Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52026PC0449

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ rigward l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015

COM/2026/449 final

Brussell, 8.9.2026

COM(2026) 449 final

2026/0250(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ rigward l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015 sal-31 ta’ Diċembru 2027 (il-“Ftehim”)

2.Kuntest tal-Proposta

2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015

Il-Ftehim għandu l-għan li jippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali, jappoġġa r-riċerka xjentifika u l-innovazzjoni teknika, jistabbilixxi standards ta’ kwalità u kummerċjali, u jħeġġeġ il-konsum tal-prodotti taż-żebbuġ madwar id-dinja. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 u għandu jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2026.

L-Unjoni Ewropea hija parti mill-Ftehim 1 u Membru tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (“IOC”).

2.2.Il-Kunsill tal-Membri

Il-Kunsill tal-Membri tal-IOC (“il-Kunsill tal-Membri”) huwa l-ogħla awtorità u korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-IOC u għandu jeżerċita dawn is-setgħat u l-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Ftehim, skont l-Artikolu 7(1)(a) tiegħu. Bħala Parti għall-Ftehim, l-Unjoni Ewropea hija Membru tal-IOC u hija rappreżentata fil-Kunsill tal-Membri. Skont l-Artikolu 32 tal-Ftehim, permezz tal-Kunsill tal-Membri, l-IOC jista’ jemenda l-Ftehim b’kunsens.

2.3.L-att previst tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ

F’Novembru 2026, matul il-124 sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-Membri jrid jadotta deċiżjoni rigward l-estensjoni tal-Ftehim (“l-att previst”).

Il-Ftehim ġie konkluż oriġinarjament għal perjodu ta’ 10 snin sal-31 ta’ Diċembru 2026.

Matul il-119-il sessjoni tiegħu f’Ġunju 2024, il-Kunsill tal-Membri adotta b’kunsens l-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim sabiex jippermetti l-estensjoni tal-Ftehim għal perjodi ta’ 5 snin 2 . Skont l-ippjanar, il-membri kellhom sal-31 ta’ Diċembru 2026 biex jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom. L-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim tkun tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 bil-kundizzjoni li l-membri kollha jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni.

Peress li mhux il-membri kollha kienu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom, matul il-123 sessjoni li seħħet f’Ġunju 2026, il-Kunsill tal-Membri ppropona li jestendi l-perjodu li fih il-membri setgħu jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom sal-24 ta’ Ġunju 2027, kif ukoll li jestendi l-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2027.

L-iskop tal-att previst huwa li jippermetti lill-IOC tkompli għaddejja b’ħidmietha għal sena oħra, sal-31 ta’ Diċembru 2027. L-estensjoni tal-perjodu li fih il-membri jistgħu jiddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim hija indirizzata fi proposta separata għal Deċiżjoni tal-Kunsill.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Ftehim ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 3 fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 4 .

L-Unjoni minn dejjem kienet membru attiv tal-IOC, u huwa fl-interess tagħha li l-Ftehim jiġi estiż. L-Unjoni hija produttur ewlieni taż-żejt taż-żebbuġa kif ukoll sieħba ewlenija fil-kummerċ taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda għal bosta membri tal-IOC.

L-UE tgħodd bħala membru wieħed fi ħdan il-Ftehim. Għall-proċeduri tal-baġit (ara l-Artikolu 11 tal-Ftehim), jiġifieri biex jiġu stabbiliti l-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-membri, l-għadd tal-voti allokati lill-Unjoni huwa ta’ 622 mit-total ta’ 1 000 vot fl-2026.

Deċiżjoni formali dwar l-estensjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2027 hija skedata għall-124 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri li għandha sseħħ f’Novembru 2026.

L-iskop ta’ din il-proposta huwa li tikseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex il-Kummissjoni tappoġġa, f’isem l-Unjoni, l-estensjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2027.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jorbtux skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 5 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ ġie stabbilit bl-Artikoli 3 u 4 tal-Ftehim u jista’ jintalab jadotta ċertu deċiżjonijiet.

L-att previst, li l-Kunsill tal-Membri għandu s-setgħa li jadotta skont l-Artikolu 36(2) tal-Ftehim, għandu l-effett li jestendi l-validità tal-Ftehim, li huwa ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni. L-att previst għalhekk għandu effetti legali.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma marbuta mal-politika kummerċjali komuni (il-kummerċ fi prodotti agrikoli).

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att previst se jemenda l-Ftehim, jixraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2026/0250 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ rigward l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015 6 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 7 fit-18 ta’ Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu u ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 8 .

(2)Il-Ftehim jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2026, f’konformità mal-Artikolu 36(1) tiegħu. Il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”) jista’ jestendi l-Ftehim skont l-Artikolu 36(2) tiegħu.

(3)Il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ, li aġixxa permezz tal-Kunsill tal-Membri fil-119-il sessjoni tiegħu f’Ġunju 2024, emenda l-Artikolu 36 tal-Ftehim b’kunsens, skont l-Artikolu 32(1) tiegħu, sabiex jippermetti l-estensjoni tal-Ftehim għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn 5 snin f’kull okkażjoni 9 . Il-Kunsill tal-Membri ddeċieda li l-Membri kellhom jinnotifikaw lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda sal-24 ta’ Ġunju 2026. L-emenda kienet maħsuba biex tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2027 bil-kundizzjoni li l-Membri kollha jkunu għamlu tali notifika.

(4)Fil-123 sessjoni f’Ġunju 2026, il-Kunsill tal-Membri ppropona li jestendi d-data sa meta l-membri kellhom jinnotifikaw lid-depożitarju dwar l-aċċettazzjoni tagħhom tal-emenda sal-24 ta’ Ġunju 2027 10 . Barra minn hekk, ippropona li l-Ftehim jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(5)Fil-124 sessjoni li għandha sseħħ f’Novembru 2026, il-Kunsill tal-Membri għandu jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2027.

(6)Jixraq li fil-124 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, peress li huwa fl-interess tal-Unjoni li l-Ftehim jiġi estiż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ waqt il-124 sessjoni tiegħu li għandha sseħħ f’Novembru 2026, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, hi li jappoġġa l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015 għal perjodu ta’ sena, mill-1 ta’ Jannar 2027 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj ).
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1368 tat-8 ta’ Ġunju 2026 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni, tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L, 2026/1368, 17.6.2026, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1368/oj ).
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1892/oj ).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj ).
(5)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(6)    ĠU L 293, 28.10.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2016/1892/oj .
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1892/oj ).
(8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/848/oj ).
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1368 tat-8 ta’ Ġunju 2026 dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni, tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L, 2026/1368, 17.6.2026, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1368/oj ).
(10)    [ĠU: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/... ta’...dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ rigward l-estensjoni tad-data għan-notifika tal-emenda tal-Artikolu 36 tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda tal-2015 (ĠU L, 2026/..., ..., ELI: …)].
Top