IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.5.2026
COM(2026) 245 final
2026/0122(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2026/249 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026, l-2027 u l-2028 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2026/249 jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026, l-2027 u l-2028 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal bastimenti tas-sajd tal-UE, f’ċerti ilmijiet mhux tal-UE. Il-proposta temenda dawk l-opportunitajiet tas-sajd biex tqis il-pubblikazzjoni tal-parir xjentifiku, l-eżiti tal-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-laqgħat tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs), u żviluppi oħra. Ir-Regolament (UE) 2026/249 diġà ġie emendat darba għall-istess skop.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Il-miżuri proposti huma konsistenti mal-objettivi u r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) (“ir-Regolament Bażiku”) li jridu jiġu applikati fost l-oħrajn meta jiġu stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd, jiġifieri l-limiti ta’ qbid u tal-isforz tas-sajd. Wieħed mill-objettivi tal-PKS huwa li l-istokkijiet jiġu rrestawrati għal livelli li jistgħu jwasslu għar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) u li jinżammu f’dawk il-livelli. L-għan huwa li jiġi żgurat li s-sajd tal-UE jkun sostenibbli ekoloġikament kif ukoll ekonomikament u soċjalment.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżuri proposti huma konsistenti ma’ politiki oħra tal-UE, b’mod partikolari mad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina”), u għandhom l-għan li jikkontribwixxu biex jintlaħaq status ambjentali tajjeb (GES), b’mod partikolari għad-deskrittur 3, li jirrikjedi li l-ħut u l-frott tal-baħar bil-qoxra kollha sfruttati kummerċjalment ikunu f’limiti bijoloġiċi sikuri.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
Il-bażi legali ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
•Sussidjarjetà
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta talloka opportunitajiet tas-sajd lill-Istati Membri f’konformità mal-objettivi u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Bażiku kif ukoll l-eżitu ta’ konsultazzjonijiet multilaterali jew bilaterali ma’ pajjiżi mhux tal-UE, inkluż fil-kuntest tal-RFMOs. B’riżultat ta’ dan, l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, filwaqt li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet bijoloġiċi u soċjoekonomiċi fis-sajd imħallat, meta jkun possibbli.
Skont l-Artikolu 16(6) u (7) u l-Artikolu 17 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri jridu jiddeċiedu kif l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom jistgħu jiġu allokati lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom f’konformità ma’ ċerti kriterji stabbiliti f’dawk l-Artikoli. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-marġni ta’ diskrezzjoni meħtieġ meta jqassmu l-kwoti allokati, f’konformità mal-mudell soċjali/ekonomiku preferut tagħhom għall-użu tal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għalihom.
•Għażla tal-istrument
Peress li l-proposta temenda regolament eżistenti, l-aktar strument legali xieraq huwa regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari permezz tal-kunsilli konsultattivi, abbażi tal-komunikazzjoni annwali tagħha bit-titolu “Is-sajd sostenibbli fl-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-orjentazzjonijiet għall-2026” (COM(2025) 296 final)”.
Ir-risposti għal dik il-komunikazzjoni annwali esprimew il-fehmiet tagħhom dwar l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-istatus tar-riżorsi u dwar ir-rispons ta’ ġestjoni xieraq. Il-Kummissjoni qieset dawk ir-risposti meta fasslet il-proposta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-gruppi ta’ esperti tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet żviluppaw qafas għall-parir xjentifiku tal-ICES. Dak il-qafas huwa bbażat fuq l-aqwa xjenza disponibbli u ġie rieżaminat bejn il-pari minn esperti indipendenti. Il-parir xjentifiku tal-ICES jinħareġ abbażi ta’ dak il-qafas u bil-għan li jippermetti l-implimentazzjoni tal-objettivi u tar-regoli tar-Regolament Bażiku, kif mitlub mill-Kummissjoni.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-ambitu tal-proposta huwa ċirkoskritt mill-Artikolu 43(3) tat-TFUE.
Din il-proposta tfittex li tevita approċċi għal żmien qasir favur is-sostenibbiltà fit-tul. Tqis l-inizjattivi mill-partijiet ikkonċernati u mill-kunsilli konsultattivi jekk dawn ikunu ġew rieżaminati b’mod pożittiv mill-ICES. Il-proposta ta’ riforma tal-PKS tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt (SEC(2011) 891) li qieset li, filwaqt li l-kisba tal-objettiv tal-MSY kienet kundizzjoni meħtieġa għas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali, dawk it-tliet objettivi ma jistgħux jinkisbu waħedhom.
Fir-rigward tal-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-RFMOs u għall-istokkijiet ġestiti b’mod konġunt ma’ pajjiżi mhux tal-UE, din il-proposta essenzjalment timplimenta miżuri maqbula fil-livell internazzjonali. Kwalunkwe aspett li huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-impatti possibbli tal-opportunitajiet tas-sajd jiġi ttrattat fit-tħejjija u fit-twettiq ta’ negozjati internazzjonali li fihom jiġu maqbula l-opportunitajiet tas-sajd tal-UE ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari dawk rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-miżuri proposti mhu se jkollhom l-ebda implikazzjoni baġitarja.
ELEMENTI OĦRA
•
Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-għan tal-proposta huwa li temenda r-Regolament (UE) 2026/249 kif deskritt hawn taħt.
Inċova fil-Punent tal-ilmijiet Iberiċi tal-Atlantiku
Ir-Regolament (UE) 2026/249 stabbilixxa b’mod proviżorju għal żero l-qabdiet totali permissibbli (TAC) għall-inċova (Engraulis encrasicolus) fil-parti tal-Punent tas-subżona 9 tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) u fis-subżona 10 (il-parti tal-Punent tal-ilmijiet Iberiċi tal-Atlantiku u l-ilmijiet tal-Azores) għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027, sakemm l-ICES jippubblika l-parir xjentifiku tiegħu għall-inċova fil-parti tal-Punent tad-diviżjoni 9a tal-ICES (il-Punent tal-ilmijiet Iberiċi tal-Atlantiku) għal dak il-perjodu.
L-ICES huwa mistenni jippubblika dak il-parir fid-19 ta’ Ġunju 2026. Sakemm jiġi ppubblikat dak il-parir tal-ICES, f’din il-proposta, il-premessa rilevanti hija inkluża b’mod proviżorju fil-parenteżi kwadri, u t-TAC għall-inċova fil-parti tal-Punent tas-subżona 9 tal-ICES u fis-subżona 10 għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027 hija mmarkata “pm” (pro memoria). Hekk kif il-parir tal-ICES isir disponibbli, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaġġornaw il-proposta permezz ta’ dokument informali li jipproponi TAC definittiva għal dak l-istokk u dak il-perjodu abbażi ta’ dak il-parir. Madankollu, jekk jidher li dan ma jippermettix lill-Kunsill jadotta t-TAC definittiva fil-ħin u konsegwentement iwassal għal interruzzjoni temporanja ta’ dan is-sajd mill-1 ta’ Lulju 2026, is-servizzi tal-Kummissjoni minflok se jipproponu TAC proviżorja għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru 2026.
Gamblu tat-Tramuntana fi Skagerrak-Kattegat u fil-Baħar tat-Tramuntana
Ir-Regolament (UE) 2026/249 stabbilixxa b’mod proviżorju għal żero t-TAC għall-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) fl-ilmijiet tal-UE u f’dawk Norveġiżi tad-diviżjoni 3a tal-ICES (Skagerrak-Kattegat) għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027, sakemm l-ICES jippubblika l-parir xjentifiku tiegħu għall-gamblu tat-Tramuntana tad-diviżjonijiet 3a u 4a tal-ICES fil-Lvant (Skagerrak-Kattegat u t-Tramuntana tal-Baħar tat-Tramuntana fil-fossa Norveġiż).
Barra minn hekk, dak ir-Regolament stabbilixxa l-kwota tal-UE għall-gamblu tat-Tramuntana fl-ilmijiet Norveġiżi tal-Baħar tat-Tramuntana fin-Nofsinhar ta’ 62ºN għall-2026 fil-livell maqbul man-Norveġja, fil-livell ta’ 148 tunnellata.
L-ICES huwa mistenni jippubblika l-parir tiegħu għall-gamblu tat-Tramuntana tad-diviżjonijiet 3a u 4a tal-ICES fil-Lvant fit-8 ta’ Ġunju 2026. Wara l-pubblikazzjoni ta’ dak il-parir, l-UE se jkollha konsultazzjonijiet bilaterali man-Norveġja dwar: (i) il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd kumplessivi għall-gamblu tat-Tramuntana tad-diviżjonijiet 3a u 4a tal-ICES fil-Lvant għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027; (ii) il-livell tat-TAC għall-gamblu tat-Tramuntana fid-diviżjoni 3a tal-ICES għal dak il-perjodu; u (iii) trasferiment addizzjonali min-Norveġja lejn l-UE ta’ opportunitajiet tas-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana fl-ilmijiet Norveġiżi tal-Baħar tat-Tramuntana fin-Nofsinhar ta’ 62ºN għall-2026, li, matul konsultazzjonijiet bilaterali dwar l-iskambju ta’ kwoti u arranġamenti ta’ aċċess għall-2026, l-UE u n-Norveġja qablu li jikkunsidraw. Jekk jintlaħaq qbil dwar tali trasferiment addizzjonali min-Norveġja għall-UE, dan jiġi kkumpensat bi trasferiment mill-UE lejn in-Norveġja ta’ opportunitajiet tas-sajd addizzjonali għall-gamblu tat-Tramuntana fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 2, 5, 12 u 14 tal-ICES fl-2026.
Sakemm joħroġ l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bilaterali, f’din il-proposta, it-test tal-premessa rilevanti tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1350 huwa inkluż b’mod proviżorju fil-parenteżi kwadri, u t-TACs għall-gamblu tat-Tramuntana: (i) fl-ilmijiet tal-UE u f’dawk Norveġiżi tad-diviżjoni 3a tal-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027; (ii) fl-ilmijiet Norveġiżi tal-Baħar tat-Tramuntana fin-Nofsinhar ta’ 62ºN għall-2026; u (iii) fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 2, 5, 12 u 14 tal-ICES, huma mmarkati “pm”. Hekk kif ikun magħruf l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bilaterali, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaġġornaw il-proposta permezz ta’ dokument informali li jipproponi dawk it-TACs għal dawk il-perjodi u fil-livelli maqbula man-Norveġja.
Laċċa kaħla fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak-Kattegat
Ir-Regolament (UE) 2026/249 stabbilixxa b’mod proviżorju għal żero t-TACs għal-laċċa kaħla (Sprattus sprattus) u l-qabdiet aċċessorji assoċjati għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027: (i) fl-ilmijiet tal-UE u tar-Renju Unit tas-subżona 4 u tad-diviżjoni 2a tal-ICES (il-Baħar tat-Tramuntana); u (ii) fl-ilmijiet tal-UE u f’dawk Norveġiżi tad-diviżjoni 3a tal-ICES (Skagerrak-Kattegat), sakemm l-ICES jippubblika l-parir xjentifiku tiegħu għal-laċċa kaħla fis-subżona 4 u fid-diviżjoni 3a tal-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027.
L-ICES ippubblika dak il-parir fit-30 ta’ April 2026. Wara l-pubblikazzjoni ta’ dak il-parir tal-ICES, l-UE se twettaq konsultazzjonijiet trilaterali mar-Renju Unit u man-Norveġja dwar: (i) il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd kumplessivi għal dak l-istokk għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027; u (ii) il-livell tat-TACs għal-laċċa kaħla rispettivament fis-subżona 4, fid-diviżjoni 2a u fid-diviżjoni 3a tal-ICES għal dak il-perjodu.
Sakemm ikun għadu pendenti l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet trilaterali, f’din il-proposta, it-test tal-premessa rilevanti tar-Regolament (UE) 2025/1350 huwa inkluż b’mod proviżorju fil-parenteżi kwadri, u t-TACs għal-laċċa kaħla u l-qabdiet aċċessorji assoċjati għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027: (i) fl-ilmijiet tal-UE u tar-Renju Unit tas-subżona 4 u tad-diviżjoni 2a tal-ICES; u (ii) fl-ilmijiet tal-UE u dawk Norveġiżi tad-diviżjoni 3a tal-ICES, huma mmarkati “pm”. Malli jkun magħruf l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet trilaterali, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaġġornaw il-proposta permezz ta’ dokument informali li jipproponi dawk it-TACs għal dak il-perjodu fil-livelli maqbula mar-Renju Unit u man-Norveġja.
Laċċa kaħla fil-Kanal Ingliż
Ir-Regolament (UE) 2026/249 stabbilixxa b’mod proviżorju għal żero t-TAC għal-laċċa kaħla fl-ilmijiet tal-UE u tar-Renju Unit tad-diviżjonijiet 7d u 7e tal-ICES (il-Kanal) għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027, sakemm l-ICES jippubblika l-parir xjentifiku tiegħu għal-laċċa kaħla f’dik iż-żona għal dak il-perjodu.
L-ICES ippubblika dak il-parir fit-30 ta’ April 2026. Wara l-pubblikazzjoni ta’ dak il-parir tal-ICES, l-UE se jkollha konsultazzjonijiet bilaterali mar-Renju Unit dwar il-livell tat-TAC għal dak l-istokk għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027, skont l-Artikoli 498(2), (4) u (6) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni”).
Sakemm ikun għadu pendenti l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bilaterali, f’din il-proposta, it-test tal-premessa rilevanti tar-Regolament (UE) 2025/1350 huwa inkluż b’mod proviżorju fil-parenteżi kwadri, u t-TAC għal-laċċa kaħla fid-diviżjonijiet 7d u 7e tal-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027 hija mmarkata “pm”. Malli jkun magħruf l-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet bilaterali, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaġġornaw il-proposta permezz ta’ dokument informali li jipproponi dik it-TAC għal dak il-perjodu fil-livell maqbul mar-Renju Unit.
Kapelin fl-ilmijiet ta’ Greenland
Wara l-pubblikazzjoni tal-aktar parir xjentifiku riċenti għall-kapelin (Mallotus villosus) fiż-żona tal-Iżlanda-Greenland tal-Lvant-Jan Mayen f’Jannar 2026, Greenland u l-Iżlanda stabbilew TAC u l-kwoti rispettivi tagħhom għal dak l-istokk għall-perjodu mill-15 ta’ Ottubru 2025 sal-15 ta’ April 2026. F’konformità mal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE, minn naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, Greenland offriet opportunitajiet tas-sajd għal dak l-istokk u għal dak il-perjodu ta’ 5 545 tunnellata, li l-UE aċċettat fil-5 ta’ Frar 2026. Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2026/249, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2026/786, stabbilixxa l-kwoti tal-UE u tal-Istati Membri għall-kapelin fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 2, 5, 12 u 14 tal-ICES għall-perjodu mill-15 ta’ Ottubru 2025 sal-15 ta’ April 2026 fil-livell maqbul ma’ Greenland.
Madankollu, Greenland sussegwentement talbet konferma mill-UE li kellha l-intenzjoni li tuża dawk l-opportunitajiet tas-sajd, għaliex inkella jistgħu jintużaw mill-flotta ta’ Greenland biex tiżgura l-aħjar użu tal-kwota. Abbażi tan-nuqqas ta’ interess tal-industrija tas-sajd tagħha, l-UE offriet lil Greenland biex tirkupra dawk l-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, il-kwoti tal-UE u tal-Istati Membri għall-kapelin fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 2, 5, 12 u 14 tal-ICES għall-perjodu mill-15 ta’ Ottubru 2025 sal-15 ta’ April 2026 għandhom jitnaqqsu għal żero kif xieraq.
Bakkaljaw fl-ilmijiet ta’ Greenland
F’konformità mal-Artikolu 11 ta’ dak il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-UE u Greenland, u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 u fil-Kapitolu VI tal-Protokoll ta’ dak il-Ftehim, l-UE u Greenland qablu li jwettqu sajd sperimentali għall-bakkaljaw (Gadus morhua) fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 5 u 14 tal-ICES, fil-Grigal ta’ 42°W għall-perjodu mit-12 ta’ Frar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026. L-għan tas-sajd sperimentali huwa li jiddetermina l-okkorrenza u d-distribuzzjoni potenzjali tal-bakkaljaw f’dik iż-żona. Ġew stabbiliti opportunitajiet tas-sajd ta’ 3 000 tunnellata għal dak is-sajd sperimentali, li minnhom ġew allokati 900 tunnellata lill-UE. Dawk l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jinqabdu biss minn bastimenti involuti fil-qafas ta’ dak is-sajd sperimentali u li jwettqu kampjunar xjentifiku. Dak il-kampjunar xjentifiku se jkollu jitwettaq taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati mill-Istitut tar-Riżorsi Naturali ta’ Greenland. Qed jiġi propost li tiġi stabbilita dik il-kwota tal-UE kif miftiehem ma’ Greenland.
Sakemm jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri dwar il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għal dak l-istokk, qed jiġi propost li l-kwota tal-UE ma tiġix allokata b’mod proviżorju lill-Istati Membri, u li l-Istati Membri kollha jitħallew jistadu għall-kwota tal-UE sakemm din tintuża kollha kemm hi.
Bakkaljaw tat-Tramuntana tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO)
Ir-Regolament (UE) 2026/249 stabbilixxa b’mod proviżorju t-TAC u l-kwota tal-UE għall-bakkaljaw fid-diviżjonijiet 2J, 3K u 3L tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) (il-bakkaljaw fid-diviżjonijiet “2J3KL”, “il-bakkaljaw tat-Tramuntana tan-NAFO”) għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027, sakemm in-NAFO tieħu deċiżjoni li tistabbilixxi dik it-TAC.
F’Ġunju 2026, il-Kanada hija mistennija tippubblika l-parir xjentifiku tagħha għall-bakkaljaw fid-diviżjonijiet 2J3KL għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027. Wara l-pubblikazzjoni ta’ dak il-parir, il-Kanada mistennija tistabbilixxi għall-bastimenti tas-sajd tagħha limitu ta’ qbid għall-bakkaljaw fid-diviżjonijiet 2J3KL tan-NAFO għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027. F’konformità mar-regoli tagħha, in-NAFO trid tistabbilixxi TAC għal dak l-istokk u għal dak il-perjodu, u allokazzjoni lil Partijiet Kontraenti oħra tan-NAFO, inkluż kwota tal-UE, li għandha tinqabad fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO. Dik it-TAC u dik l-allokazzjoni jridu jiġu stabbiliti f’livell fejn il-limitu ta’ qbid stabbilit mill-Kanada jikkorrispondi għal 95 % tat-TAC, u l-allokazzjoni lil Partijiet Kontraenti oħra tan-NAFO tikkorrispondi għal 5 % tat-TAC.
Sakemm tkun għadha pendenti d-deċiżjoni tan-NAFO li tistabbilixxi tali TAC, allokazzjoni lil Partijiet Kontraenti oħra tan-NAFO u kwalunkwe miżura ta’ rkupru għal dak l-istokk, f’din il-proposta t-test tal-premessa rilevanti tar-Regolament (UE) 2025/1350 huwa inkluż b’mod proviżorju fil-parenteżi kwadri, u t-TAC għall-bakkaljaw fid-diviżjoni 2J3KL tan-NAFO għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027 hija mmarkata “pm”. Malli tkun magħrufa d-deċiżjoni tan-NAFO, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaġġornaw il-proposta permezz ta’ dokument informali li jipproponi t-TAC u l-miżuri possibbli ta’ rkupru għal dak il-perjodu f’konformità ma’ dik id-deċiżjoni tan-NAFO.
ICCAT
Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 25-04 tal-ICCAT li tistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran fid-29 laqgħa annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) f’Novembru 2025, fl-4 ta’ Marzu 2026 ġie adottat Regolament Delegat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 66(1)(a) tar-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda l-Artikolu 8(2) tiegħu bil-ħsieb li r-rakkomandazzjoni tiġi inkorporata fid-dritt tal-UE. Dak ir-regolament delegat huwa mistenni jidħol fis-seħħ fl-14 ta’ Mejju 2026. Konsegwentement, l-Istati Membri issa jistgħu jitolbu li jittrasferixxu massimu ta’ 20 %, minflok il-5 % ta’ qabel, tal-kwota annwali tagħhom tat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fil-Lvant ta’ 45°W mis-sena preċedenti għal sena partikolari. Meta l-Istati Membri jagħmlu tali talba, huma meħtieġa jippreżentaw din it-talba lill-Kummissjoni fil-pjan annwali tas-sajd tagħhom. Għall-2026, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta u l-Portugall talbu tali trasferimenti mill-2025. Abbażi ta’ dawk it-talbiet, il-Kummissjoni ppreżentat pjan annwali rivedut tal-UE lis-Segretarjat tal-ICCAT, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2023/2053. Għalhekk, huwa propost li jiġu emendati kif xieraq il-kwoti ta’ dawk l-Istati Membri għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fil-Lvant ta’ 45°W għall-2026. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jaġġornaw il-proposta permezz ta’ dokument informali li jispeċifika r-referenza u d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament delegat adottat fl-4 ta’ Marzu 2026.
F’konformità mal-Artikolu 17b tar-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2026/249, kif emendat bir-Regolament (UE) 2026/786, ittrasferixxa mill-2024 għall-2026 il-kwoti annwali għal ċerti Stati Membri għall-alonga (Thunnus alalunga) fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fit-Tramuntana ta’ 5°N. Il-kwoti ta’ dawk l-Istati Membri għal dak l-istokk għall-2026 ġew emendati kif xieraq bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2026/786. Madankollu, il-kwota tar-Renju Unit għal dak l-istokk għall-2026 ma ġietx emendata biex tqis tali trasferimenti, u għalhekk għandha tiġi emendata kif xieraq.
NPFC
Ir-Regolament (UE) 2026/249, kif emendat bir-Regolament (UE) 2026/786, immarka b’mod proviżorju bħala “għad iridu jiġu stabbiliti” il-limiti ta’ qbid disponibbli għall-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Kummissjoni tas-Sajd tal-Paċifiku tat-Tramuntana (NPFC) għall-bastimenti tat-tkarkir u għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża rispettivament u l-kwota addizzjonali tal-UE għall-kavalli għajnejh kbar (Scomber japonicus) fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-NPFC għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-31 ta’ Mejju 2027, kif ukoll il-limiti tal-isforz assoċjati.
Fil-laqgħa annwali tagħha f’April 2026, l-NPFC stabbiliet dawk il-limiti ta’ qbid għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026, filwaqt li allinjat il-perjodu tas-sajd mas-sena kalendarja. Żiedet ukoll is-sawrella kaħla (Scomber australasicus), li tinħasad flimkien mal-kavalli għajnejh kbar, ma’ dawk il-limiti ta’ qbid.
2026/0122 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2026/249 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026, l-2027 u l-2028 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2026/249 jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2026, l-2027 u l-2028 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni. Dawk l-opportunitajiet tas-sajd, inkluż ċerti miżuri funzjonalment marbuta magħhom, jenħtieġ li jiġu emendati biex tiġi kkunsidrata l-pubblikazzjoni tal-parir xjentifiku, l-eżiti tal-konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-laqgħat tal-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs), u żviluppi oħra.
(2)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara l-pubblikazzjoni tal-parir tal-ICES, jew jekk jidher li tali aġġornament ma jippermettix lill-Kunsill jadotta t-TAC definittiva fil-ħin u konsegwentement iwassal għal interruzzjoni temporanja ta’ dan is-sajd mill-1 ta’ Lulju 2026.] [JEW] [Fid-19 ta’ Ġunju 2026, il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) ippubblika l-parir xjentifiku tiegħu għall-inċova (Engraulis encrasicolus) fil-parti tal-punent tad-diviżjoni 9a tal-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027. Wara l-pubblikazzjoni mill-ICEC ta’ dak il-parir, jenħtieġ li l-qabdiet totali permissibbli (TAC) għall-inċova fil-parti tal-punent tas-subżona 9 u tas-subżona 10 tal-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027 jiġu stabbiliti fil-livell rakkomandat mill-ICES.] [JEW] [Ir-Regolament (UE) 2026/249 stabbilixxa b’mod proviżorju għal żero l-qabdiet totali permissibbli (TAC) għall-inċova (Engraulis encrasicolus) fil-parti tal-Punent tas-subżona 9 u fis-subżona 10 tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Ġunju 2027, sakemm l-ICES jippubblika l-parir xjentifiku tiegħu għall-inċova fil-parti tal-Punent tad-diviżjoni 9a tal-ICES għal dak il-perjodu. Sabiex is-sajd ikun jista’ jkompli sakemm tiġi stabbilita t-TAC definittiva għal dak l-istokk għall-perjodu rilevanti, jenħtieġ li tiġi stabbilita TAC proviżorja għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2026 sat-30 ta’ Settembru 2026 f’livell li jikkorrispondi għal [X].]
(3)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u n-Norveġja.] [Fit-23 ta’ Ġunju 2025, l-Unjoni u n-Norveġja kkonkludew konsultazzjonijiet dwar: (i) il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd kumplessivi għall-gamblu tat-Tramuntana (Pandalus borealis) fid-diviżjonijiet 3a u 4a tal-ICES fil-Lvant għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026; (ii) il-livell tat-TAC għall-gamblu tat-Tramuntana fid-diviżjoni 3a tal-ICES; u (iii) miżuri tekniċi addizzjonali għal dak l-istokk. L-Unjoni pparteċipat f’dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni approvata mill-Kunsill fit-12 ta’ Ġunju 2025. L-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’rekord maqbul iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2025. Għalhekk, jenħtieġ li t-TAC għall-gamblu tat-Tramuntana fid-diviżjoni 3a tal-ICES tiġi stabbilita fil-livell maqbul man-Norveġja, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-miżuri tekniċi addizzjonali maqbula man-Norveġja. Matul dawk il-konsultazzjonijiet, l-Unjoni u n-Norveġja kkunsidraw l-iskambji tal-gamblu tat-Tramuntana fl-ilmijiet Norveġiżi tal-Baħar tat-Tramuntana fin-Nofsinhar ta’ 62o N min-Norveġja lejn l-Unjoni. Madankollu, peress li ma seta’ jintlaħaq l-ebda ftehim dwar trasferimenti addizzjonali tal-gamblu tat-Tramuntana fil-Baħar tat-Tramuntana, l-opportunitajiet tas-sajd mhux allokati għall-gamblu tat-Tramuntana fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 5 u 14 tal-ICES jenħtieġ li jiġu allokati lill-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li l-kwoti tal-Istati Membri għall-gamblu tat-Tramuntana fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 5 u 14 tal-ICES jiġu emendati kif xieraq.]
(4)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja.] [Fil-21 ta’ Mejju 2025, l-Unjoni, ir-Renju Unit u n-Norveġja kellhom konsultazzjonijiet dwar: (i) il-livell tal-opportunitajiet tas-sajd kumplessivi għal-laċċa kaħla (Sprattus sprattus) fis-subżona 4 u d-diviżjoni 3a tal-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026; u (ii) il-livelli tat-TACs għal-laċċa kaħla fl-ilmijiet tal-Unjoni u tar-Renju Unit tas-subżona 4 u tad-diviżjoni 2a tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni u f’dawk Norveġiżi tad-diviżjoni 3a tal-ICES għal dak il-perjodu. L-Unjoni pparteċipat f’dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni approvata mill-Kunsill fit-12 ta’ Mejju 2025. L-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’rekord maqbul iffirmat fil-21 ta’ Mejju 2025. Għalhekk, jenħtieġ li t-TACs rilevanti jiġu stabbiliti fil-livelli maqbula mar-Renju Unit u man-Norveġja.]
(5)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara li jiġu konklużi l-konsultazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.] [Fit-12 ta’ Mejju 2025, l-Unjoni u r-Renju Unit wettqu konsultazzjonijiet bilaterali skont l-Artikolu 498(2), (4) u (6) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, dwar il-livell tat-TAC għal-laċċa kaħla fid-diviżjonijiet 7d u 7e tal-ICES għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026. L-Unjoni pparteċipat f’dawk il-konsultazzjonijiet abbażi tal-pożizzjoni tal-Unjoni approvata mill-Kunsill fit-8 ta’ Mejju 2025. L-eżitu ta’ dawk il-konsultazzjonijiet ġie ddokumentat f’rekord bil-miktub iffirmat fit-22 ta’ Mejju 2025. Għalhekk, jenħtieġ li t-TAC għal-laċċa kaħla fid-diviżjonijiet 7d u 7e għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026 tiġi stabbilita fil-livell maqbul mar-Renju Unit.]
(6)Ir-Regolament (UE) 2026/249, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2026/786, jistabbilixxi l-kwoti tal-Unjoni u tal-Istati Membri għall-kapelin (Mallotus villosus) fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 2, 5, 12 u 14 tal-ICES għall-perjodu mill-15 ta’ Ottubru 2025 sal-15 ta’ April 2026 fil-livell maqbul ma’ Greenland, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra. Madankollu, sussegwentement, abbażi tan-nuqqas ta’ interess tal-industrija tas-sajd tal-Unjoni, l-Unjoni offriet lil Greenland biex tirkupra dawk l-opportunitajiet tas-sajd. Għalhekk, il-kwoti tal-Unjoni u tal-Istati Membri għall-kapelin fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 2, 5, 12 u 14 tal-ICES għall-perjodu mill-15 ta’ Ottubru 2025 sal-15 ta’ April 2026 jenħtieġ li jitnaqqsu għal żero kif xieraq.
(7)F’konformità mal-Artikolu 11 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni u Greenland, u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 u fil-Kapitolu VI tal-Protokoll ta’ dak il-Ftehim, l-Unjoni u Greenland qablu li jwettqu sajd sperimentali għall-bakkaljaw (Gadus morhua) fl-ilmijiet ta’ Greenland tas-subżoni 5 u 14 tal-ICES, fil-Grigal ta’ 42°W għall-perjodu mit-12 ta’ Frar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026. Ġew stabbiliti opportunitajiet tas-sajd ta’ 3 000 tunnellata għal dak is-sajd sperimentali, li minnhom ġew allokati 900 tunnellata lill-Unjoni. Jenħtieġ li dik il-kwota tal-Unjoni tiġi stabbilita kif maqbul ma’ Greenland. Sakemm jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri dwar il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għal dak l-istokk, jenħtieġ li l-kwota tal-Unjoni ma tiġix allokata b’mod proviżorju, u dan jippermetti lill-Istati Membri kollha jistadu l-kwota tal-Unjoni sakemm dik tintuża kollha kemm hi.
(8)[Il-premessa u d-dispożizzjonijiet rilevanti se jiġu aġġornati wara d-deċiżjoni tal-NAFO.] [Fit-18 ta’ Ġunju 2025, il-Kanada adottat limitu ta’ qbid għall-bastimenti tagħha li jistadu għall-bakkaljaw fid-diviżjonijiet 2J, 3K u 3L tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2025 sat-30 ta’ Ġunju 2026. Sussegwentement, fit-23 ta’ Ġunju 2025, in-NAFO adottat TAC għal dak l-istokk u għal dak il-perjodu, u allokazzjoni lil Partijiet Kontraenti oħra tan-NAFO li tikkorrispondi għal 5 % tat-TAC, inkluża kwota tal-Unjoni, li għandha tiġi mistada fiż-Żona Regolatorja tan-NAFO. Barra minn hekk, in-NAFO żammet il-miżuri ta’ rkupru għal dak l-istokk għal dak il-perjodu. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.]
(9)[Il-premessa se tiġi aġġornata wara li jidħol fis-seħħ ir-regolament delegat imsemmi fih.] Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 25-04 tal-ICCAT li tistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran fid-29 laqgħa annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) f’Novembru 2025, fl-4 ta’ Marzu 2026 ġie adottat Regolament Delegat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 66(1)(a) tar-Regolament (UE) 2023/2053 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda l-Artikolu 8(2) tiegħu bil-ħsieb li din ir-rakkomandazzjoni tiġi inkorporata fid-dritt tal-Unjoni. Dak ir-regolament delegat huwa mistenni jidħol fis-seħħ fl-14 ta’ Mejju 2026. B’konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri issa jistgħu jitolbu li jittrasferixxu massimu ta’ 20 % tal-kwota annwali tagħhom tat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fil-Lvant ta’ 45°W mis-sena preċedenti għal sena partikolari. Għall-2026, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta u l-Portugall talbu tali trasferimenti mill-2025. Abbażi ta’ dawk it-talbiet, il-Kummissjoni ppreżentat pjan annwali rivedut tal-Unjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2023/2053. Għalhekk, il-kwoti ta’ dawk l-Istati Membri għat-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT fil-Lvant ta’ 45°W għall-2026 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq.
(10)Fil-laqgħa annwali tagħha f’April 2026, il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Paċifiku tat-Tramuntana (NPFC) stabbiliet limiti ta’ qbid għall-kavall għajnejh kbar (Scomber japonicus) u għas-sawrella kaħla (Scomber australasicus) disponibbli għall-Partijiet Kontraenti kollha tal-NPFC għall-bastimenti tat-tkarkir u għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, rispettivament, għall-perjodu mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2026. Barra minn hekk, għal dak l-istess perjodu, l-NPFC stabbiliet ammont addizzjonali ta’ dawk l-istokkijiet għall-Unjoni. Stabbiliet ukoll limiti tal-isforz assoċjati. Barra minn hekk, l-NPFC stabbiliet miżuri li huma funzjonalment marbuta ma’ dawk il-limiti ta’ qbid u ma’ dak l-ammont addizzjonali, li mingħajrhom: (i) dawk il-limiti ta’ qbid għall-Partijiet Kontraenti kollha tal-NPFC ma setgħux jiġu stabbiliti; u (ii) l-opportunitajiet tas-sajd għall-kavall għajnejh kbar u għas-sawrella kaħla fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-NPFC ikollhom jitnaqqsu biex jiġu protetti l-ispeċijiet mhux fil-mira. Dawk l-opportunitajiet tas-sajd u l-miżuri funzjonalment marbuta jenħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.
(11)Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2026/249 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.
(12)Sabiex jinżammu l-perjodi ta’ rapportar għat-TACs emendati b’dan ir-Regolament, u peress li xi wħud minn dawk it-TACs japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2026, jenħtieġ li t-TACs emendati japplikaw b’mod retroattiv minn dik id-data. Tali applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li t-TACs ikkonċernati jinżammu jew jiżdiedu.
(13)Minħabba l-urġenza li jiġu evitati interruzzjonijiet fl-attivitajiet tas-sajd, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament (UE) 2026/249
L-Anness IA, il-Partijiet A u B, u l-Annessi IB, IC, ID u IM tar-Regolament (UE) 2026/249 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President