Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52026PC0021

Proposta emendata għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

COM/2026/21 final

Brussell, 14.1.2026

COM(2026) 21 final

2025/3500(APP)

Proposta emendata għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta għal emenda tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 1 hija ppreżentata flimkien mal-proposta għal Regolament li jistabbilixxi s-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna u li jemenda r-Regolament (UE) 2024/792 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna 2 .

Wara l-invażjoni Russa mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Ukrajna, l-Unjoni pprovdiet appoġġ sostanzjali lill-Ukrajna permezz ta’ sensiela ta’ miżuri finanzjarji. L-Ukrajna se teħtieġ assistenza kontinwa, li jenħtieġ li tingħata skont ir-Regolament il-ġdid propost li jistabbilixxi s-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna.

L-emenda tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 se testendi l-garanzija baġitarja attwalment applikata, bħala regola, għal self lill-Ukrajna taħt l-istrument tal-AMF+, 3 il-Faċilità għall-Ukrajna 4 u l-AMF lill-Ukrajna taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna 5 biex tkopri wkoll l-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna skont ir-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li dik il-garanzija tiżgura li r-riżorsi meħtieġa jkunu dejjem disponibbli fil-ħin sabiex l-Unjoni tkun tista’ tissodisfa l-obbligi finanzjarji kollha tagħha lejn il-kredituri tagħha. Għaldaqstant, jekk l-Unjoni jkollha tonora l-obbligi ta’ ripagament mir-riżorsi tal-baġit tal-Unjoni - fil-każ li Stat benefiċjarju jonqos milli jipprovdi l-pagament dovut fil-ħin - l-ammonti meħtieġa jiġu mobilizzati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP sal-limiti massimi tar-riżorsi proprji (mill-hekk imsejjaħ “marġni ta’ manuvra”).

Il-kopertura baġitarja mill-marġni ta’ manuvra jenħtieġ li tapplika għall-assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self lill-Ukrajna ta’ ammont ta’ EUR 90 000 000 000 li għandu jiġi implimentat f’kooperazzjoni msaħħa.

L-appoġġ ta’ self għall-Ukrajna

Sabiex jipprovdi appoġġ konċessjonali lill-Ukrajna u jevita li jżid pressjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi tal-Ukrajna, il-baġit tal-Unjoni se jkopri l-kostijiet li jirriżultaw mis-self għal self billi jipprovdi sussidju għall-kostijiet tat-teħid b’self. Dawn il-kostijiet jinkludu l-kostijiet tas-servizz tad-dejn (il-kost tal-finanzjament u l-kostijiet tal-ħruġ u l-ġestjoni tal-likwidità) u l-kostijiet amministrattivi assoċjati. Il-kostijiet tas-servizz tad-dejn se jiġu ffinanzjati taħt strument speċjali tematiku ġdid, l-Istrument ta’ Self għall-Ukrajna, lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP. Meta jiġi mobilizzat l-Istrument ta’ Self għall-Ukrajna fil-qafas tal-proċedura baġitarja, se jiġu kkunsidrati d-disponibbiltajiet baġitarji fi strumenti speċjali oħra, ir-regoli settorjali applikabbli, kwalunkwe obbligu legali jew obbligu ieħor inkluż taħt l-Istrument EURI, il-prijoritajiet, l-ibbaġitjar prudenti u l-ġestjoni finanzjarja tajba.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

L-Artikolu 312 tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali għall-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-inizjattiva taqa’ fl-ambitu ta’ qasam ta’ politika fejn l-UE għandha setgħat esklużivi (skont l-Artikolu 312 TFUE). Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Il-bidliet huma proporzjonati għall-ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit strument li jipprovdi appoġġ lill-Ukrajna, li jista’ jiġi implimentat biss ladarba tkun ġiet stabbilita l-kopertura baġitarja għas-self lill-Ukrajna.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kapitolu I – dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 2 – Konformità mal-limiti massimi tal-QFP

Skont id-dispożizzjonijiet eżistenti tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 l-ammonti meħtieġa biex jiġu onorati l-obbligi ta’ ripagament tal-Unjoni taħt operazzjonijiet ta’ għoti u teħid b’self f’każ li l-Unjoni ma tirċevix mill-istat benefiċjarju l-pagament dovut fil-ħin (jiġifieri l-mobilizzazzjoni ta’ garanzija għal assistenza finanzjarja lill-Istati Membri u l-Ukrajna) jiġu mobilizzati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP.

L-ammont mobilizzat ma jistax jirriżulta f’li jinqabżu l-limiti massimi tar-riżorsi proprji. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni li testendi l-kopertura baġitarja mill-marġni ta’ manuvra għall-garanzija għal assistenza finanzjarja lill-Ukrajna skont ir-Regolament dwar is-Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna hija kompatibbli mal-Artikolu 312, il-paragrafi 1 u 3 tat-TFUE, li skonthom il-QFP “għandu jassigura li l-infiq tal-Unjoni jiżviluppa b’mod ordnat u fil-limiti tar-riżorsi proprji tagħha”, u “għandu jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit”.

Kapitolu 3 – Strumenti speċjali

Taqsima 1 – Strumenti speċjali tematiċi

Artikolu 10c – Strument ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna

Dan l-Artikolu l-ġdid huwa introdott biex jipprevedi l-“Istrument ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna”, strument speċjali tematiku ġdid.

L-entrati speċifiċi tan-nefqa li għalihom jista’ jintuża l-Istrument ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna huma l-kostijiet tas-servizz tad-dejn, li jinkludu l-kostijiet tal-finanzjament u l-kostijiet tal-ħruġ u l-ġestjoni tal-likwidità, dovuti fir-rigward tal-fondi mislufa fis-swieq kapitali għal self lill-Ukrajna li għandu jiġi implimentat f’kooperazzjoni msaħħa.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Billi testendi l-mobilizzazzjoni ta’ garanzija għall-assistenza finanzjarja lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP lill-Ukrajna għall-assistenza finanzjarja proposta flimkien mal-assistenza finanzjarja lill-Istati Membri tal-UE u lill-Ukrajna taħt l-istrument tal-AMF +, il-Faċilità għall-Ukrajna u l-AMF lill-Ukrajna taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna, il-proposta se tippermetti użu aktar effiċjenti tar-riżorsi baġitarji taħt il-limiti massimi tal-QFP. Il-possibbiltà li tiġi mobilizzata l-garanzija lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP toffri kopertura sħiħa tal-assistenza finanzjarja disponibbli għall-Ukrajna f’konformità mar-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fis-snin li ġejjin, f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

L-istrument speċjali “Strument ta’ Self għall-Ukrajna” inkluż f’din il-proposta se jiġi mobilizzat fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 tat-TFUE, għall-ammonti stabbiliti f’konformità mal-proċeduri applikabbli stabbiliti fl-atti bażiċi rilevanti. Matul il-perjodu attwali tal-QFP, il-fondi mislufa għall-finanzjament tas-self lill-Ukrajna huma mistennija li jwasslu għal kostijiet tas-servizz tad-dejn, fatturati fl-2027, li l-kopertura tagħhom tista’ tirrikjedi l-mobilizzazzjoni tal-istrument speċjali “Strument ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna”. Meta jiġi mobilizzat l-Istrument ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, se jiġu kkunsidrati d-disponibbiltajiet baġitarji fi strumenti speċjali oħra, ir-regoli settorjali applikabbli, kwalunkwe obbligu legali jew obbligu ieħor inkluż taħt l-Istrument EURI, il-prijoritajiet, l-ibbaġitjar prudenti u l-ġestjoni finanzjarja tajba.

Peress li n-nefqa fir-rigward tal-istrumenti speċjali tiddaħħal fil-baġit “lil hinn” mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP, din il-proposta ma għandhiex impatt fuq il-limiti massimi tal-QFP.

2025/3500 (APP)

Proposta emendata għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew6

Filwaqt li jaġixxi f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Wara l-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni appoġġat lill-Ukrajna b’sensiela ta’ miżuri finanzjarji.

(2)L-Ukrajna ser teħtieġ assistenza finanzjarja u ekonomika kontinwa b’mod prevedibbli, kontinwu, ordnat, flessibbli u f’waqtu li tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħha b’mod partikolari li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. Għal dak l-għan, l-Unjoni stabbiliet strument ġdid skont ir-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Skont dak l-istrument, l-assistenza finanzjarja prevista tiġi pprovduta fil-forma ta’ self. 

(3)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) XXX 6 awtorizzat kooperazzjoni msaħħa għall-istabbiliment ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna ta’ ammont ta’ EUR 90 000 000 000. . Skont l-Artikolu 332 TFUE, in-nefqa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa għandha titħallas mill-Istati Membri parteċipanti. Il-kostijiet amministrattivi relatati mal-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe kooperazzjoni msaħħa jenħtieġ li jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni.

(4)Għal dak il-għan, il-garanzija tal-baġit tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi estiża biex tkopri l-assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self lill-Ukrajna ta’ EUR 90 000 000 000 implimentata f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li dik il-garanzija tiżgura li r-riżorsi meħtieġa jkunu dejjem disponibbli fil-ħin sabiex l-Unjoni tkun tista’ tissodisfa l-obbligi finanzjarji kollha tagħha lejn il-kredituri tagħha.

(5)Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu mobilizzati l-approprjazzjonijiet meħtieġa fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali għal assistenza finanzjarja addizzjonali lill-Ukrajna. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu li jiġi rispettat il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053.

(6)Bil-ħsieb li jingħata appoġġ lill-Ukrajna fuq bażi konċessjonali ħafna, huwa xieraq li jiġi stabbilit strument speċjali tematiku ġdid – “l-Istrument ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna”, li jippermetti l-finanzjament tal-kostijiet tas-servizz tad-dejn. Il-kostijiet tas-servizz tad-dejn jinkludu l-ispiża tal-finanzjament u l-ispejjeż tal-ħruġ u l-ġestjoni tal-likwidità, dovuti fir-rigward tal-fondi mislufa fis-swieq kapitali għal self lill-Ukrajna li għandu jiġi implimentat f’kooperazzjoni msaħħa. Minħabba li l-kostijiet tas-servizz tad-dejn relatati mas-self lill-Ukrajna huma mistennija li jibdew jiġu fatturati fl-aħħar sena tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027, huwa xieraq li jitqiesu d-disponibbiltajiet baġitarji fi strumenti speċjali oħra filwaqt li jitqiesu r-regoli settorjali applikabbli, kwalunkwe obbligu legali jew obbligu ieħor inkluż skont l-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093, 7 il-prijoritajiet, l-ibbaġitjar prudenti u l-ġestjoni finanzjarja tajba, meta jiġi mobilizzat l-Istrument ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna fil-qafas tal-proċedura baġitarja. 

(7)Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta mill-ħtiġijiet eċċezzjonali tal-Ukrajna fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja, huwa meqjus xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(8)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 jiġi emendat skont dan.

(9)Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 huwa emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Fejn ikun meħtieġ li jintużaw ir-riżorsi mill-istrumenti speċjali previsti fl-Artikoli 8, 9, 10, 10a, 10b, 10c u 12, l-approprjazzjonijiet ta' impenn u approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP.

(b)fil-paragrafu 3 Fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fejn ikun meħtieġ li tiġi mobilizzata garanzija għall-assistenza finanzjarja fil-forma ta’ self lill-Ukrajna li għandha tiġi implimentata f’kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 223(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-ammont meħtieġ għandu jiġi mobilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP. ”

(2)jiddaħħal l-Artikolu 10c li ġej:

“Artikolu 10c

Strument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna

L-Istrument ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jista’ jintuża għall-iskop uniku li jiffinanzja l-kostijiet tas-servizz tad-dejn ta’ self lill-Ukrajna li għandu jiġi implimentat f’kooperazzjoni msaħħa. L-Istrument ta’ Self ta’ Appoġġ għall-Ukrajna jista’ jiġi mmobilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja prevista fl-Artikolu 314 TFUE.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027, ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11.
(2)    Ir-Regolament (UE) XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ XXX dwar l-istabbiliment tas-Self b’Rikors Limitat għall-Ukrajna (ĠU XXX).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2463/oj ).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj ).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2022/2463 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi strument għall-għoti ta’ appoġġ lill-Ukrajna għall-2023 (assistenza makrofinanzjarja +) (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2463/oj ).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2026/ (ĠU L …, ELI: …).
(7)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sa 2027 ( ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11 ).
Top