Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52026PC0406

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)

COM/2026/406 final

Brussell, 20.7.2026

COM(2026) 406 final

2026/0226(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) b’rabta mal-adozzjoni prevista tat-termini ta’ referenza għall-Kumitat u s-Sottokumitat tiegħu, li trid tiġi stabbilita wkoll matul il-laqgħa.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

2.1.Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)

Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) jikkostitwixxu strument tad-dritt internazzjonali, adottati skont l-Artikolu 21 tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-2005, li jissostitwixxu r-Regolamenti adottati fl-1969. Dawn daħlu fis-seħħ f’Ġunju 2007. Huma legalment vinkolanti fuq l-Istati Membri kollha tad-WHO, kif ukoll is-Santa Sede, il-Liechtenstein u l-Palestina. Ir-Regolamenti jipprovdu qafas legali ġenerali fil-qasam tas-sigurtà tas-saħħa globali u jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet fit-trattament ta’ avvenimenti u emerġenzi tas-saħħa pubblika li għandhom potenzjal transfruntier.

Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) ġew emendati fl-2014, fl-2022 u fl-2024. L-emendi adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fl-1 ta’ Ġunju 2024, li wasslu għall-iktar reviżjoni sostanzjali tal-istrument mid-dħul fis-seħħ tiegħu, għandhom l-għan li jsaħħu r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19, kif ukoll minn tifqigħat preċedenti. Dawn jiffukaw fuq it-titjib tal-kooperazzjoni u tal-kollaborazzjoni internazzjonali b’rispons għat-theddid għas-saħħa u jipprovdu qafas għal appoġġ imsaħħaħ biex tiġi żgurata implimentazzjoni iktar b’saħħitha tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005).

Il-Kummissjoni nnegozjat l-emendi tal-2024 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) f’isem l-Unjoni, għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, abbażi ta’ awtorizzazzjoni mill-Kunsill stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/451 tat-3 ta’ Marzu 2022 1 . Fis-26 ta’ Mejju 2025, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tistieden lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-emendi tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) li jinsabu fl-Anness tar-Riżoluzzjoni WHA77.17 u adottati fl-1 ta’ Ġunju 2024 2 .

L-Unjoni mhijiex parti għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), peress li r-Regolamenti ma jipprevedux il-possibbiltà ta’ adeżjoni minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika 3 .

L-Istati Membri kollha huma partijiet għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005). Madankollu, in-Netherlands u s-Slovakkja rrifjutaw kemm l-emendi tal-2022 kif ukoll dawk tal-2024 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), filwaqt li l-Italja, ir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija 4 rrifjutaw biss l-emendi tal-2024. 

2.2.Il-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)

Il-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) huwa stabbilit bl-Artikolu 54 bis tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) biex jiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolamenti, b’mod partikolari tal-Artikolu 44 dwar il-Kollaborazzjoni, l-assistenza u l-finanzjament u l-Artikolu 44 bis dwar il-Mekkaniżmu Finanzjarju ta’ Koordinazzjoni. L-Artikolu 54 bis huwa artikolu ġdid, introdott bl-emendi tal-2024 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005).

Skont l-Artikolu 54 bis, il-paragrafi 1 u 2, il-Kumitat għandu, fl-ewwel laqgħa tiegħu, jistabbilixxi Sottokumitat biex jipprovdi parir tekniku u jirrapporta lill-Kumitat innifsu. Barra minn hekk, il-Kumitat għandu jadotta, b’konsensus, it-termini ta’ referenza tiegħu, inkluż il-mod kif il-Kumitat iwettaq il-ħidma tiegħu, u t-termini ta’ referenza għas-Sottokumitat tiegħu.

Skont l-Artikolu 54 bis, il-paragrafu 4, il-Kumitat għandu jadotta wkoll, fl-ewwel laqgħa tiegħu, b’konsensus, it-termini ta’ referenza għall-Mekkaniżmu Finanzjarju ta’ Koordinazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 44 bis tar-Regolamenti, u l-modalitajiet għall-operazzjonalizzazzjoni u l-governanza tiegħu. Il-Kumitat jista’ jadotta wkoll arranġamenti ta’ ħidma meħtieġa ma’ korpi internazzjonali rilevanti, li jistgħu jappoġġaw l-operat tal-Mekkaniżmu Finanzjarju ta’ Koordinazzjoni.

Ma hemm l-ebda proposta disponibbli għal tali termini ta’ referenza. L-ewwel sessjoni tal-Kumitat hija skedata li tibda fil-31 ta’ Awwissu 2026.

2.3.L-att previst tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)

Matul l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) irid jadotta t-termini ta’ referenza tiegħu stess, inkluż il-mod kif il-Kumitat iwettaq il-ħidma tiegħu, kif ukoll it-termini ta’ referenza għas-Sottokumitat tiegħu (“l-atti previsti”).

It-termini ta’ referenza tal-Kumitat u tas-Sottokumitat tiegħu huma previsti li jindirizzaw diversi kwistjonijiet, bħall-organizzazzjoni u t-twettiq tal-laqgħat, il-parteċipazzjoni tal-osservaturi, it-tħejjija tal-aġendi, ir-rappreżentanza, jew il-modalitajiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u għaldaqstant se jinkludu r-regoli ta’ proċedura għall-Kumitat u għas-Sottokumitat tiegħu.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Sabiex tappoġġa l-funzjonament tajjeb tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) u tas-Sottokumitat tiegħu, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni ta’ termini ta’ referenza li jipprevedu l-funzjonament u l-organizzazzjoni effiċjenti, kosteffettivi, trasparenti u ordnati tal-laqgħat tal-Kumitat u tas-Sottokumitat u li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Unjoni bħala osservatur.

Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni bħala osservatur fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), u tas-Sottokumitat tiegħu, hija ta’ importanza partikolari, peress li r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa jinkludu għadd sinifikanti ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet li għalihom l-Unjoni għandha kompetenza, abbażi tal-Artikolu 168(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), moqri flimkien mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 168(1) tat-TFUE, li tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri u li fir-rigward tagħhom jeżistu regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tat-theddid transfruntier serju għas-saħħa skont ir-Regolament (UE) 2022/2371.

4.BAŻI LEGALI

4.1.Bażi legali proċedurali

Il-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri r-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005).

L-atti previsti li l-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) huwa mitlub jadotta se jipproduċu effetti legali skont ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) għall-Unjoni.

Dawn se jiddeterminaw b’mod partikolari jekk organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jistgħux jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) u fis-Sottokumitat tiegħu. Tali atti organizzattivi li jiddeterminaw il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-laqgħat tal-Kumitat u tas-Sottokumitat jipproduċu effetti legali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Barra minn hekk, it-termini ta’ referenza li jridu jiġu adottati mill-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), li r-rwol tiegħu huwa li jiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), se jiddeterminaw il-mod li bih se jiġu adottati d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet. Tali deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet jistgħu jaffettwaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005). F’dan ir-rigward, parti importanti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li huma legalment vinkolanti għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni skont id-dritt internazzjonali, tagħmel parti mill-kwistjonijiet li għalihom l-Unjoni eżerċitat il-kompetenzi tagħha abbażi tal-Artikolu 168(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), moqri flimkien mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 168(1) tat-TFUE, li tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri u li fir-rigward tagħhom jeżistu regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tat-theddid transfruntier serju għas-saħħa skont ir-Regolament (UE) 2022/2371. Il-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) u s-Sottokumitat tiegħu għandhom il-kompetenza li jieħdu deċiżjonijiet, li jista’ jkollhom influwenza fuq il-kontenut tar-regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2022/2371. Għalhekk, l-atti previsti jipproduċu effetti legali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005).

Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-atti previsti huma relatati mal-istabbiliment ta’ qafas strutturat u metodi ta’ ħidma rilevanti għall-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tas-Saħħa Internazzjonali (2005) u s-Sottokumitat tiegħu.

L-iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) huma “li jipprevjenu, iħejju għal, jipproteġu kontra, jikkontrollaw u jipprovdu rispons tas-saħħa pubblika għat-tixrid internazzjonali tal-mard b’modi li huma proporzjonati u ristretti għar-riskji għas-saħħa pubblika, u li jevitaw interferenza bla bżonn fit-traffiku u l-kummerċ internazzjonali”.

Meta jitqiesu l-objettivi u d-dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 168(5) tat-TFUE, li jipprevedi li “l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jadottaw ukoll miżuri ta’ inċentiva għall-protezzjoni u t-titjib tas-saħħa tal-bniedem b’mod partikolari għall-ġlieda kontra l-ikbar flaġelli transkonfinali għas-saħħa, miżuri li jikkonċernaw il-monitoraġġ ta’ theddid transkonfinali serju għas-saħħa, l-allert fuq dan it-theddid u l-ġlieda kontrih”.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 168(5) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2026/0226 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(5) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) daħlu fis-seħħ f’Ġunju 2007, filwaqt li l-emendi tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) adottati fl-1 ta’ Ġunju 2024 mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa daħlu fis-seħħ fid-19 ta’ Settembru 2025, għajr għall-Istati Partijiet li rrifjutaw dawk l-emendi.

(2)L-Unjoni mhijiex parti għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), peress li l-Istati biss jistgħu jkunu Partijiet għalihom. L-Istati Membri kollha huma partijiet għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005).

(3)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1129 5 stiednet lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, mingħajr riżervi, l-emendi tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) adottati fl-1 ta’ Ġunju 2024, sal-punt li l-Unjoni tkun adottat regoli komuni rigward il-kwistjonijiet indirizzati f’dawk l-emendi.

(4)Dawk l-emendi wasslu, fost l-oħrajn, għall-istabbiliment tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), bl-objettiv li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolamenti.

(5)Il-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) huwa skedat li jadotta fl-ewwel laqgħa tiegħu t-termini ta’ referenza tiegħu u t-termini ta’ referenza għas-Sottokumitat tiegħu.

(6)L-atti previsti tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), jekk jiġu adottati, se jipproduċu effetti legali għall-Unjoni, peress li se jiddeterminaw jekk organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jistgħux jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Kumitat tal-Istati Partijiet u fis-Sottokumitat tiegħu. Barra minn hekk, l-atti previsti, jekk jiġu adottati, se jipproduċu effetti legali billi se jiddeterminaw il-mod li bih jittieħdu d-deċiżjonijiet futuri tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) u tas-Sottokumitat tiegħu. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) u tas-Sottokumitat tiegħu li jikkonċernaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), b’mod partikolari ta’ dawk id-dispożizzjonijiet emendati li ġew awtorizzati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1129, jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tar-regoli tal-Unjoni, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , li jipprovdi l-qafas u l-mekkaniżmi fil-livell tal-Unjoni għall-koordinazzjoni u għat-tisħiħ tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal theddid transfruntier serju għas-saħħa ta’ oriġini bijoloġika, kimika, ambjentali u mhux magħrufa.

(7)Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul il-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) fir-rigward tat-termini ta’ referenza għall-Kumitat u għas-Sottokumitat tiegħu.

(8)Il-pożizzjoni tal-Unjoni trid tiġi espressa mill-Istati Membri li huma rrappreżentati fil-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt, fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza għal dak il-Kumitat u għas-Sottokumitat tiegħu, diment li t-testi finali jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)jipprevedu l-funzjonament u l-organizzazzjoni effiċjenti, kosteffettivi, trasparenti u ordnati tal-laqgħat tal-Kumitat u tas-Sottokumitat tiegħu,

(b)jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat u fis-Sottokumitat tiegħu bħala osservatur.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma rrappreżentati fil-Kumitat tal-Istati Partijiet għall-Implimentazzjoni tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt, fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Il-bidliet tekniċi minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 92, 21.3.2022, p. 1.
(2)    ĠU L, 2025/1129, 4.6.2025.
(3)    Jenħtieġ li jiġi nnotat li fl-2022 il-Kummissjoni kienet ressqet proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 64 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) biex l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika jkunu jistgħu jsiru partijiet. Tali proposta ma sabitx il-qbil ta’ xi Stati Membri tal-UE u għaldaqstant ma ġietx inkluża fil-pakkett ta’ emendi proposti tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) ippreżentat mir-Repubblika Ċeka lid-WHO f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fit-30 ta’ Settembru 2022.
(4)    In-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka u l-Awstrija indikaw li ma kinux f’pożizzjoni li jiffinalizzaw il-proċedura domestika tagħhom għall-aċċettazzjoni tal-emendi saż-żmien tad-dħul fis-seħħ tagħhom.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1129 tas-26 ta’ Mejju 2025 li tistieden lill-Istati Membri jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) li jinsabu fl-Anness tar-Riżoluzzjoni WHA77.17 u adottati fl-1 ta’ Ġunju 2024 (ĠU L, 2025/1129, 4.6.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1129/oj ).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2371/oj ).
Top