Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62001CJ0257

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) tat-18 ta' Jannar 2005.
    il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.
    Regolamenti (KE) Nri 789/2001 u 790/2001 - Politika dwar il-viżi - Kontrolli u sorveljanza fil-fruntieri - Artikolu 202 KE - Setgħat ta' implementazzjoni rriżervati lill-Kunsill - Aġġornament riżervat lill-Istati Membri - Speċifiċità tal-każijiet - Obbligu ta' motivazzjoni.
    Kawża C-257/01.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2005:25

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja)

    18 ta' Jannar 2005 (*)

    "Regolamenti (KE) Nri 789/2001 u 790/2001 – Politika dwar il-viżi – Kontrolli u sorveljanza fil-fruntieri – Artikolu 202 KE – Setgħat ta’ implementazzjoni rriżervati lill-Kunsill – Aġġornament riżervat lill-Istati Membri – Speċifiċità tal-każijiet – Obbligu ta’ motivazzjoni"

    Fil-kawża C-257/01,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2001,

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Maidani u C. O'Reilly, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    sostnuta:

    mir-Renju ta’ l-Olanda, irrappreżentat minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

    intervenjenti,

    vs

    Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Finnegan u I. Díez Parra, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut:

    mir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn R. Silva de Lapuerta, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    intervenjenti

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Qorti Plenarja),

    komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti ta' Awla,  C. Gulmann, J.-P. Puissochet u R. Schintgen (Relatur), N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin

    Avukat Ġenerali: P . Léger,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' April 2004,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta’ l-24 ta’ April 2001, li jirriżerva lill-Kunsill setgħat ta’ implementazzjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jiġu eżaminati l-applikazzjoni għall-viżi (ĠU L 116, p. 2) u tar-Regolament tal-Kunsill 790/2001 ta’ l-24 ta’ April 2001 li jirriżerva lill-Kunsill is-setgħa ta’ implementazzjoni rigward ċerti dispożizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jitwettqu l-kontrolli u s-sorveljanza fil-fruntieri (ĠU L 116, p. 5, iktar ‘il quddiem, flimkien, ir-"Regolamenti kkontestati").

    2       Permezz ta’ digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Ottubru u tat-8 ta’ Novembru 2001, ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju ta’ l-Olanda tħallew jintervjenu sabiex isostnu t-talbiet rispettivament tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE

    3       L-Artikolu 202 KE jgħid :

    " Sabiex jiġi assigurat li jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan it-Trattat, u taħt il-kundizzjonijiet stipulati fih, il-Kunsill għandu

    –       […]

    –       […]

    –       jagħti lill-Kummissjoni, fl-atti li jadotta l-Kunsill, is-setgħa għall-implementazzjoni tar-regoli li l-Kunsill jippreskrivi. Il-Kunsill jista’ jimponi ċerti rekwiżiti fl-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat. Il-Kunsill jista’ wkoll jirriżerva d-dritt, f’każi speċifiċi, li jeżerċita huwa nnifsu direttament is-setgħa ta’ implementazzjoni. Il-proċedura msemmija hawn fuq għandha tkun taqbel mal-prinċipji u mar-regoli li jkunu preskritti minn qabel mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikseb l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew.

    4        L-Artikolu 62KE li jinsab taħt it-titolu IV tat-Trattat, intitolat " Il-Visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni " jipprovdi :

    " Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67 għandu, f’terminu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam jadotta :

    […]

    2)      miżuri dwar il-qsim ta’ fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu:

    a)      standards u proċeduri li għandhom ikunu segwiti minn Stati Membri fit-twettiq ta’ kontrolli fuq persuni f’dawn il-fruntieri ;

    b)      regoli dwar il-visa għal soġġorn b’intenzjoni ta’ mhux aktar minn tlett xhur, inklużi :

    i)       il-lista’ ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu visa meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dawn il-ħtiġijiet ;

    ii)      il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ visa minn Stati Membri ;

    iii)      format uniformi għal visa ;

    iv)      regoli għal visa uniformi ;

    […] "

    5       L-Artikolu 64(1) KE jgħid :

    " Dan it-Titolu m’għandux jaffettwa l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jkunu fid-dmir ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-manteniment tal-liġi u ta’ l-ordni u mal-ħarsien tas-sigurtà nterna. "

    6       L-Artikolu 67(1) KE jipprovdi:

    " Matul perijodu tranżitorju ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Kunsill għandu jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni jew fuq inizjattiva minn xi Stat Membru u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew. "

     Il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, il-Manwal komuni u l-Istruzzjonijiet Konsolari Komuni

    7       Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewroepa, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (iktar ‘il quddiem il-" Protokoll ", tlettax-il Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu awtorizzati jimplementaw bejniethom kooperazzjoni msaħħa fil-qasam li jaqa' taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-acquis ta’ Schengen, kif definit fl-Anness ta’ dan il-Protokoll.

    8       Huma parti mill-acquis ta’ Schengen, kif iddefinit, b’mod partikolari, il-ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fuq fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13, iktar ‘il quddiem il-" Ftheim ta’ Schengen " ), kif ukoll il-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (ĠU 2000 L 239, p. 19, iktar ‘il quddiem il-" KTFS "), li ġiet iffirmata fid-19 ta’ Ġunju 1990, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv stabbiliti mill-KTFS.

    9       It-Titolu II tal-KTFS fih, fil-kapitoli 2 u 3 tiegħu, ir-regoli li jirrigwardaw rispettivament il-qsim ta’ fruntieri esterni u l-viżi.

    10     Id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ta’ l-imsemmija regoli ġew iffissati mill-Manwal Komuni (iktar ‘il quddiem il-" MK "), għal dak li jikkonċerna l-kontrolli tal-funtieri u mill-Istruzzjonijiet Konsolari Komuni indirizzati lill-missjonijiet diplomatiċi u karigi konsolari (ĠU 2002, C 313, p. 1, iktar ‘il quddiem il-" IKK ") għal dak li jikkonċerna l-applikazzjonijiet għal viżi. Il-verżjonijiet definittivi tal-IKK u l-MK ġew adottati mill-Kumitat Eżekuttiv, skond l-Artikolu 132 tal-KTFS kif ukoll fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 3(1), 5(1), 6(3), 8, 12(3) u 17 tal-KTFS, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 1999, dwar il-verżjonijiet defnittivi tal-Manwal Komuni u l-Istruzzjonijiet Konsolari Komuni [SCH/Com-ex (99) 13] (ĠU 2000, L 239, p. 317, iktar ‘il quddiem id-" deċiżjoni 99/13 ").

    11     Il-MK u l-IKK fihom fl-istess ħin dispożizzjonijiet normattivi ddettaljati u istruzzjonijiet prattiċi, iddestinati rispettivament għall-uffiċjali li jwettqu kontrolli fuq il-fruntieri esterni tal-Partijiet Kontraenti u għall-aġenti konsolari tagħhom bl-għan ta’ trattament komuni ta’ l-applikazzjonijiet għal viżi.

    12     Fir-rigward ta’ ċerti aspetti ta’ l-IKK, għandu jerġa’ jsir riferiment għal bosta deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet tas-16 ta’ Diċembru 1998 [SCH/Com-ex (98) 56] (ĠU 2000 L 239, p. 207, iktar ‘il quddiem id-" deċiżjoni 98/59 ") u tat-28 ta’ April 1999 [SCH/Com-ex (99) 14] (ĠU 2000 L 23, p. 298, iktar ‘il quddiem id-" deċiżjoni 99/14 "), dwar il-ħolqien ta’ manwal tad-dokumenti li magħhom tista’ titwaħħal viża. Minbarra dan, id-deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv, tal-21 ta’ Novembru 1994 [SCH/Com-ex (94)] 15 rev.] (ĠU 2000 L 239, p. 165, iktar ‘il quddiem id-" deċiżjoni 94/15 "), introduċiet proċedura kompjuterizzata ta’ konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet ċentrali msemmija fl-Artikolu 17(2) tal-KTFS.

    13     Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, l-acquis ta’ Schengen għandu japplika immedjatament għat-tlettax l-Istat Membri previsti fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll. L-istess dispożizzjoni tipprovdi li l-Kunsill għandu jissostitwixxi l-Kumitat Eżekuttiv fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

    14     Skond it-tieni frażi tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, il-Kunsill adotta, fl-20 ta’Mejju 1999, id-Deċiżjoni 1999/436/KE li tiddetermina, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-bażi legali ta' kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, p. 17). Jirriżulta mill-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni, moqri flimkien ma’ l-Anness A tagħha, li l-Artikoli 62 KE u 63 KE jikkostitwixxu l-bażijiet ġuridiċi l-ġodda tad-deċiżjoni 99/13, filwaqt li l-Artikoli 62(2)(b)(ii) KE, 62 KE u 62(2)(b) KE jikkostitwixxu rispettivament il-bażijiet ġuridiċi l-ġodda tad-deċiżjonijiet 98/56, 99/14 u 94/15.

      Id-Deċiżjoni 1999/468/KE

    15     Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU L 184, p. 23, iktar ‘il quddiem it-" tieni deċiżjoni komitoloġija "),

    " Ħlief f’każi speċifiċi u sostanzjati fejn l-istrument bażiku jirriserva għall-Kunsill id-dritt li jeżerċita direttament hu stess ċerti setgħat ta’ l-implementazzjoni, dawk is-setgħat għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet rilevanti fl-istrument bażiku. Dawn id-dispożizzjonijiet jistipulaw l-elementi essenzjali tas-setgħat hekk konferiti. "

     Ir-Regolamenti kkontestati

    16     Sussegwentement għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 1999/436, kien ikkunsidrat opportuni li jiġu definiti, f’att Komunitarju, il-proċeduri li jgħidu li l-miżuri ta’ implementazzjoni u ta’ aġġornament tal-MK u ta' l-IKK għandhom jittieħdu.

    17     Għal dan il-għan, il-Kunsill approva r-Regolamenti Nri 789/2001 u 790/2001 fuq il-bażi rispettivament ta’ l-Artikolu 62(2) u (3) KE u ta’ l-Artikoli 62(2)(a) u (b) KE u 67(1) KE.

    18     Skond it-tieni sar-raba premessi tar-Regolament Nru 789/2001 u t-tieni premessa tar-Regolament Nru 790/2001, ċerti "dispożizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi", relatati rispettivament ma' l-eżami ta’ applikazzjonijiet għal viżi kif ukoll ma' l-implementazzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri u tas-sorveljanza fuq il-fruntieri esterni, li jinsabu rispettivamnet fl-IKK u l-MK kif ukoll fl-Anessi tagħhom, għandhom jiġu "emendati u aġġornati regolarment sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet operattivi" ta’ l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam.

    19     F’dan is-sens, ir-Regolamenti kkontestati jistabbilixxu żewġ proċeduri. Minn naħa, huma jipprovdu, fl-Artikolu 1 tagħhom, li ċerti dispożizzjonijiet li huma elenkati fihom jistgħu jiġu emendati mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2 ta’ dawn ir-Regolamenti jistabbilixxi proċedura li permezz tagħha l-Istati Membri jikkomunikaw l-emendi li huma jixtiequ jagħmlu lil ċerti dispożizzjonijiet jew partijiet ta’ l-annessi elenkati ta’ l-IKK u l-MK lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill li sussegwentement jikkomunika dawn l-emendi lill-Membri tal-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    Ir-Regolament Nru 789/2001

    20     Skond it-tmien premessa tar-Regolament Nru 789/2001 :

    "Ġaladarba l-Istati Membri għandhom rwol imtejjeb rigward l-iżvilupp tal-politika dwar il-viżi, li tirrifletti s-sensittività f’din iż-żona, b’mod partikolari li tinvolvi r-relazzjonijiet politiċi mal-pajjiżi terzi, il-Kunsill jirriżerva d-dritt, matul il-perijodu tranżitorju, taż-żmien ta’ ħames snin riferit fl-Artikolu 67(1) tat-Trattat li jadotta, jemenda u jaġġorna d-dispożizzjonijiet dettaljati u l-proċeduri prattiċi riferit hawn fuq bl-unanimità, sakem issir rivista mill-Kunsill tal-kundizzjonijiet li bihom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni dawn is-setgħat ta’ implementazzjoni wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu tranżitorju taż-żmien."

    21     L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ l-istess Regolament jipprovdi :

    " Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu, fuq l-inizjattiva ta’ wieħed mill-membri tiegħu jew fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jemenda, kif meħtieġ, il-Partijiet II, III, IV, V, VI, VII u VIII ta’ l-IKK, kif ukoll l-Anness 2 (bl-eċċezzjoni ta’ l-Iskeda B u minbarra l-ħtiġijiet tal-viżi li għandhom x’jaqsmu ma’ dawk il-pajjiżi msemmija fl-Iskeda A u li m’għandhomx għalfejn ikunu bla ħsara għall-konsultazzjonijiet minn qabel) u l-Partijiet I u III ta’ l-Anness 3 kif ukoll l-Annessi 6, 10, 11, 12, 13, 14 u 15 tiegħu.

    2.      Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu, fuq l-inizjattiva ta’ wieħed mill-membri tiegħu jew fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jemenda, kif meħtieġ, id-daħla u l-Partijiet I, II u III tan-Network tal-Konsultazzjoni ta’ Schengen (Speċifikazzjonijiet Tekniċi), kif ukoll l-Annessi 2, 2A, 3, 4, 5, 7 u 8 tiegħu."

    22     Id-dispożizzjonijiet ta’ l-IKK li l-Kunsill jista’ jemenda skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 789/2001 jirrigwardaw l-oqsma segwenti :

    –       il-missjoni diplomatika jew konsolari responsabbli għall-applikazzjoni għal viża għal żjara li ma teċċedix it-tliet xhur (parti II ta’ l-IKK);

    –       il-bidu tal-proċedura ta’ l-applikazzjoni għal viża għal żjara li ma teċċedix it-tliet xhur (parti III ta’ l-IKK);

    –       l-eżami ta’ l-applikazzjoni u d-deċiżjoni dwarha (parti V ta’ l-IKK);

    –       il-mod ta' kif għandha timtela t-tikketta tal-viża (parti VI ta’ l-IKK);

    –       it-tmexxija amministrattiva u l-organizzazzjoni tas-servizz tal-viżi (parti VII ta’ l-IKK);

    –       il-kooperazzjoni konsolari fuq livell lokali (parti VIII ta’ l-IKK);

    –       regolamenti li jirregolaw iċ-ċaqliq ta’ persuni li għandhom passaporti diplomatiċi, uffiċjali u tas-servizz u dawk li għandhom laissez-passer li ċerti organizzazzjonijiet intergovernattivi joħorġu lill-uffiċjali tagħhom (Anness 2 ta’ l-IKK, bl-eċċezzjoni ta’ l-iskeda B u ta’ l-eżiġenzi fil-qasam ta’ viżi dwar il-pajjiżi msemmija fl-iskeda A li għalihom konsultazzjoni minn qabel mhijiex neċessarja);

    –       il-lista konġunta ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-ħtiġjiet ta’ viża ta’ l-ajruport mill-Istati kollha li huma partjiet kontraenti għall-Ftehim ta’ Schengen (iktar ‘il quddiem l-" Istati Schengen "), fejn persuni li għandhom dokumenti ta’ l-ivjaġġar maħruġa minn dawn il-pajjiżi terzi huma wkoll suġġetti għal din il-ħtieġa (Anness 3, parti I ta’ l-ICC);

    –       il-lista ta’ permessi tar-residenza ta’ l-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa ta’ viża ta’ tranżitu mill-ajruport (Anness 3, parti III, ta’ l-IKK);

    –       il-lista ta’ konsli onorarji awtorizzati, f’każijiet eċċezzjonali u fuq bażi temporanja, li joħorġu viżi uniformi (Anness 6 ta’ l-IKK);

    –       l-istruzzjonijiet dwar il-kitba ta’ dħul fis-sezzjoni li jridu jkunu skenjati elettronikament (Anness 10 ta’ l-IKK);

    –       il-kriterji għal dokumenti ta’ vvjaġġar li magħhom tista’ titwaħħal viża (Anness 11 ta’ l-IKK);

    –       il-miżati li jridu jinżammu, f’EUR, li jikkorrispondu għall-ispejjeż amministrattivi ta’ l-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni għal viża (Anness 12 ta’ l-IKK);

    –       linji gwida dwar kif timtela t-tikketta (Anness 13 ta’ l-IKK);

    –       regoli u proċeduri li jirregolaw informazzjoni li trid tintbagħat mill-Partijiet Kontraenti meta joħorġu l-viżi b’validità territorjali limitata. Meta jħassru, jirrevokaw u jnaqqsu t-tul ta’ validità ta’ viża uniformi u meta joħorġu permessi nazzjonali ta’ residenza (Anness 14 ta’ l-IKK);

    –       formoli armonizzati tal-mudelli għad-dikjarazzjonijiet ta’ stedina, id-dikjarazzjonijiet/impenji ta’ responsabbiltà jew l-attestazzjonijiet ta’ stedina, ifformulata mill-Partijiet Kontraenti (Anness 15 ta’ l-IKK). [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

    23     Barra minn hekk, skond l-għaxar premessa tar-Regolament Nru 789/2001 :

    "Huwa wkoll meħtieġ li tiġi pprovduta proċedura li biha l-membri tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jiġu mgħarrfa mingħajr dewmien bl-emendi kollha lill-manwal tad-dokumenti li miegħu [magħhom] trid titwaħħal il-viża, bil-manwali li jirrigwarda l-ħruġ tal-viżi ta’ Schengen fejn mhux l-Istati kollha ta’ Schengen jkunu rrappreżentati, bl-Annessi 6 u 9 tan-Network ta’ Konsultazzjoni ta’ Schengen (Speċifikazzjonijiet Tekniċi), u b’dawk l-Annessi ma’ l-IKK li jikkonsistu, fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom, fil-listi tat-tagħrif fattwali li għandu jiġi pprovdut minn kull wieħed mill-Istati Membri skond ir-regoli li korrentement japplikaw, u li għalhekk ma jidħlux f’li jridu jiġu adottati, emendati jew aġġornati b’att tal-Kunsill."

    24     L-Artikolu 2 tar-Regolament jgħid :

    " 1.      Kull wieħed mill-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill dawk l-emendi li jixtieq jagħmel lill-IKK li jirrigwardaw il-Parti III ta’ l-Anness I ta’ miegħu, l-Iskeda A ta’ l-Anness 2 ta’ miegħu (bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet tal-viża li għandhom x’jaqsmu mal-pajjiżi msemmija f’din l-Iskeda li trid tkun bla ħsara għall-konsultazzjoni minn qabel) u l-Iskeda B ta’ l-Anness 2, il-Parti II ta’ l-Anness 3, u l-Annessi 4, 5, 7 u 9 ta’ miegħu, il-manwal tad-dokumenti li magħhom tista’ tiġi mwaħħla viża fl-Istati terzi fejn mhux l-Istati kollha ta’ Schengen huma rrappreżentati, u l-Annessi 6 u 9 tan-Network tal-Konsultazzjoni ta’ Schengen (Speċifikazzjonijiet Tekniċi).

    2.      Kull Stat Membru li jixtieq jagħmel emenda għall-Annessi 4, 5B, 5C, 7 jew 9 ma’ l-IKK għandu l-ewwel jissottometti proposta għal emenda lill-Istati Membri l-oħra u joffrilhom opportunità li jikkumentaw dwar il-proposta.

    3.      L-emendi magħmula skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom jitqiesu li jidħlu fl-effett mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali jikkomunika dawn l-emendi lill-membri tal-Kunsill u lill-Kummissjoni."

    25     Id-dispożizzjonijiet ta’ l-IKK li, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 789/2001, jistgħu jiġu emendati mill-Isati Membri jikkonċernaw l-oqsma segwenti :

    –       il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom mhumiex suġġetti għall-ħtieġa ta’ viża f’wieħed mill-Istati ta’ Schengen meta jkunu detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, uffiċjali u ta' servizz, li iżda huma suġġetti għal din il-ħtieġa meta jkunu detenturi ta’ passaporti normali (Anness 2, Skeda A, ta’ l-IKK, bl-eċċezzjoni ta’ l-eżiġenzi fil-qasam ta’ viżi li jirrigwardaw il-pajjiżi msemmija f’din l-iskeda li għalihom konsultazzjoni minn qabel hija neċessarja);

    –       il-lista tal-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-viżi f’wieħed jew aktar mill-Istati ta’ Schengen meta jkunu detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, uffiċjali jew ta' servizz, li iżda mhumiex suġġetti għal din il-ħtieġa meta jkunu detenturi ta’ passaporti normali (Anness 2, Skeda B, ta’ l-IKK);

    –       il-lista komuni tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-ħtieġa ta’ viża għal tranżitu mill-ajruport minn uħud mill-Istati ta’ Schengen biss, fejn id-detenturi ta’ dokumenti ta’ l-vvjaġġar maħruġa minn dawn l-Istati huma wkoll suġġetti għal din il-ħtieġa (Anness 3, parti II, ta’ l-IKK);

    –       il-lista ta’ dokumenti li jagħtu dritt ta’ dħul mingħajr viża (Anness 4 ta’ l-IKK);

    –       il-lista ta’ applikazzjonijiet għal viża li għalihom hija meħtieġa konsultazzjoni minn qabel ma’ l-awtorità ċentrali ta’ l-Istat Membru li hija kompetenti skond l-Artikolu 17(2) tal-KTFS (Anness 5A ta’ l-IKK);

    –       il-lista ta’ applikazzjonijiet għal viża li għalihom hija meħtieġa konsultazzjoni minn qabel ma’ l-awtoritajiet ċentrali tal-partijiet kontraenti oħra skond l-Artikolu 17(2) tal-KTFS (Annessi 5B u 5C ta’ l-IKK);

    –       l-ammonti ta’ riferiment (jiġifieri l-mezzi adegwati ta’ appoġġ) meħtieġa għal qsim tal-fruntieri ffissati ta’ kull sena mill-awtoritajiet nazzjonali (Anness 7 ta’ l-IKK);

    –       l-informazzjoni li, skond il-każ, għandha timtela mill-awtoritajiet fiż-żona "osservazzjonijiet" tat-tikketta tal-viża (Anness 9 ta’ l-IKK);

    –       ċerti aspetti li jikkonċernaw il-proċedura kompjuterizzata ta’ konsultazzjoni għall-finijiet tal-ħruġ ta’ viżi (Anness 6 u 9 tan-"Network ta’ konsultazzjoni Schengen – Speċifikazzjonijiet tekniċi")

    Ir-Regolament Nru 790/2001

    26     Il-ħames premessa tar-Regolament Nru 790/2001, li huwa miktub f’termini li huma kważi identiċi għat-tmien premessa tar-Regolament Nru 789/2001, tgħid:

    "Ġaladarba l-Istati Membri għandhom rwol imtejjeb rigward l-iżvilupp tal-politika ta’ fil-fruntieri, li tirrifletti s-sensittività f’din iż-żona, b’mod partikolari li tinvolvi r-relazzjonijiet politiċi mal-pajjiżi terzi, il-Kunsill jirriżerva d-dritt, matul il-perijodu tranżitorju taż-żmien ta’ ħames snin riferit fl-Artikolu 67(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jadotta, jemenda u jaġġorna d-dispożizzjonijiet dettaljati u l-proċeduri prattiċi riferiti hawn fuq bl-unanimità, sakemm issir rivista mill-Kunsill tal-kundizzjonijiet li bihom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni dawn is-setgħat ta’ implementazzjoni wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu tranżitorju taż-żmien."

    27     L-Artikolu 1(1) ta’ l-istess Regolament jipprovdi :

    "Il-Kunsill, huwa u jaġixxi bl-unanimità, fuq l-inizjattiva ta’ wieħed mill-membri tiegħu jew fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jemenda, kif meħtieġ, il-punti 1.2, 1.3, 1.3.1, 1.3.3, 2.1, 3.1.2, 3.1.3, 3.1.4, 3.2.4, 4.1, 4.1.1, 4.1.2, and Part II punti 1.1, 1.3, 1.4.1, 1.4.1a, 1.4.4, 1.4.5, 1.4.6, 1.4.7, 1.4.8, 2.1, 2.2.2, 2.2.3, 2.2.4, 2.3, 3.1, 3.2, 3.3.1, 3.3.2, 3.3.3, 3.3.4, 3.3.5, 3.3.6, 3.3.7, 3.3.8, 3.4, 3.5, 4.1, 4.2, 5.2, 5.3, 5.4, 5.5, 5.6, 6.4, 6.5, 6.6, 6.7, 6.8, 6.9, 6.10 u 6.11 tal-Parti I tal-Manwal Komuni kif ukoll l-Anness 9 ta’ miegħu."

    28     Id-dispożizzjonijiet ta’ l-MK li l-Kunsill jista’ jemenda skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 790/2001 jirrigwardaw l-oqsma segwenti :

    –       il-qsim tal-fruntiera fil-punti ta’ qsim fil-fruntiera awtorizzati (parti I, punt 1.2 ta’ l-MK);

    –       il-qsim tal-fruntiera minbarra l-imsemmija punti ta’ qsim (parti I, punti 1.3, 13.1 u 1.3.3, ta’ l-MK);

    –       il-lista, għal kull pajjiż, tad-dokumenti rrikonoxxuti bħala validi għall-qsim tal-fruntieri esterni u dawk li fuqhom tista’ titwaħħal viża (parti I, punt 2,1, ta’ l-MK);

    –       id-deskrizzjoni teknika tat-tikketti tal-viżi li tinsab fl-Anness 6 ta’ l-MK (parti I, punt 3.1.2 tiegħu);

    –       format uniformi ta’ tikketti tal-viża li jinkludu l-indikazzjonijiet possibbli previsti fl-Anness 7 ta’ l-MK (parti I, punt 3.1.3, tiegħu);

    –       ir-regola li "[l]-indikazzjonijiet li huma stampati fuq it-tikketta huma mitkuba fil-lingwa Ingliża, Franċiża u fil-lingwi nazzjonali rispettivi" (parti I, punt 3.1.4, ta’ l-MK);

    –       ir-regola li " [i]l-prinċipji u proċeduri li jirregolaw l-informazzjoni għall-Partijiet Kontraenti meta joħorġu viżi b’validità territorjali limitata, jew meta jiddikjaraw invalida, jirrevokaw jew inaqqsu l-validità ta’ viżi uniformi u meta joħorġu permessi ta’ residenza nazzjonali li huma deskritti fl-Anness 8a " (parti I, punt 3.2.4, ta’ l-MK);

    –       il-provi jew l-elementi li jservu sabiex jistabbilixxu l-plawżibbiltà tal-motivi ta’ dħul li jistgħu jiġu invokati (parti I, punt 4.1, 4.1.1 u 4.1.2 ta’ l-MK);

    –       l-aġenti li huma awtorizzati li jimplementaw il-miżuri ta’ kontroll u ta’ sorveljanza (parti II, punt 1.1, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli ta’ kontroll (parti II, punt 1.3, ta’ l-MK);

    –       ċerti dispożizzjonijiet iddettaljati rigward ir-regoli tar-rifjut ta’ dħul (parti II, punti 1.4.1, 1.4.1a u 1.4.4 sa 1.4.8, ta’ l-MK);

    –       id-dispożizzjonijiet iddettaljati rigward it-timbrar tad-dokumenti (parti II, punt 2.1, ta’ l-MK);

    –       ċerti dispożizzjonijiet iddettaljati rigward is-sorveljanza fil-fruntieri esterni barra l-punti ta’ qsim u barra l-ħinijiet ta’ ftuħ tagħhom (parti II, punti 2.2.2, 2.2.3, 2.2.4, ta’ l-MK);

    –       il-lista ta’ informazzjoni qabel ma tiġi mniżżla f’reġistru (parti II, punt 2.3, ta’ l-MK);

    –       il-kontroll tat-traffiku fit-triq (parti II, punt 3.1, ta’ l-MK);

    –       il-kontroll tal-moviment tal-ferroviji (punt II, punt 3.2, ta’ l-MC);

    –       il-proċedura li tiddetermina l-post tal-kontroll tal-persuni u tal-bagalji tal-kabina għal dak li jikkonċerna t-traffiku ta’ l-ajru ċivili internazzjonali (parti II, punt 3.3.1, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli addizzjonali rigward il-kontroll tal-persuni għal dak li jikkonċerna t-traffiku ta’ l-ajru ċivili internazzjonali (parti II, punt 3.3.2, 3.3.3, 3.3.4. u 3.3.5, ta’ l-MC);

    –       il-proċedura ta’ kontroll fl-ajruportijiet (parti II, punt 3.3.6, ta’ l-MK);

    –       ir-regola li "[s]abiex jiġu evitati r-riskji, għandhom jiġu kkontrollati, fl-ajruporti u fl-ajrudrumijiet, il-passiġġieri ta titjiri interni li għalihom mhuwiex stabbilit b’ċertezza li huma ta’ provenjenza jew għal destinazzjoni esklużiva tat-territorji tal-partijiet kontraenti mingħajr ma jsir inżul fuq it-territorju ta’ Stat terz " (parti II, punt 3.3.7, ta’ l-MK);

    –       il-kontroll tat-traffiku marittimu, bl-esklużjoni ta' kollegamenti regolari bi traġitt, tad-dgħajjes tad-divertiment, tas-sajd tal-kosta u tan-navigazzjoni interna (parti II, punt 3.4, ta’ l-MK);

    –       it-trasport f’passaġġi fuq l-ilmijiet interni (parti II, punt 3.5, ta’ l-MK);

    –       l-iskambju ta’ informazzjoni (parti II, punt 4.1, ta’ l-MK);

    –       is-sekondar ta’ l-uffiċjali ta’ kollaborazzjoni (parti II, punt 4.2, ta’ l-MK);

    –       il-ħruġ ta’ viża fil-fruntiera (parti II, punti 5.2 sa 5.6, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli speċjali dwar il-kontroll tal-piloti ta’ l-ajru u membri oħra ta’ l-ekwipaġġ (parti II, punt 6.4, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli speċjali adottati dwar il-kontroll tal-baħħara (parti II, punt 6.5, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli speċjali adottati dwar il-kontroll ta’ persuni li għandhom passaporti diplomatiċi, uffiċjali jew tas-servizz (parti II, punt 6.6, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli speċjali adottati dwar il-kontroll tal-ħaddiema transkonfini (parti II, punt 6.7, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli speċjali adottati dwar il-kontroll tal-minorenni (parti II, punt 6.8, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli speċjali adottati dwar il-kontroll tal-vjaġġi fi gruppi (parti II, punt 6.9, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli speċjali adottati dwar il-kontroll tal-barranin li jippreżentaw talba għal ażil fil-fruntiera (parti II, punt 6.10, ta’ l-MK);

    –       ir-regoli speċjali adottati dwar il-kontroll tal-membri ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali (parti II, punt 6.11, ta’ l-MK);

    –       il-format ta’ viża għal residenza għal żmien twil (Anness 9 ta’ l-MK);

    29     Is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 790/2001, li l-kitba tiegħu hija analoga għal dik ta’ l-għaxar premessa tar-Regolament Nru 789/2001, tgħid :

    "Huwa meħtieġ ukoll li tiġi pprovduta proċedura li biha l-membri tal-Kunsill jiġu mgħarrfa mingħajr dewmien bl-emendi kollha għal dawn l-Annessi mal-Manwal Komuni li jikkonsisti, fl-intier tiegħu jew f’parti minnu, f’listi ta’ tagħrif fattwali li jrid jiġi pprovdut [għandhom jiġu pprovduti] minn kull wieħed mill-Istati Membri skond ir-regoli li huwa japplika korrentement [skond ir-regoli proprji tiegħu], u li għalhekk ma jidħlux sabiex [jistgħux] jiġu adottati, emendati jew aġġornati bħala [minn] att tal-Kunsill".

    30     L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 790/2001 jipprovdi :

    "1.      Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jikkomunika mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill dawk l-emendi li jixtieq jagħmel liill-punt 1.3.2 tal-Parti I u lill-Annessi 1, 2, 3, 7, 12 u 13 tal-Manwal Komuni.

    2.      L-emendi magħmula skond il-paragrafu 1 għandhom jitqiesu li jidħlu fl-effett mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali jikkomunika dawn l-emendi lill-membri tal-Kunsill u lill-Kummissjoni.”

    31     Id-dispożizzjonijiet ta’ l-MK li, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 790/2001 jistgħu jiġu emendati mill-Istati Membri, jirrigwardaw l-oqsma segwenti :

    –       ir-regola li " [i]ċ-ċittadini tar-Renju tal-Belġju, tar-Renju tad-Danimarka, tar-Repubblika Franċiża, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju ta’ l-Olanda huma awtorizzati li jaqsmu fi kwalunkwe punt il-fruntieri ta’ l-Istat fejn huma għandhom in-nazzjonalità " (Parti I, punt 1.3.2, ta’ l-MK);

    –       il-punti ta’ qsim awtorizzati skond il-Parti I, punt 1.2, ta’ l-MK (Anness I tiegħu);

    –       il-format tat-tikketti tal-viża skond il-Parti I, punt 3.1.3, ta’ l-MK (Anness 7 tiegħu);

    –       il-format ta’ formuli separati, jiġifieri l-awtorizzazzjonijiet minflok il-viżi (Anness 12 ta’ l-MK);

    –       il-karti mudell maħruġa mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin (Anness 13 ta’ l-MK).

    32     Għandu jiġi rrilevat li l-Annessi 2 u 3 ta’ l-MK, li huma msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 790/2001, ġew irrevokati permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/352/KE tal-25 ta’ April 2002 dwar ir-reviżjoni tal-Manwal Komuni (ĠU L 123, p. 47).

     Fuq ir-rikors

    33     In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 202 KE, u l-ewwel Artikolu tat-tieni deċiżjoni komitoloġija li, fl-Artikolu 1 tar-Regolamenti kkontestati, il-Kunsill kien irriżerva għalih stess is-setgħat ta’ implementazzjoni b’mod abbużiv u mingħajr motivazzjoni suffiċjenti. It-tieni motiv jirrigwarda l-ksur ta’ l-Artikolu 2002 KE, f'dak li l-Artikoli 2 tar-Regolamenti kkontestati jattribwixxu kompetenza lill-Istati Membri sabiex huma stess jemendaw, minn naħa, ċerti punti ta’ l-IKK u ċerti deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv li jissupplementawhom kif ukoll, min-naħa l-oħra, punti ta’ l-MK.

     Fuq l-ewwel motiv, dwar ir-riżerva ta’ kompetenzi favur il-Kunsill

    L-argumeti tal-partijiet

    34     L-ewwel motiv fih żewġ partijiet. Permezz ta’ l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill ma weriex li l-miżuri ta’ implementazzjoni previsti mir-Regolamenti kkontestati għandhom natura speċifika li tista’ tiġġustifika l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ implementazzjoni minn dan ta’ l-aħħar. Jirriżulta rispettivament mit-tmien premessa tar-Regolament Nru 789/2001 u mill-ħames premessa tar-Regolament Nru 790/2001 li l-Kunsill kien ipprovda motivazzjoni "ġenerika" li tista' tkopri qasam sħiħ ta’ l-IKK u tal-MK, pjuttost milli miżura speċifika.

    35     Fil-fatt, dawn il-premessi ma jippreċiżaw la n-natura, u la l-kontenut tas-setgħat ta’ implementazzjoni in kwistjoni, li juru n-neċessità għall-Kunsill li jeżerċita huwa stess tali kompetenzi, peress illi l-unika riferiment għall-politika dwar il-viżi u s-sorveljanza fuq il-fruntieri in ġenerali mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-ispeċifiċità tal-miżuri li għandhom jittieħdu.

    36     Bl-istess mod, ġustifikazzjoni dwar kemm ir-"rwol imtejjeb ta’ l-Istati Membri", li, skond il-Kummissjoni, jista’ jirreferi biss għaċ-ċirkustanza li dawn ta’ l-aħħar jistgħu jieħdu inizjattivi leġiżlattivi fil-kuntest tat-Titolu IV tat-Trattat, kif ukoll is-sensittività, b’mod partikolari fil-livell tar-relazzjonijiet politiċi ma’ l-Istati terzi, tal-kwistjonijiet dwar is-sorveljanza fil-fruntieri u l-ħruġ tal-viżi, li jispjegaw preċiżament dan ir-rwol imtejjeb ta’ l-Istati Membri, tista’ tapplika għal kull miżura ta’ implementazzjoni li tiġi adottata fil-kuntest ta’ l-imsemmi Titolu IV.

    37     Fl-aħħar nett, ir-riferiment għall-perijodu tranżitorju ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 67(1) KE, u l-impenn tal-Kunsill li jeżamina l-"kundizzjonijiet li fihom xi setgħat ta’ implementazzjoni ser jingħataw lill-Kummissjoni" wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu jikkonferma b’mod ċar li r-raġuni li għaliha l-Kunsill irriżerva għalih stess setgħat ta’ implementazzjoni mhijiex marbuta man-natura jew mal-kontenut ta’ l-atti ta’ bażi, imma għall-fatt li dawn ta’ l-aħħar jaqgħu taħt it-Titolu IV tat-Trattat.

    38     Bit-tieni parti ta’ l-ewwel motiv, il-Kummissjoni tosserva li, indipendentement min-natura speċifika tal-miżuri ta’ implementazzjoni, il-Kunsill naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE. Motivazzjoni fondata, minn naħa, fuq l-aspetti istituzzjonali tat-Titolu IV tat-Trattat u, min-naħa l-oħra, fuq in-natura sensittiva tal-politika kkonċernata ma tistax tiġġustifika d-deċiżjoni tal-Kunsill li jirriżerva għalih stess is-setgħat ta’ implementazzjoni previsti mir-Regolamenti kkontestati.

    39     Fir-rigward ta’ l-aspetti istituzzjonali tat-Titolu IV tat-Trattat, il-Kummissjoni ssostni li oqsma bħall-fruntieri esterni, id-dritt ta’ ażil, l-immigrazzjoni u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili, li qabel kienu jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kienu saru "Kkomunitarizzati ". 

    40     Ċertament, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jieħdu inizjattivi leġiżlattivi matul perijodu tranżitorju ta’ ħames snin, previst fl-Artikolu 67(1) KE u l-Artikolu 68 KE, li għandu dispożizzjonijiet derogatorji għal dak li jikkonċerna l-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE. Madankollu, id-dispożizzjonijiet partikolari jew derogatorji tat-Titolu IV KE ma jistgħux jeskludu r-rikors għall-proċeduri ta’ "komitoloġija" implementati skond l-Artikolu 202 KE.

    41     Barra minn hekk, anki jekk wieħed jammetti n-natura sensittiva ta’ l-oqsma relatati mas-sorveljanza fil-fruntieri u mal-ħruġ tal-viżi, il-Kummissjoni ssostni li hija fil-pożizzjoni li titratta dawn is-suġġetti u li, f’kull każ, hija ma tistax taġixxi mingħajr ma tingħaqad ma’ l-Istati Membri sabiex tieħu deċiżjoni skond il-proċedura ta’ "komitoloġija". Il-Kummissjoni ssostni r-rwol istituzzjonali li jirrikonoxxilha t-Trattat għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet ma’ l-Istati terzi, b’mod partikolari fil-livell tan-negozjati tal-ftehim esterni. Hija tirrileva wkoll li ċerti aspetti tal-politika dwar il-viża, b’mod partikolari d-deżinjazzjoni ta’ l-Istati fejn iċ-ċittadini għandhom ikollhom viża, diġà kienu daħlu fil-kuntest Komunitarju qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam. Fl-aħħar nett, hija tgħid li dawn l-oqsma jmissu biss kwistjonijiet ta’ proċedura u ta’ forma.

    42     Il-Kunsill isostni, preliminarjament, li l-IKK u l-MK huma strumenti eteroġenji peress illi fihom, kemm wieħed kif ukoll fl-ieħor, dispożizzjonijiet kemm ta’ natura leġiżlattiva, eżekutorja u fattwali. Ir-Regolamenti kkontestati jieħdu in kunsiderazzjoni din il-partikolarità billi jipprovdu tliet proċeduri differenti sabiex jemendaw l-IKK u l-MK. Skond il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 789/2001 u t-tmien premessa tar-Regolament Nru 790/2001, id-dispożizzjonijiet ta’ natura leġiżlattiva ma jistgħux jiġu emendati ħlief skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE: dawn għandhom natura eżekutorja li ma tistax tkun ħlief skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 1 ta’ kull wieħed mir-Regolamenti kkontestati u huma biss l-emendi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ implementazzjoni; fl-aħħar nett, l-informazzjoni ta’ natura fattwali ma tistax tiġi emendata ħlief skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 2 ta’ kull wieħed mill-imsemmija Regolamenti.

    43     Il-Kunsill josserva wkoll, preliminarjament, li l-kontenut ta’ l-IKK u tal-MK jippreżenta bosta punti komuni minħabba l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-viżi u dawk kompetenti għas-sorveljanza fil-fruntieri ta’ spiss ikollhom jikkonsultaw l-istess informazzjoni fil-kuntest tal-missjoni rispettiva tagħhom, li jispjega s-similarità tal-proċeduri stabbiliti mir-Regolamenti kkontestati.

    44     Bħala risposta għall-ewwel motiv, il-Kunsill isostni li t-tmien premessa tar-Regolament Nru 789/2001 u l-ħames premessa tar-Regolament Nru 790/2001 jindikaw ċar li r-riżerva ta’ setgħat ta’ implementazzjoni tirrigwarda speċifikatament l-emendi ta’ ċerti "dispożizzjonijiet dettaljati u l-proċeduri prattiċi" li jinsabu fil-IKK u l-MK. In-natura u l-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonjiet huma deskritti b’aktar dettall fil-premessi li jippreċedu, jiġifieri l-ewwel, it-tieni u l-ħames premessa tar-Regolament Nru 789/2001, kif ukoll l-ewwel u t-tieni premessa tar-Regolament Nru 790/2001. Konsegwentement, il-motivazzjoni ppreżenata m’għandhiex natura ġenerali u ma tistax tkopri l-miżuri kollha meħuda fil-kuntest tat-Titolu IV tat-Trattat. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jippreċiża li huwa diġà adotta numru kbir ta’ atti bbażati fuq dan it-Titolu, li jinkludu l-qasam tal-viżi, mingħajr ma rriżerva għalih stess setgħat ta’ implementazzjoni.

    45     Il-Kunsill isostni li l-kunsiderazzjonijiet li wassluh li jirriżerva għalih stess, f’dan il-każ, setgħat ta’ implementazzjoni huma l-istess bħal dawk li wasslu lill-awturi tat-Trattat ta’ Amsterdam li jirrikonoxxu lill-Istati Membri, matul perijodu inizjali ta’ ħames snin, setgħa ta’ inizjattiva fil-kuntest tat-Titolu IV tat-Trattat KE. L-istess raġunijiet kienu wkoll wasslu lill-Kunsill jipprovdi li l-emendi u l-aġġornamenti in kwistjoni ma jistgħux jiġu deċiżi ħlief b’unanimità.

    46     F’dan ir-rigward il-Kunsill isostni li, matul l-adozzjoni tar-Regolamenti kkontestati, l-inkorporazzjoni ta’ l-acquis ta’ Schengen fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea u r-rikonoxximent lill-Komunità ta’ setgħat ġodda fil-qasam tal-politika dwar il-viżi u dak tal-kontroll fuq il-fruntieri kienu kollha reċenti.

    47     Dan huwa preċiżament minħabba li d-deċiżjoni li jirriżerva għalih stess setgħat ta’ implementazzjoni tikkostitwixxi l-eċċezzjoni u mhux in-norma li l-Kunsill, minkejja s-sensittività tal-qasam, kien indika li huwa għandu jeżamina l-kundizzjonijiet li fihom tali setgħat kienu ngħataw lill-Kummissjoni mal-bidu tal-perijodu tranżitorju ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 67(1) KE. Il-Kunsill isostni li t-terminu ta’ tliet snin li baqa’ għaddej qabel it-tmiem ta’ dan il-perijodu kien terminu raġonevoli li jippermettilu jevalwa jekk il-kunsiderazzjonijiet li inizjalment kienu wassluh jirriżerva għalih stess setgħat ta’ implementazzjoni kienu dejjem rilevanti.

    48     Il-Kunsill jikkontesta li huwa kien irriżerva għalih stess setgħat ta’ implementazzjoni għar-raġuni li l-miżuri in kwistjoni kienu jaqgħu taħt it-Titolu IV tat-Trattat. Barra min hekk huwa kien adotta, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, bosta miżuri, fl-oqsma msemmija f’dan it-Titolu, li kellhom dispożizzjoniijet ta’ "komitoloġija".

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    49     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1 tat-tieni deċiżjoni tal-komitoloġija, is-setgħat ta’ implementazzjoni huma mogħtija lill-Kummissjoni bl-eċċezzjoni tal-każijiet speċifiċi u motivati fejn l-att ta’ bażi jirriżerva lill-Kunsill id-dritt li jeżerċita direttament uħud fosthom. B’dan il-mod, din id-dispożizzjoni sempliċement tirriproduċi r-rekwiżiti li jinsabu kemm fit-tielet subinċiż ta’ l-Artikolu 202 KE kif ukoll fl-Artikolu 253 KE.

    50     F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fis-sentenza tagħha ta’ l-24 ta’ Ottubru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (16/88, Ġabra p. 3457, punt 10), wara l-emendi magħmula mill-Att Uniku Ewropew lill-Artikolu 145 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 202 KE), il-Kunsill ma jistax jirriżerva għalih stess li jeżerċita direttament setgħat ta’ implementazzjoni ħlief f’każijiet speċifiċi, deċiżjoni li huwa għandu jagħti motiv għaliha b’mod ċirkustanzjali.

    51     Dan ifisser li l-Kunsill għandu l-obbligu li debitament jiġġustifika, fil-funzjoni tan-natura u l-kontentut ta’ l-att ta’ bażi, li jimplementa jew li jemenda, eċċezzjoni għar-regola li, fis-sistema tat-Trattat, meta fil-livell Komunitarju għandhom jittieħdu miżuri ta’ implementazzjoni ta’ att ta’ bażi, hija l-Kummissjoni li normalment hija responsabbli sabiex teżerċita din is-setgħa.

    52     F’dan il-każ, il-Kunsill irrefera espliċitament, fit-tmien premessa tar-Regolament Nru 789/2001 u fil-ħames premessa tar-Regolament Nru 790/2001, għar-rwol imtejjeb ta’ l-Istati Membri fil-qasam tal-viżi u tas-sorveljanza fil-fruntieri, kif ukoll għas-sensittività ta’ dawn l-oqsma, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet politiċi ma’ l-Istati terzi.

    53     Huwa inkontestabbli li tali kunsiderazzjonjiet huma kemm ġenerali u suċċinti. Madankolu, analizzati fil-kuntest li fih huma għandhom jiġu mibdula, huma ta’ natura li juru b’mod ċar il-ġustifikazzjoni tar-riżerva ta’ implementazzjoni effettwata favur il-Kunsill u li tippermetti lil-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-kontroll tagħha.

    54     Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, li kien ippreċeda b’sentejn l-adozzjoni tar-Regolamenti kkontestati, il-politika dwar il-viżi – bla ħsara għad-determinazzjoni ta’ l-Istati terzi li ċ-ċittadini għandhom jiġu pprovduti b’viża matul il-qsim tal-fruntieri esterni ta’ l-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 100 C(1) tat-Trattat KE (irrevokat permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam) – kif ukoll il-politika tal-fruntieri esterni kienu kollha kemm huma esklużi mill-kompetenza tal-Komunità Ewropea, imma jaqgħu taħt proċeduri organizzati fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    55     Fit-tieni lok, it-Titolu IV tat-Trattat KE jinkludi, fl-Artikoli 67 KE u 68 KE, dispożizzjonijiet derogatorji jew partikolari, ta’ natura evoluttiva, għal dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ żvilupp tad-dritt sekondarju u tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, l-Artikolu 67(1) u (2) KE jipprovdi perijodu tranżitorju ta’ ħames snin, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, li matulu, bħala prinċipju, il-Kunsill jiddeċiedi b’unanimità fuq proposta tal-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru u wara konsultazzjoni tal-Parlament. Wara dan il-perijodu, il-Kunsill jilleġiżla fuq proposta tal-Kummissjoni biss u jista’, filwaqt li jiddeċiedi b’unanimità, jsegwi l-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 KE applikabbli għall-oqsma kollha koperti mill-imsemmi Titolu IV jew għal uħud fosthom u jadatta d-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    56     Dispożizzjonijiet ta’ din in-natura jixhdu l-ispeċifiċità tal-qasam kopert mir-Reoglamenti kkontestati, li, sa’ l-1 ta’ Mejju 1999, kienu essenzjalment jaqgħu taħt il-proċeduri organizzati fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, peress illi l-awturi tat-Trattat KE ma kinux xtaqu jirrikonoxxu mal-ewwel monopolu ta’ inizjattiva lill-Kummissjoni f’dan il-qasam.

    57     Fit-tielet lok, id-dispożizzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tar-Regolamenti kkontestati għandhom kontenut nettament ċirkuskritt. Jekk huwa veru li huma jirrappreżentaw parti importanti ta’ l-IKK u ta’ l-MK, xorta jibqa’ l-fatt li huma xejn ma jeżawrixxu l-qasam tal-viżi u tal-kontroll fil-fruntieri esterni.

    58     Fir-raba lok, jirriżulta mit-tmien premessa tar-Regolament Nru 789/2001 u mill-ħames premessa tar-Regolament Nru 790/2001 li l-Kunsill impenja ruħu li jeżamina l-kundizzjonijiet li fihom is-setgħat ta’ implementazzjoni riżervati minn dawn ir-Regolamenti jistgħu jingħataw lill-Kummissjoni wara perijodu tranżitorju ta’ tliet snin.

    59     Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, li joħorġu biżżejjed ċari mill-premessi tar-Regolamenti kkontestati u mill-kuntest li fihom huma jidħlu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kunsill seta’ raġonevolment iqis li huwa kien sab ruħu f’każ speċifiku u kien debitament ta motivazzjoni, skond l-Artikolu 253 KE, għad-deċiżjoni li jirriżerva għalih stess, tranżitorjament, is-setgħa li jimplementa ġabra ta’ dispożizzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-IKK u fl-MK.

    60     Iċ-ċirkustanza li t-tmien premessa tar-Regolament Nru 789/2001 u l-ħames premessa tar-Regolament Nru 790/2001 huma mitkuba b’termini kważi identiċi mhijiex waħedha, ta’ natura li tikkontesta din il-konklużjoni, fid-dawl preċiżament tal-konnessjonijiet ristretti li ma jistgħux jiġu ddisputati bejn il-qasam tal-viżi u dak tal-kontroll fil-fruntieri.

    61     F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha għandu jiġi miċħud.

     Fuq it-tieni motiv, dwar is-setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Istati Membri

    L-argumenti tal-partijiet

    62     Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura ta’ emenda jew ta’ aġġornament ta’ l-IKK u ta’ l-MK mill-Istati Membri, prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolamenti kkontestati, tmur kontra l-Artikolu 202 KE. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni, li tippermetti biss lill-Kunsill li jirriżerva għalih stess setgħat ta’ implementazzjoni jew li jagħtihom lill-Kummissjoni, ma tawtorizzax tali proċedura.

    63     Hija żżid tgħid li, anki jekk l-imsemmija proċedura tikkonċerna informazzjoni ta’ natura fattwali miżmuma mill-Istati Membri, dawn jinsabu fi strumenti li, skond id-Deċiżjoni 1999/436, il-bażi ġuridika tagħhom hija kkostitwita minn dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, b’tali mod li l-emendi ta’ dawn l-istrumenti għandhom jikkonformaw ruħhom mar-regoli istituzzjonali normali.

    64     Il-Kunsill jirrispondi li l-emendi magħmula lill-IKK u lill-MK skond l-Artikolu 2 tar-Regolamenti kkonstestati ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ implementazzjoni, imma jaqgħu taħt mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-għaxar premessa tar-Regolament Nru 789/2001 u mis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 790/2001, din hija informazzjoni fattwali li ma tistax tiġi pprovduta ħlief minn kull Stat Membru. Għaldaqstant, l-Artikolu 202 KE m’għandux rilevanza.

    Il-kunsiderazzjonjiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    65     Jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 2 tar-Regolamenti kkontestati li, minkejja l-użu tal-verb "jixtieq", kull Stat Membru jista’ huwa stess jemenda, xi drabi bi ftehim ma’ l-Istati Membri oħra, il-kontenut ta’ ċerti dispożizzjonijiet jew Annessi ta’ l-IKK u ta’ l-MK. Fil-fatt, skond it-termini ta’ l-għaxar premessa tar-Regolament Nru 789/2001 u tas-seba’ premessa tar-Regolament Nru 790/2001, "il-membri tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jiġu mgħarrfa mingħajr dewmien bl-emendi kollha magħmula […]", li jimplika li s-setgħa ta’ implementazzjoni hija ta' l-Istati Membri.

    66     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, jekk it-tielet subinċiż ta’ l-Artikolu 202 KE jirregola l-kwistjoni ta’ implementazzjoni b’mod uniformi ta’ l-atti ta’ bażi tal-Kunsill jew ta’ dan ta’ l-aħħar u tal-Parlament u, b'hekk, it-tqassim tas-setgħat ta’ implementazzjoni bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni, l-imsemmija dispożizzjoni ma tikkonċernax it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri.

    67     Għandu jiġi eżaminat jekk, għall-implementazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet jew Annessi ta’ l-IKK u ta’ l-MK, il-Kunsill kienx obbligat li jirrikorri għal proċeduri Komunitarji jew jekk is-setgħa li jemenda dawn id-dispożizzjonijiet jew Annessi setgħat, mingħajr ma jikkawża ħsara għad-dritt Komunitarju, tingħata lill-Istati Membri.

    68     F’dan il-każ, il-Kunsill isostni li d-dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu emendati mill-Istati Membri jinkludu biss informazzjoni ta’ natura fattwali li dawn ta’ l-aħħar biss huma fil-pożizzjoni li jipprovdu utilment.

    69     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-IKK u l-MK kienu ġew adottati mill-Kumitat Eżekuttiv fi żmien meta l-qasam ikkonċernat kien jaqa’ taħt il-kooperazzjoni intergovernattiva. L-inkorporazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ l-Unjoni Ewropea, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ma kellux bħala effett, minnu nnifsu, li għaldaqstant iċaħħad l-Istati Membri mis-setgħat li huma kienu awtorizzati li jeżerċitaw bis-saħħa ta' l-imsemmija atti sabiex jassiguraw l-applikazzjoni tajba tagħhom.

    70     F’dan il-kuntest tassew partikolari u tranżitorju, sakemm ikun hemm żviluppi ta’ l-acquis ta’ Schengen fil-kuntest ġuridiku u istituzzjonali ta’ l-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi kkuntestat lill-Kunsill li stabbilixxa proċedura ta’ trażmissjoni mill-Istati Membri ta’ l-emendi li huma awtorizzati jagħmlu, unilaterament jew bi ftehim ma’ l-Istati Membri l-oħra, lil ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-IKK u ta’ l-MK li fihom il-kontenut jiddependi esklużivament minn informazzjoni li huma biss għandhom. Tali lment ma setax ultiment ikun applikabbli ħlief jekk kien ġie stabbilit li l-proċedura kif implementatata hija ta’ natura li tkun ta’ ħsara għall-applikazzjoni effikaċi jew korretta ta’ l-IKK jew ta’ l-MK.

    71     Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, li ma kkontestatx in-natura fattwali ta’ l-informazzjoni li tinsab f’dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu emendati mill-Istati Membri u lanqas iċ-ċirkustanza li huma ma setgħux utilment jiġu pprovduti ħlief minn dawn ta’ l-aħħar, ma wrietx, u lanqas ippruvat tistabbilixxi, għal kull wieħed minn dawn id-dispożizzjonijiet, li għandu jsir rikors għal proċedura ta’ aġġornament uniformi ta’ l-IKK u ta’ l-MK sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni tajba tagħhom. Hija limitat ruħa li teżamina, bħala eżempju, fir-replika tagħha, l-Annessi 4 u 5 ta’ l-IKK. 

    72     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha tillimita l-evalwazzjoni tagħha tal-legalità ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 789/2001 safejn dan japplika għall-Annessi 4 u 5 ta’ l-IKK, eżaminati biss mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha.

    73     F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 789/2001 li, meta Stat Membru jixtieq jagħmel emenda, b’mod partikolari fl-Annessi 4, 5B u 5C ta’ l-IKK, huwa għandu mal-ewwel jippreżenta proposta f’dan is-sens lill-Istati Membri l-oħra li jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet.

    74     Fir-rigward, minn naħa, ta’ l-Anness 4 ta’ l-IKK, li jinkludi lista ta’ dokumenti maħruġa minn kull Stat Membru u li tagħti dritt għad-dħul mingħajr viża, il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikolu 21(1) u (2) tal-KTFS, iċ-ċittadini ta’ Stati terzi, li għandhom permess ta’ residenza jew awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza maħruġa minn Parti Kontraenti jistgħu, peremzz ta’ dan it-titolu u ta’ dokument ta’ vvjaġġar maħruġ għall-istess Parti Kontraenti, jiċċaqilqu liberament matul perijodu massimu ta’ tliet xhur ġewwa ż-żona Schengen.

    75     Jekk huwa veru li emenda tal-lista ta’ l-Anness 4 ta’ l-IKK għandha riperkussjoni immedjata fuq il-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmi Artikolu 21(1) u (2) huwa applikabbli, xorta jibqa’ l-fatt li, skond il-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu, "[i]l-Partijiet kontraenti jikkomunikaw lill-Kumitat Eżekuttiv [li ssostitwieh il-Kunsill, skond l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll] il-lista tad-dokumenti li [huma] joħorġu li huma validi bħala permessi residenza jew awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza u dokument ta’ vjaġġ skond dan l-Artikolu".

    76     Madankollu, xejn ma jħalli li jiġi affermat, mal-qari ta’ din id-dispożizzjoni u fin-nuqqas ta’ kull dispożizzjoni Komunitarja oħra li kienet emendat, fuq dan il-punt, is-sistema tal-KTFS, qabel l-adozzjoni tar-Regolamenti kkontestati li, peress illi l-lista tad-dokumenti in kwistjoni kienet ġiet ikkomunikata lill-Kumitat Eżekuttiv (jew lill-Kunsill), l-Istati Membri mhumiex aktar kompetenti sabiex jiddeterminaw in-natura tad-dokumenti validi bħala permessi ta’ residenza jew bħala awotrizzazzjoni provviżorja ta’ residenza.

    77     Konsegwentement, il-Kummissjoni ma stabbilietx li l-emenda ta’ l-Anness 4 ta’ l-IKK tinneċessita r-rikors għal proċedura uniformi ta’ aġġornament.

    78     Fir-rigard, min-naħa l-oħra, ta’ l-Anness 5 ta’ l-IKK, dwar l-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 17(2) tal-KTFS, li fihom il-ħruġ ta’ viża huwa suġġett għal konsultazzjoni ta’ l-awtorità ċentrali tal-Partijiet Kontraenti li quddiemha titressaq l-applikazzjoni, kif ukoll, skond il-każ, ta’ l-awtoritajiet ċentrali l-oħra, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li skond il-punt 2.1 tal-parti II ta’ l-IKK, il-konsultazzjoni ta’ l-awtorità ċentrali nazzjonali, permezz tar-rappreżentanza diplomatika jew konsolari li teżamina l-applikazzjoni għal viża, hija prevista "fil-każijiet u skond ir-regoli u termini ffissati permezz tal-liġi u l-prattika nazzjonali". L-Anness 5A ta’ l-IKK isemmi preċiżament dawn il-każijiet.

    79     Madankollu, il-Kummissjoni ma wrietx ir-raġuni għalfejn ir-rikors għal proċedura uniformi, għall-aġġornament ta’ l-Anness 5A ta’ l-IKK, kien neċessarju għall-applikazzjoni tajba tal-punt 2.1 tal-Parti II ta’ l-IKK, in kunsiderazzjoni tar-riferiment għal-liġijiet u prattiċi nazzjonali applikati minn din id-dispożizzjoni.

    80     Fit-tieni lok, il-punt 2.2 tal-Parti II ta’ l-IKK jikkonċerna l-każijiet li fihom ir-rappreżentanza diplomatika jew konsolari li quddiemha titressaq applikazzjoni għal viża għandha titlob l-awtorizzazzjoni ta’ l-awtorità ċentrali proprja tagħha, li minn qabel għandha tikkonsulta l-awtoritajiet ċentrali kompetenti ta’ wieħed jew ta’ bosta Partijiet Kontraenti oħra. Dan il-punt jipprovdi li, "[s]akemm il-lista definittiva tal-każijiet ta’ konsultazzjoni komuni ma tkunx ġiet adottata mill-kumitat eżekuttiv [li ssostitwieh il-Kunsill] il-lista annessa ma’ dawn l-istruzzjonijiet komuni ser tintuża". Din il-lista tinsab preċiżament fl-Anness 5B.

    81     Madankollu, il-Kummissjoni li ma tikkontestax li hija kompetenza ta’ kull Stat Membru li jiddetermina l-applikazzjonijijet għal viża li għalihom hija meħtieġa konsultazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet ċentrali tal-Partijiet Kontraenti oħra, ma stabbilixxietx ir-raġuni li għaliha, sakemm tinħareġ lista definittiva tal-każijiet ta’ konsultazzjoni komuni stabbilita mill-Kunsill, ir-rikors għandu proċedura uniformi, kien neċessarju għall-applikazzjoni tajba tal-punt 2.2 tal-parti II ta’ l-IKK u, b’mod partikolari, għall-aġġornamnet ta’ l-Anness 5B tagħha.

    82     Fit-tielet lok, il-punt 2.3 tal-parti II ta’ l-IKK, li jirreferi għal-lista stabbilita fl-Anness 5C tagħha, jikkonċerna l-każijiet li fihom applikazzjoni għal viża hija mdaħħla f’ambaxxata jew rappreżentazzjoni konsolari ta’ Stat Schengen li jirrappreżenta Stat Schengen ieħor.

    83     Il-Kummissjoni ma wrietx u lanqas ma ppruvat tistabbilixxi r-raġuni li għaliha r-rikors għal proċedura uniformi, kien neċessarju għall-applikazzjoni tajba tal-punt 2.3 tal-Parti II ta’ l-IKK u, b’mod partikolari, għall-aġġornament ta’ l-Anness 5C tagħha.

    84     Konsegwentement, it-tieni motiv invokat mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha għandu wkoll jiġi miċħud.

    85     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

     Fuq l-ispejjeż


    Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Qorti Plenarja) taqta’ u tiddeċiedi :

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.

    Firem.


    * Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top