EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62002CC0027

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jacobs - 8 ta' Lulju 2004.
Petra Engler vs Janus Versand GmbH.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Innsbruck - l-Awstrija.
Il-Konvenzjoni ta' Brussell - Talba għall-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 5(1) u (3) kif ukoll l-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3 - Dritt ta' konsumatur li jkun irċieva pubbliċità qarrieqa, li jeżiġi skond il-liġi, l-għoti tal-premju apparentement mirbugħ - Klassifikazzjoni - Azzjoni ta' natura kuntrattwali prevista mill-Artikolu 13, l-ewwel paragrafu, punt 3, jew mill-Artikolu 5(1), jew f'oqsma ta' delitt previst fl-Artikolu 5(3) - Kundizzjonijiet.
Kawża C-27/02.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2004:414

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

F.G. JACOBS

ippreżentati fit-8 ta’ Lulju 2004 (1)

Kawża C-27/02

Petra Engler

vs

Janus Versand GmbH






1.     Wara is-sentenza Gabriel, (2) il-Qorti tal-Ġustizzja qed isirilha domanda mill-ġdid biex tiddeċiedi, fuq il-qorti kompetenti, skond il-Konvenzjoni ta’ Brussell, (3) rigward ta’ azzjoni legali mressqa minn individwu sabiex jikseb “premju” li apparentement rebaħ mingħand impriża kummerċjali.

2.     Kemm fil-kawża Gabriel kif ukoll fil-kawża preżenti, ir-rikorrent kien iddomiċiljat fl-Awstrija, fejn regola speċifika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tippermetti li wegħdiet ta’ tali premjijiet jiġu nfurzati mill-qrati, u ntbagħtlu avviż ta’ għoti tal-premju minn impriża ddomiċiljata fil-Ġermanja.

3.     Fil-kawża Gabriel, id-dritt li jinġabar il-premju kien espliċitament suġġett għall-kundizzjoni li r-rikorrent jordna prodotti ta’ valur partikolari mill-impriża u li din l-ordni saret. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li l-ġurisidizzjoni kellha tiġi stabbilita fuq il-bażi li l-azzjoni legali intiża għall-ksib tal-premju kienet ta’ natura kuntrattwali u, speċifikament, kienet tikkonċerna kuntratt konkluż minn konsumatur konformi mal-Konvenzjoni.

4.     Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, tali kundizzjoni ma ġietx stipulata, u l-ebda ordni ma kienet saret. Id-domanda li tqum tirrigwarda l-bażi korretta għall-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni.

 

 Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

5.     Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tapplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. It-Titolu II jalloka l-ġurisdizzjoni bejn l-Istati Kontraenti. It-Titolu II jalloka l-ġurisdizzjoni bejn l-Istati kontraenti. Ir-regola bażika fl-Artikolu 2 hija li l-qrati ta’ l-Istat Kontraenti fejn il-konvenut huwa ddomiċiljat għandhom ġurisdizzjoni. Madankollu, bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, qrati oħrajn għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu ċerti tipi ta’ kawżi.

6.     L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni jikkonferixxi ġurisdizzjoni “fir-rigward ta’ kuntratt, quddiem il-Qorti tal-post fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba ġie jew għandu jiġi eżegwit”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.     L-Artikolu 5(3) jikkonferixxi ġurisdizzjoni “fir-rigward ta’ delitt jew kważi-delitt” quddiem “il-Qorti tal-post fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.     Is-Sezzjoni 4 tat-Titolu II tal-Konvenzjoni, li tinkludi l-Artikoli 13 sa 15, hija intitolata "Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi". L-Artikolu 13 jipprovdi safejn hu rilevanti:

"Fir-rigward ta’ kuntratt konkluż minn persuna għal raġuni li tista’ titqies bħala barra mill-attività professjonali tagħha, iktar ’il quddiem imsejħa "il-konsumatur", il-ġurisdizzjoni hija stabbilita minn din it-Taqsima […]:

1.      meta huwa bejgħ bin-nifs ta’ oġġetti mobbili materjali; jew

2.      meta huwa self li jitħallas lura bin-nifs jew transazzjoni oħra ta’ kreditu marbut ma’ l-iffinanzjar ta’ bejgħ ta’ tali oġġetti; jew

3.      għal kull kuntratt ieħor li għandu bħala għan il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti jekk:

(a)      il-konklużjoni ta’ kuntratt kienet ippreċeduta fl-Istat tad-domiċilju tal-konsumatur minn proposta speċifika jew minn pubbliċità, u

(b)      il-konsumatur wettaq f’dan l-Istat l-atti neċessarji għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.     L-Artikolu 14 jistipula li konsumatur jista’ jressaq azzjoni kontra l-parti l-oħra f’kuntratt "kemm quddiem il-Qrati ta’ l-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu din il-parti hija ddomiċiljata, u kif ukoll quddiem il-Qrati ta’ l-Istat kontraenti li fit-territorju tiegħu l-konsumatur huwa ddomiċiljat". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli

10.   L-Artikolu 5j tal-Liġi Awstrijaka dwar il-Konsumentenschutzgestz (liġi fuq il-ħarsien tal-konsumatur) (4) ġie introdott permezz tal-Fernabsatz-Gesetz (liġi fuq il-bejgħ li jsir mill-bogħod) (5) Dan jistipula:

"Il-kumpanniji li indirizzaw lill-konsumatur speċifiku, avviż ta’ attribuzzjoni ta’ premju jew messaġġi oħra simili, imfassla b’mod li jagħtu l-impressjoni li l-konsumatur rebaħ premju partikolari, għandhom jagħtu dan il-premju lill-konsumatur; dan il-premju jista’ ukoll jiġi mitlub quddiem il-qrati."

 

 Il-fatti u l-proċeduri legali

11.   Petra Engler, li toqgħod fl-Awstrija, bdiet azzjoni hemmhekk kontra Janus Versand GmbH (‘Janus’), kumpanija ddomiċiljata fil-Ġermanja, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 5j tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur. Hija talbet il-ħlas ta’ l-allegat premju ta’ ATS 455 000 (EUR 33 066.14).

12.   P. Engler tallega li, hija emmnet mid-diċitura u l-kontenut ta’ ittra indirizzata lilha personalment u li rċeviet fil-bidu ta’ l-2001 wara li qratha b’attenzjoni li hija kienet rebħet ATS 455 000 f’"lotterija ta’ premijiet ta’ flus" organizzata minn Janus, u li biex takkwista l-premju kellha sempliċiment tirritorna l-"avviż ta’ ħlas" anness magħha, kif fil-fatt għamlet. Għall-ewwel Janus ma wieġbitx, u sussegwentement irrifjutat li tħallas.

13.   Għalkemm id-dritt għall-premju ma kienx jidher suġġett għall-kundizzjoni ta’ xi ordni ta’ prodotti, u P. Engler m’għamlet ebda ordni, hija tistqarr li mal-avviż tal-premju hija rċeviet il-katalogu ta’ Janus u vawċer għal offerta bi prova mingħajr obbligazzjoni. Għaldaqstant, hija tikkunsidra li l-każ jidħol fil-kamp ta’ protezzjoni tal-konsumatur, peress li kien hemm l-intenzjoni li tiġi konvinta tidħol f’kuntratt għall-provvista ta’ prodotti.

14.   Il-Landesgericht Feldkrich irrifjutat, fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti nazzjonali, essenzjalment minħabba l-fatt li Engler ma stabbilixxietx li l-mittent ta’ l-ittra li hija invokat, Handelskontor Janus GmbH, kienet l-istess persuna bħal Janus Versand GmbH.

15.   Wara li semgħet l-appell minn din id-deċiżjoni, l-Oberlandesgericht Innsbruck ikkunsidrat li, essenzjalment, huwa neċessarju l-ewwelnett li jiġi stabbilit jekk il-fatti allegati minn Engler jikkonferixxux ġurisdizzjoni fuq il-qrati Awstrijaki, qabel ma jkun possibbli li jiġi eżaminat jekk dawk il-fatti humiex provati u b’mod partikolari jekk l-identità ta’ Janus Versand u Handelskontor Janus ġietx adegwatament stabbilita, anki jekk din, ukoll, hija kundizzjoni għal ġurisdizzjoni. (6)

16.   L-Oberlandesgericht għalhekk issospendiet il-proċedimenti u qed tfittex li tingħata deċiżjoni preliminari fuq id-domanda li ġejja:

"Fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell […], id-dritt ta’ azzjoni mogħti lill-konsumatur mill-Artikolu 5 j tal-liġi Awstrijaka fuq il-ħarsien tal-konsumatur […], li tippermetti lill-konsumatur li jitlob quddiem il-qrati, l-għoti, mill-kumpanniji, tal-premju apparentement mirbugħ fil-każ fejn dawn jibgħatu (jew kienu bagħtu) lill-konsumatur partikolari avviż ta’ premju jew messaġġi oħra simili fejn l-avviż huwa miktub b’tali mod li jagħti l-impressjoni lill-konsumatur li rebaħ premju partikolari, jikkostitwixxi:

(1)      dritt ta’ natura kuntrattwali skond l-Artikolu 13(3); jew

(2)       dritt ta’ natura kuntrattwali skond l-Artikolu 5(1); jew

(3)      dritt ta’ natura ta’ delitt jew kważi-delitt skond l-Artikolu 5(3)

f’każ li konsumatur normali seta’ bir-raġun jikkunsidra, abbażi tad-dokumenti kkomunikati, li kull ma kellu jagħmel sabiex jieħu l-ammont miżmum għad-dispożizzjoni tiegħu kien li jirritorna l-avviż ta’ premju mehmuż u li l-ħlas tal-premju għalhekk ma kienx jiddependi fuq ordni jew kunsinna ta’ oġġetti mill-kumpannija li wegħdet il-premju, iżda fejn, fl-istess waqt, il-konsumatur irċieva, flimkien mal-wegħda ta’ premju, katalgu tal-prodotti ta’ l-istess kumpannija akkumpanjat minn formola ta’ applikazzjoni għall-ordni mhux obbligatorja?"

17.   Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Awstrijak u mill-Kummissjoni, li lkoll kemm huma għamlu trattazzjoni verbali waqt is-seduta tas-26 ta’ Mejju 2004.

 

 Evalwazzjoni

 L-Artikolu 13(3)

18.   P. Engler u l-Gvern Awstrijak jikkunsidraw li l-azzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 13(3), essenzjalment peress li l-avviż tal-premju kien akkumpanjat bi stedina biex tagħmel ordni u kien għalhekk preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratt mal-konsumatur. Janus u l-Kummissjoni ma jaqblux ma’ dan; ta’ l-ewwel tenfasizza l-assenza ta’ kull obbligu reċiproka min naħa ta’ Ms Engler, u ta’ l-aħħar tenfasizza li ebda kuntratt mal-konsumatur ma ġie ‘konkluż’.

19.   Jien essenzjalment naqbel mal-Kummissjoni.

20.   L-Artikolu 13(3) b’mod inekwivoku jagħmel referenza għall-kuntratt ta’ provvista ta’ oġġetti jew servizzi, li għall-konklużjoni tiegħu l-konsumatur ħa l-atti neċessarji u li ġie, effettivament, konkluż.

21.   Fuq il-fatti ddikjarati, l-ebda kuntratt li jissodisfa din id-definizzjoni ma ġie konkluż fil-każ preżenti. Għalkemm bla ebda dubju kien ittamat li P. Engler tagħmel ordni għal prodotti, hija la għamlet dan u lanqas ma ħadet xi att f’dan is-sens, u lanqas ma kien hemm xi kuntratt għall-provvista ta’ servizzi.

22.   Madankollu P. Engler u l-Gvern Awstrijak argumentaw b’mod b’saħħtu – partikolarment waqt is-seduta – li abbażi ta’ interpretazzjoni wiesa’, iċ-ċirkostanzi tal-każ preżenti għandhom jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell peress li huma jinsabu b’mod maifest fl-isfera ta’ kuntratti konklużi minn konsumatur b’mod ġenerali u jinvolvu imġieba aggressiva minn kummerċjant fir-rigward ta’ konsumatur, meqjus bħala l-parti l-aktar dgħajfa u għalhekk jixraqlu l-protezzjoni li l-Artikolu 13 et seq. tal-Konvenzjoni huma maħsuba biex jipprovdu.

23.   Filwaqt li nifhem tali opinjoni, jien ma nistax naqbel magħha. Fil-Konklużjoni tiegħi fil-kawża Gabriel (7) jien enfasizzajt li l-Artikolu 13 m’għandux jingħata interpretazzjoni stretta wisq. Madankollu, dan ma jfissirx li dan jista’ jiġi interpretat b’mod daqshekk wiesa’ li din tmur kontra t-termini ċari tiegħu – li jirrikjedi li kuntratt għall-provvista ta’ oġġetti jew servizzi jkun ġie konkluż – anki jekk tali riżultat ikun jidher li hu mixtieq fil-kuntest ta’ każ partikolari.

24.   Fil-kawża Gabriel, kien ġie deċiż li l-azzjoni mressqa abbażi ta’ l-istess dispożizzjoni nazzjonali bħal f’din il-kawża kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13 meta kumpannija tat lil konsumatur l-impressjoni li kien se jingħata premju suġġett għall-kundizzjoni li jordna prodotti, u meta dan effettivament għamel tali ordni. Ir-raġuni essenzjali għal din id-deċiżjoni kienet li l-azzjoni relatata mal-avviż tal-premju kienet tant konnessa b’mod strett mal-kuntratt konkluż mill-konsumatur (l-ordni tal-prodotti) li ma setgħetx tiġi separata minnu; għalhekk, biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn diversi qrati jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ l-istess kuntratt, għandu jkun possibbli li l-azzjoni titressaq il-qorti kompetenti filqasam ta’ kuntratti konklużi minn konsumatur. (8)

25.   Madankollu, fil-każ ta’ P. Engler, huwa impossibbli li jiġi identifikat kuntratt simili li miegħu l-avviż tal-premju huwa konness b’mod li ma jistax jiġi separat. Il-konklużjoni ta’ tali kuntratt ma kienx kundizzjoni biex tirċievi l-premju, u tali kuntratt ma kienx konkluż. Konsegwentement, m’hemm l-ebda periklu li qrati differenti jista’ jkollhom ġurisdizzjoni fuq kontroversji differenti strettament konnessi miegħu.

26.   Il-fatt li l-avviż tal-premju kien akkumpanjat b’invit biex issir ordni, u dan bla dubju kien maħsub bħala inċentiv biex issir ordni, ma jistax ikun rilevanti. Jekk individwu jirċievi katalgu ta’ bejgħ bil-posta imma ma jagħmel ebda ordni, m’hemm l-ebda kuntratt konkluż mill-konsumatur għall-provvista ta’ oġġetti jew servizzi. L-irċevuta flimkien ma’ avviż tal-premju ma jistgħux joħolqu tali kuntratt.

27.   Lanqas, fil-fehma tiegħi, il-ħtieġa li tiġi assigurata l-protezzjoni tal-konsumatur, ma tirrikjedi li ċ-ċirkostanzi ta’ din il-kawża jiġu kklassifikati taħt l-Artikolu 13 et seq. tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

28.   Ċertament, huwa l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jiġi ‘protett il-konsumatur bħala l-parti meqjusa ekonomikament iktar dgħajfa u b’inqas esperjenza fil-qasam legali mill-parti l-oħra fil-kuntratt, [li] għalhekk m’għandhiex tiġi skoraġġuta milli tiftaħ kawża billi tiġi kostretta tressaq il-kawża tagħha quddiem il-qrati ta’ l-Istat Kontraenti fejn il-parti l-oħra tal-kuntratt tkun iddomiċiljata.’ (9)

29.   Madankollu, kif l-avukat ta’ Janus irrileva waqt is-seduta, l-iskop huwa tabilħaqq li jiġi protett il-konsumatur, u mhux li jiġi ffaċilitat l-arrikkiment tiegħu. Dan ifittex, ġustament, li jneħħi d-diffikultajiet li magħhom konsumatur jista’ jiltaqa’ f’kontroversja li tikkonċerna kuntratt oneruż għall-provvista ta’ oġġetti jew servizzi jekk dan jiġi obbligat li jiftaħ kawża fi Stat ieħor. Madankollu l-ħtieġa li jitneħħew tali diffikultajiet mhijiex daqshekk evidenti, meta persuna li tirċievi avviż ta’ premju mingħajr ma tkun inkorriet infiq fir-rigward tiegħu, ikollha tressaq azzjoni fi Stat ieħor sabiex issostni l-pretensjoni tagħha.

30.   Għalhekk jiena tal-fehma li ma ġie konkluż ebda kuntratt li jaqa’ taħt l-Artikolu 13 et seq. tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u li l- ġurisdizzjoni ma tistax tiġi fondata fuq dawn id-dispożizzjonijiet.

 

 L-Artikolu 5(1)

31.   Engler issostni li obbligu volontarju unilaterali bħal dak in kwistjoni, li jista’ jiġi nfurzat taħt il-liġi Awstrijaka, huwa ta’ natura kuntrattwali. Madankollu Janus tikkontendi li obbligu li jinħoloq ex lege fin-nuqqas ta’ dimostrazzjonijiet konkordanti ta’ intenzjoni miż-żewġ partijiet ma jistax jaqa’ taħt il-kunċett ta’ kuntratt, u l-invit biex tagħmel ordni ma jistax ikun rilevanti jekk fil-fatt ma tkun saret ebda ordni. Mill-fatti deskritti l-Kummissjoni ma tara li kien hemm ebda relazzjoni ta’ natura kuntrattwali bejn Janus u Engler u ebda bażi legali għal tali relazzjoni.

32.   Fil-fehma tiegħi, mhux possibbli li wieħed jipproċedi, fir-rigward ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, għal analoġija mar-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gabriel fir-rigward ta’ l-Artikolu 13(3).

33.   Għall-istess raġunijiet li jien spjegajt hawn fuq fil-punti 24 sa 26, huwa impossibbli li tidentifika xi kuntratt, simili ma’ l-ordni tal-prodotti fil-kawża Gabriel, li magħha l-avviż tal-premju huwa konness b’mod li ma jistgħux jiġu separati. Filwaqt li l-Artikolu 5(1) ma jirrikjedix li jkun ġie konkluż kuntratt, xorta waħda għandu jkun hemm obbligu identifikabbli b’post identifikabbli tat-twettiq tiegħu, peress li altrimenti l-bażi stess għall-allokazzjoni ta’ ġurisdizzjoni taqa’, (10) u l-ebda obbligu ma’ jista’ jinħoloq fir-rigward ta’ ordni li ma tkunx saret.

34.   Madankollu dan ma jfissirx li ċ-ċirkostanzi tal-każ ta’ Engler ma jinvolvu ebda obbligu. L-avviż tal-premju nnifsu jista’ jiġi meqjus li jagħti lok għal obbligu kuntrattwali.

35.   L-Artikolu 5j tal-liġi Awstrijaka fuq il-ħarsien tal-konsumatur jista’ jiġi invokat meta impriża tibgħat avviż ta’ premju jew xi komunikazzjoni simili lil konsumatur speċifiku, li jagħti l-impressjoni li l-konsumatur rebaħ premju partikolari, f’liema każ il-premju għandu jiġi mogħti. Il-kwistjoni hija għalhekk dwar jekk f’dawk iċ-ċirkostanzi r-relazzjoni bejn l-impriża u l-konsumatur hijiex ta’ natura kuntrattwali fis-sens tal-Konvenzjoni.

36.   Hija ġurisprudenza stabbilita li l-frażi “fir-rigward ta’ kuntratt” fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu, wara li jiġu meqjusa primarjament l-għanijiet u l-kuntest ġenerali tal-Konvenzjoni; din ma tistax tinftiehem fis-sens li tirreferi għal-liġi nazzjonali ta’ xi wieħed jew ieħor mill-Istati Kontraenti kkonċernati. (11)

37.   Fil-fehma tiegħi dan l-approċċ ma jipprekludix li ssir referenza għall-prinċipji bażiċi tal-liġi tal-kuntratt komuni għad-diversi sistemi legali ta’ l-Istati Kontraenti. Huwa intenzjonat pjuttost biex tiġi stabbilita definizzjoni ta’ materji kuntrattwali fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji, b’esklużjoni ta’ referenza għal kunċetti nazzjonali individwali – bħal, per eżempju, il-prinċipju tal-korrispettiv “the doctrine of consideration” fil-liġi Ingliża.

38.   Fl-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li l-iskop tad-dispożizzjoni għandu jiġi interpretat b’mod strett. Hija testendih għal “rabtiet stretti ta’ l-istess tip bħal dawk li jinħolqu bejn il-partijiet f’kuntratt”, inkluża r-relazzjoni bejn assoċjazzjoni u l-membri tagħha. (12) Tali approċċ jidher li jirrifletti l-intenzjoni implikata fit-termini użati fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni, li huma iktar wiesa’ minn dawk ta’ l-Artikolu 13.

39.   Madankollu, huwa ċar li għandu jkun hemm limiti għal x’jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntrattwali, u l-iktar kriterju importanti applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-frażi “fir-rigward ta’ kuntratt” m’għandhiex tkopri sitwazzjoni fejn m’hemm l-ebda obbligu volontarjament assunt minn parti waħda fir-rigward tal-parti l-oħra. (13) Fi kliem ieħor, materji kuntrattwali jinvolvu obbligi volontarji vinkolanti.

40.   Fid-dawl ta’ dawn dawn iż-żewġ fehmiet, jidhirli li t-teżi li l-azzjoni mressqa f’din il-kawża tirriżulta minn relazzjoni li hija ta’ natura kuntrattwali fis-sens wiesa’ għandha tiġi kkunsidrata sew.

41.   L-ewwel, id-dikjarazzjoni minn parti waħda li hija ser tipprovdi oġġett speċifiku jew vantaġġ, jew li ser tħallas somma speċifika ta’ flus, lil xi ħaddieħor – li jirripreżenta l-messaġġ trażmess bit-tip ta’ kommunikazzjoni li jirreferi għaliha l-Artikolu 5j tal-Liġi Awstrijaka – hija kapaċi li toħloq obbligazzjoni volontarja vinkolanti, għalkemm l-eżitu attwali jkun jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi speċifiċi u fuq ir-regoli li abbażi tagħhom jiġu evalwati. Fis-sistemi legali ta’ l-Istati Kontraenti kollha jeżistu minn ta’ l-inqas ċerti tipi ta’ impennji unilaterali li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ prestazzjoni partikolaru għal benefiċċju ta’ oħrajn, li jistgħu jiġu nfurzat kontra minn ikun daħal għall-obbligu, sakemm ċerti kondizzjonijiet speċifiċi għal kull sistema jkunu ġew sodisfatti, fosthom ir-rekwiżit komuni ta’ obbligu bil-miktub. (14)

42.   It-tieni, tali impenn huwa volontarju u kull obbligu li jista’ jirriżulta minn dan mhuwiex, bħala tali, impost mil-liġi. Jidher min-noti ta’ spjegazzjoni għall-emenda li introduċiet l-Artikolu 5j fil-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur, hekk kif iċċitati fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-intenzjoni kienet li jitneħħew l-ostakoli li, fil-liġi ċivili, li kienu jipprekludu l-infurzar ta’ promessi (‘Zusagen’) tat-tip in kwistjoni – li altrimenti ma jkunux jistgħu jiġu nfurzati bħal tranżazzjonijiet dwar logħob ta’ l-azzard u imħatri. Għalhekk, l-obbligu huwa kkunsidrat li jinħoloq mir-rieda tal-persuna obbligata; id-dispożizzjoni statutorja ma toħloqx l-obbligu iżda tippermetti biss l-infuzar tiegħu.

43.   Biex tesprimi dan il-punt b’mod aktar ġenerali, il-liġi tista’ tqis ċerti obbligi bħala li ma jistgħux jiġu infurzati; jekk bidla fil-liġi tneħħi l-impediment ta’ l-infurzar tiegħu, dan ma jbiddilx in-natura fundamentali ta’ l-obbligu.

44.   F’kull sistema legali l-kwistjoni dwar jekk impenn volontarju joħloqx obbligu kuntrattwali għandha tiġi deċiża mil-liġi tal-kuntratt. U l-ġurisdizzjoni ta’ kontroversja fuq l-eżistenza ta’ obbligu kuntrattwali għandha tiġi stabbilita skond l-Artikolu 5(1). (15)

45.   It-tielet, anki jekk l-Artikolu 5j innifsu ma jirrikjedix b’mod espliċitu l-element tar-reċiproċità, il-fatt biss li l-premju irid jiġi kklejmjat – sakemm ma jiġix mibgħut spontanjament, f’liema każ ma jkun hemm l-ebda kontroversja – ifisser li dejjem ser ikun hemm l-aċċettazzjoni ta’ promessa meħuda jew impenn meħud u, għalhekk, teżisti relazzjoni bilaterali tat-tip li hija ġeneralment meqjusa bħala fattur ċentrali f’kuntratt.

46.   Jidher ukoll probabbli li l-mittent ta’ l-avviz tal-premju fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ġeneralment jeħtieġ, jekk mhux dejjem, li d-destinatarju, meta jikklejmja l-premju, jaċċetta ċerti kondizzjonijiet li għalihom ikun suġġett l-għoti tiegħu. F’dan il-każ, Engler kellha tiċċertifika li hija kienet qrat u qablet mat-‘termini tal-pagament u tal-parteċipazzjoni’. Ikunu x’ikunu dawn it-termini, il-ħtieġa li taqbel magħhom tidher li timplika relazzjoni ta’ natura kuntrattwali fis-sens wiesa’.

47.   Ir-raba’, obbligi li jistgħu ikunu l-bażi ta’ azzjoni taħt l-Artikolu 5j jidhru li huma “assunti volontarjament minn parti waħda fir-rigward tal-parti l-oħra”. Il-komunikazzjonijiet in kwistjoni huma mibgħuta mill-mittenti volontarjament lil destinatarji individwali stabbiliti b’mezzi magħżulin b’mod ħieles mill-mittenti. Il-mittenti ma jistax ma jkunx konxju li dawn x’aktarx ser joħolqu l-impressjoni li huwa ser jagħti premju lid-destinatarju. Jekk huwa jibgħathom lil destinatarji fl-Awstrija, hu għandu wkoll ikun konxju li f’dak il-pajjiz dawn jistgħu joħolqu l-obbligu li l-premju mħabbar jingħata.

48.   Huwa veru, kif qed jiġi indikat mill-Kummissjoni, li eżami tat-‘tipa żgħira’ jista’ jirrivela li l-mittent m’għandux effettivament l-intenzjoni li jagħti l-premju mħabbar, għall-inqas lil destinatarju partikolari jew sakemm ċerti kondizzjonijiet addizzjonali – bħal suċċess f’lotterija li għad trid issir – ma jiġux sodisfatti, f’liema każ l-Artikolu 5j jipprevali fuq dan in-nuqqas ta’ intenzjoni. Madankollu, il-kwistjoni ta’ l-intenzjoni tal-mittent espress b’dan il-mod hija fiha nnifisha, materja kuntrattwali. It-tipa żgħira tista’ tiġi eżaminata biss fil-kuntest ta’ kontroversja li tikkonċerna ċertu tip ta’ relazzjoni kuntrattwali, jew l-eżistenza ta’ tali relazzjoni.

49.   Jien għalhekk tal-fehma li r-relazzjoni bejn Janus u Engler, jew bejn il-mittent u d-destinatarju ta’ xi komunika bħal dik definita fl-Artikolu 5j fil-liġi Awstrijaka fuq il-Ħarsien tal-Konsumatur, hija suffiċjentement ta’ natura kuntrattwali sabiex kontroversja li tikkonċerna l-obbligu allegat li jitħallas premju li ġie mħabbar tiġi meqjusa li “taqa’ taħt kuntratt” fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

50.   Approċċ bħal dan jidher li huwa konformi għal kollox mal-ġurisprudenza tal-Qorti f’dan il-qasam. Mhux biss dan huwa konformi mas-sentenza ma’ Peters (16) safejn dan jirrikonoxxi li “materji relatati ma’ kuntratt” m’għandhomx jiġu interpretati b’mod restrittiv, iżda hija taderixxi mar-rekwiżit, enfasizzat b’mod partikolari fis-sentenzi Handte (17) u Tacconi, (18) li għandu jkun hemm obbligu “assunt volontarjament minn parti waħda fir-rigward tal-parti l-oħra” – anki jekk, bħal fis-sitwazzjoni preżenti, il-liġi tiddefinixxi l-kontorni ta’ dan l-obbligu b’tali mod li ma jistgħux jiġu mibdula volontarjament mill-parti li tkun intrabtet bih.

51.   Il-konklużjoni tiegħi fir-rigward ta’ l-Artikolu 5(1) hija biżżejjed biex tirriżolvi l-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni li hija l-qofol tal-kawża prinċipali. Madankollu jista’ jkun utli li tiġi kkunsidrata t-tielet possibbiltà mqajjma mill-qorti nazzjonali: l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni.

 

 L-Artikolu 5(3)

52.   Engler issemmi n-noti ta’ spjegazzjoni għall-emenda li ntroduċiet l-Artikolu 5j tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur u enfasizzat dawk il-partijiet li jikklassifikaw il-komunikazzjonijiet in kwistjoni bħala atti kompettitivi inġusti, li jingannaw lill-konsumaturi. Madankollu Janus tenfasizza li għandu jiġi allegat telf jew ħsara sabiex jintalbu danni ta’ natura delittwali jew kważi-delittwali, u hawnhekk ma hawn xejn minn dan. Il-Kummissjoni targumenta li l-avviż tal-premju kien jinganna b’mod ċar jew kien frodulenti fl-intenzjoni u jista’ għalhekk jifforma l-bażi ta’ talba għal danni ta’ natura delittwali jew kważi-delittwali; barra minn dan, fil-prim’istanza Engler talbet li, alternattivament, l-azzjoni tagħha tiġi kklassifikata b’dan il-mod.

53.   Bħal fil-każ ta’ l-Artikolu 5(1), “materji relatati ma’ delitt jew kważi-delitt” fl-Artikolu 5(3) għandhom jiġu interpretati b’mod indipendenti fid-dawl ta’ l-għanijiet u l-kuntest ġenerali tal-Konvenzjoni. Dawn ġew irritenuti li jkopru l-azzjonijiet kollha intiżi sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-konvenut u li mhumiex relatati ma’ kuntratt fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1). (19)

54.   Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, għalhekk, jekk l-azzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 5(1), għandha taqa’ taħt l-Artikolu 5(3).

55.   Jien xorta waħda mhux konvint, b’mod ġenerali, li klassifika binarja u sempliċi bħal din hija korretta. Mhux biss jidher li din qed tirriduċi l-iskop tar-regola ġenerali stipulata fl-Artikolu 2 għal dak ta’ dispożizzjoni residwali u minuri, (20) iżda hemm ċertament kategoriji ta’ azzjonijiet għar-responsabbiltà li la jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) u lanqas taħt l-Artikolu 5(3). Bħal eżempju, l-Artikolu 5(2) ikopri azzjonijiet intiżi sabiex jistabbilixxi responsabbiltà għall-manteniment, inter alia, ta’ ġenitur iżda anki fin-nuqqas tiegħu huwa diffiċli timmaġina kif tali responsabbiltà tista’ titqies li taqa’ jew taħt l-Artikolu 5(1) jew l-Artikolu 5(3). Ma jkunx għaqli li wieħed jassumi li mhemmx kategoriji oħrajn simili li mhumiex speċifikament identifikati fil-Konvenzjoni.

56.   Madankollu, għalkemm jidher wieħed ikun qed jiġġeneralizza ż-żejjed meta jgħid li l-Artikolu 5(3) ikopri l-azzjonijiet kollha intiżi sabiex jistabbilixxu responsbbiltà u li mhumiex koperti bl-Artikolu 5(1), u għalkemm bla dubju hemm sitwazzjonijiet fejn dan mhuwiex il-każ, ma jidhirx li f’dan il-każ hemm xi raġuni li jiġi kkunsidrat li l-azzjoni in kwistjoni tista’ ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet.

57.   Iżda anki f’dawn iċ-ċirkostanzi mhux biżżejjed li wieħed jistaqsi sempliċiment jekk l-azzjoni hijiex relatata ma’ kuntratt. Il-kategorija tar-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali mhijiex biss negattiva jew residwali, iżda għandha kontenut posittiv. B’mod partikolari, f’każijiet li ma jaqgħux b’mod inekwivoku taħt kategorija waħda, ikun ulti li jiġu eżaminati t-tnejn. (21)

58.   Filwaqt li kull tentattiv li tiġi pprovduta definizzjoni komprensiva tal-kunċett ta’ “delitt jew kważi-delitt” ibbażat fuq il-liġijiet ta’ l-Istat Kontraenti jkun problematiku, (22) huwa possibbli li tidentifika ċerti fatturi komuni.

59.   L-ewwel, element frekwenti ta’ l-att delittwali (delitt jew kważi delitt) huwa dak li hu qed jikser regola legali.

60.   Dan l-element ma jidhirx probabbli li hu preżenti f’ħafna azzjonijiet taħt il-Artikolu 5j tal-liġi Awstrijaka fuq il-Ħarsien tal-Konsumatur. Tabilħaqq, in-noti ta’ spejazzjoni għall-emenda li introduċiet id-dispożizzjoni jiddikjaraw speċifikament li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-komunikazzjonijiet in kwistjoni jiksru il-Liġi ta’ l-1984 dwar il-Kompetizzjoni Inġusta. Madankollu, ma jidher li hemm xejn fl-Artikolu 5j li jissuġġetta l-azzjoni għall-prova ta’ tali ksur – jew ta’ intenzjoni frodulenti jew xi mġiba speċifikament illegali oħra.

61.   It-tieni, azzjoni bbażata fuq delitt jew kważi-delitt b’mod ġenerali, jekk mhux dejjem, tirrikjedi ta’ l-inqas allegazzjoni ta’ ħsara jew danni sofferti (23) - u dan huwa dedott mill-frażi “il-fatt li kkawża d-dannu” fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni.

62.   Huwa veru li d-destinatarju ta’ avviż ta’ premju falż jista’ jkun kapaċi jallega xi ħsara sostnuta. Huwa jista’ jkun ġie mħajjar jagħmel xiri mhux meħtieġ u ta’ żvantaġġ għalih bil-wegħda apparenti ta’ xi premju, jew jidħol f’obbligi oħrajn jew jidħol għal xi spiża oħra bl-aspettattiva li ser jirċevieh. Madankollu, destinatarju li hu kompletament konxju tad-drittijiet tiegħu taħt il-leġiżlazzjoni Awstrijaka ma jista’ jsofri l-ebda ħsara iżda pjuttost jesperjenza pjaċir kbir għall-prospettiva ta’ fortuna mhux mistennija mingħajr wisq spejjeż għalih – u f’kull każ għal darb’oħra m’hemm ebda indikazzjoni li xi prova jew xi allegazzjoni ta’ ħsara hija meħtieġa biex l-azzjoni tiegħu tirnexxi.

63.   F’din il-kawża, la d-deċiżjoni ta’ rinviju u lanqas l-osservazzjonijiet ta’ Engler ma jsemmu xi ħsara allegatament sofferta minnha. Lanqas ma nqis bħala sinjifikanti l-fatt li fil-prim’istanza hija talbet, alternattivament (‘hilfsweise’) li l-azzjoni tagħha tiġi kklassifikata bħala talba għar-responsabbiltà ta’ delitt jew kważi-delitt. Dan sar biss b’risposta għall-argument ta’ Janus li l-Konvenzjoni ta’ Brussell ma’ kinitx tapplika. Fir-rikors inizjali tagħha, hija ddikjarat b’mod ċar li t-talba tagħha kienet ‘ta’ natura kuntrattwali’ (‘vertraglicher Natur’) u matul is-sottomissjonijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali jidher li hija nsistiet li kien hemm kuntratt konkluż minn konsumatur u enfasizzat l-eżistenza ta’ promessa ta’ ħlas iżda ma allegatx xi ħsara speċifika.

64.   It-tielet, hu komunament il-każ li kull ammont mogħti minn qorti lir-rikorrent fil-kuntest ta’ azzjoni għar-responsabbiltà ta’ delitt jew ta’ kważi-delitt tieħu in konsiderazzjoni, l-ewwelnett, in-natura u l-grad ta’ ħsara sofferta u forsi, it-tieni nett, is-serjetà ta’ l-att (illegali) li jagħti lok għat-talba. Ġeneralment ikun hemm element ċentrali ta’ kumpens għalkemm is-somma finali f’ċerti każijiet tista’ tiżdid sabiex ikun hemm effett dissważiv, jew ridott għal livell simboliku.

65.   Xejn minn dan ma jidher possibbli fl-ambitu ta’ azzjoni taħt il-Artikolu 5j tal-liġi Awstrijaka. Engler ingħatat x’tifhem li kienet ser tirċievi ATS 455 000, u skond din id-dispożizzjoni, jidher li hija ntitolata li tirċevihom. Li kieku hi ġiet mogħtija x’tifhem ser tirċievi għaxar darbiet, jew wieħed minn għaxra ta’, din is-somma, f’dak il-każ kienet tkun intitolata għal dan, indipendentement minn jekk hi soffrietx xi grad ogħla jew iżgħar ta’ ħsara. F’kull każ, l-għoti li jsir ikun jikkonsisti f’somma – jew xi benefiċċju ieħor – li jkun ġie speċifikat bil-quddiem mill-konvenut. Filwaqt li l-għan tad-dispożizzjoni huwa li jiskoraġġixxi l-kummerċjanti minn xi tattika partikolari, il-metodu wżat jidher li sempliċement qed jobbligahom iwettqu l-‘wegħdi’ tagħhom – idea li hija ferm aktar qrib għall-kamp tal-kuntratti.

66.   Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma li, għalkemm elementi ta’ delitti jew ta’ kważi-delitti jistgħu jkunu preżenti fl-azzjonijiet bħal dawn in kwistjoni, tali elementi huma ċertament inqas importanti minn oħrajn li jorbtu l-azzjoni ma’ relazzjoni ta’ natura kuntrattwali.

 

 Konklużjoni

67.   Jien għalhekk ta’ l-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja għad-domanda mqajjma mill-Oberlandesgericht:

Ir-regoli dwar ġurisdizzjoni stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Brussell għandhom jiġu interpretati fis-sens li azzjoni ġudizzjarja hijaa relatata ma’ kuntratt fis-sens ta’ l-Artikolu 5(1) tagħha meta konsumatur iressaq azzjoni, fl-Istat Kontraenti fejn huwa ddomiċiljat, skond il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, intiża sabiex kumpanija li tieħu ordnijiet bil-posta stabbilita fi Stat Kontraenti tiġi kkundannata tagħtih premju meta dik il-kumpanija bagħtet lil dak il-konsumatur personalment ittra li setgħet toħloq l-impressjoni

–      li tali premju kien se jingħata lilu u

–      li l-għoti tal-premju ma kienx jiddependi fuq ordni għal jew konsinna ta’ prodotti mingħand l-impriża li wegħdet il-premju.

Il-fatt li katalgu u vawċer għal offerta bi prova mingħajr obbligu jiġu mibgħuta lill-konsumatur ma’ l-avviż tal-premju m’għandu ebda rilevanza f’dak ir-rigward jekk fil-fatt ma tkun saret ebda ordni.


1 – – Lingwa originali: l-Ingliż.


2 – Kawża tal-11 ta’ Lulju 2002 (C-96/00, Ġabra p. I-6367).


3 – Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali. Verżjoni kkonsolidata tal-Konvenzjoni kif emendatat bl-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Adeżjoni sussegwenti – il-verżjoni rilevanti f’din il-kawża – hija ppubblikata fil-ĠU 1998 C 27, p. 1. Mill-1 ta’ Marzu 2002 (wara ż-żmien materjali f’din il-kawża) il-Konvenzjoni ġiet sostitwita, ħlief fir-rigward tad-Danimarka u ċerti territorji barranin ta’ Stati Membri oħrajn, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001, L 12, p. 1).


4 – Konsumentenschutzgesetz, (BGB1. 1979/140), fil-verżjoni emendata mill-Artikolu I, paragrafu 2 tal-Liġi dwar bejgħ li jsir mill-bogħod (Fernabsatz-Gesetz), (BGB1. I 1999/185).


5 – Fernasatz-Gesetz, iċċitat f’nota 4, li jittrasponi d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta' kuntratti li jsiru mill-bogħod, ĠU 1997 L 144, p. 19. Madankollu, id-dispożizzjoni fl-Artikolu 5j mhix hi nnifisha meħtieġa b’xi dispożizzjoni ta’ din id-direttiva.


6 – Fid-dawl ta’ din il-kontroversja dwar l-identità, u tal-fatt li mhijiex rilevanti fl-istadju ta’ l-analiżi legali li tikkonċerna d-deċiżjoni preliminari, jien ser nirreferi għaż-żewġ impriżi mingħajr distinzjoni bħala ‘Janus’, filwaqt li nenfasizza li dan m’għandux jitqies li b’xi mod qed jippreġudika l-kwistjoni ta’ l-identità. Għalkemm l-isem tal-konvenuta fl-ordni tar-rinviju huwa Janus Versand GmbH, kienet Handelskontor Janus GmbH li ssottomettiet osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja bħala parti fil-kawża prinċipali.


7 – Punti 45 et seq.


8 – Punti 53 sa 57 tas-sentenza.


9 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1993, Shearson Lehman Hutton (C-89/91, Ġabra I-139, punt 18).


10 – Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C-334/00, Ġabra p. I-7357, punt 22).


11 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, Frahuil (C-265/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22) u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.


12 – Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1983, Peters (34/82, Ġabra 987, b’mod partikolari il-punt 13)


13 – Sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C-26/91, Ġabra I-3967, punt 15); tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion Européenne et. ( C-51/97, Ġabra I-6511, punt 17); Tacconi, iċċitata fin-nota 10, punt 23, u Frahuil, iċċitata fin-nota 11, punt 24.


14 – Ara, b’mod ġenerali, James Gordley (ed.), The enforceability of promises in European contract law (2001), Cambridge.


15 – Ara s-sentenza ta’ l-4 ta’ Marzu 1982, Effer (38/81, Ġabra 825, b’mod partikolari l-punt 7).


16 – Iċċitata f’nota 12.


17 – Iċċitata f’nota 13.


18 – Iċċitata f’nota 10.


19 – Ara, per eżempju, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C-167/00 Ġabra p. I-8111, punti 35 u 36) u l-ġurisprudenza hemmhekk iċċitata.


20 – Għall-kuntrarju tal-ġurisprudenza kostanti oħra; ara, per eżempju riċenti ħafna, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer et.,(C-168/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 12 et seq.)


21 – _ Ara, per eżempju s-sentenza Henkel, iċċitata fin-nota 19, fil-punt 41 et seq.


22 – Ara l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Warner tat-8 ta’ Ottubru 1980 fil-kawża Rüffer (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1980) 814/79 Ġabra p. 3807; l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Darmon tal-15 ta’ Ġunju 1988 fil-kawża Kalfelis (sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988) 189/87 [1988] Ġabra p. I-5565, punti 20 u 21; u l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Gulmann ta’ l-20 ta’ Frar 1992 fil-kawża Reichert u Kockler (sentenza tas-26 ta’ Marzu 1992), C-261/90, Ġabra p. I-2149, p. 2168 u 2169. Ara wkoll von Bar, The European Law of Torts (1998), p. 1 sa 5; u Walter van Gerven, Jeremy Lever u Pierre Larouche, Tort Law (2000) (Common Law of Europe Casebooks Series), p. 1 sa 18.


23 – Jew li x’aktarx tiġi sofferta. Madankollu, aħna nistgħu għall-iskopijiet preżenti ninjoraw l-azzjonijiet intiżi sabiex jipprevjenu danni eventwali. L-azzjoni ta’ Engler mhijiex ta’ dan it-tip, li, barra minn hekk, ma tidhirx prevista mill-Artikolu 5j tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Top