IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.9.2026
COM(2026) 451 final
2026/0251(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ rigward l-estensjoni tad-data għan-notifika tal-aċċettazzjoni tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ b’rabta mal-estensjoni prevista tal-iskadenza għall-aċċettazzjoni tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015 sal-24 ta’ Ġunju 2027 (il-“Ftehim”)
2.Kuntest tal-Proposta
2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015
Il-Ftehim għandu l-għan li jippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali, jappoġġa r-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni teknika, jistabbilixxi standards ta’ kwalità u kummerċjali, u jħeġġeġ il-konsum tal-prodotti taż-żebbuġ madwar id-dinja. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 u għandu jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2026.
L-Unjoni Ewropea hija parti mill-Ftehim u Membru tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“IOC”).
2.2.Il-Kunsill tal-Membri
Il-Kunsill tal-Membri tal-IOC (“il-Kunsill tal-Membri”) huwa l-ogħla awtorità u korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-IOC u għandu jeżerċita dawn is-setgħat u l-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Ftehim, skont l-Artikolu 7(1)(a) tiegħu. Bħala Parti għall-Ftehim, l-Unjoni Ewropea hija Membru tal-IOC u hija rappreżentata fil-Kunsill tal-Membri. Skont l-Artikolu 32 tal-Ftehim, permezz tal-Kunsill tal-Membri, l-IOC jista’ jemenda dan il-Ftehim b’kunsens. Il-Kunsill tal-Membri għandu jiffissa data sa liema l-membri għandhom jinnotifikaw lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda inkwistjoni.
2.3.L-att previst tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ
Il-Ftehim ġie konkluż oriġinarjament għal perjodu ta’ 10 snin sal-31 ta’ Diċembru 2026.
Matul il-119 sessjoni tiegħu f’Ġunju 2024, il-Kunsill tal-Membri adotta b’kunsens l-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim sabiex jippermetti l-estensjoni tal-Ftehim għal perjodi ta’ ħames snin. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ġiet stabbilita f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar Prodotti Bażiċi (PROBA). Skont l-ippjanar, il-membri kellhom sal-24 ta’ Ġunju 2026 biex jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom. L-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim tkun tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 bil-kundizzjoni li l-membri kollha jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni.
Peress li mhux il-membri kollha kienu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom, matul il-123 sessjoni li seħħet f’Ġunju 2026, il-Kunsill tal-Membri ppropona li jestendi l-perjodu li fih il-membri setgħu jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom sal-24 ta’ Ġunju 2027.
L-għan tal-att previst huwa li jżomm il-proċess ta’ aċċettazzjoni miftuħ sabiex il-membri kollha jkunu jistgħu jlestu l-proċeduri interni tagħhom billi jestendi l-iskadenza biex jinnotifikaw lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Ftehim ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848.
L-Unjoni minn dejjem kienet membru attiv tal-IOC, u huwa fl-interess tagħha li l-Ftehim jiġi estiż. L-Unjoni hija produttur ewlieni taż-żejt taż-żebbuġa kif ukoll sieħba ewlenija fil-kummerċ taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda għal bosta membri tal-IOC.
L-UE tgħodd bħala membru wieħed fi ħdan il-Ftehim. Għall-proċeduri tal-baġit (ara l-Artikolu 11 tal-Ftehim), jiġifieri biex jiġu stabbiliti l-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-membri, l-għadd tal-voti allokati lill-Unjoni huwa ta’ 622 mit-total ta’ 1 000 vot fl-2026.
Il-Kunsill tal-Membri adotta b’kunsens l-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim sabiex jippermetti l-estensjoni tal-Ftehim għal perjodi ta’ 5 snin. Il-membri kellhom sal-24 ta’ Ġunju 2026 biex jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom.
L-iskop ta’ din il-proposta huwa li tikseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex il-Kummissjoni tappoġġa, f’isem l-Unjoni, l-estensjoni tal-iskadenza għall-aċċettazzjoni tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim sal-24 ta’ Ġunju 2027.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jorbtux skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ ġie stabbilit bl-Artikoli 3 u 4 tal-Ftehim u jista’ jintalab jadotta ċertu deċiżjonijiet.
L-att previst, li l-Kunsill tal-Membri għandu s-setgħa li jadotta skont l-Artikolu 32(2) tal-Ftehim, għandu l-effett li jestendi l-proċess ta’ aċċettazzjoni sabiex jippermetti lill-membri kollha li jtemmu l-proċessi interni tagħhom. Jekk id-data ma tiġix estiża, l-emenda, diġà approvata mill-Unjoni, tkun titqies irtirata, f’konformità mal-Artikolu 32(3) tal-Ftehim. L-att previst għalhekk għandu effetti legali.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma marbuta mal-politika kummerċjali komuni (il-kummerċ fi prodotti agrikoli).
Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Peress li l-att previst se jkollu effetti legali, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2026/0251 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ rigward l-estensjoni tad-data għan-notifika tal-aċċettazzjoni tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848. Il-Ftehim jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2026, f’konformità mal-Artikolu 36(1) tiegħu.
(2)Il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, li aġixxa permezz tal-Kunsill tal-Membri fil-119-il sessjoni tiegħu f’Ġunju 2024, emenda l-Artikolu 36 tal-Ftehim b’kunsens, skont l-Artikolu 32(1) tiegħu, sabiex jippermetti l-estensjoni tal-Ftehim għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn 5 snin f’kull okkażjoni. Il-Kunsill tal-Membri ddeċieda li l-Membri kellhom jinnotifikaw lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda sal-24 ta’ Ġunju 2026. L-emenda kienet maħsuba biex tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 bil-kundizzjoni li l-Membri kollha jkunu għamlu tali notifika.
(3)Fil-123 sessjoni tiegħu f’Ġunju 2026, il-Kunsill tal-Membri ppropona li jestendi d-data sa meta l-membri kellhom jinnotifikaw lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim sal-24 ta’ Ġunju 2027.
(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li l-estensjoni tad-data sa meta l-Membri għandhom jinnotifikaw lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim hija fl-interess tal-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ matul sessjoni fil-ġejjieni tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, għandha tkun li jappoġġa l-estensjoni tad-data sa meta l-Membri għandhom jinnotifikaw lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015 sal-24 ta’ Ġunju 2027.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President