IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 23.2.2026
COM(2026) 103 final
2026/0063(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, dwar il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tirrigwarda d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet (“CoP”) tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (“il-Konvenzjoni ta’ Istanbul” jew “il-Konvenzjoni”), b’rabta mal-adozzjoni prevista tal-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul (IC-CP(2026)1 prov). Ir-Regoli ta’ Proċedura tas-CoP jippermettu lill-Kumitat jawtorizza lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-NGOs attivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, biex jibagħtu rappreżentanti bħala osservaturi għal-laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc (ir-Regola 2(3)(c)). L-abbozz ta’ Deċiżjoni jistabbilixxi proċess għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli fil-prattika billi jiddefinixxi proċedura għall-ammissjoni ta’ NGOs fil-laqgħat tiegħu u jispeċifika l-kriterji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ammissjoni.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul
Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul tistabbilixxi sett komprensiv u armonizzat ta’ regoli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika fl-Ewropa u lil hinn minnha. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2014. L-UE ffirmat il-Konvenzjoni f’Ġunju 2017 u lestiet il-proċedura tal-adeżjoni bid-depożitu ta’ żewġ strumenti ta’ approvazzjoni fit-28 ta’ Ġunju 2023, li skattaw id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni għall-UE fl-1 ta’ Ottubru 2023. L-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni u fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement. L-Istati Membri kollha tal-UE ffirmaw il-Konvenzjoni u 22 irratifikawha.
2.2.Il-Kumitat tal-Partijiet
Is-CoP huwa magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet għall-Konvenzjoni. Il-Partijiet iridu jagħmlu ħilithom biex jinnominaw, bħala r-rappreżentanti tagħhom, l-aktar esperti mlaħħqa fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Il-kompiti fdati lis-CoP huma elenkati fir-Regola 1 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Fl-1 ta’ Ottubru 2023 l-UE saret Parti għall-Konvenzjoni, u bħala tali, membru tas-CoP (l-Artikolu 67(1) tal-Konvenzjoni).
Skont l-Artikolu 67(3) tal-Konvenzjoni, is-CoP adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu fl-ewwel laqgħa tiegħu fl-4 ta’ Mejju 2015. Ir-Regola 2(3)(c) tar-Regoli ta’ Proċedura tistabbilixxi li “l-Kumitat jista’ jawtorizza rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, biex jibagħtu rappreżentanti bħala osservaturi għal-laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc”.
2.3.Id-Deċiżjoni prevista dwar il-parteċipazzjoni tal-NGOs bħala osservaturi fil-laqgħat tas-CoP
B’segwitu għal talba ta’ NGO biex tipparteċipa bħala osservatur f’laqgħa tas-CoP, saret diskussjoni preliminari dwar l-approċċ tal-Kumitat għal talbiet bħal dawn fit-18-il laqgħa tas-CoP fil-5 u s-6 ta’ Ġunju 2025, abbażi tad-dokument IC-CP(2025)12. Abbażi ta’ dawn id-diskussjonijiet, is-Segretarjat tas-CoP ikkondivida d-dokument IC-CP(2025)31 f’Ottubru 2025, li jiddeskrivi proċedura possibbli għall-ammissjoni tal-NGOs fil-laqgħat tiegħu u li jipproponi lista ta’ kriterji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet, biex iservi bħala bażi għad-diskussjonijiet fil-laqgħa li jmiss tas-CoP. Id-diskussjonijiet inizjali u l-kummenti bil-miktub mid-delegazzjonijiet, wasslu għal qbil fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Moviment Liberu tal-Persuni (FREMP, Fundamental Rights, Citizens’ Rights and Free Movement of Persons) fis-26 ta’ Novembru 2025, dwar għadd ta’ punti li għandhom jitressqu mill-Kummissjoni f’isem l-UE matul id-diskussjonijiet fil-laqgħa li jmiss tas-CoP. Dawn kienu jinkludu suġġerimenti dwar il-kriterji li għandhom jintużaw meta l-NGOs jiġu ammessi bħala osservaturi, il-ħtieġa għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni ċara u sempliċi (inkluża proċedura bil-miktub kif deskritt fl-IC-CP(2025)12, p. 6) u li l-parteċipazzjoni tal-osservaturi jenħtieġ li tkun fuq bażi ad hoc u limitata għad-diskussjonijiet tematiċi tas-CoP, u b’hekk separata b’mod ċar mid-diskussjonijiet u l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet indirizzati lill-Partijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom tal-Konvenzjoni. Il-COREPER sussegwentement approva dan l-approċċ fit-28 ta’ Novembru 2025 (WK 15858/25).
Matul id-19-il laqgħa tas-CoP fil-11 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni esprimiet il-linja maqbula li għandha tittieħed. Fil-laqgħa ġie deċiż li s-Segretarjat tas-CoP jenħtieġ li jinkorpora dawn il-punti f’abbozz ta’ Deċiżjoni li għandu jiġi adottat permezz ta’ proċedura bil-miktub.
Fis-27 ta’ Jannar 2026, is-Segretarjat tas-CoP ikkondivida l-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-NGOs bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul (IC-CP(2026)1 prov) (“l-att previst”). Is-Segretarjat stieden lill-Partijiet japprovaw il-proposta permezz ta’ proċedura bil-miktub. Ġie kkomunikat ukoll li, sakemm ma jiġux ippreżentati oġġezzjonijiet bil-miktub lis-Segretarjat sas-26 ta’ Marzu 2026, l-att previst jitqies bħala adottat.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Ir-Regoli ta’ Proċedura tas-CoP jippermettu lill-Kumitat jawtorizza lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-NGOs attivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, biex jibagħtu rappreżentanti bħala osservaturi għal-laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc (ir-Regola 2(3)(c)). L-att previst jistabbilixxi proċess għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli fil-prattika billi jiddefinixxi proċedura għall-ammissjoni ta’ NGOs fil-laqgħat tiegħu flimkien mal-kriterji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ammissjoni.
L-ewwel nett, fir-rigward tal-proċedura għall-ammissjoni tal-NGOs għal-laqgħat tas-CoP, huwa propost li d-Deċiżjoni li tiġi ammessa NGO speċifika biex tipparteċipa bħala osservatur ad hoc għandha tiġi deċiża mill-membri kollha tas-CоP. Għal dan l-għan, malli jirċievi talba mingħand NGO u qabel il-laqgħa rilevanti, is-Segretarjat tas-CoP għandu l-obbligu li jorganizza proċedura ta’ qbil taċitu bil-miktub, li titlob approvazzjoni mill-membri kollha tas-CoP. Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni matul din il-proċedura, is-Segretarjat għandu l-obbligu li jinnotifika lill-NGO li l-parteċipazzjoni tagħha bħala osservatur ad hoc tkun ġiet konċessa. Jekk ikun hemm oġġezzjoni, id-deċiżjoni għall-ammissjoni jenħtieġ li tittieħed fil-laqgħa rilevanti tas-CoP, f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura. L-oġġezzjonijiet potenzjali jenħtieġ li jkunu motivati sew, marbuta mal-kriterji ta’ ammissjoni u jsiru f’ċertu limitu ta’ żmien. Jekk ikun possibbli, l-NGO rilevanti mbagħad tiġi nnotifikata immedjatament dwar id-deċiżjoni għall-ammissjoni, u, f’każ ta’ deċiżjoni pożittiva, tiġi mistiedna tipparteċipa fil-punt rilevanti tal-aġenda f’dik il-laqgħa tas-CoP.
It-tieni nett, fir-rigward tal-parteċipazzjoni, huwa propost li l-ammissjoni għall-parteċipazzjoni tkun limitata għad-dibattiti tematiċi tal-Kumitat u li tkun b’parteċipazzjoni fiżika. L-ambitu tal-approvazzjoni għandu jiġi deskritt fid-Deċiżjoni li tikkonċedi l-istatus ta’ osservatur ad hoc u t-terminu “ad hoc” (kif użat fir-Regola 2(3)(c) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat) jista’ jfisser li l-ammissjoni tista’ tiġi konċessa biex tkopri aktar minn laqgħa waħda jekk l-ammissjoni għad-dibattitu tematiku li tkun ġiet konċessa tkun mifruxa fuq diversi laqgħat.
It-tielet, fir-rigward tal-kriterji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ammissjoni, qegħdin jiġu proposti l-kriterji li ġejjin: (a) is-sottomissjoni f’waqtha ta’ talba debitament motivata mill-organizzazzjoni li tkun qiegħda tfittex ammissjoni ad hoc (mill-inqas erba’ ġimgħat qabel il-laqgħa), (b) l-aderenza tal-organizzazzjoni mal-valuri tal-Kunsill tal-Ewropa, (c) l-attività tal-organizzazzjoni fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, u r-rilevanza tal-ħidma tagħha għall-attività ta’ monitoraġġ imwettqa mis-CoP; u (d) ir-reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni jew it-twettiq ta’ attivitajiet tagħha fi Stati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa jew f’pajjiżi li kienu parti għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul jew li esprimew interess li jsiru parti għaliha.
Huwa propost li l-pożizzjoni tal-UE jenħtieġ li tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-NGOs bħala osservaturi fil-laqgħat tas-CoP, kif deskritt fid-dokument IC-CP(2026)1 prov. L-abbozz ta’ Deċiżjoni jirrifletti l-punti mqajma mill-Unjoni fil-laqgħa tas-CoP fil-11 ta’ Diċembru 2025, inkluż, b’mod partikolari, li l-parteċipazzjoni tal-NGOs jenħtieġ li ma tkunx limitata għad-dibattiti tematiċi. Il-proċedura ssuġġerita tidher raġonevoli, effiċjenti u ċara biżżejjed, u l-kriterji proposti huma xierqa u mfassla biex jiżguraw li l-NGOs rilevanti jiġu aċċettati.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat tal-Partijiet huwa korp stabbilit mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul. L-att li l-Kumitat tal-Partijiet qiegħed jintalab jadotta jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst isegwi żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
Fir-rigward ta’ att previst li jkollu għadd ta’ objettivi simultanjament, jew li għandu bosta komponenti, li huma marbutin b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi legali sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet legali korrispondenti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni tal-att previst huwa li jipprovdi gwida dwar kif għandha tiġi applikata r-Regola 2(3)(c) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat fil-prattika, billi jistabbilixxi proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-NGOs biex jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tiegħu u l-kriterji li għandhom jintużaw biex jiġu vvalutati tali applikazzjonijiet. Fir-rigward tal-bażi legali sostantiva, l-UE ssieħbet mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tagħha, jiġifieri kwistjonijiet relatati mal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni u kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement. L-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul seħħet permezz ta’ żewġ Deċiżjonijiet distinti tal-Kunsill biex jittieħed kont tal-pożizzjoni speċjali tad-Danimarka u tal-Irlanda fir-rigward tat-Titolu V tat-TFUE. B’konsegwenza ta’ dan, id-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-CoP fir-rigward tal-att previst trid tinqasam f’żewġ deċiżjonijiet paralleli. Il-bażi legali għal din id-deċiżjoni tikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikolu 82(2), l-Artikolu 84 u l-Artikolu 78(2).
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 82(2), l-Artikolu 84 u l-Artikolu 78(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.
2026/0063 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, dwar il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2), l-Artikolu 84 u l-Artikolu 78(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1075 fir-rigward tal-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika tal-Unjoni, u permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, l-ażil u n-non-refoulement, sa fejn dawn il-materji jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u daħlet fis-seħħ għall-Unjoni fl-1 ta’ Ottubru 2023.
(2)Il-Kumitat tal-Partijiet (“il-Kumitat”) huwa korp tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-Konvenzjoni. Skont l-Artikolu 67(3) tal-Konvenzjoni, il-Kumitat adotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess (“ir-Regoli ta’ Proċedura”). Ir-Regoli ta’ Proċedura jipprevedu li l-Kumitat jista’ jawtorizza lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fil-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, biex jibagħtu rappreżentanti bħala osservaturi għal-laqgħat tiegħu fuq bażi ad hoc (ir-Regola 2(3)(c)). Ir-Regola 2(3)(d) tipprevedi ulterjorment li l-osservaturi ma għandhom l-ebda dritt tal-vot jew ta’ ħlas tal-ispejjeż.
(3)B’segwitu għat-talba ta’ organizzazzjoni mhux governattiva (NGO) biex tipparteċipa f’laqgħa tal-Kumitat bħala osservatur, deher ċar li l-proċedura u l-kriterji għall-ammissjoni tal-NGOs bħala osservaturi ad hoc kellhom jiġu stabbiliti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura rilevanti. Id-diskussjonijiet dwar l-approċċ tal-Kumitat għal talbiet bħal dawn saru fit-18 u d-19-il laqgħa tal-Kumitat f’Ġunju 2025 u Diċembru 2025.
(4)Fis-27 ta’ Jannar 2026, abbażi tad-diskussjonijiet fil-Kumitat, is-Segretarjat tal-Kumitat ikkondivida abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-NGOs bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul (IC-CP(2026)1 prov) (“l-att previst”). Is-Segretarjat stieden lill-Partijiet japprovaw il-proposta permezz ta’ proċedura bil-miktub. Ġie kkomunikat ukoll li, sakemm ma jiġux ippreżentati oġġezzjonijiet bil-miktub lis-Segretarjat sas-26 ta’ Marzu 2026, l-att previst jitqies bħala adottat.
(5)Fir-rigward tal-proċedura proposta, l-att previst jipprevedi li l-Kumitat irid jiddeċiedi dwar l-ammissjoni tal-NGOs bħala osservaturi ad hoc permezz ta’ proċedura ta’ qbil taċitu bil-miktub organizzata mis-Segretarjat qabel il-laqgħa rilevanti, b’deċiżjoni li trid tittieħed fil-laqgħa rilevanti stess f’każ ta’ oġġezzjonijiet. Il-parteċipazzjoni trid tkun limitata għad-dibattiti tematiċi tal-Kumitat u tista’ tkun estiża fuq diversi laqgħat. Il-kriterji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ammissjoni jenħtieġ li jinkludu l-preżentazzjoni f’waqtha tat-talba, l-aderenza tal-organizzazzjoni mal-valuri tal-Kunsill tal-Ewropa, l-attività tagħha fil-qasam tal-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika u r-reġistrazzjoni tagħha jew it-twettiq ta’ attivitajiet tagħha fi stati membri tal-Kunsill tal-Ewropa jew f’pajjiżi li kienu parti għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul jew li esprimew interess li jsiru parti għaliha.
(6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, billi l-att previst se jkun vinkolanti fir-rigward tal-Unjoni taħt id-dritt internazzjonali.
(7)Sabiex jiġu implimentati r-Regoli ta’ Proċedura li jippermettu lill-NGOs jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat fuq bażi ad hoc, il-Kumitat jeħtieġlu jiddeċiedi dwar proċedura għall-ammissjoni tal-NGOs għal-laqgħat tiegħu u li jaqbel dwar lista ta’ kriterji għall-valutazzjoni ta’ tali applikazzjonijiet. Il-proċedura ssuġġerita tidher raġonevoli, effiċjenti u ċara biżżejjed, u l-kriterji proposti jidhru xierqa u mfassla biex jiżguraw li l-NGOs rilevanti biss jiġu aċċettati bħala osservaturi.
(8)Għalhekk, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li ma toġġezzjonax għall-adozzjoni tal-abbozz ta’ Deċiżjoni kif deskritt fid-dokument IC-CP(2026)1 prov.
(9)L-Irlanda mhijiex marbuta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1076 u għalhekk mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
(10)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat tal-Partijiet, stabbilit skont l-Artikolu 67 tal-Konvenzjoni, għandha tkun dik ta’ ebda oġġezzjoni għall-adozzjoni tal-abbozz ta’ Deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kumitat tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul [IC-CP(2026)1 prov].
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President