Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62000CJ0129

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Diċembru 2003.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Repubblika Taljana.
Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu.
Kawża C-129/00.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2003:656

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

9 ta’ Diċembru 2003 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Interpretazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tmur kontra d-dritt Komunitarju permezz tal-ġurisprudenza u l-prassi amministrattiva – Kundizzjonijiet li jirregolaw l-irkupru ta’ ammont imħallas indebitament”

Fil-Kawża C-129/00,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa, bħala aġent, assistit minn P. Biavati, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn M. I. M. Braguglia, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

li għandha bħala għan li jiġi kkonstatat li, billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428, tad-29 ta’ Diċembru 1990, bl-isem “Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunità europee (legge comunitaria per il 1990)” [Dispożizzjonijiet biex jitwettqu l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija ta’ l-Italja fil-Komunità Ewropea (liġi Komunitarja għall-1990)] (GURI Nru 10 tat-12 ta’ Jannar 1991, suppliment ordinarju, p. 5), kif interpretat u applikat mill-amministrazzjoni u mill-qrati, li jirrikonoxxi l-prova li jkunu ġew ittrasferiti lil terzi persuni t-taxxi miġbura bi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, ħaġa li tirrendi prattikament impossibbli l-ħlas lura ta’ dawn it-taxxi, jew għallinqas, eċċessivament diffiċli għall-persuna taxxabbli, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn M.V. Skouris, president, P. Jann, C.W.A. Timmermans, C. Gulmann, J. N. Cunha Rodrigues u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward, A. La Pergola, J.-P. Puissochet (Relatur) u R. Schintgen, F. Macken, N. Colneric, u M. S. von Bahr, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

Wara li rat ir-rapport għas-seduta,

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet fis-seduta tat-2 ta’ April 2003,

Wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fit-3 ta’ Ġunju 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ April 2000, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ressqet, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 226 KE, rikors sabiex jiġi kkonstatat li, billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428, tad-29 ta’ Diċembru 1990, bl-isem “Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunità europee (legge comunitaria per il 1990)” [Dispożizzjonijiet biex jitwettqu l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija ta’ l-Italja fil-Komunità Ewropea (liġi Komunitarja għall-1990)] (GURI Nru 10 tat-12 ta’ Jannar 1991, suppliment ordinarju, paġna 5), kif interpretat u applikat mill-amministrazzjoni u mill-qrati, li jirrikonoxxi l-prova li jkunu ġew ittrasferiti lil terzi persuni t-taxxi miġbura bi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, ħaġa li tirrendi prattikament impossibbli l-ħlas lura ta’ dawn it-taxxi, jew għallinqas, eċċessivament diffiċli għall-persuna taxxabbli, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE.

 Il-liġi nazzjonali

2        Il-liġi Nru 428/1990 daħħlet fil-leġiżlazzjoni fiskali regoli speċjali dwar “il-ħlas lura ta’ taxxi li huma meqjusa inkompatibbli man-normi Komunitarji”. L-Artikolu 29(2) ta’ din il-liġi jgħid dan li ġej dwar dan is-suġġett:

“Id-dritt tad-dwana fuq oġġetti importati minn barra l-pajjiż, it-taxxi fuq il-produzzjoni, it-taxxi fuq il-konsum, is-soprataxxa fuq iz-zokkor u d-drittijiet ta’ l-Istat li joħorġu mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li huma inkompatibbli ma’ l-legiżlazzjoni tal-Komunità jridu jingħataw lura, sakemm dawn il-ħlasijiet ma jkunux ġew ittrasferiti fuq persuni oħra.”

3        Preċedentement, din il-kwistjoni kienet irregolata mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 19 tad-digriet liġi Nru 688, tat-30 ta’ Settembru 1982 (GURI Nru 270, tat-30 ta’ Settembru 1982 p. 7072), li sar liġi permezz tal-liġi Nru 873, tas-27 ta’ Novembru 1982 (GURI Nru 328, tad-29 ta’ Novembru 1982, p. 8599, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 688/1982”). Huwa kien igħid dan li ġej:

“Kull persuna li, mingħajr ma kellha obbligu legali li tagħmel hekk, tkun ħallset it-taxxi ta’ l-importazzjoni li tkun dovuta lid-dwana, it-taxxi fuq il-produzzjoni, it-taxxi fuq il-konsum jew it-taxxi mħallsin lill-gvern [...] għandha d-dritt li titħallas lura dawk l-ammonti li tkun ħallset jekk tipprova permezz ta’ dokumenti li tippreżenta li dawn il-ħlasijiet ma ġewx ittrasferiti, b’xi mod jew ieħor, fuq persuni oħra, ħlief fil-każ ta’ xi żball materjali.”

 Kawżi preċedenti

4        L-Artikolu 19 tad-Digriet Liġi Nru 688/1982 ta lok għal żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel waħda (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595) ingħatat wara talba għal deċiżjoni preliminari u t-tieni (sentenza ta’ l-24 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, 104/86, Ġabra p. 1799) fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li tressaq mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Taljana.

5        F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

“6      [...] fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja dwar ir-restituzzjoni ta’ taxxi nazzjonali li jitqiesu li jiksru d-dritt Komunitarju, huwa d-dmir tal-Istati Membri li jiżguraw li dawn it-taxxi jitħallsu lura, b’mod li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet interni tagħhom. Minn-naħa l-oħra, id-dritt Komunitarju ma jeżiġix li għandha tingħata restituzzjoni tat-taxxi li jkunu nġabru indebitament f’kundizzjonijiet li jwasslu għal arrikkiment indebitu ta’ dawk il-persuni li jkollhom dan id-dritt; b’hekk mhux eskluz li jkun irid jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-ħlas ta’ dawn it-taxxi seta’ ġie ttrasferit lil operaturi ekonomiċi oħra jew inkella għand il-konsumaturi.

7      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fis-sentenza [San Giorgio], li ngħatat preċiżament dwar l-Artikolu 19 tad-digriet liġi in kwistjoni, li huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju l-modalitajiet kollha li jkollhom l-effett li jkun kwazi impossibbili jew eċċessivament diffiċli li wieħed jikseb lura l-ħlas ta’ taxxi li jiksru d-dritt Komunitarju, u li dan japplika b’mod partikolari għall-preżunzjonijiet jew għar-regoli tal-provi li għandhom l-għan li jixħtu lura fuq il-persuna taxxabbli l-oneru li turi li t-taxxi li tkun ħallset indebitament ma jkunux għaddew fuq persuni oħra, jew xi limitazzjonijiet partikolari, dwar dak li għandu x’jaqsam mal-forma tal-prova li tiġi prodotta, bħall-esklużjoni ta’ kull tip ta’ prova barra mill-prova dokumentali.

[…]

11      […] Id-dispożizzjoni kontroversa tal-liġi Taljana timponi fuq l-operaturi l-oneru tal-prova ta’ fatt negattiv, sa fejn huma jridu jipprovaw, fir-rigward tal-allegazzjonijiet sempliċi ta’ l- amministrazzjoni, li ma kien hemm ebda effett fuq persuni oħra tal- ħlasijiet fiskali indebiti, u dan bis-saħħa ta’ provi li jkunu biss dokumentali. Dispożizzjoni bħal din tmur kontra r-regoli tad-dritt Komunitarju kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”.

6        L-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428/1990, wara, fih innifsu wassal għal domandi preliminari, li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet bis- sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport (C-343/96, Ġabra p. I-579). Il‑qorti tar-rinviju indikat li din id-dispożizzjoni hija applikata mill-qrati Taljani fis-sens li, sabiex topponi l-ħlas lura tad-drittijiet tad-dwana jew taxxi oħra mħallsa indebitament, l-amministrazzjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li dawn il-ħlasijiet u dawn it-taxxi jkunu normalment ġew ittrasferiti lil terzi persuni.

7        Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“52      Jekk, kif tqis il-qorti nazzjonali, teżisti preżunzjoni ta’ effetti fuq terzi persuni ta’ ħlasijiet u taxxi miġbura illegalment jew li tħallsu indebitament u jekk jintalab lir-rikorrent biex jaqleb din il-preżunzjoni biex jikseb il-ħlas lura ta’ dawn it-taxxi, hemm lok li jitqies li dawn id-dispożizzjonijiet imorru kontra d-dritt Komunitarju.

53      Jekk, min-naħa l-oħra, kif isostni l-Gvern Taljan, huwa l-obbligu tal-amministrazzjoni biex tipprova, b’kull mezz ta’ prova li huwa ġeneralment irrikonoxxut taħt il-liġijiet nazzjonali, li t-taxxi tħallsu minn persuni oħra, hemm lok li jitqies, bil-kontra, li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni ma jmorrux kontra d-dritt Komunitarju.

54      Għandha għalhekk tingħata risposta […] li d-dritt Komunitarju jipprekludi li Stat Membru jissuġġetta r-rimbors ta’ drittijiet tad-dwana u taxxi oħra li jmorru kontra d-dritt Komunitarju għal xi kundizzjoni, bħal ma jista’ jkun in-nuqqas ta’ trasferiment ta’ dawn id-drittijiet jew taxxi fuq terzi persuni, li tkun trid tiġi pprovata mir-rikorrent.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

8        Il-Kummissjoni tqis, fis-sustanza, bħall-qorti tar-rinviju fil-kawża li wasslet għas-sentenza Dilexport, iċċitata iktar ’il fuq, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428/1990, kif interpretati u applikati mill-amministrazzjoni u mill-qrati Taljani, iwasslu għall-istess riżultat bħall-Artikolu 19 tad-Digriet Liġi Nru 688/1982.

9        Wara li tat lir-Repubblika Taljana l-opportunità li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fis-17 ta’ Settembru 1997, li permezz tagħha stiednet lil dan l-Istat Membru jikkonforma mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-Trattat fi żmien xahrejn. Wara li baqgħet mhux sodisfatta bit-tweġiba li ngħatat mill-awtoritajiet Taljani permezz ta’ l-ittra tagħhom tal-25 ta’ Novembru 1997, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 L-argumenti tal-partijiet

10      Il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenza ta’ l-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et (C-192/95 sa C-218/95, Ġabra p. I-165, punt 25), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fir-rigward tat-taxxi indiretti, ma tistax tiġi aċċettata l-preżunzjoni li tgħid li persuna taxxabbli tittrasferixxi t-taxxa fil-bidu tal-proċess ta’ bejgħ, u b’hekk timponi fuqha l-oneru tal-prova kuntrarja jekk ikun irid jikseb il-ħlas lura ta’ taxxi ta’ din in-natura.

11      Issa, il-Kummissjoni tosserva li l-ġurisprudenza tal-Corte Suprema di Cassazione (l-Italja) wasslet biex stabbilixxiet din il-preżunzjoni għad-detriment tal-persuni taxxabbli li jitolbu l-ħlas lura tat-taxxi li huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, indikati fl-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428/1990. Il-motivazzjonijiet tad-deċiżjonijiet li ngħataw f’dan il-qasam minn din il-qorti jvarjaw, iżda huma bbażati sostanzjalment fuq analiżi li biha l-kumpanniji kummerċjali jittrasferixxu t-taxxi indiretti fuq il-klijenti tagħhom ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Ir-raġunament l-iktar dettaljat li l-Corte Suprema di Cassazione użat sabiex tasal għal din il-konklużjoni, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Marzu 1996, Nru 2844, jistrieħ fuq il-kunsiderazzjonijet li ġejjin:

–        l-importatur ma kienx persuna privata iżda kumpannija kummerċjali jew industrijali;

–        l-impriża kienet qed titmexxa b’mod normali, ma kinitx qed turi sitwazzjoni ta’ telf finanzjarju jew sitwazzjoni ta’ falliment, li kienet tħalli wieħed jissuponi bejgħ bi prezzijiet iktar baxxi minn kemm kienu qed jiġuhom;

–        it-taxxa indebita kienet inġabret mill-uffiċċji kollha tad-dwana Taljani, ħaġa li ma setgħetx ma toħloqx sens ta’ konvinzjoni tal-legalità tagħha;

–        it-taxxa indebita kienet ġiet applikata għal żmien twil u mingħajr qatt ma ġiet ikkontestata.

12      Skond il-Kummissjoni, il-Corte Suprema di Cassazione straħet ukoll fuq is-suppożizzjoni li l-impriżi kummerċjali normalment jittrasferixxu lil terzi persuni t-taxxi indiretti, sabiex tikkunsidra li l-kawżi mressqa li ġew ifformulati mill-amministrazzjoni bil-għan li jiġu prodotti d-dokumenti tal-kontabbiltà tal-impriżi kkonċernati jew l-ispezzjoni ta’ dawn id-dokumenti ma għandhomx natura purament esploratorja, ħaġa li kienet tirrendihom illegali, iżda li kienu mezz siewi li jippermetti l-produzzjoni tal-prova li t-trasferiment ikun seħħ.

13      Barra minn hekk il-Corte Suprema di Cassazione tiddeċiedi, abbażi ta’ l-Artikolu 116 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Taljana, li n-nuqqas ta’ produzzjoni tal-kontijiet ta’ kontabbiltà wara talba bħal din, flimkien mal-preżunzjoni li t-taxxi huma normalment jiġu ttrasferiti, jikkostitwixxu prova hekk fil-fatt ikun ġara. Il-Kummissjoni tindika li tiġi applikata soluzzjoni identika wkoll jekk l-impriża li ma tippreżentax dawn id-dokumenti tistqarr li dawn id-dokumenti ma ġewx ikkonservati għax ikun skada t-terminu ta’ konservazzjoni obbligatorju ta’ għaxar snin previst mill-Kodiċi Ċivili Taljan. Issa, fid-dawl tad-dewmien ta’ bosta snin li jista’ jgħaddi bejn talba ġudizzjarja għall-produzzjoni tad-dokumenti tal-kontabbiltà u d-deċiżjoni ġudizzjarja fuq din il-kwistjoni, obbligu li jinżammu dawn id-dokumenti għal żmien itwal mit-terminu legali ta’ konservazzjoni huwa eċċessiv għall-impriżi, b’mod partikolari minħabba l-ispejjeż għoljin u l-problemi ta’ ħażna li dan iġib miegħu. Ħaġa bħal din għaldaqstant tfisser xkiel żejjed għar-rimbors effettiv ta’ taxxi li jmorru kontra d-dritt Komunitarju.

14      Il-Kummissjoni tgħid li bosta qrati ewlenin jimxu fuq dawn il-prinċipji, kif jagħmlu wkoll uħud mill-periti mqabbda fil-proċeduri ġudizzjarji sabiex jeżaminaw id-dokumenti ta’ kontabbiltà tal-persuni taxxabbli u jiddeterminaw jekk dawn ta’ l-aħħar ikunux ittrasferew jew le t-taxxi in kwistjoni. Hija tagħti xi eżempji f’dan ir-rigward.

15      Issa, dan l-approċċ iwassal de facto għal preżunzjoni ta’ trasferiment fuq terzi persuni, mill-persuni taxxabbli, tat-taxxi li jmorru kontra d-dritt Komunitarju u li tagħhom huma jitolbu l-ħlas lura, preżunzjoni li huma jkollhom jikkontestaw permezz tal-prova kuntrarja, ħaġa li tmur kontra dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fil-punt 52 tas-sentenza Dilexport, iċċitata iktar ’il fuq.

16      Il-Kummissjoni żżid tgħid li r-raġunament inkwistjoni huwa illoġiku, għax jitlaq mill-premessa li l-impriżi normalment jittrasferixxu lil ħaddieħor it-taxxi indiretti sabiex joħolqu preżunzjoni li tgħid eżattament l-istess ħaġa bħal din il-premessa. L-elementi li xi kultant jintużaw f’dan ir-raġunament, dwar il-kwalità ta’ l-impriża u dwar in-nuqqas ta’ insolvenza tar-rikorrent, kif ukoll l-applikazzjoni ġeneralizzata u li ddum tat-taxxi kkontestati, ma huma bl-ebda mod rilevanti. B’dan il-mod, imprenditur li ma jittrasferixxix it-taxxi fuq terzi persuni jista’ sempliċiment jikseb l-iċken benefiċċju mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-falliment. Ikun arbitrarju li wieħed jiddeduċi t-trasferiment tat-taxxi min-nuqqas ta’ insolvenza.

17      Il-Kummissjoni tesponi li l-amministrazzjoni Taljana lanqas ma tosserva l-prinċipji applikabbli għall-ħlas lura tat-taxxi li jmorru kontra d-dritt Komunitarju. Iċ-ċirkularijiet tal-Ministru tal-Finanzi Nru 21/2/VII tal-11 ta’ Marzu 1994, u Nru 480/VIII, tat-12 ta’ April 1995, jindikaw li fis-sustanza li t-trasferiment tat-taxxi lil terzi persuni jiġi stabbilit jekk dawn it-taxxi ma jkunux iddaħħlu fil-kotba, mis-sena tal-ħlas, bħala ħlas minn quddiem lit-Teżor pubbliku bħala taxxa mhux dovuta, bħala kreditu favur il-bilanċ tal-impriża li tkun qed titlob il-ħlas lura tagħha. In-nuqqas ta’ daħla bħal din juri li l-impriża tkun qieset lil dawn it-taxxi bħala spejjeż normali u li tkun għaldaqstant neċessarjament ittrasferiethom. Il-Kummissjoni tqis li dan l-approċċ iwassal għal impożizzjoni ta’ obbligu eċċessiv fuq l-impriżi, iktar u iktar fir-rigward tas-snin ta’ qabel il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ konformità ta’ dawn it-taxxi mad-dritt Komunitarju.

18      Il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk ċerti persuni taxxabbli jispiċċaw jirbħu l-kawża tagħhom quddiem il-qorti fuq il-mertu, għall-prezz ta’ kawża twila u għalja, din iċ-ċirkustanza ma twassalx li wieħed igħid li ġie osservat il-prinċipju ta’ effettività, li jgħid li l-modalitajiet proċedurali nazzjonali applikati għal talbiet ibbażati fuq id-drittijiet li l-partijiet fil-kawża għandhom taħt id-dritt Komunitarju m’għandhomx jirrendu kważi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. Wara kollox, ir-rikorsi li ntemmew b’suċċess minn xi wħud mill-persuni taxxabbli li bihom, skond il-Gvern Taljan, irnexxielhom jiksbu l-ħlas lura ta’ ITL 120 biljun bejn l-1992 u l-2000, barra mill-interessi u l-ispejjeż, huma insinjifikanti meta wieħed iqabbilhom mal-ammonti li huma s-suġġett, f’dan il-qasam, tal-kontenzjuż. Il-Kummissjoni titlob li l-prinċipju ta’ effettività ma jiġix osservat biss fil-każijiet ta’ ċaħda tat-talbiet ta’ ħlas lura eċċezzjonali u ssostni li l-eżerċizzju tad-drittijiet li joħorġu bis-saħħa tat-Trattat ma għandhomx jiġu mxekkla minn miżuri ġenerali li huma motivati minn preżunzjoni ta’ abbuż tal-liġi.

19      Il-Gvern Taljan jikkritika lill-Kummissjoni li tagħmel spekulazzjonijiet u li twarrab l-informazzjoni vera. Hija biss il-konstatazzjoni effettiva li l-persuni taxxabbli li ħallsu t-taxxi li jmorru kontra d-dritt Komunitarju ma jirnexxilhomx, jew jirnexxilhom biss b’diffikultà kbira, jiksbu l-ħlas lura, li tista’ ssostni li ma ġiex osservat il-prinċipju ta’ effettività. F’dan ir-rigward, minbarra l-ammont tal-ħlasijiet lura li saru fil-kawża prinċipali msemmi fil-punt preċedenti, il-Gvern Taljan jirreferi għal 17-il sentenza jew deċiżjoni li ngħataw minn diversi qrati ewlenin, li kienu rebbħu l-kawża lill-persuni taxxabbli u li kellhom is-saħħa ta’ res judicata.

20      Fir-rigward tal-eventwalità ta’ miżura istruttorja maħruġa mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li tikkwantifika l-perċentwali ta’ talbiet għal ħlas lura li nqatgħu mqabbla ma’ l-għadd ta’ talbiet li tressqu, il-Gvern Taljan isostni li l-applikazzjoni ta’ miżura bħal din tixħet fuq il-Qorti tal-Ġustizzja l-oneru tal-prova tan-nuqqas li l-Kummissjoni qed tallega u li din tal-aħħar tipprova fit-tmiem tal-fażi prekontenzjuża.

21      Sussidjarjament, il-Gvern Taljan janalizza fl-oriġini tagħhom il-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt għal ħlas lura tal-ammont dovut ikkritikat mill-Kummissjoni u jisħaq, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni stess tammetti li t-test ta’ Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428/1990 huwa fih innifsu kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Skond il-Gvern Taljan, dan it-test jixħet l-oneru fuq l-amministrazzjoni sabiex tipprova li l-persuna taxxabbli ttrasferixxiet it-taxxa fuq terzi persuni sabiex tevadi l-obbligu li tħallas lura dan l-ammont.

22      Il-Gvern Taljan ifakkar, it-tieni nett, li, fil-punt 25 tas-sentenza Comateb et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “t-trasferiment effettiv, parziali jew totali [ta’ taxxa indiretta] jiddependi fuq bosta fatturi li jikkonċernaw kull transazzjoni kummerċjali u li jirrenduha differenti minn każijiet oħra li jseħħu f’kuntest differenti” u li “[b]ħala konsegwenza, il-kwistjoni tat-trasferiment jew tan-nuqqas ta’ trasferiment ta’ taxxa indiretta jikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali li huwa liberu fl-evalwazzjoni tal-provi”. Il-Gvern Taljan isostni li, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Dilexport, iċċitata iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer żied igħid li l-qorti nazzjonali tista’ titlob il-provi kollha awtorizzati bil-liġijiet interni tal-pajjiż sabiex tistabilixxi l-fatti. Dan il-gvern isostni li l-Corte Suprema di Cassazione mhijiex qorti li tevalwa l-mertu, imma sempliċement tistqarr ċerti prinċipji ġenerali dwar l-amministrazzjoni tal-provi, skond iċ-ċirkustanzi proċedurali li jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli skond kull kawża. Il-qorti li tittratta l-mertu tista’ b’kull dritt iżżomm mekkaniżmi deduttivi bħala mezz ta’ prova. Id-deċiżjonijiet ġudizzjarji favur il-persuni taxxabbli li tressqu f’din l-istanza jixhdu biss li l-amministrazzjoni ma pprovatx li t-taxxa ġiet ittrasferita.

23      Fir-rigward tal-amministrazzjoni, li fuqha jaqa’ l-oneru ta’ din il-prova, hija ħaġa leġittima li titlob li jkollha aċċess għall-kotba ta’ rikorrent għax hija biss b’din il-miżura istruttorja li tiġi prodotta din il-prova u għaldaqstant ma għandha ebda natura esploratorja. Meta r-rikorrent ma jippreżentax b’mod spontanju l-kotba tiegħu, huwa normali li, jekk huwa qed jistenna li jikseb il-ġustizzja, l-amminstrazzjoni titlob din il-produzzjoni bl-istess mod. Dan huwa s-sens taż-żewġ ċirkularijiet ministerjali li ssemmew fil-punt 17 ta’ din is-sentenza u li ġew ikkritikati mil-Kummissjoni. Il-Gvern Taljan jippreċiża li l-qorti tqis in-nuqqas ta’ produzzjoni tal-kotba bħala argument favur l-amministrazzjoni biss jekk it-talba għall-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti tkun saret qabel l-iskadenza tat-terminu legali ta’ konservazzjoni. F’dan il-każ, anki jekk il-qorti tesprimi ruħha biss wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, id-dmir ta’ lealtà fil-kawża jimponi fuq il-persuna taxxabbli li żżomm il-kontijiet tagħha u li tipproduċihom wara d-deċiżjoni tal-qorti li tilqa’ din it-talba (sentenza tal-Corte Suprema di Cassazione tat-18 ta’ Novembru 1994, Nru 9797).

24      Il-Gvern Taljan iżid li, anki jekk il-proċeduri twal huma xi kultant neċessarji sabiex jinkiseb ir-rimbors, l-inkonvenjenzi marbuta ma’ dan id-dewmien huma megħluba permezz ta’ l-interessi li jiġu miżjuda fuq is-somom dovuti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25      Hekk kif tfakkar ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-ħlas lura ta’ taxxi nazzjonali indebitament miġbura, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976), Rewe, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5, u ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana, C‑255/00, Ġabra p. I‑8003, punt 33).

26      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428/1990, kif imsemmi fil-punt 7 tas-sentenza preżenti u fid-dawl tad-divergenzi ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, is-sentenza Dilexport, iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari li fiha kienet il-qorti nazzjonali li kellha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni, indikat illi, jekk teżisti preżunzjoni ta’ trasferiment lil terzi persuni ta’ ħlasijiet u taxxi miġbura illegalment jew li nġabru indebitament u kien ġie impost fuq ir-rikorrent li jwaqqa’ din il-preżunzjoni biex jikseb il-ħlas lura ta’ dawn it-taxxi, kien hemm lok li jitqies li d-dispożizzjoni in kwistjoni tmur kontra d-dritt Komunitarju.

27      Fil-kuntest tar-rikors preżenti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, min-naħa l-oħra hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina hija stess jekk, fid-dawl ta’ l-elementi invokati mill-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428/1990, magħmula mill-awtoritajiet Taljani, twassalx effettivament sabiex tinħoloq tali preżunzjoni jew tirrendix min-naħa l-oħra l-eżerċizzju ta’ dritt għar-rimbors ta’ dawn it-taxxi impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika, li f’dan il-każ ikun hemm lok li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Taljana.

28      Il-motiv ippreżentat mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha għandu tliet aspetti. Fl-ewwel lok, bosta qrati Taljani, b’mod partikolari b’mod kostanti l-Corte Suprema di Cassazione, tieħu bħala stabbilit it-trasferiment tat-taxxi fuq terzi mill-fatt biss li r-rikorrent hija impriża kummerċjali, u xi kultant iżżid ir-raġunijiet li l-impriża ma tkunx falliet matul is-snin fit-territorju nazzjonali kollu mingħajr ebda kontestazzjonijiet. Fit-tieni lok, l-amministrazzjoni titlob b’mod sistematiku l-produzzjoni tad-dokumenti ta’ kontabbiltà tar-rikorrent. Il-qrati mitluba fil-każ ta’ oppożizzjoni tiegħu jilqgħu din it-talba peress li jqisu l-istess tip ta’ motivi bħal dawk invokati hawn taħt u huma jinterpretaw b’mod mhux favorevoli għar-rikorrent in-nuqqas ta’ produzzjoni msemmija ta’ dawn id-dokumenti anki meta t-terminu legali ta’ konservazzjoni ta’ dawn l-istess dokumenti jkun skada. Fit-tielet lok, l-amministrazzjoni tqis li n-nuqqas ta’ daħla fil-kotba, mis-sena tal-ħlas, bħala ħlas minn quddiem lit-Teżor pubbliku bħala taxxa mhux dovuta, bħala kreditu favur il-bilanċ tal-impriża li tkun qed titlob il-ħlas lura tagħha, huwa l-prova li t-taxxi msemmija ġew ittrasferiti lil terzi.

29      Nuqqas minn Stat Membru jista’ bħala prinċipju jiġi konstatat bis-saħħa ta’ l-Artikolu 226 KE, ikun min ikun il-korp ta’ dan l-Istat li l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu tkun l-oriġini tan-nuqqas, anki jekk tkun istituzzjoni kostituzzjonalment indipendenti (sentenza tal-5 ta’ Mejju 1970, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 77/69, Ġabra p. 237, punt 15).

30      Il-portata tad-dispożizzjonijiet legiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni li tagħhom jagħtu l-qrati nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑382/92, Ġabra p. I‑2435, punt 36).

31      F’dan il-każ, il-punt in kwistjoni huwa l-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428/1990, li jipprevedi li d-drittijiet u t-taxxi miġbura b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma inkompatibbli mal-legiżlazzjoni Komunitarja jiġu rrimborsati, sakemm it-taxxa korrispondenti ma tkunx ġiet ittrasferita lil persuni oħra. Dispożizzjoni bħal din hija fiha nfisha newtrali fir-rigward tad-dritt Komunitarju kemm f’dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova li t-taxxa ġiet ittrasferita lil persuni oħrajn kif ukoll dwar kif titressaq il-prova ammissibbli għal dan il-għan. L-impatt għandu jiġi ddeterminat fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni li tingħata fil-qrati nazzjonali.

32      F’dan ir-rigward, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji iżolati jew minoritarji f’kuntest ġurisprudenzjali li fihom orjentazzjoni oħra, jew interpretazzjoni kontradetta mill-qorti suprema nazzjonali, ma għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni. Dan mhuwiex l-istess bħal interpretazzjoni ġurisprudenzjali sinjifikattiva li mhux kontradetta mill-qorti suprema msemmija, anzi kkonfermati minnha.

33      Meta liġi nazzjonali tkun is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet ġudizzjarji potenzjalment divergenti li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, fejn xi wħud iwasslu għal applikazzjoni kompatibbli mad-dritt Komunitarju, u oħrajn iwasslu għal applikazzjoni inkompatibbli miegħu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, almenu, tali liġi mhijiex biżżejjed ċara sabiex tiżgura applikazzjoni kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

34      F’dan il-każ, il-Gvern Taljan mhuwiex jikkontesta li ċertu numru ta’ sentenzi tal-Corte Suprema di Cassazione jwasslu, fuq il-bażi ta’ raġunament deduttiv, għall-konklużjoni li, ħlief għal prova kuntrarja, ċerti impriżi kummerċjali li jinsabu f’sitwazzjoni normali jittrasferixxu fil-bidu tal-proċess tal-bejgħ taxxa indiretta, b’mod partikolari jekk din tinġabar fit-territorju nazzjonali kollu għal perijodu kunsiderevoli u mingħajr kontestazzjoni. Il-Gvern Taljan sempliċement jispjega li bosta qrati li ddeċidew fuq l-mertu mhumiex kuntenti b’raġunament simili sabiex iqisu li huma stabbiliti l-provi ta’ tali trasferiment u sabiex jipprovdu eżempji ta’ persuni taxxabbli li jkunu ħadu r-rimbors tat-taxxi li jmorru kontra d-dritt Komunitarju, peress li l-amministrazzjoni ma tkunx irnexxielha f’dawn il-każijiet tipprova lill-qrati li huma kienu ttrasferew it-taxxi msemmija.

35      Issa, ir-raġunament meħud fis-sentenzi msemmija tal-Corte Suprema di Cassazione huwa bbażat huwa stess fuq premessa li mhi xejn ħlief preżunzjoni, jiġifieri li t-taxxi indiretti jiġu bħala prinċipju ttrasferiti fil-bidu tal-proċess tal-bejgħ mill-operaturi ekonomiċi meta dawn ikollhom il-possibilità li jagħmlu hekk. L-elementi l-oħra li tieħu in kunsiderazzjoni f’dan il-każ, jiġifieri n-natura kummerċjali tal-attività tal-persuna taxxabbli u l-fatt li s-sitwazzjoni finanzjarja ma marritx lura, kif ukoll il-ġbir tat-taxxa in kwistjoni fit-territorju nazzjonali kollu għal perijodu ta’ żmien kunsiderevoli u mingħajr kontestazzjoni, ma jippermettix li wieħed jasal għal konklużjoni li impriża li eżerċitat l-attività tagħha f’kuntest bħal dan kienet effettivament ittrasferiet it-taxxi in kwistjoni ħlief jekk wieħed joqgħod fuq il-premessa li permezz tagħha kull operatur ekonomiku jaġixxi b’dan il-mod, ħlief f’ċirkustanzi partikolari bħan-nuqqas ta’ xi wieħed jew ieħor minn dawn l-elementi. Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġà ddeċidiet (ara s-sentenzi San Giorgio, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 u 15; tal-25 ta’ Frar 1988, Bianco u Girard, 331/85, 376/85 u 378/85, Ġabra p. I‑1099, punt 17; Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 7, u Comateb et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25), u għar-raġunijiet ekonomiċi msemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punti 73 sa 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, premessa tali ma sseħħx f’numru ta’ ċirkustanzi u tikkostitwixxi preżunzjoni sempliċi li ma għandhiex tkun ammessa fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għar-rimbors ta’ taxxi indiretti li jmorru kontra d-dritt Komunitarju.

36      Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ produzzjoni ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà tal-impriża li tkun qegħda titlob ir-rimbors ta’ taxxi li jmorru kontra d-dritt Komunitarju, li jitqies li huwa prerekwiżit għal kull rimbors, wieħed għandu jżomm f’moħħu l-kunsiderazzjonijiet segwenti.

37      Tali rekwiżit, li jikkonċerna s-snin li għalihom ir-rimbors jintalab u li jiġi fformulat fil-perijodu li matulu d-dokumenti ta’ kontabbiltà ċċitati għandhom jinżammu b’mod obbligatorju, ma għandux jitqies li huwa taqlib, għad-detriment tal-persuna taxxabbli, tal-oneru tal-prova li t-trasferiment tat-taxxa ma jkunx seħħ. Dawn id-dokumenti jagħtu informazzjoni fattwali newtrali li biha, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni tkun tista’ turi li t-taxxi ġew ittrasferiti lil persuni oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et, C-147/01, Ġabra p. I-11365, punt 115). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li r-rikorrent ikun jista’ jinvoka, in-nuqqas ta’ produzzjoni tad-dokumenti ta’ kontabbiltà meta dawn jintalbu mill-amministrazzjoni jista’ jitqies minnha jew mill-qorti bħala element li wieħed għandu jieħu in kunsiderazzjoni fit-turija li t-taxxi ġew ittrasferiti lil terzi. Madankollu, dan l-element waħdu mhuwiex suffiċjenti sabiex wieħed jippreżumi li dawn it-taxxi kienu ġew ittrasferiti lil terzi, lanqas, iktar u iktar, sabiex jitfgħu fuq ir-rikorrent l-oneru li jaqleb tali preżunzjoni billi huwa jipproduċi prova kuntrarja (ara, f’dan il-sens, is-sentenza Weber’s Wine World et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 116).

38      Fi kwalunkwe każ, fis-sitwazzjonijiet fejn l-amministrazzjoni titlob il-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti wara l-iskadenza tat-terminu ta’ konservazzjoni legali tagħhom u fejn il-persuna taxxabbli ma tippreżentahomx, il-fatt li minn dan ittieħdet il-konklużjoni li hija tkun ittrasferiet it-taxxi in kwistjoni lil terzi jew li tittieħed l-istess konklużoni bla ħsara għall-prova kuntrarja li tiġi prodotta mill-persuna taxxabbli ifisser li tinħoloq preżunzjoni għad-detriment ta’ din ta’ l-aħħar, li tirrendi eċċessivament diffiċli l-eżercizzju tad-dritt għar-rimbors ta’ taxxi li jmorru kontra d-dritt Komunitarju.

39      F’dak li jirrigwarda l-fatt li l-amministrazzjoni tqis it-trasferiment ta’ taxxa lil terzi stabbilit meta l-ammonti ta’ din it-taxxa ma tkunx tniżżlet, mis-sena tal-ħlas, bħala ħlas minn quddiem lit-Teżor pubbliku bħala taxxa mhux dovuta, bħala kreditu favur il-bilanċ tal-impriża li tkun qed titlob il-ħlas lura tagħha, hemm lok li jiġi kkonstatat dan li ġej.

40      Dan ir-raġunament iwassal għall-istabbiliment ta’ preżunzjoni inġustifikata għad-detriment tar-rikorrent. Fil-fatt, fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom issir talba għar-rimbors ta’ taxxa, li jiddaħħal l-ammont ta’ din it-taxxa fl-attiv tal-bilanċ tas-sena meta tkun tħallset jippreżupponi li l-persuna taxxabbli tqis li tista’ tikkontesta b’mod immedjat u b’possibilitajiet għoljin ta’ suċċess il-ħlas tagħha, filwaqt li, skond l-istess Artikolu 29(1) tal-liġi Nru 428/1990, hija għandha terminu ta’ diversi snin sabiex tressaq din it-talba. Barra minn hekk, il-persuna taxxabbli tista’, anki jekk tikkontesta l-ħlas tat-taxxa, tbassar il-possibilitajiet tagħha ta’ suċċess b’mod mhux suffiċjentement ċert sabiex tieħu r-riskju li ddaħħal l-ammont li jikkorrispondi għall-attiv fil-kontabbiltà. F’dan ir-rigward, fid-dawl tad-diffikultajiet sabiex wieħed jikseb deċiżjoni favorevoli għal talba ta’ rimbors fil-kundizzjonijiet imsemmija f’din il-kawża, daħla bħal din tista’ tmur kontra l-prinċipji ta’ kontabbiltà regolari. Barra minn hekk, li wieħed ibassar l-ammont tat-taxxa ttrasferita lil terzi stabbilita fuq il-bażi li l-ammont mhuwiex dejn fl-attiv diġà tistrieħ fuq il-preżunzjoni li t-taxxi indiretti huma normalment ittrasferiti bil-bidu tal-proċess tal-bejgħ, preżunzjoni li ġiet iddikjarata li tmur kontra d-dritt Komunitarju fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-ewwel aspett ikkritikat mill-Kummissjoni.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi ma emendatx l-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428/1990, li hija interpretata u applikata mill-amministrazzjoni u minn parti sinjifikattiva tal-qrati, li tinkludi l-Corte Suprema di Cassazione, b’mod li l-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja jsir eċċessivament diffiċli għall-persuna taxxabbli, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE.

 Fuq l-ispejjeż

42      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana tilfet u l-Kummissjoni talbet li tiġi kkundannata għall-ħlas. Għalhekk hemm lok li dan l-Istat Membru jiġi kundannat għall-ispejjeż.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

taqta’ u tiddeċiedi :

1)      Billi ma emendatx l-Artikolu 29(2) tal-liġi Nru 428, tad-29 ta’ Diċembru 1990, intitolata “Disposizioni per l’adempimento di obblighi derivanti dall’appartenenza dell’Italia alle Comunità europee (legge comunitaria per il 1990)” [Dispożizzjonijiet biex jitwettqu l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija ta’ l-Italja fil-Komunità Ewropea (liġi Komunitarja għall-1990)], li hija interpretata u applikata mill-amministrazzjoni u minn parti sinjifikattiva tal-qrati, li tinkludi l-Corte Suprema di Cassazione (Italja), b’mod tali li l-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tal-leġiżlazzjoni Komunitarja jsir eċċessivament diffiċli għall-persuna taxxabli, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-Trattat KE.

2)      Ir-Repubblika Taljana hija kundannata għall-ispejjeż.

Skouris

Jann

Timmermans

Gulmann

Cunha Rodrigues

Rosas

Edward

La Pergola

Puissochet

Schintgen

Macken

Colneric

 

      von Bahr

 

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, 9 ta’ Diċembru 2003.

Reġistratur

 

      Il-President

R. Grass

 

      V. Skouris


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top