas-sajd ta' l-Angola.

    33     Għaldaqstant it-tieni lment ma jistax jiġi milqugħ.

     Fuq l-ewwel ilment

    34     Dwar l-ewwel ilment, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, kif intqal fil-punt 26 ta' din is-sentenza, l-irregolarità rilevanti hija kkostitwita mill-fatt li l-bastiment Pondal, jew bastiment ta' sostituzzjoni, ma sfruttax r-riżorsi tas-sajd ta' l-Angola għal tliet snin u mhux min-nawfraġju tal-bastiment li seħħ saħansitra qabel ma nbeda l-proġett.

    35     F'dawn iċ-ċirkustanzi, m'hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ta' dan l-ilment, ikkontestata mill-Kummissjoni.

    36     Konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda.

    37     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    38     L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li meta l-appell mhuwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta' l-istess Regoli, li huwa applikabbli għall-proċedura ta' appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li José Martí Peix SA tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta' din l-istanza, kif mitluba mill-Kummissjoni.

    Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

    1)      L-appell huwa miċħud

    2)      José Martí Peix SA għandha tbati l-ispejjeż.

    Firem.


    *Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol.

    Top